MESSAĠĠ TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

LILL-OPRI MISSJUNARJI PONTIFIĊJI

 

Kif kienu flimkien staqsewh: “Mulej, hu dan iż-żmien li fih int se terġa’ twaqqaf is-Saltna ta’ Iżrael?”. Hu weġibhom: “Mhijiex biċċa tagħkom li tkunu tafu l-waqt u ż-żmien li l-Missier għażel bis-setgħa tiegħu. Imma meta jiġi fuqkom l-Ispirtu s-Santu, intom tirċievu l-qawwa, u tkunu xhieda tiegħi f’Ġerusalemm, fil-Lhudija kollha u s-Samarija u sa truf l-art”. Wara li qal dan, huma u jħarsu lejh, kien meħud ’il fuq, u sħaba ħadithulhom minn quddiem għajnejhom. (Atti 1:6-9)

 

U hekk il-Mulej Ġesù, wara li kellimhom, kien imtella’ fis-sema u qagħad in-naħa tal-lemin ta’ Alla. Huma mbagħad marru jippridkaw kullimkien; il-Mulej kien jaħdem magħhom u jwettaq il-kelma bil-mirakli li kienu jsiru magħha. (Mk 16:19-20)

 

Imbagħad ħadhom sa ħdejn Betanja, u rafa’ idejh u berikhom. U ġara li, huwa u jberikhom, infired minnhom u kien meħud fis-sema. Huma nxteħtu fl-art jagħtuh qima, u mimlijin b’ferħ kbir reġgħu lura lejn Ġerusalemm, u qagħdu l-ħin kollu fit-tempju jbierku lil Alla. (Lq 24:50-53)

 

* * *

 

Għeżież ħuti!

 

Din is-sena kont iddeċidejt li nieħu sehem fl-Assemblea Ġenerali annwali tagħkom, il-Ħamis 21 ta’ Mejju, Festa tat-Tlugħ tal-Mulej fis-Sema. Imbagħad l-Assemblea tħassret minħabba fil-pandemija li laqtet lil kulħadd. U għalhekk nixtieq nibgħat lilkom ilkoll dan il-messaġġ, biex xorta waħda nwasslilkom il-punti li kelli fi ħsiebi ngħidilkom. Din il-festa Nisranija, fiż-żminijiet li qed ngħixu u ma konniex nimmaġinaw, jidhirli li hi iżjed għammiela b’suġġerimenti għall-mixja u l-missjoni ta’ kull wieħed u waħda minna u tal-Knisja kollha.

 

Aħna niċċelebraw it-Tlugħ fis-Sema bħala festa, imma dan ifakkar it-tluq ta’ Ġesù minn mad-dixxipli tiegħu u minn din id-dinja. Il-Mulej jitla’ s-Sema, u l-Liturġija Orjentali tirrakkonta l-istagħġib tal-anġli huma u jaraw raġel li bil-ġisem tiegħu jitla’ fil-lemin tal-Missier. Imma, waqt li Kristu jasal biex jitla’ s-sema, id-dixxipli – li rawh ukoll irxoxt – donnhom għadhom ma fehmux sew x’ġara. Hu wasal biex jagħti bidu għat-twettiq tas-Saltna tiegħu, u huma għadhom jinħlew wara d-dubji tagħhom. Jistaqsuh jekk wasalx biex jerġa’ jwaqqaf is-saltna ta’ Iżrael (ara Atti 1:6). Imma meta Kristu jitlaqhom, flok isewdu qalbhom, jerġgħu lura Ġerusalemm “mimlijin b’ferħ kbir”, kif jikteb Luqa (ara 24:52). Kienet tkun ħaġa stramba kieku ma ġratx xi ħaġa. U fil-fatt Ġesù diġà wegħedhom il-qawwa tal-Ispirtu s-Santu, li se jinżel fuqhom f’Għid il-Ħamsin. Dan huwa l-miraklu li jibdel l-affarijiet. U huma jsiru iżjed ċerti minnhom infushom, meta jafdaw kollox f’idejn il-Mulej. Huma mimlija bil-ferħ. U l-ferħ fihom huwa l-milja tal-faraġ, il-milja tal-preżenza tal-Mulej.

 

Pawlu jikteb lill-Galatin li l-milja tal-ferħ tal-Appostli mhijiex l-effett tal-emozzjonijiet li jissodisfaw jew iferrħu. Huwa ferħ kotran li wieħed jista’ jħossu biss bħala frott u don tal-Ispirtu s-Santu (ara 5:22). Li tirċievi l-ferħ tal-Ispirtu hija grazzja. U hija l-unika qawwa li jista’ jkollna biex inxandru l-Vanġelu, biex nistqarru l-fidi fil-Mulej. Il-fidi tfisser li nagħtu xhieda tal-ferħ li jagħtina l-Mulej. Ferħ bħal dan wieħed ma jistax jiksbu waħdu.

 

Ġesù, qabel ma telaq, qal lid-dixxipli tiegħu li kien se jibgħatilhom l-Ispirtu, il-Konsolatur. U hekk telaq f’idejn l-Ispirtu wkoll l-opra appostolika tal-Knisja, għall-istorja kollha, sar-ritorn tiegħu. Il-misteru tat-Tlugħ fis-Sema, flimkien mat-tiswib tal-Ispirtu f’Għid il-Ħamsin, jimmarka u jgħaddi għal dejjem lill-missjoni tal-Knisja l-karatteristika ġenetika l-aktar intima tagħha: dik li hi opra tal-Ispirtu s-Santu u mhux konsegwenza tar-riflessjonijiet u l-fehmiet tagħna. Hija din il-karatteristika li tista’ tagħmel għammiela l-missjoni u tħarisha minn kull awtosuffiċjenza li nippretendu aħna, mit-tentazzjoni li naħtfu l-ġisem ta’ Kristu – li tela’ s-Sema – għall-proġetti klerikali tal-poter tagħna.

 

Meta fil-missjoni tal-Knisja ma nilqgħux u ma nagħrfux l-opra attwali u effikaċi tal-Ispirtu s-Santu, ifisser li saħansitra l-kliem tal-missjoni – imqar dak l-iżjed eżatt, imqar dak l-iżjed maħsub – sar bħal “diskorsi ta’ għerf uman”, użati biex nagħtu glorja lilna nfusna jew inneħħu u ngħattu d-deżerti interjuri tagħna.

 

Il-ferħ tal-Vanġelu

 

Is-salvazzjoni hija l-laqgħa ma’ Ġesù, li jħobbna u jaħfrilna, jibgħatilna l-Ispirtu s-Santu li jfarraġna u jiddefendina. Is-salvazzjoni mhijiex il-konsegwenza tal-inizjattivi missjunarji tagħna, u lanqas tad-diskorsi tagħna fuq l-inkarnazzjoni tal-Verb. Is-salvazzjoni għal kull wieħed u waħda minna tista’ sseħħ biss permezz tal-ħarsa tal-laqgħa miegħu, li jsejħilna. Għalhekk il-misteru tal-għażla preferenzjali jibda u ma jistax ma jibdiex ħlief f’qabża ta’ ferħ, ta’ gratitudni. Il-ferħ tal-Vanġelu, il-“ferħ kbir” tan-nisa fqajra li fl-għodwa tal-Għid marru fejn il-Qabar ta’ Kristu u sabuh vojt, u li mbagħad kienu l-ewwel li ltaqgħu ma’ Ġesù mqajjem u ġrew biex jgħidu b’dan lill-oħrajn (ara Mt 28:8-10). Hekk biss dan il-fatt li ġejna magħżula u maħbuba jista’ jagħti xhieda quddiem id-dinja kollha, bil-ħajja tagħna, tal-glorja ta’ Kristu rxoxt.

