Laikos

 

MESSAĠĠ TAL‑QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

GĦALL‑ĠURNATA MISSJUNARJA 2022

 

“Tkunu xhieda tiegħi” (Atti 1:8)

 

Għeżież ħuti,

 

Dawn il‑kelmiet insibuhom fl‑aħħar laqgħa ta’ Ġesù rxoxt mad‑dixxipli tiegħu, qabel ma tela’ s‑sema, kif insibuha fl‑Atti tal‑Appostli: “Meta jiġi fuqkom l‑Ispirtu s‑Santu, intom tirċievu l‑qawwa, u tkunu xhieda tiegħi f’Ġerusalemm, fil‑Lhudija kollha u s‑Samarija u sa truf l‑art” (1:8). U dan huwa wkoll is‑suġġett tal‑Ġurnata Missjunarja 2022, li bħal dejjem jgħinna ngħixu l‑fatt li l‑Knisja min‑natura tagħha, hija waħda missjunarja. Din is‑sena, din il‑ġurnata qed tagħtina l‑opportunità li nfakkru xi rikorrenzi importanti għall‑ħajja u l‑missjoni tal‑Knisja: it‑twaqqif, 400 sena ilu, tal‑Kongregazzjoni de Propaganda Fide – illum għall‑Evanġelizzazzjoni tal‑Popli – u, 200 sena ilu, tal‑Opra tal‑Propagazzjoni tal‑Fidi, li, flimkien mal‑Opra tas‑Santa Infanzja u mal‑Opra ta’ San Pietru Appostlu, 100 sena ilu ġew rikonoxxuti bħala “Pontifiċji”.

 

Ejja nieqfu fuq dawn it‑tliet espressjonijiet importanti li fihom jiġbru t‑tliet pedamenti tal‑ħajja u tal‑missjoni tad‑dixxipli: “Tkunu xhieda tiegħi”, “sa truf l‑art” u “jiġi fuqkom l‑Ispirtu s‑Santu”.

 

1. “Tkunu xhieda tiegħi” – Is‑sejħa ta’ kull Nisrani li jkun xhud ta’ Kristu

 

Dan huwa l‑fulkru, il‑qofol tat‑tagħlim ta’ Ġesù lid‑dixxipli fejn tidħol il‑missjoni tagħhom fid‑dinja. Id‑dixxipli kollha se jkunu xhieda ta’ Ġesù bis‑saħħa tal‑Ispirtu s‑Santu li se jirċievu: u dan se jagħmluh permezz tal‑grazzja. Kull fejn se jmorru, kull fejn se jkunu. Bħalma Kristu hu l‑ewwel mibgħut, jiġifieri missjunarju tal‑Missier (ara Ġw 20:21), u għalhekk huwa “x‑xhud fidil” tiegħu (ara Apok 1:5), hekk kull Nisrani huwa msejjaħ ikun missjunarju u xhud ta’ Kristu. U l‑Knisja, il‑komunità tad‑dixxipli ta’ Kristu, m’għandha l‑ebda missjoni oħra jekk mhux dik li tevanġelizza d‑dinja, billi tkun xhieda ta’ Kristu. L‑identità tal‑Knisja hi li tevanġelizza.

 