 

Ix-xhieda, f’kull sitwazzjoni umana, huma dawk li juru dak li seħħ minn xi ħadd ieħor. F’dan is-sens, u f’dan is-sens biss nistgħu nkunu xhieda ta’ Kristu u tal-Ispirtu tiegħu. Wara t-Tlugħ fis-Sema, kif jirrakkonta l-għeluq tal-Vanġelu ta’ Marku, l-Appostli u d-dixxipli “marru jippritkaw kullimkien; il-Mulej kien jaħdem magħhom u jwettaq il-kelma bil-mirakli li kienu jsiru magħha” (16:20). Kristu, bl-Ispirtu tiegħu, jagħti xhieda tiegħu nnifsu permezz tal-opri li jwettaq fina u magħna. Il-Knisja – kien diġà fisser Santu Wistin – ma kinitx titlob lill-Mulej biex jagħmel li l-fidi tingħata lil dawk li ma jafux lil Kristu, kieku ma kinitx temmen li hu Alla nnifsu li jdur biex jiġbed lejh ir-rieda tal-bnedmin. Il-Knisja ma kinitx iġġagħal lil uliedha jitolbu lill-Mulej iħarishom fil-fidi fi Kristu, kieku ma kinitx temmen li huwa proprju l-Mulej li għandu qlubna f’idejh. Fil-fatt, jekk il-Knisja titlob lilu dawn il-ħwejjeġ, imma taħseb li tista’ tiksibhom waħidha, dan ifisser li t-talb kollu tagħha mhux awtentiku, imma huma formli battala, biex tgħid xi ħaġa, ta’ ċerta kortesija imposta mill-konformiżmu ekkleżjastiku (ara Id-don tal-perseveranza. Lil Prosperu u Ilarju, 23, 63).

 

Jekk ma nintebħux li l-fidi hija don ta’ Alla, anki t-talb li l-Knisja tagħmillu ma jibqagħlux sens. U ma nkunu nesprimu fih ebda passjoni sinċiera għall-hena u s-salvazzjoni tal-oħrajn, u ta’ dawk li ma jafux lil Kristu rxoxt, imqar jekk inqattgħu l-ħin norganizzaw il-konverżjoni tad-dinja għall-Kristjaneżmu.

 

Huwa l-Ispirtu s-Santu li jkebbes u jħares il-fidi fil-qlub, u jekk nagħrfu dan il-fatt, kollox jinbidel. Fil-fatt, huwa l-Ispirtu li jixgħel u janima l-missjoni, jimmarkaha bil-karatteristiċi “ġenetiċi”, l-aċċenti u t-tonalitajiet waħdiena li jagħmlu t-tħabbira tal-Vanġelu u l-istqarrija tal-fidi Nisranija ħaġa differenti minn kull proselitiżmu politiku jew kulturali, psikoloġiku jew reliġjuż.

 

Ħafna minn dawn l-aspetti distintivi tal-missjoni fakkarthom fl-Eżortazzjoni appostolika Evangelii gaudium. Ħa naqbad xi wħud minnhom hawn.

 

Attrattiva. Il-missjoni tal-Fidwa daħlet u tkompli taħdem fid-dinja permezz tal-attrattiva, li tista’ tirbaħ il-qalb tal-bnedmin hi u tħajjar iktar mill-ġibdiet tal-egoiżmu, konsegwenza tad-dnub. “Ħadd ma jista’ jiġi għandi jekk il-Missier li bagħatni ma jiġbdux lejja”, jgħid Ġesù fil-Vanġelu ta’ Ġwanni (6:44). Il-Knisja dejjem tenniet li għalhekk nimxu wara Ġesù u nxandru l-Vanġelu tiegħu: minħabba fil-qawwa tal-attrazzjoni li taħdem fi Kristu nnifsu u fl-Ispirtu tiegħu. Il-Knisja – stqarr il-Papa Benedittu XVI – tikber fid-dinja bl-attrazzjoni u mhux bil-proselitiżmu (ara Omelija fil-Quddiesa tal-ftuħ tal-V Konferenza Ġenerali tal-Episkopat Latinamerikan u tal-Karribej, Aparecida, 13 ta’ Mejju 2007: AAS 99 [2007], 437). Santu Wistin kien jgħid li Kristu jurina min hu billi jiġbidna lejh. U, biex jagħti xbieha ta’ din l-attrattiva, kien jikkwota lill-poeta Virġilju, li skontu kulħadd jinġibed lejn dak li jogħġbu. Ġesù mhux biss jikkonvinċi r-rieda tagħna, imma jiġbed lejh il-pjaċir tagħna (Kumment għall-Vanġelu ta’ Ġwanni, 26, 4). Jekk nimxu wara Ġesù ferħanin li aħna miġbudin minnu, l-oħrajn jintebħu. U jistgħu jistagħġbu b’dan. Il-ferħ li jidher f’dawk li huma miġbudin minn Kristu u mill-Ispirtu tiegħu hu dak li jista’ jagħmel għammiela kull inizjattiva missjunarja.

 

Gratitudni u gratwità. Il-ferħ li nħabbru l-Vanġelu jibbrilla dejjem fuq l-isfond ta’ memorja grata. L-Appostli qatt ma nsew il-mument li fih Ġesù messilhom qalbhom: “Kien ħabta tal-għaxar siegħa” (Ġw 1:39). Il-ħajja tal-Knisja tilma meta fiha tidher il-gratitudni għall-inizjattiva b’xejn ta’ Alla, għax “ħabbna hu” l-ewwel (1 Ġw 4:10), għax hu “Alla li kabbar” (1 Kor 3:7). L-għażla kollha mħabba tal-Mulej tissorprendina, u l-istagħġib, min-natura tiegħu, ma jistax jiġi ppossedut u lanqas impost minna. Ma tistax “tistagħġeb bilfors”. Hekk biss jista’ jwarrad il-miraklu tal-gratwità, tad-don b’xejn tagħna nfusna. Lanqas il-ħeġġa missjunarja ma nistgħu niksbuha b’kosegwenza ta’ raġunament jew ta’ kalkolu. Li nkunu “fi stat ta’ missjoni” huwa rifless tal-gratitudni. Huwa t-tweġiba ta’ minn il-gratitudni tagħmlu doċli għall-Ispirtu, u għalhekk ħieles. Jekk ma nagħrfux il-Mulej kemm ħabbna u għażilna, u dan jagħmilna grati, imqar l-għarfien tal-verità u l-istess għarfien ta’ Alla, imdandna bħala pussess li nilħquh bil-qawwa tagħna, isiru “ittra li toqtol” (ara 2 Kor 3:6), kif urewna l-ewwel San Pawl u mbagħad Santu Wistin. Fil-libertà tal-gratitudni biss nagħrfu tassew lill-Mulej. Waqt li ma jiswa għal xejn u fuq kollox mhux f’loku li ninsistu biex nippreżentaw il-missjoni u t-tħabbira tal-Vanġelu bħallikieku kienu dmir li jorbot, speċi ta’ “obbligu kuntrattwali” tal-imgħammdin.

 

Umiltà. Jekk il-verità u l-fidi, jekk il-ferħ u s-salvazzjoni mhumiex pussess tagħna, mira milħuqa b’merti tagħna, il-Vanġelu ta’ Kristu jista’ jixxandar biss b’umiltà. Qatt ma għandna naħsbu li nistgħu naqdu l-missjoni tal-Knisja bl-arroganza u billi naħdmu waħidna, inkella permezz tas-sistemi tagħna, bis-suppervja ta’ min ineżża’ min-natura tagħhom imqar id-don tas-sagramenti u l-kliem l-iżjed awtentiku tal-fidi Niranija qisu kienu xi priża li immerita. Għandna nkunu umli mhux biex inkunu edukati, mhux għax irridu nidhru ħelwin. Inkunu umli jekk nimxu wara Kristu, li lid-dixxipli tiegħu qalilhom: “Tgħallmu minni, għaliex jiena ta’ qalb ħelwa u umli” (Mt 11:29). Santu Wistin jistaqsi kif, wara l-Qawmien, Ġesù wera ruħu biss lid-dixxipli tiegħu u mhux lil min sallbu; u jwieġeb li Ġesù ma riedx jagħti l-impressjoni li ried “jisfida b’xi mod lill-qattiela tiegħu. Fil-fatt, għalih kien iżjed importanti jgħallem l-umiltà lil ħbiebu, milli jġib lill-għedewwa wiċċ imb wiċċ mal-verità” (Diskors 284, 6).

 

Niffaċilitaw, mhux nikkumplikaw. Karatteristika oħra tal-opra missjunarja awtentika hija dik li tfakkarna fis-sabar ta’ Ġesù, li anki fir-rakkonti tal-Vanġelu dejjem kien isieħeb bil-ħniena l-passi ta’ maturità tal-persuni. Pass ċkejken, qalb il-limitazzjonijiet kbar umani, jista’ jikkuntenta l-qalb ta’ Alla iżjed mill-qabżiet kbar ta’ min fil-ħajja jimxi ’l quddiem mingħajr diffikultajiet ta’ barra minn hawn. Qalb missjunarja tagħraf il-kundizzjoni vera li fiha jinsabu l-persuni reali, bil-limitazzjonijiet tagħhom, id-dnubiet, id-dgħufijiet, u ssir “dgħajfa mad-dgħajfin” (1 Kor 9:22). Li “noħorġu” f’missjoni biex nilħqu l-periferiji umani ma jfissirx niżbaljaw mingħajr direzzjoni u mingħajr sens, bħal bejjiegħa bla sabar li jilmentaw għax in-nies hi goffa u primittiva wisq biex tkun interessata f’dak li għandhom x’joffru. Xi drabi rridu nnaqqsu l-pass, biex insieħbu lil min baqa’ fil-ġenb tat-triq. Xi drabi rridu nimitaw il-missier tal-parabbola tal-iben il-ħali, li jħalli l-bibien miftuħa u kuljum joħroġ iħares lejn ix-xefaq jistenna r-ritorn ta’ ibnu (ara Lq 15:20). Il-Knisja mhijiex dwana, u min b’xi mod jew ieħor għandu sehem fil-missjoni tal-Knisja hu msejjaħ ma jżidx piżijiet bla siwi fuq il-ħajjiet diġà għajjiena tal-persuni, biex ma jimponix mixjiet ta’ formazzjoni sofistikati u ibsin biex wieħed igawdi dak li Alla jagħti b’ħeffa. Tqegħdux xkiel għax-xewqa ta’ Ġesù, li jitlob għal kull wieħed u waħda minna u jrid ifejjaq lil kulħadd, isalva lil kulħadd.

 

Qrubija fil-ħajja attiva. Ġesù ltaqa’ mal-ewwel dixxipli tiegħu fuq ix-xatt tal-għadira tal-Galilija, waqt li kienu għaddejjin b’xogħolhom. Ma ltaqax magħhom waqt xi konvenju, jew f’seminarju ta’ formazzjoni, jew fit-Tempju. Sa minn dejjem, it-tħabbira tas-salvazzjoni ta’ Ġesù tilħaq lill-persuni hemm fejn jinsabu u hekk kif inhuma, fil-ħajjiet attivi tagħhom. L-ordinarjetà tal-ħajja ta’ kulħadd, fil-parteċipazzjoni fil-ħtiġijiet, fit-tamiet u fil-problemi ta’ kulħadd, hija l-post u l-kundizzjoni li fiha min għaraf l-imħabba ta’ Kristu u laqa’ d-don tal-Ispirtu s-Santu jista’ jagħti r-raġuni, lil dawk li jitolbuhielu, tal-fidi, tat-tama u tal-imħabba. Nimxu flimkien mal-oħrajn, qrib kulħadd. Fuq kollox fiż-żmien li fih qed ngħixu, dak li rridu nagħmlu mhux li nivvintaw mixjiet ta’ taħriġ “iddedikati”, jew li nivvintaw dinjiet paralleli, nibnu sferi medjatiċi fejn noqogħdu ngħajtu l-islogans tagħna, id-dikjarazzjonijiet tal-fehmiet tagħna, ridotti għal “nominaliżmi dikjarazzjonisti” biex inserrħu moħħ l-oħrajn. Fakkart drabi oħra, biex inġib eżempju, li fil-Knisja hemm min qed ikompli jgħajjat b’enfasi s-slogan “Din hi s-siegħa tal-lajċi!”, imma sadattant l-arloġġ donnu waqaf.

 

Is-“sensus fidei” tal-Poplu ta’ Alla. Hemm realtà fid-dinja li għandha speċi ta’ “xamma” għall-Ispirtu s-Santu u l-ħidma tiegħu. Huwa l-Poplu ta’ Alla, imsejjaħ u magħżul bi mħabba minn Ġesù, u li hu wkoll ikompli jfittex lilu u jistaqsi dejjem għalih fit-taħbit tal-ħajja. Il-Poplu ta’ Alla jittallab id-don tal-Ispirtu tiegħu: jafda t-tamiet tiegħu fil-kliem sempliċi tat-talb, u qatt ma jakkomoda ruħu għall-preżunzjoni tal-awtosuffiċjenza tiegħu stess. Il-Poplu qaddis ta’ Alla miġmugħ u midluk mill-Mulej, minħabba f’din id-dilka jsir infallibbli “in credendo”, kif tgħallem it-Tradizzjoni tal-Knisja. Il-ħidma tal-Ispirtu s-Santu tagħti lill-Poplu tal-fidili “stint” tal-fidi – is-sensus fidei – li jgħinu ma jibżaljax meta jemmen il-ħwejjeġ ta’ Alla, anki jekk ma jafx ir-raġunamenti u l-formuli teoloġiċi biex jiddefinixxi d-doni li jħoss. Il-misteru tal-poplu pellegrin, li bl-ispiritwalità popolari jimxi lejn is-santwarji u jafda f’Ġesù, f’Marija u fil-qaddisin, jixrob u jidher konnaturali mal-inizjattiva ħielsa u b’xejn ta’ Alla, mingħajr ma għandu għalfejn isegwi pjanijiet ta’ mobilitazzjoni pastorali.