Xħin naqrawha mill‑ġdid, iktar mill‑qrib, naqraw ċar xi aspetti dejjem attwali li għandha l‑missjoni li Kristu fada f’idejn id‑dixxipli: “Tkunu xhieda tiegħi”. Il‑plural juri l‑karattru komunitarju‑ekkleżjali li għandha din is‑sejħa missjunarja lid‑dixxipli. Kull mgħammed hu msejjaħ għall‑missjoni tal‑Knisja u għandu mandat mill‑Knisja: il‑missjoni għalhekk issir flimkien, mhux b’mod individwali, f’għaqda mal‑komunità ekkleżjali u mhux b’inizjattiva personali. U anki jekk ikun hemm min, f’xi sitwazzjoni partikulari, qed iwettaq il‑missjoni tal‑evanġelizzazzjoni waħdu, hu jagħmilha u għandu jibqa’ jagħmilha f’għaqda mal‑Knisja li minnha kien mibgħut. Bħalma jgħallimna San Pawlu VI fl‑Eżortazzjoni Appostolika Evangelii nuntiandi, dokument għal qalbi ħafna: “L‑evanġelizzazzjoni mhi għal ħadd att individwali u iżolat; hija ħidma profondament ‘ekkleżjali’ (tal‑ġemgħa).  Meta xi predikatur, anki l‑inqas magħruf, xi katekista jew ragħaj fl‑ibgħad rokna tad‑dinja jiġbor il‑komunità ċkejkna tiegħu jew jamministra Sagrament, anki jekk waħdu, huwa jkun qed jagħmel att ekkleżjali u għemilu hu ċertament marbut mal‑opra evanġelizzatriċi strutturali, iżda wkoll bir‑rabtiet profondi li ma jidhrux, fl‑ordni tal‑grazzja” (n. 60). Fil‑fatt, mhuwiex b’kumbinazzjoni li l‑Mulej Ġesù bagħat lid‑dixxipli tiegħu tnejn tnejn; meta l‑Insara jkunu xhieda ta’ Kristu, dan qed jagħmluh fuq kollox bi spirtu komunitarju. Minn hawn ġejja l‑importanza fundamentali tal‑preżenza ta’ komunità, anki ċkejkna, li tmexxi ’l quddiem il‑missjoni.

 

It‑tieni nett, lid‑dixxipli qed issirilhom sejħa biex jgħixu l‑ħajja personali tagħhom bħala missjoni: huma mibgħuta minn Ġesù biex imorru fid‑dinja mhux biss biex iwettqu l‑missjoni, imma wkoll, u fuq kollox, biex jgħixu l‑missjoni fdata f’idejhom; mhux biss biex jagħtu xhieda, imma wkoll u fuq kollox biex ikunu xhieda ta’ Kristu. Bħalma jgħid l‑Appostlu San Pawl bi kliem li jmiss tassew il‑qalb: “F’ġisimna dejjem inġorru l‑mewt ta’ Ġesù, biex f’ġisimna tidher ukoll il‑ħajja ta’ Ġesù” (2 Kor 4:10). Il‑qofol tal‑missjoni jinsab fix‑xhieda għal Kristu, jiġifieri għal ħajtu, il‑passjoni, il‑mewt u l‑qawmien għall‑imħabba tal‑Missier u tal‑umanità. Mhijiex kumbinazzjoni li l‑Appostli fittxew dak li kellu jieħu post Ġuda fost dawk li, bħalhom, raw b’għajnejhom il‑qawmien (ara Atti 1:22). Huwa Kristu, u Kristu rxoxt, dak li għalih għandna nagħtu xhieda u hi l‑ħajja tiegħu li għandna naqsmu mal‑oħrajn. Il‑missjunarji ta’ Kristu mhumiex imsejħa jwasslu lilhom infushom, juru l‑kwalitajiet tagħhom u l‑kapaċitajiet li jipperswadu jew it‑talenti bħala mexxejja. Għandhom, iżda, l‑unur tant importanti li jwasslu lil Kristu, permezz tal‑kliem u ta’ mġibithom, billi jxandru lil kulħadd il‑Bxara t‑Tajba tas‑salvazzjoni li ġabilna, b’ferħ u b’verità, bħall‑ewwel Appostli.

 

Għalhekk, nikkonkludu li l‑veru xhud hu “l‑martri”, dak li li jagħti ħajtu għal Kristu, billi jrodd lura r‑rigal li għamlilna hu stess meta tana lilu nnifsu. “L‑ewwel motivazzjoni għall‑evanġelizzazzjoni hi l‑imħabba ta’ Ġesù li aħna rċivejna, l‑esperjenza tal‑fidwa li hu ġabilna u li ssuqna biex inħobbuh dejjem iżjed” (Evangelii gaudium, 264).