 

Għażla preferenzjali taċ-ċkejkna u l-foqra. Kull ċaqliqa missjunarja, jekk hi mqanqla mill-Ispirtu s-Santu, turi l-għażla preferenzjali għall-foqra u ċ-ċkejknin bħala sinjal u mera tal-preferenza tal-Mulej lejhom. Il-persuni involuti direttament f’inizjattivi u strutturi missjunarji tal-Knisja m’għandhom qatt jiġġustifikaw in-nuqqas ta’ attenzjoni tagħhom għall-foqra bl-iskuża – użata ħafna f’ċerti ambjenti tal-Knisja – li jridu jikkonċentraw l-enerġiji tagħhom fuq bżonnjiet prijoritarji għall-missjoni. L-għażla tal-foqra għall-Knisja mhijiex waħda fakultattiva.

 

Id-dinamika u l-imġiba mfissra hawn fuq tagħmel parti mill-missjoni tal-Knisja, animata mill-Ispirtu s-Santu. Is-soltu, fl-istqarrijiet u fid-diskorsi ekkleżjastiċi hi magħrufa u mistqarra l-ħtieġa tal-Ispirtu s-Santu bħala għajn tal-missjoni tal-Knisja. Imma jiġri wkoll li dan l-għarfien jirriduċi ruħu għal speċi ta’ “omaġġ formali” lit-Trinità Qaddisa, formula konvenzjonali introduttiva għal interventi teoloġiċi u pjanijiet pastorali. Hemm fil-Knisja tant sitwazzjonijiet fejn il-primat tal-grazzja jibqa’ biss bħal ipoteżi teorika, formula astratta. Jiġri li tant inizjattivi u organiżmi marbuta mal-Knisja, flok ma jħallu tgħaddi minn ġo fihom il-ħidma tal-Ispirtu s-Santu, jispiċċaw biex iwasslu biss l-awtoreferenzjalità tagħhom. Tant strutturi ekkleżjastiċi, fuq kull livell, donnhom mixruba mill-ossessjoni li jippromovu lilhom infushom u l-inizjattivi tagħhom. Bħallikieku kien dan l-għan u x-xefaq tal-missjoni tagħhom.

 

Sa hawn ridt nerġa’ naqbad u nipproponi mill-ġdid kriterji u spunti fuq il-missjoni tal-Knisja, li kont diġà esponejt b’mod iżjed mifrux fil-Eżortazzjoni appostolika Evangelii gaudium. Dan għamiltu għax nemmen li anki għall-OMP huwa ta’ siwi u għammiel – u ma nistgħux nipposponu iżjed – li jikkonfrontaw ruħhom ma’ dawk il-kriterji u suġġerimenti, f’din il-parti tal-mixja tagħhom.

 

L-OMP u ż-żmien preżenti

Talenti x’jiġu żviluppati, tentazzjonijiet u mardiet x’jiġu evitati

 

Fejn hemm bżonn inħarsu, għall-preżent u għall-futur tal-OMP? Liema piżijiet qed jirriskjaw li jtaqqlu l-mixja?

 

Fil-fiżjonomija, biex ngħid hekk, tal-identità tal-Opri Missjunarji Pontifiċji, nilmħu ċerti karatteristiċi distintivi – xi wħud, biex ngħidu hekk, ġenetiċi, oħrajn miksuba tul il-mixja storika – li spiss jiġu ttraskurati jew meħudin bħala ħaġa ovvja. Imma proprju dawk il-karatteristiċi jistgħu jħarsu u jagħmlu iktar prezzjuż, fuq kollox bħalissa, il-kontribut ta’ din ix-“xibka” għall-missjoni universali li għaliha msejħa l-Knisja kollha.

 

L-Opri Missjunarji twieldu spontanjament, mill-ħeġġa missjunarja espressa mill-fidi tal-imgħammdin. Hemm u ħa jibqa’ jkun hemm qbil intimu, ċerta familjarità bejn l-Opri Missjunarji u s-sensus fidei infallibbli in credendo tal-Poplu fidil ta’ Alla.

 

- L-Opri Missjunarji, sa mill-bidu, baqgħu mexjin ’il quddiem fuq żewġ “binarji”, jew aħjar fuq żewġt ixtut li huma dejjem paralleli, u fis-sempliċità tagħhom huma sa minn dejjem familjari għall-qalb tal-Poplu ta’ Alla: dak tat-talb u dak tal-imħabba, fl-għamla ta’ elemożina, li “teħilsek mill-mewt, u tnaddfek minn kull dnub” (Tob 12:9), l-“imħabba sħiħa” li “tgħatti kotra ta’ dnubiet” (1 Piet 4:8). Dawk li bdew l-Opri Missjunarji, ibda minn Pauline Jaricot, ma vvintawx it-talb u l-opri li bihom wettqu x-xewqat tagħhom għax-xandir tal-Vanġelu, imma sempliċiment siltuhom mit-teżor bla tarf tal-ġesti l-iżjed familjari u komuni għall-Poplu ta’ Alla miexi fl-istorja.

 

L-Opri Missjunarji, li feġġew b’mod gratuwitu fin-nisġa tal-ħajja tal-poplu ta’ Alla, huma msawra b’mod hekk sempliċi u konkret, u hekk ġew magħrufa u stmati mill-Knisja ta’ Ruma u mill-Isqfijiet tagħha, li fl-aħħar seklu talbu li jkunu jistgħu jadottawhom bħal għodda partikulari tas-servizz li huma jagħtu lill-Knisja universali. Kien għalhekk li lil dawn l-Opri ngħatatilhom il-kwalifika ta’ “Pontifiċji”. Minn dakinhar, ħarġet iktar fil-binja tal-OMP il-karatteristika ta’ strument ta’ servizz u sostenn lill-Knejjes partikulari, fl-opra tax-xandir tal-Vanġelu. Minħabba f’din it-triq l-Opri Missjunarji Pontifiċji offrew ruħhom b’doċilità bħala strument ta’ servizz lill-Knisja, fi ħdan il-ministeru universali tal-Papa u tal-Knisja ta’ Ruma, li “tippresiedi fil-karità”. Hekk, bl-istess mixja tagħhom, u mingħajr ma jidħlu f’disputi teoloġiċi kumplessi, l-OMP xejnu l-argumenti ta’ min, anki fl-ambjenti ekkleżjastiċi, iġib kontra xulxin b’mod xejn f’loku kariżmi u istituzzjonijiet, jaqra dejjem ir-relazzjonijiet bejn dawk ir-realtajiet minn “djalettika tal-prinċipji” li tinganna. Meta fil-Knisja anki l-elementi strutturali permanenti – bħas-sagamenti, is-saċerdozju u s-suċċessjoni appostolika – dejjem jinħolqu mill-ġdid mill-Ispirtu s-Santu, u mhumiex għad-dispożizzjoni tal-Knisja bħala oġġett ta’ pussess miksub (ara Kardinal J. Ratzinger, Il-movimenti ekkleżjali u l-kollokazzjoni teoloġika tagħhom. Intervent fil-Konvenju Dinji tal-Movimenti Ekkleżjastiċi, Ruma, 27-29 ta’ Mejju 1998).

 

L-Opri Missjunarji, sa mill-ewwel darba li xterdu, strutturaw ruħhom bħala xibka mifruxa mal-Poplu ta’ Alla, ankrata għalkollox u fil-fatt “immanenti” għax-xibka tal-istituzzjonijiet u realtajiet diġà preżenti fil-ħajja tal-Knisja, bħad-djoċesijiet, il-parroċċi, il-komunitajiet reliġjużi. Il-vokazzjoni partikulari tal-persuni involuti fl-Opri Missjunarji dawn qatt ma għexuha jew fehmuha bħala ħajja alternattiva, appartenenza “esterna” għall-forom ordinarji tal-ħajja tal-Knejjes partikulari. It-tħeġġiġ biex jitolbu u jiġbru riżorsi għall-missjoni dejjem kien eżerċitat bħala servizz lill-komunjoni ekkleżjali.

 

L-Opri Missjunarji, li maż-żmien saru xibka mifruxa fil-kontinenti kollha, jirriflettu fl-istess għamla tagħhom il-varjetà ta’ aċċenti, kundizzjonijiet, problemi u doni li minnhom hi magħmula l-ħajja tal-Knisja fid-diversi postijiet tad-dinja. Pluralità li tista’ tipproteġi minn omolgazzjonijiet ideoloġiċi u unilateraliżmi kulturali. F’dan is-sens, anki permezz tal-OMP nistgħu nħossu l-misteru tal-universalità tal-Knisja, fejn l-opra bla waqfien tal-Ispirtu s-Santu toħloq l-armonija bejn id-diversi ilħna, waqt li l-Isqof ta’ Ruma, bis-servizz tiegħu ta’ karità, imħaddem ukoll permezz tal-Opri Missjunarji Pontifiċji, iħares l-għaqda fil-fidi.

 

Il-karatteristiċi kollha mfissra sa hawn jistgħu jgħinu lill-Opri Missjunarji Pontifiċji jħarsu ruħhom mill-perikli u l-mard li jagħfsu fuq il-mixja tagħha u fuq dik ta’ tant istituzzjonijiet ekkleżjali oħra. Ħa nsemmi xi wħud.

 

Perikli biex jiġu evitati

 

Awtoreferenzjalità. Organizzazzjonijiet u entitajiet ekkleżjastiċi, lil hemm mill-intenzjonijiet tajba tal-individwi, xi drabi jispiċċaw jingħalqu fihom infushom, jiddedikaw enerġiji u attenzjoni fuq kollox lill-promozzjoni tagħhom infushom u liċ-ċelebrazzjoni tal-inizjattivi tagħhom b’mod pubbliċitarju. Oħrajn jidhru maħkuma mill-ossessjoni li jiddefinixxu mill-ġdid u kontinwament ir-relevanza tagħhom u l-ispazji tagħhom fi ħdan il-Knisja, bil-ġustifikazzjoni li jridu jniedu mill-ġdid il-missjoni tagħhom għall-aħjar. Jekk ngħaddu minn dawn it-toroq – qal darba l-Kardinal Joseph Ratzinger – inkunu nkabbru wkoll l-idea qarrieqa li persuna hi Nisranija skont kemm hi impenjata fl-istrutturi intra-ekkleżjali, waqt li fir-realtà kważi l-imgħammdin kollha jgħixu l-fidi, it-tama u l-imħabba fil-ħajja tagħhom ta’ kuljum, mingħajr ma jkunu qatt dehru f’kumitati ekkleżjastiċi u mingħajr ma jkunu mħabbta bl-aħħar żviluppi ta’ politika ekkleżjastika (ara Kumpanija li dejjem tirriforma ruħha, Konferenza ta’ Rimini, 1 ta’ Settembru 1990).

 

It-tensjoni ta’ min jikkmanda. Xi drabi jiġri li istituzzjonijiet u organizzazzjonijiet imwaqqfa biex jgħinu l-komunitajiet ekkleżjali, u jaqdu d-doni mqanqla fihom mill-Ispirtu s-Santu, maż-żmien jippretendu li jistgħu jeżerċitaw supremaziji u funzjonijiet ta’ kontroll fil-konfront tal-komunitajiet li suppost lilhom jaqdu. Dan l-atteġġjament kważi dejjem hu msieħeb mill-preżunzjoni li jeżerċitaw ir-rwol ta’ “depożitarji” li jqassmu l-liċenzji ta’ leġittimità lill-oħrajn. Fil-fatt, f’dawn il-każi nkunu nġibu ruħna bħallikieku l-Knisja kienet prodott tal-analiżi tagħna, tal-programmi tagħna, tal-ftehim u d-deċiżjonijiet tagħna.

 

Elitarjaniżmu. Fost min jagħmel parti minn organizzazzjonijiet u realtajiet organizzati fil-Knisja, ħafna drabi nsibu sentiment elitista, l-idea mhux espressa bil-kliem li hemm xi appartenenza għal aristokrazija. Klassi superjuri ta’ speċjalisti li tfittex li twessa’ l-ispazji tagħha f’kompliċità jew f’kompetizzjoni ma’ elite ekkleżjastiċi oħra, jew tħarreġ lill-membri tagħha skont is-sistemi u l-loġika mondana tal-militanza jew tal-kompetenza teknika-professjonali, dejjem bl-għan ewlieni li tippromovi l-prerogattivi oligarkiċi tagħha.

 

Iżolament mill-poplu. It-tentazzjoni elitista f’xi realtajiet marbuta mal-Knisja xi drabi ssib magħha sentiment ta’ superjorità u ta’ intolleranza lejn il-kotra tal-imgħammdin, lejn il-poplu ta’ Alla li forsi jiffrekwenta l-parroċċi u s-santwarji, imma mhux magħmul minn “attivisti” involuti f’organizzazzjonijiet Kattoliċi. F’dawn il-każi, anki l-poplu ta’ Alla jkun hemm min iħares lejh bħala massa bla ħajja, li dejjem għandha bżonn min janimaha u jċaqlaqha lejn “għarfien tal-kuxjenza” stimulata għal raġunamenti, sejħat, tagħlim. Wieħed jaġixxi bħallikieku ċ-ċertezza tal-fidi kienet konsegwenza ta’ diskors persważiv jew ta’ metodi ta’ taħriġ.

 

Astrazzjoni. Organizzazzjonijiet u realtajiet marbuta mal-Knisja, meta jsiru awtoreferenzjali, jitilfu l-kuntatt mar-realtà u jimirdu bl-astrazzjoni. Joktru mkejjen inutli ta’ elaborazzjoni strateġika, biex jipproduċu proġetti u linji-gwida li jservu biss bħala għodod ta’ awtopromozzjoni ta’ min jivvintahom. Jaqbdu l-problemi u jqassmuhom f’laboratorji intellettwali, fejn kollox jiġi addomestikat, mogħti laqta żebgħa skont l-ideoloġiji li wieħed jippreferi. Fejn kollox, maqtugħ barra mill-kuntest reali, jista’ jeħel fi xbihat irreali, anki r-riferimenti għall-fidi jew is-sejħat verbali lil Ġesù u lill-Ispirtu s-Santu.