 

Fl‑aħħar nett, meta nitkellmu dwar ix‑xhieda Nisranija, tibqa’ dejjem valida l‑osservazzjoni ta’ San Pawlu VI: “Il‑bniedem modern jisma’ iżjed bil‑qalb lix‑xhieda milli lill‑għalliema, u jekk jisma’ lill‑għalliema, dan jagħmlu għaliex huma xhieda” (Evangelii nuntiandi, 41). Għalhekk importanti, fix‑xandir tal‑fidi, ix‑xhieda ta’ ħajja evanġelika tal‑Insara. Min‑naħa l‑oħra, jibqa’ daqshekk ieħor bżonnjuż ix‑xandir tal‑persuna ta’ Kristu u tal‑messaġġ tiegħu. Fil‑fatt, l‑istess Pawlu VI jżid: “Il‑predikazzjoni, ix‑xandir ta’ messaġġ bil‑kliem, hu dejjem indispensabbli. […] Il‑kelma tibqa’ dejjem f’lokha, speċjalment meta tkun qed twassal is‑setgħa ta’ Alla.  Għalhekk dak li San Pawl jgħidilna:  ‘Il‑Fidi tiġi mis‑smigħ’ (Rum 10:17) huwa f’loku anki llum: hija l‑Kelma mismugħa li twassal għat‑twemmin” (ibid., 42).

 

Fl‑evanġelizzazzjoni, għaldaqstant, l‑eżempju tal‑ħajja Nisranija u x‑xandir ta’ Kristu jimxu id f’id. Wieħed jgħin lill‑ieħor. Huma ż‑żewġ pulmuni li bihom tieħu n‑nifs kull komunità biex tkun missjunarja. Din ix‑xhieda sħiħa ta’ Kristu, xhieda koerenti u mimlija ferħ, żgur li tkun qawwa li tiġbed sabiex il‑Knisja tikber anki fit‑tielet millennju. Inħeġġeġ għalhekk lil kulħadd biex jerġa’ jagħmel tiegħu l‑kuraġġ, il‑freskezza, dik il‑parresia li kellhom l‑ewwel Insara, biex jixhdu lil Kristu bi kliemhom u mġibithom, f’kull qasam tal‑ħajja.

 

2. “Sa truf l‑art” – L‑attwalità dejjiema ta’ missjoni ta’ evanġelizzazzjoni universali

 

Meta ħeġġeġ lid‑dixxipli biex ikunu xhieda tiegħu, il‑Mulej irxoxt ħabbrilhom fejn kien qed jibgħathom: “F’Ġerusalemm, fil‑Lhudija kollha u s‑Samarija u sa truf l‑art” (Atti 1:8). Hawn tidher ċara l‑karatteristika universali fil‑missjoni tad‑dixxipli. Qed tingħata importanza liċ‑ċaqliq ġeografiku li miċ‑ċentru jieħu ’l barra, kważi forma ta’ ċrieki ħerġin mill‑istess ċentru, minn Ġerusalemm, li fit‑tradizzjoni Lhudija kienet titqies bħala ċ‑ċentru tad‑dinja, lejn il‑Lhudija u s‑Samarija, sa “truf l‑art”. Mhumiex mibgħuta biex jikkonvertu, iżda biex ixandru; in‑Nisrani m’għandux ikun proselita. L‑Atti tal‑Appostli jirrakkuntawlna dan iċ‑ċaqliq missjunarju: jagħtuna stampa sabiħa ħafna tal‑Knisja “li toħroġ” biex twettaq il‑vokazzjoni tagħha li tkun xhieda ta’ Kristu l‑Mulej, immexxija mill‑providenza divina permezz taċ‑ċirkustanzi konkreti tal‑ħajja. L‑ewwel Insara, fil‑fatt, kienu ppersegwitati f’Ġerusalemm u għalhekk xterdu mal‑Lhudija u mas‑Samarija u kullimkien kienu xhieda ta’ Kristu (ara Atti 8:1,4).