 

Funzjonaliżmu. L-organizzazzjonijiet awtoreferenzjali u elitisti, anki fil-Knisja, spiss jispiċċaw biex jibnu kollox fuq ix-xebh tal-mudelli ta’ effiċjenza mondani, bħal dawk imposti mill-kompetizzjoni qawwija ekonomika u soċjali. L-għażla tal-funzjonaliżmu tiggarantixxi l-illużjoni li b’sens ta’ bilanċ jistgħu “jissolvew il-problemi”, l-affarijiet jinżammu taħt kontroll, wieħed isir iżjed rilevanti, itejjeb l-amministrazzjoni ordinarja ta’ dak li hemm. Imma kif diġà għidtilkom fil-laqgħa li kellna fl-2016, Knisja li tibża’ tafda fil-grazzja ta’ Kristu u tibni fuq l-effiċjentiżmu tas-sistemi tagħha diġà hi mejta, imqar li kieku l-istrutturi u l-programmi b’risq il-kjeriċi u l-lajċi “awto-okkupati” kellhom itulu għal ħafna sekli oħra.

 

Pariri għall-mixja

 

Meta nħares lejn il-preżent u lejn il-futur, u nfittex ukoll fil-mixja tal-OMP ir-riżorsi biex nirħbu l-perikli u nimxu ’l quddiem, ippermettuli nagħti xi suġġerimenti, biex ngħin fid-dixxerniment tagħkom. Issa li qbadtu wkoll mixja ta’ riflessjoni profonda fuq l-OMP, li tixtiequ li tkun imnebbħa mill-indikazzjonijiet tal-Papa, nixtieq inressaq għall-attenzjoni tagħkom kriterji u spunti ġenerali, mingħajr ma nidħol fid-dettalji, anki għax id-diversi kuntesti jitolbu adattamenti u varjanti.

 

1) Skont kif tistgħu, u mingħajr ma tfasslu ħafna teoriji, ħarsu jew skopru mill-ġdid l-inseriment tal-OMP fi ħdan il-Poplu ta’ Alla, l-immanenza tagħhom fin-nisġa tal-ħajja reali li fi ħdanha twieldu. Agħmlu kif suppost “immersjoni” iżjed intensa fil-ħajja reali tal-persuni, hekk kif inhi. Lil kulħadd jagħmillu tajjeb li joħroġ mill-għeluq tal-problematiċi interni, meta jimxi wara Ġesù. Hemm bżonn ninżlu fiċ-ċirkustanzi u fis-sitwazzjonijiet konkreti, u anki nieħdu ħsieb jew nipprovaw nintegraw mill-ġdid l-azzjoni u l-kuntatti mifruxa tal-OMP, fin-nisġa tagħhom fix-xibka ekkleżjali (djoċesijiet, parroċċi, komunitajiet, gruppi). Jekk nagħtu l-ewwel post lill-immanenza tagħna fil-Poplu ta’ Alla, bid-dwal u d-diffikultajiet kollha tiegħu, jirnexxilna naħarbu aħjar ukoll mill-periklu tal-astrazzjoni. Hemm bżonn inwieġbu għal mistoqsijiet u esiġenzi reali, iktar milli nifformulaw jew nimmultiplikaw proposti. Forsi fil-minkeb ma’ minkeb mal-ħajja attiva, u mhux miċ-ċenakli magħluqa, jew mill-analiżijiet teoriċi fuq id-dinamika interna tagħna, jistgħu jaslu wkoll intuwizzjonijiet siewja biex nibdlu u ntejbu l-proċeduri operattivi tagħna, u nadattawhom għad-diversi kuntesti u għad-diversi ċirkustanzi.

 

2) Nissuġġerixxi li naħdmu biex is-sistema essenzjali tal-OMP tibqa’ dik marbuta mal-prattika tat-talb u tal-ġbir ta’ riżorsi għall-missjoni, prezzjuża u għażiża proprju għas-sempliċità u l-konkretezza tagħha. Din tesprimi kemm huma qrib l-OMP lejn il-fidi tal-Poplu ta’ Alla. Bil-flessibbiltà u l-adattamenti kollha mitluba, jeħtieġ li dan il-pjan elementari tal-OMP ma jintesiex u ma jitgħawwiġx. Talb lill-Mulej biex ikun hu li jiftaħ il-qlub għall-Vanġelu, u suppliki lil kulħadd biex jgħinu wkoll b’mod konkret l-opra missjunarja: f’dan hemm sempliċità u konkretezza li kulħadd jista’ jħoss bi pjaċir fi żmienna, fejn anki fiċ-ċirkustanza tal-flaġell tal-pandemija tinħass kullimkien ix-xewqa li niltaqgħu u nibqgħu qrib ta’ dak kollu li hu sempliċiment Knisja. Fittxu kemm tridu toroq ġodda, forom ġodda għas-servizz tagħkom; imma, intom u tagħmlu dan, ma hemmx bżonn tikkumplikaw dak li hu sempliċi.

 

3) L-OMP huma u għandhom jingħaxu bħala strument ta’ servizz lill-missjoni tal-Knejjes partikulari, fix-xefaq tal-missjoni tal-Knisja, li tħaddan dejjem lid-dinja kollha. F’dan jikkonsisti l-kontribut tagħhom dejjem prezzjuż għax-xandir tal-Vanġelu. Aħna lkoll imsejħin inħarsu bi mħabba u gratitudni, anki bl-opri tagħkom, il-friegħi ġodda ta’ ħajja teologali li l-Ispirtu ta’ Kristu jwarrad u jkabbar hemm fejn irid hu, anki fid-deżerti. Nitlobkom, fit-talb tagħkom itolbu qabelxejn li l-Mulej jagħmilna lkoll iżjed pronti biex nilqgħu s-sinjali tal-ħidma tiegħu, biex imbagħad nuruhom lid-dinja kollha. Dan biss jista’ jiswielna: nitolbu għalina, biex fil-fond ta’ qalbna, l-invokazzjoni lill-Ispirtu s-Santu ma nfaqqruhiex għal ipoteżi sterili u mtaqqla mil-laqgħat u mill-omeliji tagħna. Waqt li ma jiswa għal xejn nagħmlu ħafna suppożizzjonijiet u nitteorizzaw fuq strateġiji enormi jew “direttivi ċentrali” tal-missjoni, li niddelegawlhom, bħallikieku kienu “depożitarji” prużuntużi tad-dimensjoni missjunarja tal-Knisja, ix-xogħol li jqanqlu l-ispirtu missjunarju jew li jagħtu liċenzji ta’ missjonarjetà lill-oħrajn. Jekk f’xi sitwazzjonijiet il-ħeġġa tal-missjoni tonqos, dan hu sinjal li qed tonqos il-fidi. U, f’dawk il-każi, il-pretensjoni li nistgħu nerġgħu nkebbsu l-fjamma li qed tintefa bi strateġiji u diskorsi tispiċċa biex iktar iddgħajjifha, u tista’ biss tkabbar id-deżert.

 

4) Is-servizz mogħti mill-OMP min-natura tiegħu jdaħħal lill-operaturi f’kuntatt ma’ għadd kbir ta’ realitajiet, sitwazzjonijiet u ġrajjiet li jagħmlu parti mix-xmara kbira tal-ħajja tal-Knisja, fil-kontinenti kollha. F’din ix-xmara nistgħu naħbtu f’tant toqol u sklerożi li jsieħbu l-ħajja ekkleżjali, imma anki fid-doni b’xejn ta’ fejqan u faraġ li l-Ispirtu s-Santu jqassam fil-ħajja ta’ kuljum ta’ dik li tista’ tissejjaħ il-“klassi mejda tal-qdusija”. U intom tistgħu tifirħu u tithennew, tiggustaw il-laqgħat li jista’ jkollkom grazzi għax-xogħol tal-OMP, tħalluhom jissorprendukom. Jiġuni f’moħħi r-rakkonti li smajt ta’ tant mirakli li jseħħu fost it-tfal, li forsi jiltaqgħu ma’ Ġesù peremezz tal-inizjattivi proposti mill-Infanzja missjunarja. Għalhekk din tagħkom hi opra li qatt m’għandha tiġi “sterilizzata” f’dimensjoni esklussivament burokratika-professjonali. Ma jistgħux jeżistu burokrati jew funzjonarji tal-missjoni. U l-gratitudni tagħkom tista’ min-naħa tagħha ssir don u xhieda għal kulħadd. Tistgħu, għall-faraġ ta’ kulħadd, tindikaw, bil-mezzi li għandkom, mingħajr artifiċjalità, l-istejjer ta’ persuni u komunitajiet li intom tistgħu tiltaqgħu magħhom b’faċilità ikbar minn ta’ oħrajn, persuni u komunitajiet li fihom jilma b’xejn il-miraklu tal-fidi, tat-tama u tal-imħabba.

 

5) Il-gratitudni quddiem l-għeġubijiet li jagħmel il-Mulej fost il-maħbubin tiegħu, il-foqra u ċ-ċkejknin li lilhom juri l-ħwejjeġ moħbija għall-għorrief (ara Mt 11:25-26), tista’ tiffaċilita wkoll għalikom li taħarbu l-perikli tal-għeluq awtoreferenzjali u toħorġu minnkom infuskom, biex timxu wara Ġesù. L-idea ta’ missjonarjetà awtoreferenzjali, li tqatta’ ż-żmien tikkontempla u tinċensa lilha nfisha għall-inizjattivi tagħha hi ħaġa assurda fiha nfisha. Taħlux ħafna ħin u riżorsi “tħarsu lejkom infuskom”, telaboraw pjanijiet iċċentrati fuqkom infuskom u fuq il-mekkaniżmi interni, fuq funzjonalitajiet u kompetenzi tas-sistemi tagħkom. Ħarsu ’l barra, tħarsux fil-mera. Kissru l-mirja kollha tad-dar. Il-kriterji li għandkom timxu magħkom, anki fit-twettiq tal-programmi, għandhom jimmiraw li jħaffu, li jagħmlu iktar flessibbli strutturi u proċeduri, pjuttost milli jtaqqlu b’elementi oħra s-sistema tax-xibka tal-OMP. Ngħidu aħna, kull direttur nazzjonali, tul il-mandat tiegħu, għandu jħabrek biex jindividwa l-figuri ta’ xi suċċessur potenzjali, u jżomm bħala kriterju waħdieni mhux dak li jindika persuni miċ-ċirku ta’ ħbieb tiegħu jew sħabu mill-qasam ekkleżjastiku, imma persuni li jidhirlu li għandhom iżjed żelu missjunarju minnu.

 

6) Dwar il-ġbir ta’ riżorsi biex ngħinu l-missjoni, fl-okkażjoni tal-laqgħat tagħna fl-imgħoddi diġà fakkartkom fir-riskju li tibdlu l-OMP f’NGO iffukata kollha kif ħa ġġib u tqassam il-fondi. Dan jiddependi b’liema qalb tagħmlu l-affarijiet, iktar milli mill-affarijiet li tagħmlu. Fil-ġbir tal-fondi bla dubju jista’ jkun f’loku u anki opportun tużaw bi kreattività anki metodoloġiji aġġornati ta’ allokazzjoni ta’ fondi minn sorsi potenzjali u denji. Imma jekk f’xi nħawi l-ġbir ta’ donazzjonijiet jonqos, anki għax tkun naqset il-memorja Nisranija, f’dawk il-każi tista’ tiġina t-tentazzjoni li nsolvu aħna l-problema billi “ngħattu” r-realtà u nfittxu xi sistema ta’ ġbir aktar effikaċi, li toħroġ tfittex id-donaturi l-kbar. Imma t-tbatija għax naqset il-fidi u anki għax naqsu r-riżorsi m’għandniex neħilsu minnha, imma għandna nafdawha f’idejn il-Mulej. U għalhekk tajjeb li t-talba għall-offerti b’risq il-missjonijiet tibqa’ ssir l-ewwel u qabel kollox lill-kotra kollha tal-imgħammdin, anki billi wieħed jaħdem b’mod ġdid fuq il-ġabra għall-missjonijiet li ssir fil-knejjes tal-pajjiżi kollha f’Ottubru, fl-okkażjoni tal-Jum Dinji tal-Missjonijiet. Il-Knisja tibqa’ dejjem miexja ’l quddiem anki grazzi għall-għotja tal-armla, għall-kontribut ta’ dik is-sħaba bla għadd ta’ persuni li jħossuhom imfejqa u mfarrġa minn Ġesù u li għalhekk, imfawra bil-gratitudni, jagħtu minn dak li għandhom.

 

7) Dwar l-użu tad-donazzjonijiet li jidħlu, għarblu dejjem b’sensus Ecclesiæ xieraq it-tqassim tal-fondi b’għajnuna lil strutturi u proġetti li jwettqu b’diversi modi l-missjoni appostlika u t-tħabbira tal-Vanġelu fid-diversi partijiet tad-dinja. Żommu dejjem quddiem għajnejkom il-ħtiġijiet veri primarji tal-komunitajiet, u fl-istess ħin evitaw forom ta’ assistenzjaliżmu, li flok joffru strumenti għat-tħeġġiġ missjunarju jispiċċaw jgħażżnu l-qlub u mqar fil-Knisja jrewħu fenomeni ta’ klijenteliżmu parassitista. Bis-sehem tagħkom ippruvaw agħtu tweġibiet konkreti għal esiġenzi oġġettivi, mingħajr ma taħlu riżorsi f’inizjattivi kkaratterizzati minn astrattezzi, awto-referenzjalità jew li joħorġu min-narċisiżmu klerikali ta’ xi ħadd. Iċċedux għal kumplessi ta’ inferjorità jew it-tentazzjonijiet li tippruvaw tkunu bħal dawk l-organizzazzjonijiet super-funzjonali li jiġbru l-fondi għal kawżi ġusti, imbagħad jużaw parti sew minnhom biex jiffinanzjaw il-ħidma tagħhom u biex jagħmlu pubbliċità tal-marka tagħhom. Anki dik xi drabi ssir triq biex jikkuraw qabelxejn l-interessi tagħhom, imqar jekk juru li qed jaħdmu għall-ġid tal-foqra u ta’ min hu fil-bżonn.

 

8) Dwar il-foqra, tinsewhomx lanqas intom. Din kienet ir-rakkomandazzjoni li, fil-Konċilju ta’ Ġerusalemm, l-Appostli Pietru, Ġwanni u Ġakbu għamlu lil Pawlu, Barnaba u Titu, li ġew biex jiddiskutu l-missjoni tagħhom fost il-pagani mhux ċirkonċiżi: “Talbuna biss, li min-naħa tagħna nibqgħu niftakru fil-fqar” (Gal 2:10). War dik ir-rakkomandazzjoni, Pawlu organizza l-ġabriet għall-aħwa tal-Knisja ta’ Ġerusalemm (ara 1 Kor 16:1). L-għażla preferenzjali tal-foqra u ċ-ċkejnin tagħmel parti sa mill-bidu mill-missjoni tax-xandir tal-Vanġelu. L-opri ta’ karità spiritwali u korporali magħhom juru “preferenza divina” li tisfida l-ħajja tal-fidi tal-Insara kollha, imsejħin biex ikollhom l-istess sentimenti ta’ Ġesù (ara Fil 2:5).