 

Xi ħaġa simili għadha tiġri llum fi żmienna. Minħabba l‑persekuzzjonijiet reliġjużi u s‑sitwazzjonijiet ta’ gwerer u vjolenza, ħafna Nsara jkollhom jaħarbu minn arthom u jerħulha lejn pajjiżi oħra. Inroddu ħajr lil dawn ħutna li ma jingħalqux fit‑tbatija imma li jkunu xhieda ta’ Kristu u tal‑imħabba ta’ Alla fil‑pajjiżi li jilqgħuhom. Hekk kien iħeġġeġ San Pawlu VI u kien jaraha bħala “responsabbiltà tal‑emigranti li jmorru jgħixu f’artijiet li jilqgħuhom” (Evangelii nuntiandi, 21). Fil‑fatt, qed inħossu dejjem iktar kemm il‑preżenza tal‑fidili minn nazzjonalitajiet differenti qed jagħnu lill‑parroċċi u jagħmluhom iktar universali, iktar Kattoliċi. Għaldaqstant, il‑kura pastorali lejn il‑migranti hija xogħol missjunarju li m’għandniex ninsew, u li jista’ jgħin ukoll lill‑fidili lokali biex jiftakru fil‑ferħ tal‑fidi Nisranija li huma rċevew.

 

Il‑kelmiet “sa truf l‑art” għandhom imissu l‑qalb tad‑dixxipli ta’ Ġesù ta’ kull żmien u għandhom jixprunawhom dejjem biex imorru lil hinn mill‑imkejjen tas‑soltu biex iwasslu x‑xhieda tiegħu. Minkejja l‑ħafna għajnuna ġejja mill‑progressi tal‑modernità, sal‑lum għadhom jeżistu żoni ġeografiċi li fihom għadhom ma waslux il‑missjunarji xhieda ta’ Kristu u tal‑Bxara t‑Tajba tal‑imħabba tiegħu. Min‑naħa l‑oħra, mhux se jkun hemm l‑ebda realtà umana li mhux se tingħata l‑attenzjoni mid‑dixxipli ta’ Kristu fil‑missjoni tagħhom. Il‑Knisja ta’ Kristu kienet, hi, u dejjem se tkun “qed toħroġ” lejn orizzonti ġeografiċi, soċjali u eżistenzjali ġodda, u timxi lejn l‑inħawi u s‑sitwazzjonijiet umani “tal‑konfini”, biex ikunu xhieda ta’ Kristu u tal‑imħabba tiegħu lejn kull bniedem ta’ kull poplu, kultura u stat soċjali. F’dan is‑sens, il‑missjoni dejjem tkun ukoll missio ad gentes, bħalma għallimna l‑Konċilju Vatikan II, għaliex il‑Knisja għandha dejjem tmur lil hinn, lil hinn mill‑konfini tagħha, biex tixhed lil kulħadd l‑imħabba ta’ Kristu. Nixtieq għalhekk infakkar u nrodd ħajr lill‑ħafna missjunarji li taw ħajjithom biex marru “lil hinn”, billi għexu tassew il‑karità ta’ Kristu lejn il‑ħafna aħwa li ltaqgħu magħhom.

 

3. “Jiġi fuqkom l‑Ispirtu s‑Santu” – Dejjem inħallu lill‑Ispirtu jqawwina u jmexxina.

 

Meta ħabbar lid‑dixxipli l‑missjoni tagħhom li jkunu xhieda, Kristu rxoxt wegħedhom ukoll il‑grazzja li tmur ma’ responsabbiltà hekk kbira: “Jiġi fuqkom l‑Ispirtu s‑Santu u tkunu xhieda tiegħi” (Atti 1:8). Fil‑fatt, skont ir‑rakkont tal‑Atti, kien eżatt wara li niżel l‑Ispirtu s‑Santu fuq id‑dixxipli ta’ Ġesù li seħħ l‑ewwel att ta’ xhieda lejn Kristu, li miet u qam, bl‑aħbar tal‑kerygma, l‑hekk imsejjaħ diskors missjunarju ta’ San Pietru lin‑nies ta’ Ġerusalemm. Hekk bdiet l‑era tal‑evanġelizzazzjoni tad‑dinja mid‑dixxipli ta’ Ġesù, li qabel kienu dgħajfa, imbeżżgħa, magħluqa. L‑Ispirtu s‑Santu qawwiehom, tahom il‑kuraġġ u l‑għerf biex ikunu xhieda ta’ Kristu quddiem kulħadd.

 

Bħalma “ħadd ma jista’ jgħid: ‘Ġesù hu l‑Mulej’, jekk mhux imqanqal mill‑Ispirtu s‑Santu” (1 Kor 12:3), bl‑istess mod l‑ebda Nisrani ma jista’ jagħti xhieda sħiħa u ġenwina ta’ Kristu l‑Mulej mingħajr l‑ispirazzjoni u l‑għajnuna tal‑Ispirtu. Għalhekk kull dixxiplu missjunarju ta’ Kristu huwa msejjaħ jagħraf l‑importanza fundamentali tal‑ħidma tal‑Ispirtu, kif jgħix miegħu kuljum u kif jirċievi l‑qawwa u l‑ispirazzjoni kontinwa tiegħu. Anzi, proprju meta nħossuna għajjiena, iddemotivati u mitlufa għandna nduru lejn l‑Ispirtu s‑Santu fit‑talb, li – dan nixtieq nerġa’ nisħqu – għandu rwol fundamentali fil‑ħajja missjunarja, biex inħalluh jagħtina l‑ħeġġa u jqawwina, għajn divina li ma tinħeliex u li tagħtina enerġiji ġodda u twasslilna l‑ferħ biex naqsmu mal‑oħrajn il‑ħajja ta’ Kristu. Li tirċievi l‑ferħ tal‑Ispirtu hija grazzja. U hija l‑unika qawwa li jista’ jkollna biex inxandru l‑Vanġelu, biex nistqarru l‑fidi fil‑Mulej” (Messaġġ tal‑Qdusija Tiegħu lill‑Opri Missjunarji, 21 ta’ Mejju 2020). Hekk naraw kif huwa l‑Ispirtu l‑veru protagonist fil‑missjoni: huwa dak li joffri l‑aħjar kelma, fl‑aħjar ħin, bl‑aħjar mod.

 

Huwa fid‑dawl ta’ din il‑ħidma tal‑Ispirtu s‑Santu li rridu naraw anki l‑anniversarji missjunarji ta’ dan l‑2022. It‑twaqqif tas‑Sagra Kongregazzjoni de Propaganda Fide, fl‑1622, kien immotivat mix‑xewqa li tingħata imbuttatura lill‑mandat missjunarju f’territorji ġodda. Kienet intuwizzjoni providenzjali! Il‑Kongregazzjoni kienet ta’ importanza kruċjali biex tagħmel il‑missjoni evanġelizzatriċi tal‑Knisja waħda verament tali, indipendenti fil‑fatt mill‑indħil tal‑poteri tad‑dinja, bl‑iskop li jinbnew dawk il‑knejjes lokali li llum tant għandhom enerġija. Nawgura li, bħalma ġara fl‑erba’ sekli li għaddew, il‑Kongregazzjoni, bid‑dawl u l‑qawwa tal‑Ispirtu, tibqa’ u żżid xogħolha fil‑kordinament, l‑organizzazzjoni, u t‑tħeġġiġ tal‑ħidma missjunarja tal‑Knisja.

 

L‑istess Spirtu, li jmexxi l‑Knisja universali, jispira wkoll irġiel u nisa sempliċi għal missjonijiet straordinarji. U kien hekk li tfajla Franċiża, Pauline Jaricot, eżattament 200 sena ilu, waqqfet l‑Assoċjazzjoni tal‑Propagazzjoni tal‑Fidi; il‑beatifikazzjoni tagħha se niċċelebrawha f’din is‑sena ġubilari. Għalkemm f’kundizzjonijiet imwiegħra, hi laqgħet l‑ispirazzjoni ta’ Alla biex tagħti l‑ħajja lil xibka ta’ talb u ġabra għall‑missjunarji, b’tali mod  li l‑fidili setgħu jieħdu sehem attiv fil‑missjoni “sa truf l‑art”. Minn din l‑idea ġenjali twieldet il‑Ġurnata Missjunarja Dinjija li niċċelebraw kull sena, u li l‑ġabra li ssir fiha f’kull komunità tmur għall‑fond universali li bih il‑Papa jsostni l‑ħidma missjunarja.

 

F’dan l‑ambitu nixtieq infakkar ukoll lill‑Isqof Franċiż Charles de Forbin‑Janson, li beda l‑Opra tas‑Santa Infanzja biex iġib ’il quddiem il‑missjoni fost it‑tfal bil‑motto “It‑tfal jevanġelizzaw lit‑tfal, it‑tfal jitolbu għat‑tfal, it‑tfal jgħinu lit‑tfal tad‑dinja kollha”; kif ukoll is‑Sinjura Jeanne Bigard, li tat il‑ħajja lill‑Opra ta’ San Pietru Appostlu li toffri sostenn lis‑seminaristi u lis‑saċerdoti fl‑artijiet tal‑missjoni. Dawn it‑tliet Opri missjunarji ġew irrikonoxxuti bħala “pontifiċji” proprju 100 sena ilu. U kien ukoll permezz tal‑ispirazzjoni tal‑Ispirtu s‑Santu li l‑Beatu Paolo Manna, li twieled 150 sena ilu, waqqaf dik li llum nafu bħala l‑Unjoni Pontifiċja Missjunarja biex tissensibilizza u tressaq lejn il‑missjoni s‑saċerdoti, ir‑reliġjużi u l‑poplu kollu ta’ Alla. Kien jagħmel parti minn din l‑aħħar Opra proprju Pawlu VI, li kkonfermalha r‑rikonoxximent pontifiċju. Qed insemmi dawn l‑erba’ Opri Missjunajri Pontifiċji għall‑merti kbar storiċi tagħhom kif ukoll biex nistedinkom tifirħu magħhom f’din is‑sena speċjali għall‑ħidmiet imwettqa favur il‑missjoni evanġelizzatriċi fil‑Knisja universali u f’dawk lokali. Nawgura lill‑knejjes lokali li f’dawn l‑Opri jippruvaw isibu strument validu biex iqawwu l‑ispirtu missjunarju tal‑Poplu ta’ Alla.

 

Għeżież ħuti, nibqa’ noħlom Knisja kollha missjunarja u staġun ġdid ta’ ħidma missjunarja fl‑komunitajiet Insara. U ntenni l‑awgurju ta’ Mosè lill‑poplu ta’ Alla waqt li kien miexi: “Jalla l‑poplu tal‑Mulej ikun kollu profeti!” (Num 11:29). Iva, aħna wkoll fil‑Knisja għandna bżonn inkunu dak li diġà għamlet minna l‑magħmudija: profeti, xhieda, missjunarji tal‑Mulej! Bil‑qawwa tal‑Ispirtu s‑Santu u sa truf l‑art. Marija, Reġina tal‑missjoni, itlob għalina!

 

Ruma, San Ġwann Lateran, 6 ta’ Jannar 2022, l-Epifanija tal‑Mulej.

 

FRANĠISKU

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Rossana Cremona