 

9) L-OMP, bix-xibka tagħkom mifruxa mad-dinja kollha, jirriflettu l-firxa għanja tal-“poplu b’elf wiċċ” miġmugħ mill-grazzja ta’ Kristu, bil-ħeġġa missjunarja tiegħu. Ħeġġa li mhix qawwija u ħajja dejjem u kullimkien l-istess. Imma, fil-qsim tal-istess urġenza li nistqarru lil Kristu li miet u rxoxta, nesprimu ruħna b’aċċenti differenti, u nadattaw ruħna għad-diversi kuntesti. Ir-rivelazzjoni tal-Vanġelu ma tidentifika ruħha ma’ ebda kultura u, fil-laqgħa ma’ kulturi ġodda li ma laqgħux il-predikazzjoni Nisranija, m’hemmx bżonn timponi għamla kulturali partikulari flimkien mal-proposta tal-Vanġelu. Illum, anki fil-ħidma tal-OMP, hemm bżonn ma nġorrux magħna bagalji tqal; hemm bżonn inħarsu l-profil varjat tagħhom u r-riferiment komuni tagħhom għall-karatteristiċi essenzjali tal-fidi. Il-pretensjoni li nistandardizzaw l-għamla tat-tħabbira, forsi billi nibnu kollox fuq clichè u slogans li huma moda f’ċerti ċrieki ta’ ċerti pajjiżi kulturalment jew politikament dominanti, tista’ xxekkel is-sens tal-universalità tal-fidi Nisranija. Għalhekk, anki r-relazzjoni speċjali li torbot lill-OMP mal-Papa u mal-Knisja ta’ Ruma tirrappreżenta riżorsa u żamma ta’ libertà, li jgħinu lil kulħadd jaħrab modi li jgħaddu, jew il-monotonija ta’ skejjel ta’ ħsieb unilaterali jew omologazzjonijiet kulturali ta’ bixra neokolonjalista. Fenomeni li b’xorti ħażina narawhom iseħħu anki f’kuntest ekkleżjastiċi.

 

10) L-OMP mhumiex fil-Knisja entità indipendenti, imdendla fl-arja. Fost il-kwalitajiet speċifiċi tagħhom li dejjem għandna nikkultivaw u nġeddu hemm ir-rabta speċjali li torbothom mal-Isqof tal-Knisja ta’ Ruma, li tippresiedi fil-karità. Kemm hi ħaġa sabiħa u ta’ faraġ nagħrfu li din ir-rabta tidher f’ħidma li ssir bil-ferħ, mingħajr ma tfittex applawsi jew tippretendi xejn! Opra li proprju fil-gratwità tagħha tintiseġ ħaġa waħda mas-servizz tal-Papa, qaddej tal-qaddejja ta’ Alla. Nitlobkom li l-karattru distintiv tal-qrubija tagħkom mal-Isqof ta’ Ruma jkun proprju dan: il-qsim fl-imħabba lejn il-Knisja, mera tal-imħabba lejn Kristu, li intom tgħixu fis-skiet, mingħajr tintefħu bikom infuskom, mingħajr toqogħdu timmarkaw it-“territorji tagħkom”. Bil-ħidma ta’ kuljum li tixrob mill-imħabba u mill-misteru tal-għotja b’xejn tagħha. B’opra li twieżen għadd bla tarf ta’ persuni interjorment grati, imma li forsi mank jafu lil min għandhom jirringrazzjaw, għax tal-OMP mank l-isem ma jafu. Il-misteru tal-karità, fil-Knisja, hekk iseħħ. Ejjew nibqgħu mexjin ’il quddiem flimkien, kuntenti li qalb il-provi ma naqtgħux qalbna, grazzi għad-doni u għall-faraġ tal-Mulej. Waqt li, ma’ kull pass, nagħrfu kuntenti li aħna lkoll qaddejja li ma niswew għal xejn, ibda minni.

 

Għeluq

 

Middu l-pass li jmiss b’din il-ħeġġa: fil-mixja li hemm tistenniekom hemm tant xi jsir. Jekk hemm bidliet xi jsiru fil-proċeduri, tajjeb li dawn jimmiraw biex iħaffu, u mhux biex iżidu l-toqol; ħa jfittxu li jġibu iktar flesibbiltà fil-ħidma tagħkom, u mhux jipproduċu sistemi iktar riġidi u dejjem mhedda minn introverżjoni. Żommu f’moħħkom li ċentralizzazzjoni żejda, flok tgħin, tista’ tikkumplika d-dinamika missjunarja. U anki artikulazzjoni tal-inizjattivi fuq skala purament nazzjonali tista’ tipperikola l-fiżjonomija nfisha tax-xibka tal-OMP, kif ukoll il-qsim tad-doni bejn il-Knejjes u l-komunitajiet lokali li huma jgħixu bħala frott u sinjal tanġibbli tal-imħabba bejn l-aħwa, fil-komunjoni mal-Isqof ta’ Ruma.

 

Hu x’inhu, itolbu dejjem li kull riflessjoni tagħkom dwar l-istruttura operattiva tal-OMP tkun imdawla mill-unika ħaġa meħtieġa: ftit ta’ mħabba vera lejn il-Knisja, bħala mera tal-imħabba ta’ Kristu. Dan tagħkom hu servizz mogħti liż-żelu appostoliku, jiġifieri lil qabża mħeġġa fil-ħajja teologali li l-Ispirtu s-Santu biss jista’ jwettaq fil-Poplu ta’ Alla. Intom aħsbu biex tagħmlu tajjeb ix-xogħol tagħkom, “bħallikieku kollox kien jiddependi minnkom, waqt li tafu li fil-verità kollox jiddependi minn Alla” (Sant’Injazju ta’ Loyola). Kif diġà għidtilkom f’laqgħa oħra tagħna, ħa jkollkom il-ħeffa ta’ Marija. Meta marret għand Eliżabetta, Marija m’għamlitx dan bħala ġest tagħha: marret bħala qaddejja tal-Mulej Ġesù, li kienet qed iġġorr f’ġufha. Dwarha nfisha ma qalet xejn, sempliċiment ħadet lil Binha u faħħret lil Alla. Ma kinitx hi l-protagonista. Marret bħala l-qaddejja ta’ Dak li huwa wkoll l-uniku protagonist tal-missjoni. Imma ma tilfitx żmien, marret tħaffef, biex tagħmel dak li bih setgħet tgħin lil qaribtha. Hi tgħallimna din il-prontezza, il-ħeffa tal-fedeltà u tal-adorazzjoni.

 

Il-Madonna tħares lilkom u l-Opri Missjunarji Pontifiċji, u jberikkom Binha, Sidna Ġesù Kristu. Hu, qabel ma tela’ s-Sema, wegħedna li ħa jibqa’ magħna għal dejjem. Sal-aħħar taż-żmien.

 

Mogħti Ruma, f’San Ġwann Lateran, il-21 ta’ Mejju 2020,

Solennità tat-Tlugħ tal-Mulej fis-Sema

 

Franġisku

 

 

miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard