Laikos

 

CHRISTUS DOMINUS

Digriet tal-Konċilju Vatikan II

dwar

l-Uffiċċju Pastorali tal-Isqfijiet

 

WERREJ

1 Daħla

 

KAP I L-ISQFIJIET U L-KNISJA UNIVERSALI

 

I Is-sehem tal-Isqfijiet fil-Knisja universali

4 Is-setgħa tal-Kulleġġ tal-Isqfijiet

5 Is-Sinodu jew Kunsill Ċentrali

6 L-Isqfijiet jieħdu sehem fil-premura għall-Knejjes kollha

7 Karità effikaċigħall-Isqfujiet persegwitati

 

II L-Isqfijiet u s-Sede Appostolika

8 Is-setgħat tal-Isqfijiet fid-djoċesijiet tagħhom

9 Id-Dikasteri tal-Kurja Rumana

10 Il-membri tad-Dikasteri

 

KAP II L-ISQFIJIET U L-KNEJJES PARTIKOLARI JEW DJOĊESIJIET 

 

I L-Isqfijiet Djoċesani

11 Kunċett ta' djoċesi u dmirijiet tal-Isqfijiet

12 Id-dmir li jgħallmu

13 Kif tgħallem it-tagħlim nisrani llum

14 It-tagħlim kateketiku

15 Id-dmir li jqaddsu

16 Id-dmir li jiggvernaw bħala rgħajja tal-erwieħ

17 Forom partikolari tal-appostolat

18 Ħsieb speċjali għal xi gruppi ta' fidili

19 Libertà tal-Isqfijiet fir-relazzjonijiet mal-awtorità ċivili

20 Libertà fil-ħatra tal-Isqfijiet

21 Rinunzja għall-ministeru episkopali

 

II Ċirkoskrizzjoni tad-Djoċesijiet

22 Reviżjoni tal-limiti tad-djoċesijiet

23Normi għar-reviżjoni tal-limiti tad-djoċesijiet

24 Konsultazzjoni tal-Konferenzi Episkopali

 

III Il-Kooperaturi tal-Isqof Djoċesan fil-Ministeru Pastorali

25 (1) L-Isqfijiet koadjuturi u awżiljarji

26 Fakultajiet tal-Isqfijiet awżiljarji u koadjuturi

27 (2) Kurja u Kunsilli Djoċesani

28 (3) Il-Kleru Djoċesan

29 Is-saċerdoti li jagħtu ruħhom għall-ħidmiet superparrokkjali

30 Il-Kappillani

31 Nomina, trasferiment, tneħħija u rinunzja tal-kapillani

32 Twaqqif u soppressjoni ta' parroċċa

33 (4) Ir-reliġjużi u l-ħidmiet tal-appostolat

34 Ir-reliġjużi, kooperaturi tal-Isqof fl-appostolat

35 Prinċipji dwar l-appostolat tar-reliġjużi fid-djoċesi

 

KAP III IL-KOOPERAZZJONI TAL-ISQFIJIET GĦALL-ĠID KOMUNI TA' DJOĊESIJET DIFFERENTI

 

I Is-Sinodi , il-Konċilji u l-Konferenzi Episkopali

36 Sinodu u Konċilji partikolari

37 Importanza tal-Konferenzi Episkopali

38 Definizzjoni, struttura, kompetenza u kooperazzjoni tal-Konferenzi

 

II Il-limiti tal-Provinċji Ekkleżjastiċi u t-twaqqif ta' Reġjunijiet Ekkleżjastiċi  

39 Prinċipji għar-reviżjoni tal-limiti

40 In-normi

41 Il-parir tal-Konferenzi Episkopali

 

III Dwar l-Isqfijiet li għandhom kariga interdjoċesana

42 Kooperazjoni mal-Isqfijiet

43 Il-vigarji għan-nies tal-militar

44 MANDAT ĠENERALI

 


 

DIGRIET DWAR

L-UFFIĊĊJU PASTORALI TAL-ISQFIJIET

 

''CHRISTUS DOMINUS''

 

Daħla

1.       Kristu l-Mulej, Bin  Alla l-ħaj, li ġie biex isalva l-poplu tiegħu mid-dnubiet[1] u biex iqaddes il-bnedmin kollha, kif Huwa ntbagħat mill-Missier hekk ukoll bagħat lill-Appostli tiegħu,[2] li Huwa qaddes billi tahom l-Ispirtu s-Santu, sabiex huma wkoll jagħtu ġieħ lill-Missier fuq l-art u jsalvaw il-bnedmin ''għall-bini tal-Ġisem ta' Kristu'' (Ef 4,12) li huwa l-Knisja.   

 

2.       F'din il-Knisja ta' Kristu l-Isqof ta' Ruma, bħala suċċessur ta' Pietru li Kristu fdalu n-nagħaġ u l-ħrief tiegħu biex jirgħahom, huwa mogħni, b'istituzzjoni divina, b'setgħa suprema, sħiħa, immedjata, u universali għall-ġid tal-erwieħ. Għalhekk, billi huwa tqiegħed ragħaj tal-fidili kollha biex iġib 'il quddiem il-ġid komuni tal-Knisja universali u l-ġid ta' kull waħda mill-knejjes, għandu f'idejh il-primat tas-setgħa ordinarja fuq il-Knejjes kollha.

          L-Isqfijiet ukoll, mqegħdin mill-Ispirtu s-Santu, huma suċċessuri tal-Appostli bħala rgħajja tal-erwieħ[3] u, flimkien mal-Papa u taħt l-awtorità għandhom il-missjoni li jkomplu sal-aħħar tas-sekli l-ħidma ta' Kristu, ragħaj  etern.[4] Infatti Kristu ta lill-Appostli u lis-suċċessuri tagħhom l-ordni u s-setgħa li jgħallmu lill-ġnus kollha, li jqaddsu lill-bnedmin fil-verità u jirgħuhom. Għalhekk l-Isqfijiet, bl-Ispirtu s-Santu li ngħatalhom, saru tabilħaqq għalliema tal-fidi, saċerdoti u rgħajja awtentiċi.[5]

 

3.       L-Isqfijiet, li għandhom sehem mill-ħsieb u r-responsabbiltà għall-knejjes kollha u, magħqudin ilkoll flimkien f'kulleġġ jew korp, għal dak li jmiss il-Knisja ta' Alla kollha kemm hi, iħaddmu l-uffiċċju episkopali tagħhom li rċevew permezz tal-konsagrazzjoni tagħhom bħala Isqfijiet[6] f'għaqda mal-Papa u taħt l-awtorità tiegħu f'dak kollu li għandu x'jaqsam mat-tagħlim u mat-treġija pastorali.

          L-Isqfijiet jaqdu dan id-dmir individwalment f'dawk l-oqsma tal-merħla tal-Mulej li nfdawlhom billi kull wieħed jieħu ħsieb il-knisja partikolari li ngħatat lilu jew, xi drabi, billi xi Isqfijiet flimkien jaqdu l-ħtiġiet komuni ta' knejjes differenti.

          Għaldaqstant dan il-Konċiju Mqaddes ikkunsidra l-kondizzjonijiet tas-soċjetà umana fi żmienna miexja lejn ordni ġdid[7], u bil-ħsieb li jiddetermina b'reqqa akbar id-dmirijiet pastorali tal-Isqfijiet iddeċieda li jagħti d-dispożizzjonijiet li ġejjin. 

 

 

 


 

Kap I

 

L-ISQFIJIET U L-KNISJA UNIVERSALI

 

I        Is-sehem tal-Isqfijiet fil-Knisja universali

 

Is-setgħa tal-kulleġġ tal-Isqfijiet

4.       L-Isqfijiet, bis-saħħa tal-konsagrazzjoni sagramentali u f'għaqda ġerarkika mal-kap u mal-membri tal-kulleġġ, huma kostitwiti membri tal-korp episkopali.[8] ''L-ordni tal-Isqfijiet, li huwa suċċessur tal-kulleġġ tal-Appostli fil-maġisteru u fit-tmexxija pastorali, li fih, anzi, jitkompla mingħajr waqfien il-korp appostoliku, għandu wkoll, flimkien mal-Isqof ta' Ruma u qatt mingħajru bħal ir-ras tiegħu, l-ogħla setgħa u setgħa sħiħa fuq il-Knisja kollha. Din is-setgħa ma tistax, iżda, tkun eżerċitata mingħajr il-kunsens tal-Isqof ta' Ruma''.[9] Din is-setgħa ''hija eżerċitata b'mod sollenni fil-Konċilju Ekumeniku''[10] u għalhekk dan il-Konċilju Mqaddes jistabbilixxi illi l-Isqfijiet kollha li jkunu membri tal-Kulleġġ episkopali għandhom id-dritt li jieħdu sehem fil-Konċilju  Ekumeniku.

          ''L-istess setgħa kolleġġjali tista' tkun eżerċitata flimkien mal-Papa mill-Isqfijiet imxerrda mad-dinja kollha, sakemm ir-ras tal-Kulleġġ issejħilhom għal azzjoni kolleġġjali, jew almenu tapprova jew taċċetta liberament l-azzjoni magħquda tal-Isqfijiet imxerrdin b'mod li minnha jirriżulta att tassew kolleġġjali.''[11]  

 

Is-Sinodu jew Kunsill Ċentrali

5.       Kollaborazzjoni aktar effikaċi mal-ogħla ragħaj tal-Knisja jistgħu jagħtuha, bil-modi diġà stabbiliti jew li għad ikunu stabbiliti mill-Papa, l-Isqfijiet magħżula min-naħiet differenti tad-dinja mlaqqgħin f'kunsill imsejjaħ bl-isem ta' ''Sinodu tal-Isqfijiet''[12] sinodu li, fil-waqt li jirrappreżenta l-Episkopat kollu, juri li l-Isqfijiet kollha f'għaqda ġerarkika jerfgħu flimkien it-toqol tar-responsabbiltà għall-Knisja universali.[13]    

 

L-Isqfijiet jieħdu sehem fil-premura għall-knejjes kollha

6. L-Isqfijiet bħala suċċessuri leġittmi tal-appostli u membri tal-Kulleġġ episkopali għandhom jagħrfu li huma dejjem magħqudin bejniethom u għandhom juru ħsieb għall-Knejjes kollha għaliex b'dispożizzjoni divina u minn dak li jitlob l-uffiċċju appostoliku kull wieħed minnhomhuwa responsabbli għall-Knisja flimkien mal-Isqfijiet l-oħra.[14] B'mod partikulari għadhom jieħdu interess f'dawk il-partijiet tad-dinja fejn il-Kelma ta' Alla għadha ma tħabbritx jew fejn, l-aktar ħtija tal-għadd skars tas-saċerdoti, l-insara huma fil-periklu li jitbiegħdu mill-prattika tal-ħajja nisranija, anzi li jitilfu l-istess fidi.

          Iħabirku għalhekk b'saħħithom kollha l-Isqfijiet sabiex il-fidili bil-ħeġġa kollha jagħtu l-appoġġ tagħhom u jġibu ' l quddiem  il-ħidmiet ta' evanġelizzazzjoni u ta' appostolat. Barra minn hekk, jaħsbu biex iħejju saċerdoti addattati u awżiljarji, kemm reliġjużi kemm lajċi, mhux biss għall-missjonijiet imma wkoll għall-inħawi fejn hemm nuqqas ta' kleru. Għandhom jagħmlu wkoll ħilithom sabiex xi wħud mis-saċerdoti tagħhom imorru jew fl-artijiet tal-missjonijew fid-djoċesijiet imsemmija biex hemmhekk jeżerċitaw il-ministeru tagħhom għal ħajjithomkollha jew għallanqas għal xi zmien determinat.

          Jiftakru l-Isqfijiet li wkoll fl-użu tal-ġid tal-Knisja għandhom jitqiesu l-ħtiġiet mhux biss tad-djoċesi tagħhom imma wkoll ta' knejjes partikolari oħra, għaliex huma wkoll jagħmlu parti mill-Knisja waħdanija ta' Kristu. U fl-aħħarnett, safejn jippermettulhom il-forzi tagħhom, jieħdu ħsieb jgħinu djoċesijiet u nħawi oħra fid-diżgrazzji li jsibu ruħhom fihom.

 

Karità effikaċi għall-Isqfijiet persegwitati

7.       Fuq kollox l-Isqfijiet għandhom b'imħabba ta' aħwa jħaddnu u attivament jieħdu ħsieb dawk l-Isqfijiet l-oħra li għal isem Kristu saru oġġett ta' kalunji u ta' persekuzzjonijiet jew qegħdin fil-ħabs jew huma mfixklin milli jeżerċitaw il-ministeru tagħhom. Ifittxu, b'hekk, li bit-talb u bl-għemil inaqqsu u jtaffu t-tbatija ta' ħuthom fl-episkopat.

 

      

 

II L-Isqfijiet u s-Sede Appostolika

 

Is-setgħat tal-Isqfijiet fid-djoċesijiet tagħhom

8.       (a) L-Isqfijiet bħala suċċessuri tal-Appostli, fid-djoċesijiet fdati lilhom għandhom kull setgħa ordinarja, proprja u immedjata li tinħtieġ għall-eżerċizzju tal-ministeru pastorali tagħhom, filwaqt li tibqa' bla mittiefsa f'kull qasam is-setgħa li l-Isqof ta' Ruma għandu bħala parti mill-uffiċċju tiegħu li jirriżerva xi kawżi għalih innifsu jew għal xi awtorità oħra .

          (b) Kull wieħed mill-Isqfijiet djoċesani, f'kas partikolari, għandu l-fakultà li jiddispensa minn xi liġi ġenerali tal-Knisja lill-fidili li fuqhom leġittimament jeżerċita l-awtorità  tiegħu kull darba li tiġġudika li dan jiswa, basta ma tkunx saret xi riserva speċjali f'din il-ħaġa mill-ogħla awtorità tal-Knisja.

 

Id-Dikasteri tal-Knisja Rumana

9.       Fl-eżerċizzju tas-setgħa tiegħu l-aktar għolja, setgħa sħiħa u immedjata fuq il-Knisja kollha, l-Isqof ta' Ruma jinqeda bid-dikasteri tal-Kurja Rumana li għalhekk jaqdu l-ħidma tagħhom f'isem u bl-awtorità tiegħu għall-ġid tal-knejjes u għas-servizz tar-Rgħajja Mqaddsa.

          Il-Padri ta' dan il-Konċilju Mqaddes ifissru x-xewqa li dawn id-dikasteri, li bla dubju sa llum taw għajnuna prezzjuża lill-Isqof ta' Ruma u lir-Rgħajja tal-Knisja, jingħatalhom ordinament ġdid li jaqbel iżjed għall-ħtiġiet taż-żminijiet, tal-artijiet u tar-riti differenti, l-aktar f'dak li jolqot l-għadd tagħhom, kif jissejħu, il-kompetenza tagħhom, il-proċedura u l-koordinament tax-xogħol tagħhom.[15] Il-Padri jixtiequ wkoll illi waqt li tingħata konsiderazzjoni lill-ministeru pastorali tal-Isqfijiet, ikun definit bl-eżattezza akbar l-uffiċju tal-Legati tal-Papa.

 

Il-membri tad-dikasteri

10.     Billi dawn id-dikasteri twaqqfu għall-ġid tal-Knisja universali, huwa wkoll mixtieq li l-membri tagħhom, l-uffiċjali u l-konsulturi, u wkoll il-Legati tal-Papa, sakemm huwa possibbli, jintgħażlu aktar ta' spiss minn inħawi differenti tal-Knisja hekk illi l-uffiċċji jew organi ċentrali tal-Knisja jieħdu sura tassew universali .

                 Huwa mixtieq ukoll li fost il-membri tad-Dikasteri jkunu magħduda xi Isqfijiet, l-aktar djoċesani, sabiex ikunu jistgħu b'mod iżjed sħiħ jippreżentaw quddiem il-Papa l-mentalità, ix-xewqat u l-ħtigiet tal-Knejjes kollha.

          Fl-aħħarnett il-Padri Konċiljari jqisuha ħaġa utli ħafna li dawn id-Dikasteri jitolbu iżjed milli sar fl-imgħoddi l-parir tal-lajċi li jintagħżlu għall-virtù, it-tagħlim u l-esperjenza tagħhom, sabiex huma wkoll ikollhom is-sehem li jixirqilhom fil-ħajja tal-Knisja.

 

 

 


 

Kap II

 

L-ISQFIJIET U L-KNEJJES PARTIKOLARI JEW DJOĊESIJIET

 

I L-Isqfijiet Djoċesani

 

Kunċett ta' djoċesi u dmirijiet tal-Isqfijiet

11.     Id-djoċesi hija parti mill-Poplu ta' Alla, fdata lill-ħsieb pastorali tal-Isqfijiet megħjun mill-presbyterium tiegħu, hekk illi filwaqt li tibqa' marbuta mar-Ragħaj tagħha u maqgħuda fl-Ispirtu s-Santu permezz tal-Evanġelju u tal-Ewkaristija, tifforma knisja partikolari li fiha tinsab preżenti u attiva l-Knisja ta' Kristu, waħda, qaddisa, kattolika u appostolika.

          Kull wieħed mill-Isqfijiet li għandu f'idejh il-ħsieb ta' Knisja partikolari, taħt l-awtorità tal-Papa, jirgħa f'isem il-Mulej, bħala ragħaj propju, ordinarju u immedjat, il-ħrief tiegħu u għall-ġid tagħhom iħaddem l-uffiċċju ta' tagħlim, ta' tqaddis u ta' treġija. L-Isqfijiet, iżda, għandhom jagħrfu l-jeddijiet li jmissu leġittimament lill-Patrijarki u lill-Awtoritajiet l-oħra ġerarkiċi.[16] 

          L-Isqfijiet għandhom jiżvolġu l-uffiċċju appostoliku tagħhom bhala xhieda ta' Kristu quddiem il-bnedmin kollha u jieħdu interess mhux biss f'dawk li huma diġa dixxipli tal-Prinċep tar-Rgħajja imma wkoll jiddedikaw ruħhom bil-ħila tagħhom kollha għal dawk li b'mod jew ieħor tbiegħdu mit-triq tas-sewwa jew li għadhom ma jagħrfux l-Evanġelju ta' Kristu u l-ħniena tiegħu li ssalva, sakemm il-bnedmin kollha jimxu fit-triq ''f'kull ma hu tjieba ......, f'kull ma hu ġustizzja, f'kull ma hu verità'' (Ef 5,9).    

 

Id-dmir li jgħallmu

12.     L-Isqfijiet għandhom l-uffiċċju li jgħallmu. Waħda mill-aqwa ħwejjeġ li dan l-uffiċċju jitlob hija dik li jxandru l-Evanġelju ta' Kristu lill-bnedmin u, bil-qawwa tal-Ispirtu, isejħulhom għall-fidi jew iwettquhom fil-fidi ħajja; huma għandhom iqiegħdu quddiemhom il-misteru ta' Kristu kollu kemm hu, jiġifieri dawk il-veritajiet li min ma jafhomx ma jafx lil Kristu; u hekk ukoll juruhom it-triq li Alla rrivela biex il-bnedmin jagħtuh glorja u fl-istess ħin jiksbu l-ħena ta' dejjem .[17] 

          Barra minn dan għandhom ifissru li skont il-pjan ta' Alla l-ħwejjeġ tad-dinja stess u l-istituzzjonijiet umani qegħdin ukoll għas-salvazzjoni tal-bnedmin u għalhekk jistgħu jiswew mhux ftit għall-bini tal-ġisem ta' Kristu.

          Għalhekk jgħallmuhom xi stima għandu jkollna, skont id-dottrina tal-Knisja, lejn il-persuna tal-bniedem, il-libertà tiegħu u l-istess ħajja fiżika tiegħu; lejn il-familja u l-għaqda u l-istabbilità tagħha, il-prokreazzjoni u l-edukazzjoni tal-ulied; lejn is-soċjetà ċivili bil-liġijiet u bil-professjonijiet differenti tagħha; lejn ix-xogħol u l-mistrieħ, l-arti u t-teknika, lejn il-faqar u l-għana. Fl-aħħarnett, l-Isqfijiet għandhom ifissru kif għandhom jinħallu l-problemi mill-aktar gravi dwar il-pussess tal-ġid materjali u l-iżvilupp u t-tqassim ġust tiegħu, dwar il-paċi u l-gwerra u dwar kif il-popli kollha jistgħu jgħixu flimkien bħal aħwa.[18]

 

Kif tgħallem it-tagħlim nisrani illum

13.     L-Isqfijiet għandhom ifissru t-tagħlim nisrani b'mod li jwieġeb tajjeb għall-ħtiġiet taż-żmien, jiġifieri li jagħti tweġiba għad-diffikultajiet u l-problemi li jinkwetaw u jdejqu l-bnedmin. Fl-istess ħin għandhom iħarsu din id-Dottrina u jgħallmu lill-insara biex jiddefenduha u jxerrduha huma wkoll. Huma u jfissru din id-Dottrina għandhom juru sewwa l-ħerqa tal-Knisja bħala omm għall-bnedmin kollha, nsara u mhumiex; u b'mod speċjali jieħdu ħsieb il-foqra uż-żgħar fis-soċjetà għax għand dawn bagħathom il-Mulej biex iħabbrulhom l-Evanġelju.

          U billi l-Knisja ma tistax ma tagħmilx djalogu mas-soċjetà umana[19]  li fostha tgħix, huma l-ewwelnett l-Isqfijiet li għandhom id-dmir li jersqu lejn il-bnedmin u jfittxu li jagħmlu djalogu magħhom u jissuktawh. Imma sabiex f'dan id-djalogar siewi l-verità tibqa' msieħba mal-karità u l-komprensjoni  mal-imħabba, huwa meħtieġ mhux biss li d-diskors ikun ċar, bl-umiltà u bil-ħlewwa, imma wkoll li jsir bil-prudenza neċessarja msieħba mal-fiduċja għaliex il-fiduċja, filwaqt li tgħin biex tikber il-ħbiberija, twassal ukoll b'mod naturali biex il-fehmiet u l-qlub jersqu lejn xulxin[20].

          Għat-tixrid tad-Dottrina nisranija l-Isqfijiet għandhom jirrikorru għall-mezzi li llum hawn disponibbli; u qabel xejn għall-predikazzjoni u l-istruzzjoni kateketika li għandhom dejjem importanza mill-akbar; imbagħad jirrikorru għat-tagħlim tad-dottrina fl-iskejjel, fl-universitajiet, f'konferenzi u laqgħat ta' kull għamla; fl-aħħarnett f'dikjarazzjonijiet pubbliċi, fl-okkażjoni ta' xi ġrajja speċjali, magħmulin fl-istampa u bil-mezzi l-oħra tal-komunikazzjoni soċjali li bihom jeħtieġ li wieħed jinqeda għat-tħabbir tal-Evanġelju ta' Kristu.[21] 

 

It-tagħlim kateketiku

14.     L-Isqfijiet għandhom jgħassu sabiex it-tagħlim kateketiku, li għandu bħala skop illi l-fidi fil-bnedmin issir ħajja, kuxjenti u attiva, jingħata b'ħerqa u bi ħsieb kemm lit-tfal u liż-żgħażagħ, kemm lill-kbar. Jieħdu ħsieb li dan it-tagħlim isir b'ordni u b'metodu addattati mhux biss għall-materja li tkun qed tiġi trattata iżda wkoll għall-mentalità, il-kapaċità, l-età, u l-kondizzjoni tal-ħajja tas-semmiegħa; iqisu li dan it-tagħlim ikun mibni fuq l-Iskrittura Mqaddsa, it-Tradizzjoni, il-Liturġija, il-Maġisteru u l-ħajja tal-Knisja.

          Jaħsbu wkoll biex il-katekisti jitħejjew kif jixraq għall-uffiċċju tagħhom sabiex huma jkunu jafu fil-fond id-dottrina tal-Knisja u jitgħallmu fit-teorija u fil-prattika l-liġijiet tal-psikoloġija u l-materji tal-pedagoġija.

          Ifittxu wkoll li jibdew mill-ġdid jew jaddattaw aħjar għaż-żminijiet tagħna l-istituzzjoni tal-katekumeni adulti.

 

Id-dmir li jqaddsu

15.     Fit-twettiq tal-ministeru tagħhom ta' tqaddis l-Isqfijiet għandhom jiftakru li huma ttieħdu minn fost il-bnedmin u tqiegħdu għall-bnedmin f'dak li għandu x'jaqsam ma' Alla sabiex joffru l-għotjiet u sagrifiċċji għad-dnubiet. Infatti l-Isqfijiet għandhom il-milja tas-Sagrament tal-Ordni, minnhom jiddependu fit-tħaddim tas-setgħa tagħhom kemm il-presbiteri, li huma wkoll ikkonsagrati veri saċerdoti tat-Tesrment il-Ġdid sabiex ikunu kooperaturi għaqlin tal-ordni episkopali, kemm id-djakni li f'għaqda mal-Isqof u fis-servizz tal-presbyterium tiegħu huma destinati għas-servizz tal-Poplu ta' Alla. L-Isqfijiet għalhekk huma d-dispensaturi ewlenin tal-misteri ta' Alla u fl-istess ħin dawk li jirregolaw, iġibu 'l quddiem u jħarsu l-ħajja liturġika kollha fil-Knisja fdata lilhom.[22]

          Jagħmlu għalhekk ħilithom kollha sabiex il-fidili, permezz tal-Ewkaristija, jagħrfu dejjem aktar fil-fond u jgħixu l-misteru tal-Għid sabiex jiffurmaw ġisem mibni f'għaqda sħiħa, fl-unità tal-karità ta' Kristu.[23]

          ''Waqt li jagħtu ruħhom għat-talb u għall-ministeru tal-kelma'' (Atti 6,4) jagħmlu l-impenn tagħhom kollu sabiex dawk kollha li huma fdati lill-ħsieb tagħhom ikunu lkoll qalb waħda fit-talb[24] u sabiex filwaqt li jirċievu s-sagramenti mqaddsa jikbru fil-grazzja u jkunu xhieda fidili tal-Mulej.

          Billi huma mqabbdin biex jipperfezzjonaw il-merħla tagħhom, l-Isqfijiet għandhom ifittxu li jmexxu 'l quddiem fil-ħajja tal-qdusija l-kleru tagħhom, ir-reliġjużi u l-lajċi, skont il-vokazzjoni partikolari ta' kull wieħed minnhom,[25] persważi mill-obbligu li għandhom li jagħtu huma l-eżempju tal-qdusija fil-karità, fl-umiltà u fis-sempliċità tal-ħajja. Għandhom iwasslu l-Knejjes fdati lilhom sa dak il-grad ta' qdusija li fihom ikun jiddi s-sens tal-Knisja universali ta' Kristu. Għalhekk ifittxu li jkattru kemm jistgħu l-vokazzjonijiet saċerdotali u reliġjużi, b'mod partikolari l-vokazzjonijiet missjunarji.

 

Id-dmir li jiggvernaw bħala rgħajja tal-erwieħ.

16.     Huma u jaqdu l-uffiċċju tagħhom ta' missirijiet u rgħajja, l-Isqfijiet, fost il-poplu tagħhom, għandhom igibu ruħhom bħal dawk li jaqdu[26], bħala rgħajja tajbin li jagħrfu n-nagħaġ tagħhom u n-nagħaġ tagħhom jagħrfu lilhom, bħala missirijiet tassew li jingħażlu għall-ispirtu tagħhom ta' karità u ta' żelu għal kulħadd, b'mod illi l-insara kollha, minn qalbhom, joqgħodu għall-awtorità li l-Isqfijiet rċevew minn għand Alla. Huma għandhom jiġbru l-merħla kollha tagħhom f'familja waħda u jagħtuha dik il-formazzjoni meħtieġa biex kulħadd jagħraf u jħoss il-piż tal-uffiċċju tiegħu, u jgħix u jaqdi dmiru f'xirka ta' karità.

          Biex jilħqu dan l-iskop l-Isqfijiet, ''mħejjija għal kull għemil tajjeb'' (2 Tim 2,21) u ''fil-waqt li jieħdu kollox bis-sabar għall-imħabba ta' dawk li Alla għażel'' (2 Tim 2,10), għandhom jirregolaw ħajjithom b'mod li tkun tista' taqbel mal-ħtiġiet ta' żminijietna.

          Għandhom iħaddmu dejjem b'karità partikolari s-saċerdoti, għaliex huma jieħdu sehem fil-ministeri u l-preokkupazzjonijiet tagħhom u jaqsmuhom magħhom b'daqshekk ħeġġa fil-ħajja ta' kuljum. Iqisuhom bħala wliedhom u ħbiebhom[27] u għalhekk ikunu lesti li jisimgħuhom u jittrattawhom b'fiduċja biex b'hekk toktor fid-djoċesi kollha ħidma pastorali għalenija.

          Għandhom jinteressaw irwieħhom fil-kondizzjonijiet tagħhom spiritwali, intelletwali u materjali sabiex huma (is-saċerdoti) jkunu jistgħu jgħixu ħajja qaddisa u twajba, u jaqdu l-ministeri tagħhom b'fedeltà u jiksbu frott kotran. Għal dan l-iskop għandhom jinkoraġġixxu istituzzjonijiet u jorganizzaw laqgħat speċjali maħsuba sewwa li jservu għat-tiġdid ta' ħajjithom b'korsijiet itwal ta' eżerċizzi spiritwali u għall-approfondiment tax-xjenzi ekkleżjastiċi, l-aktar tal-Iskrittura Mqaddsa u tat-Teoloġija, tal-problemi soċjali l-aktar importanti u tal-metodi ġodda tal-ħidma pastorali. Isegwu b'mogħdrija, imsieħba mal-fatti, dawk is-saċerdoti li għal xi raġuni jew oħra qegħdin fil-periklu jew b'xi mod naqsu minn dmirijiethom.

          Sabiex ikunu jistgħu jaħsbu aħjar għall-ġid tal-fidili, skont il-ħtieġa ta' kull wieħed, iħabirku sabiex jagħrfu fil-fond il-ħtiġiet tagħhom u l-kondizzjonijiet soċjali li jgħixu fihom, u għaldaqstant jagħmlu użu mill-mezzi kollha f'waqthom u l-aktar mir-riċerka soċjali. Għandhom juru ħsieb għal kulħadd, nies ta' kull età, kondizzjoni u nazzjonalità, sew jekk ikunu mill-pajjiż sew jekk ikunu waqfu fil-pajjiż waqt li għaddejjin minnu jew frustieri. Huma u jagħmlu din il-ħidma pastorali jirrispettaw is-sehem li jmiss lill-fidili tagħhom fil-ħwejjeġ tal-Knisja u jagħrfulhom ukoll id-dmir u l-jedd li jikkollaboraw attivament għall-bini tal-Ġisem mistiku ta' Kristu.

          Għandhom iħobbu l-aħwa mifrudin minna u jirrikkmandaw ukoll lill-fidili tagħhom li jittrattawhom bl-akbar ġentilezza u karità, u hekk jiffavorixxu l-ekumeniżmu kif tifhmu l-Knisja.[28] Għandhom jieħdu ħsieb ukoll ta' dawk li mhumiex mgħammdin sabiex lilhom ukoll tidher tiddi l-karità ta' Kristu Ġesù li tiegħu l-Isqfijiet huma xhieda quddiem kulħadd.

 

Forom partikolari ta' appostolat

17.     Għandhom ikunu żviluppati d-diversi għamliet ta' appostolat; fid-djoċesi kollha u f'kull parti tagħha l-ħidmiet kollha tal-appostolat għandhom ikunu koordinati kif jixraq u magħqudin sfieq bejniethom taħt it-tmexxija tal-Isqof b'mod illi l-inizjattivi u l-ħidmiet kollha ta' għamla katekistika, missjunarja, karittativa, soċjali, familjari, skolastika u kull xogħol ieħor maħsub għal skopijiet pastorali għandhom jitwasslu għal ħidma għalenija li biha tkun tidher aktar ċar l-unità tad-djoċesi.

          Għandu jitfisser b'insistenza illi l-insara għandhom id-dmir li jagħmlu appostolat skont il-kondizzjoni u l-kapaċitajiet tagħhom u għandu jkun irrikkmandat lilhom li jieħdu sehem jew jagħtu appoġġ lill-ħidmiet differenti tal-appostolat tal-lajċi u speċjalment lill-Azzjoni Kattolika. Għandhom ukoll isibu appoġġ u jkunu żviluppati l-assoċjazzjonijet li direttament jew indirettament iwasslu għal skop soprannaturali, jiġifieri dawk li bihom tinkiseb ħajja aktar perfetta jew li bihom jitħabbar l-Evanġelju ta' Kristu lill-bnedmin jew tkun imxerrda d-dottrina nisranija u jissaħħaħ il-kult pubbliku jew li għandhom skopijiet soċjali jew li jagħmlu ħidmiet ta' tjieba u ta' karità.

          L-għamliet ta' appostolat għandhom ikunu adattati għall-ħtiġiet ta' żminijietna, filwaqt li wieħed iżomm quddiem għajnejh il-kondizzjonijiet li fihom jinsabu l-bnedmin, u mhux biss il-kondizzjonijiet spiritwali u morali iżda wkoll dawk soċjali, demografiċi u ekonomiċi. U biex dan l-iskop jintlaħaq b'mod effikaċi u li jagħti frott, tista' tinkiseb għajnuna mhux żgħira mir-riċerki soċjali u reliġjużi magħmulin permezz ta' uffiċċju tas-soċjoloġija pastorali li huma rrikkmandati b'kull ħeġġa.

         

Ħsieb speċjali għal xi gruppi ta' fidili

18.     Għandu jittieħed ħsieb speċjali ta' dawk il-fidili li ħtija tal-kondizzjoni ta' ħajjithom ma jistgħux jibbenefikaw mill-ħidma ordinarja tal-kappillani jew li mċaħħdin min kull assistenza bħalma huma ħafna mill-emigranti, eżiljati, refuġjati, nies tal-baħar, dawk li jaħdmu fit-trasport tal-ajru, nomadi u kategoriji oħra bħalhom ta' bnedmin. Ikunu addottati wkoll sistemi addattati ta' assistenza spiritwali għat-turisti.

          Il-Konferenzi Episkopali u l-aktar dawk nazzjonali għandhom jagħtu attenzjoni ħerqana għall-problemi l-aktar urġenti li jolqtu l-kategoriji ta' nies imsemmija u b'mezzi u istituzzjonijiet opportuni, b'rieda u forza għalenija, jipprovdu b'mod xieraq għall-assistenza reliġjuża tagħhom filwaqt li jiftakru, qabel xejn, fid-dispożizzjonijiet mogħtija jew li għad jingħataw mis-Sede Appostolika[29] li għandhom ikunu addattati kif jaqbel għas-sitwazzjonijiet differenti ta' żminijiet, pajjiżi u persuni.

 

Libertà tal-Isqfijiet fir-relazzjonijiet mal-awtorità ċivili

19.     Huma u jagħmlu l-ministeru appostoliku tagħhom, li għandu bħala skop is-salvazzjoni tal-bnedmin, l-Isqfijiet, bħala tali, għandhom libertà sħiħa u perfetta u indipendenza minn kull awtorità ċivili. Għalhekk ħadd m'għandu jfixkilhom, direttament jew indirettament, milli jħaddmu l-inkarigu ekkleżjastiku tagħhom jew jimpedihom milli jkunu jistgħu liberament jikkomunikaw mas-Sede Appostolika jew ma' Awtoritajiet ekkleżjastiċi oħra jew mas-sudditi tagħhom.

          Bla dubju ta' xejn r-Rgħajja mqaddsa, mill-fatt stess illi jieħdu ħsieb il-ġid spiritwali tal-merħla tagħhom, iġibu 'l quddiem ukoll il-progress soċjali u ċivili u l-prosperità; għal dan l-iskop huma jgħaqqdu wkoll -- dejjem fl-isfera tad-dmirijiet tagħhom u kif jixraq lill-Isqfijiet -- is-sehem tagħhom ta' ħidma ma' dak tal-awtoritajiet pubbliċi u jnisslu fil-fidili tagħhom ubbidjenza għal-liġijiet u rispett lejn l-awtoritajiet imwaqqfin leġittimament .

 

Libertà fil-ħatra tal-Isqfijiet

20.     Billi l-ministeru appostoliku twaqqaf minn Sidna Ġesù Kristu u jrid jilħaq skop spiritwali u soprannaturali, dan is-Sinodu Ekumeniku Mqaddes jiddikjara li d-dritt tan-nomina u tal-għażla tal-Isqfijiet huwa propju, pekuljari u bħala tali esklussiv tal-Awtorità kompetenti tal-Knisja.

          Għaldqastant, sabiex titħares kif jixraq il-libertà tal-knisja u biex il-ġid tal-fidili jintlaħaq aħjar u b'aktar ħeffa, dan il-Konċilju Mqaddes ifisser ix-xewqa li għal li ġej lill-awtorità ċivili ma jingħatawlhiex iżjed drittijiet u privileġġi ta' għażla, nomina, preżentazzjoni u ħatra għall-uffiċċju episkopali. Lil dawk l-awtoritajiet ċivili, mbagħad li bħalissa qegħdin igawdu dawn id-drittijiet u privileġġi bis-saħħa ta' xi ftehim jew konswetudni, dan il-Konċilju Mqaddes, fil-waqt li jfisser ħajr u apprezzament sinċier għar-rispett muri minnhom lejn il-Knisja, jitlobhom bil-ħerqa sabiex wara ftehim mas-Sede Appostolika jogħġobhom jirrinunzjaw minn jeddhom għal dawk id-drittijiet u privileġġi.

 

Rinunzja għall-ministeru episkopali

21.     La darba d-dmir pastorali tal-Isqfijiet għandu importanza hekk kbira u jġib miegħu responsabbiltajiet gravi, l-Isqfijiet djoċesani u dawk li skont il-liġi jingħaddu magħhom, huma mitlubin bil-ħeġġa sabiex, meta ħtija tal-età avvanzata tagħhom jew għal xi raġuni oħra gravi ma jibqgħux kapaċi li jomplu jaqdu dmirijiethom, minn jeddhom jew fuq stedina tal-Awtorità kompetenti jirrinunzjaw għall-uffiċċju tagħhom. Min-naħa tagħha l-Awtorità kompetenti, jekk taċċetta r-riżenja, tipprovdi kemm għall-manteniment xieraq ta' dawk li jirrinunzjaw kemm biex tagħraf id-drittijiet speċjali tagħhom.

 

II Ċirkoskrizzjoni tad-Djoċesijiet

 

Reviżjoni tal-limiti tad-djoċesijiet

22.     Sabiex ikun jista' jintlaħaq l-iskop propju tad-djoċesi  hu meħtieġ li tkun tidher ċar in-natura tal-Knisja fil-Poplu ta' Alla li qiegħed fiha, meħtieġ ukoll li l-Isqfijiet ikunu jistgħu jsqdu fid-djoċesi ddmirijiet pastorali tagħhom b'mod effikaċi, u li fl-aħħarnett, b'mod kemm jista' jkun perfett, jittieħed ħsieb tal-assistenza spiritwali tal-Poplu ta' Alla.

          Dan kollu jitlob mhux biss determinazzjoni xierqa tal-limiti territorjali tad-djoċesi imma wkoll tqassim tal-kleru u tal-mezzi skont kif jitolbu l-esiġenzi tal-appostolat. Dawn il-miżuri jisfgħu ta' ġid nhux biss għas-saċerdoti u l-fidili interessati imma għall-Knisja kattolika kollha kemm hi.

          Għaldaqstant, għal dak li jolqot iċ-ċirkoskrizzjonijiet djoċesani, il-Konċilju Mqaddes jiddisponi li fejn hekk jitlob il-ġid tal-erwieħ għandha bil-prudenza ssir kemm jista' jkun malajr reviżjoni tal-limiti tad-djoċesijiet billi ssir diviżjoni, żmembrament jew unjoni tagħhom jew bit-tibdil tal-limiti jew bit-trasferiment tas-sedi episkopali għall-postijiet aktar addattati, jew, fl-aħħarnett, l-aktar meta jkunu djoċesijiet iffurmati minn bliet kbar, billi tingħatalhom organizzazzjoni interna ġdida.

         

Normi għar-reviżjoni tal-limiti tad-djoċesijiet

23.     Fir-reviżjoni tal-limiti tad-djoċesijiet jitqies qabel xejn li titħares l-unità organika ta' kull djoċesi għal dak li jolqot il-persuni, l-uffiċċji u l-istituzzjonijiet hekk kif isir għal ġisem ħaj. F'kull każ, imbagħad wara li jkunu studjati b'attenzjoni ċ-ċirkustanzi kollha, għandhom jinżammu dawn il-kriterji li ġejjin:

          (1) Meta jiġu stabbiliti l-limiti tad-djoċesi, sakemm ikun possibbli, wieħed għandu jżomm quddiem għajnejh l-elementi differenti li minnhom ikun magħmul il-poplu ta' Alla; dan jgħin ħafna biex il-ħidma pastorali ssir aħjar. Fl-istess ħin għandu jsir b'mod li, safejn hu possibbli, dawn il-gruppi demografiċi, flimkien mal-uffiċċji u l-istituzzjonijiet soċjali li minnhom hija magħmula l-istruttura organika tagħhom, għandhom kemm jista' jkun jinżammu magħqudin flimkien. Għaldaqstant it-territorju ta' kull djoċesi m'għandux ikollu diviżjonijiet.

          Jekk iċ-ċirkustanzi jippermettu għandhom ikunu osservati l-limiti taċ-ċirkoskrizzjonijiet ċivili u l-kondizzjonijiet partikolari tan-nies u tal-post bħalma huma dawk psikoloġiċi, ekonomiċi, ġeografiċi u storiċi.

          (2) Ġeneralment l-estensjoni tat-territorju djoċesan u l-għadd ta' dawk li joqgħodu fih għandhom ikunu tali li minn naħa waħda l-Isqof, ukoll jekk bl-għajnuna ta' oħrajn, ikun jista' jaqdi kif jixraq il-funzjonijiet ta' Isqof u jagħmel il-visti pastorali, jiddirieġi u jikkoordina b'mod xieraq il-ħidmiet kollha tal-appostolat fid-djoċesi u l-aktar li jkun jaf is-saċerdoti, ir-reliġjużi u l-lajċi li b'xi mod jieħdu sehem fil-ħidmiet djoċesani; min-naħa l-oħra l-qasam tal-ħidma jrid ikun biżżejjed kbir u tajjeb illi kemm l-Isqof kemm il-kleru jistgħu jimpenjaw b'mod utli l-enerġija tagħhom fil-ministeru filwaqt li jżommu quddiem għajnejhom il-ħtiġiet tal-Knisja universali.

          (3) Fl-aħħarnett, sabiex fid-djoċesi jkun jista' jsir b'mod aktar konvenjenti l-ministeru tal-fidwa, għandha tkun osservata r-regola li f'kull djoċesi jkun hemm almenu biżżejjed saċerdoti, kemm fil-għadd kemm fl-idoneità, biex jieħdu ħsieb kif jixraq tal-Poplu ta' Alla; m'għandhomx jonqsu l-uffiċċji, l-istituzzjonijiet u l-ħidmiet li huma propji ta' kull Knisja partikolari u li fil-prattika tkun tinħass il-ħtieġa tagħhom kemm għat-tmexxija kif imiss kemm għat-tħaddim tal-appostolat: u fl-aħħar, id-djoċesi jrid ikollha l-mezzi għal-manteniment tal-persuni u tal-istituzzjonijiet djoċesani, mezzi li jew id-djoċesi jkollha mill-ewwel jew li taħseb minn qabel bil-prudenza li jistgħu jinkisbu minn x'imkien.

          Għal dan l-iskop, fejn jinsabu fidili ta' rit differenti, l-Isqof għandu jipprovdi għall-ħtiġiet tagħhom jew permezz ta' saċerdoti u parroċċi tar-rit tagħhom jew permezz ta' vigarju episkopali li jkollu l-fakultajiet meħtieġa u, jekk ikun jaqbel, mogħni wkoll bil-karattru episkopali; jew l-Isqof jista' jkun huwa stess ordinarju tar-riti differenti. Iżda jekk fil-fehma tas-Sede Appostolika, għal raġunijiet speċjali, ma jista' jsir xejn minn dan, għandha titwaqqaf ġerarkija propja għal kull rit.[30]

          F'ċirkustanzi bħal dawn jittieħed ħsieb tal-fidili ta' lingwi differenti jew permezz ta' saċerdoti u paroċċi tal-istess ilsien  jew permezz ta' vigarju episkopali li jkun jaf tajjeb dak l-ilsien u, jekk ikun meħtieġ, mogħni wkoll bil-karattru episkopali, jew b'xi mod aktar opportun.

 

Konsultazzjoni tal-Konferenzi Episkopali

24.     Dwar id-djoċesijiet jixraq illi, qabel ma jidħlu it-tibdil u t-tiġdid imsemmijin fin-numru 22-23, filwaqt li tibqa' tgħodd id-drawwa tal-Knejjes orjentali, dawn il-materji jgħaddu għall-eżami tal-konferenzi episkopali kompetenti f'dak it-territorju li, jekk jaħsbu li jaqbel, jinqdew bl-għajnuna ta' kummissjoni episkopali partikolari u jitolbu dejjem il-parir tal-Isqfijiet tal-provinċji u tar-reġjunijiet interessati. Wara dan, iressqu l-pariri u l-proposti tagħhom lis-Sede Appostolika.

 

 

III Il-Kooperaturi tal-Isqof Djoċesan

fil-Ministeru Pastorali

 

1) L-Isqfijiet koadjuturi u awżiljarji

25.     Fit-tmexxija tad-djoċesijiet għandu jittieħed ħsieb tad-dmir pastorali tal-Isqfijiet hekk illi l-ogħla skop tiegħu jkun il-ġid tal-merħla tal-Mulej. Issa, sabiex jintlaħaq aħjar dan il-ġid, mhux rari jkun meħtieġ li jinħatru Isqfijiet awżiljarji għaliex l-Isqof djoċesan, jew għaliex id-djoċesi  tkun kbira żżejjed jew għaliex l-għadd ta' dawk li joqgħodu fiha jkun kbir ħafna, jew minħabba ċirkustanzi partikolari tal-appostolat jew għal kawżi oħra ta' natura differenti, ma jkunx jista' personalment jaqdi d-dmirijiet kollha tal-Isqof kif jitlob il-ġid tal-erwieħ. Anzi xi drabi, ħtiġiet partikolari jesiġu li lill-istess Isqof tingħata wkoll għajnuna ta' Isqof koadjutur. Dawn l-Isqfijiet koadjuturi u awżiljarji għandu jkollhom fakultajiet xierqa sabiex filwaqt li tibqa' sseħħ l-unità tat-tmexxija djoċesana u l-awtorità tal-Isqof djoċesan, l-azzjoni tagħhom tisfa' aktar effikaċi u tkun imħarsa iżjed id-dinjità episkopali tagħhom. 

          Għaldaqstant l-Isqfijiet koadjuturi u awżiljarji,  sewwasew għalix huma msejħa biex jieħdu sehem fir-responsabbiltà tal-Isqof djoċesan, għandhom jaqdu l-uffiċċju tagħhom b'mod li kollox jimxi b'armonija perfetta miegħu. Dawn għandhom juru dejjem ubbidjenza u rispett lill-Isqof djoċesan.  filwaqt li huwa min-naħa tiegħu għandu jħobbhom bħal aħwa u jistmahom.

 

Fakultajiet tal-Isqfijiet awżiljarji u koadjuturi

26.     Jekk qatt dan ikun mitlub mill-ġid tal-erwieħ, l-Isqof djoċesan m'għandux isib diffikultà li jitlob lill-awtorità kompetenti awżiljarju, jew aktar minn wieħed, li jkunu kostitwiti għad-djoċesi mingħajr jedd ta' suċċessjoni.

          Jekk dan ma jkunx diġà mfisser fl-ittra tan-nomina, l-Isqof djoċesan jaħtar l-awżiljarju jew l-awżiljarji bħala vigarji ġenerali tiegħu, jew għall-anqas bħala vigarji episkopali, li jiddependu biss mill-awtorità tiegħu, u jikkonsultahom meta jkollu jeżamina l-problemi l-aktar importanti, speċjalment dawk ta' natura pastorali.

          Sakemm l-Awtorità kompetenti ma tiddisponix mod ieħor, s-setgħat u l-fakultajiet tal-Isqfjiet awżiljarji ma jieqfux neta tispiċċa l-amministrazzjoni tal-Isqof djoċesan. Anzi ħaġa mixtieqa li meta s-sede tkun vakanti, jekk ma jkunx jaqbel li jsir mod ieħor għal raġunijiet gravi, l-inkarigu li jmexxi jkun fdat lill-Isqof awżiljarju jew, jekk ikun hemm iżjed minn wieħed, lil xi wieħed minnhom.

          L-Isqof Koadjutur, jiġifieri dak li jkun nominat bid-dritt tas-suċċessjoni, għandu dejem jinħatar Vigarju Ġenerali mill-Isqof djoċesan. F'każijiet partikolari jistgħu jingħatawlu fakultajiet akbar mill-awtorità kompetenti.

          Biex jinkiseb ġid akbar għad-djoċesi, fil-preżent u fil-ġejjieni, l-Isqof Koadjukat u l-Koadjutur fl-affarijiet ta' importanza akbar m'għandhomx jonqsu li jikkonsultaw lil xulxin.

 

2) Kurja u Kunsill Djoċesani

27.     Fil-Kurja djoċesana l-uffiċċju tal-Vigarju Ġenerali huwa l-aktar importanti. Imma kull meta t-tmexxija għaqlija tad-djoċesi titlob dan, l-Isqof jista' jinħatar Vigarju Episkopali jew aktar minn wieħed li, skont il-liġi, igawdu l-istess setgħa li d-dritt komuni jagħti lill-vigarju ġenerali, jew f'xi parti determinata tad-djoċesi, jew f'settur magħżul ta' ħidma, jew dwar il-fidili ta' xi rit partikolari.

          Fost il-kollaboraturi tal-Isqof fit-tmexxija tad-djoċesi jingħaddu wkoll is-saċerdoti li minnhom hu magħmul is-Senat jew Kunsill tiegħu, bħalma huma l-Kapitlu tal-Katidral, il-grupp tal-konsulturi u kunsilli oħra skont iċ-ċirkustanzi u l-għamla tal-postijiet differenti. Lil dawn l-istituzzjonijiet u speċjalmet lill-kapitli tal-kattidrali għandhom jingħataw, skont ma jkun meħtieġ, forom ġodda li jaqblu mal-ħtigiet ta' żminijietna.

          Is-saċerdoti u l-lajċi li jagħmlu parti mill-Kurja għandhom jifhmu sewwa li huma qegħdin jgħinu fil-ministeru pastorali tal-Isqof.

          Il-Kurja djoċesana għandha tkun organizzata b'mod illi ssir mezz tajjeb mhux biss għall-amministrazzjoni tad-djoċesi imma wkoll biex isiru l-ħidmiet tal-appostolat.

          Hija ħaġa wisq mixtieqa li f'kull djoċesi jitwaqqaf Kunsill pastorali speċjali taħt il-presidenza tal-Isqof djoċesan u li minnu jagħmlu sehem saċerdoti, reliġjużi u lajċi magħżulin b'kura speċjali. Ikun id-dmir ta' dan il-kunsill li jistudja u jeżamina dak kollu li għandu x'jaqsam mal-ħidma pasrorali biex imbagħad jipproponi konklużjonijiet prattiċi dwarha.

 

3) Il-Kleru Djoċesan

28.     Billi s-saċerdoti kollha, kemm djoċesani kemm reliġjużi, flimkien mal-Isqof għandhom sehem mis-saċerdozju ta' Kristu u jħaddmuh, huma maħturin bħala kooperaturi providenzjali tal-Ordni episkopali. Ir-responsabbiltà ewlenija tal-ħsieb tal-erwieħ taqa' fuq is-saċerdoti djoċesani li huma inkardinati jew assenjati għal knisja partikolari u li jiddedikaw irwieħhom kollha kemm huma għas-servizz tagħha għall-ħsieb spiritwali ta' qasam mill-merħla tal-Mulej. Għalhekk huma jiffurmaw prebyterium wieħed u familja waħda li tagħha l-Isqof huwa l-missier.

          Sabiex ikun jista' jqassam aħjar u b'aktar ekwità l-ministeri sagri fost is-saċerdoti tiegħu, l-Isqof għandu jkollu l-libertà li jeħtieġ biex jagħti l-uffiċċji u l-benefiċċji; huma għalhekk imneħħija d-drittijiet u l-privileġġi li b'xi mod inaqqsu din il-libertà.

          Ir-relazzjonijiet bejn l-Isqof u s-saċerdoti djoċesani għandhom jinbnew l-aktar fuq il-karità soprannaturali b'mod illi r-rabta tar-rieda tas-saċerdoti mar-rieda tal-Isqof twassal biex il-ħidma pastorali tagħhom tħalli iżjed frott. Għal dan l-iskop, sabiex is-servizz tal-erwieħ jimxi aktar 'l quddiem l-Isqof għandu jsejjaħ is-saċerdoti biex jitkellmu miegħu, ukoll kollettivament, l-aktar dwar kwistjonijiet pastorali, mhux biss meta tinqala' xi okkażjoni iżda wkoll, kemm jista' jkun, f'intervalli fissi.

          Barra minn hekk, is-saċerdoti djoċesani kollha għandhom ikunu magħqudin bejniethom u jħossuhom miġbuda mill-ħrara tal-ġid spiritwali tad-djoċesi kollha. Fl-istess ħin jiftakru wkoll li l-ġid materjali li jiksbu meta jħaddmu l-uffiċċju ekkleżjastiku tagħhom jintrabat mill-qrib mad-dmir imqaddes tagħhom; għalhekk għandhom jagħtu għajnuna ġeneruża fil-ħtiġiet materjali tad-djoċesi skont id-dispożizzjonijiet tal-Isqof u skont il-possibiltajiet tagħhom.

 

Is-saċerdoti li jagħtu ruħhom għall-ħidmiet superparrokkjali

29.     Għandhom jitqiesu wkoll bħala kollaboraturi mill-eqreb tal-Isqof dawk is-saċerdoti li huwa jafdalhom xi inkarigu pastorali jew xi ħidmiet ta' appostolat ta' għamla superparrokjali, kemm dwar xi territorju determinat tad-djoċesi, kemm dwar xi kategorija speċjali ta' nsara, kemm dwar xi għamla partikolari ta' ħidma.

          Jagħtu wkoll kollaborazzjoni prezzjuża dawk is-saċerdoti li lilhom l-Isqof jafda inkarigi differenti ta' appostolat, fl-iskejjel, fl-istituzzjonijiet jew fl-għaqdiet. Is-saċerdoti mogħtijin għall-ħidmiet superdjoċesani, la darba jwettqu ħidma siewja ta' appostolat, jistħoqqilhom huma wkoll konsiderazzjoni partikolari, l-aktar min-naħa tal-Isqof tad-djoċesi li joqogħdu fiha.

 

Il-Kappillani

30.     Imma għal raġuni speċjali huma kollaboraturi tal-Isqof il-kappillani: lilhom, bħala rgħajja tabilħaqqq tagħhom, huma fdati l-erwieħ f'parti determinata tad-djoċesi taħt l-awtorità ta' l-istess Isqof.

          (1) Meta jaqdu l-missjoni tagħhom ta' ħsieb l-erwieħ, il-kappillani, bil-kooperaturi tagħhom, għandhom jaqdu d-dmir tagħhom ta' tagħlim, ta' tqaddis u ta' treġija b'mod illi l-insara u l-komunitajiet partikolari jħossuhom tassew membri mhux biss tad-djoċesi imma wkoll tal-Knisja universali. Għalhekk għandhom jaħdmu id f'id mal-kappillani l-oħra kemm mas-saċerdoti li jeżerċitaw il-ministeru pastorali f'dak it-territorju (bħalma huma, per eżempju, il-vigarji foranei u d-dekani) jew li huma maħturin għal ħidma ta' għamla super parrokkjali sabiex il-ħidma pastorali fid-djoċesi jkollha l-unità meħtieġa u ssir aktar effikaċi.

          Il-ħsieb tal-erwieħ għandu jkun ukoll mimli bi spirtu missjunarju hekk li jilħaq bl-aktar mod lil dawk kollha li joqogħdu fil-parroċċa. U jekk il-kappillani ma jistgħux jilħqu xi gruppi ta' nies, għandhom jirrikorru għall-ħidma ta' oħrajn fosthom lajċi wkoll, sabiex jgħinuhom f'dak li għandu x'jaqsam mal-appostolat.

          Sabiex il-kura tal-erwieħ issir aktar effikaċi ta' min jirrikkmanda bil-ħeġġa l-ħajja komuni tas-saċerdoti u l-aktar ta' dawk li jkunu addetti għall-istess parroċċa, għaliex din il-ħajja, fil-waqt li tgħin il-ħidma appostolika, tagħti lill-insara eżempju ta' karità u ta' għaqda.

          (2) Meta jaqdu l-ministeru ta' tagħlim il-kappillani għandhom: jippridkaw il-kelma ta' Alla lill-fidili kollha sabiex dawn, fuq il-pedament tat-tama, tal-fidi u tal-karità, jikbru fi Kristu u l-komunità nisranija tagħti xhieda tal-karità li l-Mulej irrikkmanda;[31] bl-istruzzjoni katekista għandhom ukoll imexxu lill-insara sabiex b'mod addattat għall-età ta' kull wieħed jagħrfu fil-milja tiegħu l-misteru tas-salvazzjoni. Meta jagħtu din l-istruzzjoni huma għandhom jinqdew mhux biss bil-ħidma tar-reliġjużi iżda wkoll bil-kollaborazzjoni tal-lajċi u jwaqqfu wkoll il-Konfratèrnita tad-Duttrina Nisranija.

          Fil-qadi tal-ministeru tat-tqaddis il-kappillani jqisu li jieħdu ħsieb li l-Quddiesa ssir iċ-ċentru u l-quċċata tal-ħajja kollha tal-komunità nisranija; jitħabtu wkoll sabiex il-fidili jmantnu l-ħajja spiritwali tagħhom bid-devozzjoni u ta' spiss lejn is-sagramenti mqaddsa u billi jieħdu sehem attiv fil-liturġija u b'mod li jifhmu x'ikun qed isir. Il-kappillani mbagħad jiftakru li s-sagrament tal-qrar huwa ta' għajnuna mill-akbar għall-ħajja nisranija: għalhekk juru rwieħhom disposti u lesti biex jisimgħu l-qrar tal-insara u jekk ikun meħtieġ jitolbu l-għajnuna ta' saċerdoti oħra li jafu sewwa lingwi differenti.

          Meta jaqdu d-dmir tagħhom ta' rgħajja, il-kappillani jfittxu qabel xejn li jsiru jafu l-merħla tagħhom. U ladarba huma l-qaddejja tal-insara kollha jħabirku sabiex ikattru l-ħajja nisranija f'kull nisrani, fil-familji, fl-għaqdiet, speċjalment dawk dedikati għall-appostolat, u fil-komunità parrokkjali kollha kemm hi. Għalhekk għandhom iżuru d-djar u l-iskejjel kif jitlob minnhom l-uffiċċju pastorali tagħhom; jieħdu ħsieb bil-ħeġġa kollha l-adolexxenti u ż-żgħażagħ; b'karità ta' missier jinteressaw rwieħhom mill-fqar u mill-morda; jieħdu ħsieb partikolari tal-ħaddiema u jqanqlu lill-insara biex jgħinu l-ħidmiet tal-appostolat.

          (3) Il-vigarji parrokkjali, bħala kollaboraturi tal-kappillan, ta' kuljum għandhom jagħtu għajnuna siewja u attiva fil-qadi tal-ministeru pastorali taħt l-awtorità tal-kappillan. Għalhekk bejn il-kappillan u l-vigarji tiegħu għandu jkun hemm relazzjonijiet ta' aħwa, karità u rispett reċiproku. Kapillan u vigarji jwieżnu lil xulxin bil-pariri, bl-għajnuna u bl-eżempju; u flimkien jagħmlu x-xogħol tal-parroċċa, għalenija fil-fehma u fil-ħeġġa tagħhom.

         

Nomina, trasferiment tneħħija u rinunzja tal-kappillani

31.     Meta l-Isqof ikollu jiġġudika jekk saċerdot huwiex tajjeb biex imexxi parroċċa, għandu jżomm quddiem għajnejh mhux biss jekk huwiex għaref iżda wkoll jekk għandux tjieba, ħeġġa appostolika u talenti u kwalitajiet oħra meħtieġa biex il-ħidma tal-ħsieb tal-erwieħ issir sewwa.

          Barra minn dan, billi l-iskop kollu tal-ministeru parokkjali huwa l-ġid tal-erwieħ, sabiex l-Isqof ikun jista' jasal aktar bil-ħeffa u b'mod xieraq biex jimla parroċċa vakanti, għandhom ikunu aboliti b'eċċezzjoni tad-dritt tar-reliġjużi, id-drittijiet kollha ta' preżentazzjoni, tan-nomina u ta' riserva u wkoll, fejn għadha teżisti, il-liġi tal-konkors ġenerali jew partikolari.

          Fil-parroċċa tagħhom il-kappillani għandhom jitħallew igawdu fl-uffiċċju tagħhom dik l-istabbilità li jitlob il-ġid tal-erwieħ. Għalhekk filwaqt li titneħħa kull distinzjoni bejn kappillani amovibbli u inamovibbli, għandha tkun riveduta u magħmula aktar sempliċi s-sistema kif il-kappillani jkunu trasferiti jew jitneħħew biex l-Isqof ikun jista' jaħseb aħjar fil-ġid tal-erwieħ filwaqt li tibqa' mħarsa l-ekwità naturali u kanonika.  

          Il-kappillani li jew ħtija tal-età kbira tagħhom jew għal xi raġuni oħra gravi ma jistgħux jaqdu iżjed b'riżultati tajba l-ministeru tagħhom, huma mitlubin minnufih sabiex minn rajhom jew fuq stedina tal-Isqof jirrinunzjaw għall-uffiċċju tagħhom. Min-naħa tiegħu l-Isqof jieħu ħsieb għall-manteniment xieraq ta' dawk li jkunu rrinunzjaw.

 

Twaqqif u soppressjoni ta' parroċċa

32.     Fl-aħħarnett, is-salvazzjoni tal-erwieħ għandha tkun ir-raġuni waħdanija li għaliha jkunu deċiżi jew riveduti t-twaqqif u s-soppressjoni tal-parroċċi u tiġdid ieħor bħalhom li l-Isqof ikun jista' jagħmel bis-setgħa tal-awtorità tiegħu.

 

4) Ir-reliġjużi u l-ħidmiet tal-appostolat

33.     Ir-reliġjużi kollha - u magħhom, fil-materji li ġejjin, huma ekwiparati l-membri tal-Istituti l-oħra li jipprofessaw il-kunsilli evanġeliċi - skont il-vokazzjoni partikolari ta' kull Istitut, għandhom l-obbligu li jaħdmu bl-impenn u bl-attenzjoni kollha għall-bini u t-tkabbir tal-ġisem mistiku ta' Kristu u għall-ġid tal-Knejjes partikolari.

          Huma obbligati li jilħqu dan l-iskop fuq kollox bit-talb, bl-opri ta' penitenza u bl-eżempju tal-ħajja tagħhom; dan il-Konċilju Mqaddes iħeġġiġhom bil-qalb sabiex ikattru dejjem fihom infushom il-qima u l-ħeġġa għal dawn il-ħwejjeġ. Imma fl-istess ħin huma għandhom jieħdu sehem dejjem akbar fil-ħidmiet esterni tal-appostolatfilwaqt li jżommu quddiem għajnejhom ix-xejra propja ta' kull Istitut.

         

Ir-reliġjużi, kooperaturi tal-Isqof fl-appostolat

34.     Ir-reliġjużi saċerdoti, li huma kkonsagrati għall-uffiċċju tal-presbiterat sabiex ikunu huma wkoll kollaboraturi għaqlin tal-ordni episkopali, illum iżjed minn fl-imgħoddi jistgħu jkunu ta' għajnuna siewja lill-Isqfijiet ladarba l-ħtiġiet tal-erwieħ żdiedu. Għaldaqstant, safejn huma jieħdu sehem fil-ħsieb tal-erwieħ u fil-ħidmiet tal-appostolat taħt it-treġija tar-rgħajja mqaddsa, ir-reliġjużi saċerdoti għandhom jitqiesu illi f'ċertu mod tassew jagħmlu sehem mill-kleru tad-djoċesi.

          Ir-reliġjużi l-oħra wkoll, sew irġiel sew nisa, li huma wkoll jagħmlu sehem, f'ċert sens partikolari, mill-familja djoċesana, jagħtu għajnuna kbira lill-ġerarkija mqaddsa; u billi l-ħtiġiet tal-appostolat kibru, jistgħu u għandhom jagħtu fil-ġejjieni għajnuna akbar.

 

 

 

 

Prinċipji dwar l-appostolat tar-reliġjużi fid-djoċesi

35.     Iżda sabiex f'kull djoċesi l-ħidmiet tal-appostolat isiru dejjem bi ftehim, u titħares l-unità tal-ħajja djoċesana, qegħdin jiġu stabbiliti dawn il-prinċipji fundamentali:

          (1) Ir-reliġjużi kollha għandhom dejjem jittrattaw l-Isqfijiet, bħala suċċessuri tal-Appostli, b'rispett u qima. Meta huma leġittimament imqabbdin għal xi ħidma appostolika għandhom jagħmlu x-xogħol tagħhom b'mod li jgħinu l-Isqfijiet u jaħdmu taħt l-awtorità tagħhom.[32] Anzi r-reliġjużi għandhom jesegwixxu fil-pront u bil-fedeltà  t-talbiet u x-xewqat tal-Isqfijiet sabiex jieħdu f'idejhom responsabbiltajiet dejjem akbar fil-ministeru tas-salvazzjoni tal-erwieħ, fir-rispett tan-natura u l-kostituzzjonijiet ta' kull istitut. Dawn il-kostituzzjonijiet, jekk ikun meħtieġ, għandhom ikunu adattati għall-iskop imsemmi skont il-prinċipji ta' dan id-digriet konċiljari.

          L-aktar quddiem il-ħtiġiet urġenti tal-erwieħ u billi l-għadd tal-kleru djoċesan naqas, l-Istituti reliġjużi, li mhumiex mogħtija esklussivament għall-ħajja kontemplattiva, jistgħu jkunu mistednin mill-Isqfijiet sabiex fir-rispett tax-xejra ta' kull Istitut, jikkollaboraw f'ministeri pastorali differenti. U s-superjuri reliġjużi, sakemm huwa possibbli, għandhom iħeġġu lil dawk li jiddependu minnhom sabiex jagħtu din il-kollaborazzjoni billi wkoll jaċċettaw it-tmexxija tal-paroċċi, għallanqas għal xi żmien.

          (2) Ir-reliġjużi dedikati għall-appostolat estern għandhom ikunu mimlija bl-ispirtu tal-Istitut reliġjuż tagħhom u jibqgħu fidili għall-osservanza tar-regola u joqogħdu għas-superjuri tagħhom. U l-Isqfijiet ma jonqsux li jirrikkmandaw lir-reliġjużi dan l-obbligu tagħhom .

          (3) L-eżenzjoni, li bis-saħħa tagħha r-reliġjużi li jiddependu mill-Papa jew minn xi awtorità ekkleżjastika oħra u huma meħlusa nill-ġurisdizzjoni tal-Isqfijiet, għandha x'taqsam l-iżjed mal-ordni intern tal-Istituti sabiex fihom kollox ikun koordinat, imqassam sewwa u jwassal għat-tkattir u għall-perfezzjonament tal-ħajja reliġjuża.[33] Din l-istess eżenzjoni tippermetti lill-Papa li jiddisponi mir-reliġjużi għall-ġid tal-Knisja universali;[34] u lill-awtoritajiet kompetenti oħrajn li jinqdew bil-ħidma tagħhom b'riżq il-Knejjes li jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni tagħhom.

          Iżda din l-eżenzjoni ma tfixkilx li f'kull waħda mid-djoċesijiet ir-reliġjużi jkunu suġġetti għall-ġurisdizzjoni tal-Isqfijiet skont kif  tgħid il-liġi u skont kif jitolbu kemm il-ministeru pastorali tal-Isqfijiet kemm l-organizzazzjoni tajba tal-ħidma għall-erwieħ.[35]

          (4) Ir-reliġjużi kollha, eżenti u mhumiex, għandhom joqogħdu għall-awtorità tal-Ordinarji tal-post f'dak kollu li għandu x'jaqsam mal-eżerċizzju pubbliku tal-kult divin - fir-rispett tad-diversità - il-ħsieb tal-erwieħ, il-predikazzjoni lill-poplu, l-edukazzjoni reliġjuża u morali tal-insara, l-aktar dik tat-tfal, it-tagħlim katekistiku u l-formazzjoni liturġika, il-prestiġju tal-istat klerikali u fl-aħħarnett il-ħidmiet differenti li għandhom x'jaqsmu mal-eżerċizzju tal-appostolat imqaddes. L-iskejjel kattoliċi tar-reliġjużi huma wkoll suġġetti għall-Ordinarju tal-post f'dak li għandu x'jaqsam mal-organizzazzjoni ġenerali tagħhom u l-viġilanza fuqhom, filwaqt li jibqa' mħares id-dritt tar-reliġjużi dwar id-direzzjoni tal-iskejjel. Hekk ukoll ir-reliġjużi huma obbligati josservaw dawk id-dispożizzjonijiet li l-Konċilji jew Konferenzi tal-Isqfijiet leġittimament jistabbilixxu għal kulħadd.

          (5) Jingħata appoġġ lill-istrutturi ta' kollaborazzjoni fost l-istituti reliġjużi differenti u 'l dawk ta' ħidma flimkien bejn dawn u l-kleru djoċesan. Barra hekk jeħtieġ illi l-ħidmiet tal-appostolat kollha u l-ħidma appostolika kollha jkunu koordinati sewwa bejniethom: dan jinkiseb l-aktar billi titħares dik id-dispożizzjoni soprannaturali tal-ispirtu u tal-qalb li hija mibnija  u mwaqqfa fuq il-karità. Dan ix-xogħol ta' koordinament imiss lis-Sede Appostolika għall-Knisja kollha, lir-Rgħajja mqaddsa fid-djoċesijiet tagħhom, lis-Sinodi Partikarjali u lill-Konferenzi tal-Isqfijiet fit-territorji tagħhom.

          F'dak li għandu x'jaqsam mal-ħidmiet ta' appostolat li jagħmlu r-reliġjużi, l-Isqfijiet u l-Konferenzi Episkopali min-naħa l-oħra għandhom jieħdu azzjoni wara li jkunu ikkonsultaw lil xulxin.

          (6) Sabiex ir-relazzjonijiet tajba u li jħallu frott bejn l-Isqfijiet u r-reliġjużi jimxu 'l quddiem tkun ħaġa tajba li l-Isqfijiet u r-reliġjużi, kull tant żmien jew meta dan jitqies opportun, jiltaqgħu flimkien biex jittrattaw l-affarijiet li għandhom x'jaqsmu mal-ħidma tal-appostolat in ġenerali fit-territorju tagħhom.

 

 

Kap III

IL-KOOPERAZZJONI TAL-ISQFIJIET GĦALL-ĠID KOMUNI TA' DJOĊESIJIET DIFFERENTI

 

I Is-Sinodi, il-Konċilji u l-konferenzi Episkopali

 

Sinodu u Konċilji partikolari

36.     Sa mill-ewwel sekli tal-Knisja, l-għaqda fil-karità tal-aħwa u l-impenn għall-missjoni universali fdata lill-appostli qanqlu lill-Isqfijiet, responsabbli għat-tmexxija ta' Knejjes partikolari, biex jiġbru flimkien il-ħila u l-fehmiet tagħhom u hekk iġibu 'l quddiem il-ġid komuni u l-ġid ta' kull waħda mill-Knejjes tagħhom. Għal dan l-iskop twaqqfu s-Sinodi, il-Knejjes Provinċjali u, fl-aħħarnett, il-Konċilji Plenarji, li fihom l-Isqfijiet ħadu deċiżjonijiet fuq sistemi komuni li għandhom jaddottaw fit-tagħlim tal-veritajiet tal-fidi u biex jirregolaw id-dixxiplina ekkleżjastika fil-Knejjes differenti.

          Issa dan is-Sinodu Ekumeniku Mqaddes jixtieq ħafna li l-istituzzjoni meqjuma tas-Sinodi u tal-Konċilji terġa' tieħu saħħa ġdida sabiex jittieħed ħsieb b'mod aktar xieraq u effikaċi tat-tkattir tal-fidi u tal-ħarsien tad-dixxiplina fil-Knejjes differenti skont ma jitolbu ż-żminijiet.

 

Importanza tal-Konferenzi Episkopali

37.     Jiġri ta' spiss, l-aktar fi żminijietna, illi l-Isqfijiet jistgħu jsibuha bi tqila jagħmlu l-ħidma tagħhom b'mod xieraq u b'riżultati tajbin jekk ma jsibux il-kooperazzjoni dejjem iżjed mill-qrib u għalenija tal-Isqfijiet l-oħra. U billi l-Konferenzi Episkopali - diġa mwaqqfin f'ħafna nazzjonijiet - diġa taw prova ta' appostolat iktar fejjiedi, dan il-Konċilju Mqaddes iżomm li tkun ħaġa utli ħafna li fid-dinja kollha l-Isqfijiet tal-istess nazzjon jew reġjun jifformaw korp wieħed u jiltaqgħu minn żmien għal żmien sabiex waqt li jgħaddu lil xulxin esperjenzi u pariri joħolqu ftehim qaddis ta' forzi għall-ġid komuni tal-Knejjes. Għalhekk il-Konċilju jistabbilixxi dan li ġej dwar il-Konferenzi Episkopali.

 

Definizzjoni, struttura, kompetenza u kooperazzjoni tal-Konferenzi

38.     (1) Il-Konferenza Episkopali hija għamla ta' assemblea li fiha r-Rgħajja mqaddsa ta' nazzjon jew territorju determinat iwettqu f'għaqda flimkien l-uffiċċju pastorali tagħhom għat-tkattir tal-ġid li l-Knisja toffri lill-bnedmin, l-aktar permezz ta' dawk l-għamliet u metodi ta' appostolat li huma addattati għaċ-ċirkustanzi ta' żmienna.

          (2) Huma membri tal-Konferenza Episkopali l-Ordinarji lokali kollha ta' kull rit - bl-eċċezzjoni tal-Vigarji Ġenerali - il-Koadjuturi, l-Awżiljarji u l-Isqfijiet l-oħra titulari inkarigati għal xi uffiċċju speċjali mis-Sede Appostolika jew mill-Konferenza Episkopali. L-Isqfijiet titulari l-oħra u - minħabba l-uffiċċju partikolari li għandhom fit-territorju - il-Legati tal-Papa, mhumiex bi dritt membri tal-Konferenza.

          L-Ordinarji lokali u l-Koadjuturi għandhom fil-Konferenza vot deliberattiv. L-istatuti tal-Konferenza jiddeċiedu jekk l-Awżiljarji u l-Isqfijiet l-oħra li għandhom dritt jieħdu sehem fiha jkollhomx vot deliberattiv jew konsultiv.

          (3) Kull Konferenza Episkopali tfassal l-istatuti tagħha, li għandhom ikunu approvati mis-Sede Appostolika, li fihom - barra minn mezzi oħra - ikunu stabbiliti l-uffiċċji li jaqblu l-aktar għall-iskop tagħha bħalma jistgħu jkunu, per eżempju, kunsilli permanenti tal-Isqfijiet, kummissjonijiet episkopali u segretarjat ġenerali.

          (4) Id-deċiżjonijiet tal-Konferenza Episkopali, sakemm meħuda skont il-liġi u għall-anqas b'żewġ terzi tal-voti tal-Isqfijiet li huma membri tal-Konferenza b'vot deliberattiv, u li jkunu ngħataw għall-eżami tas-Sede Appostolika, għandhom forza li jobbligaw ġuridikament f'dawk il-każijiet biss li jkunu determinati mid-dritt komuni jew li jkunu deċiżi minn xi preskrizzjoni speċjali tas-Sede Appostolika, mogħtija jew b'inizzjattiva tagħha jew wara talba tal-istess Konferenza.

          (5) Jekk xi ċirkustanzi speċjali jitolbu dan, l-Isqfijiet ta' aktar minn nazzjon waħda, bl-approvazzjoni tas-Sede Appostolika, jistgħu jiffurmaw Konferenza waħda.

          Ir-relazzjonijiet bejn Konferenzi Episkopali ta' pajjiżi differenti għandhom jissaħħu biex jinkiseb u jitħares l-akbar ġid.

          (6) Huwa rrikkmandat bil-ħeġġa kollha li l-Isqfijiet tal-Knejjes Orjentali, meta fis-Sinodi tagħhom jippruvaw iġibu 'l quddiem id-dixxiplina tal-Knejjes tagħhom u jippromwovu b'mod dejjem aktar effikaċi l-ħidmiet maħsuba għall-ġid tar-reliġjon, iżommu wkoll quddiem għajnejhom il-ġid komuni tat-territorju kollu fejn ikunu jinsabu għadd ta' Knejjes ta' rit differenti, u jqabblu l-opinjonijiet tagħhom fil-laqgħat interritwali skont in-normi mogħtija mill-Awtorità kompetenti.

 

 

II Il-limiti tal-Provinċji Ekkleżjastiċi u t-twaqqif ta'

Reġjunijiet Ekkleżjastici

 

Prinċipji għar-reviżjoni tal-limiti

39. Il-ġid tal-erwieħ jitlob li jingħataw limiti adegwati mhux biss lid-djoċesijiet iżda wkoll lill-provinċji ekkleżjastiċi sabiex il-ħtiġiet tal-appostolat, skont il-kondizzjonijiet soċjali u lokali, jintlaħqu aħjar u sabiex isiru b'aktar ħeffa u profitt il-kuntatti tal-Isqfijiet bejniethom, mal-Metropoliti, u mal-Isqfijiet l-oħra tal-istess nazzjon, u wkoll mal-Awtoritajiet ċivili.

 

In-normi

40.     Għaldaqstant dan is-Sinodu Mqaddes, sabiex jintlaħqu l-iskopijiet imsemmija jiddisponi dan li ġej:

          (1) Għandhom ikunu mistħarrġa mill-ġdid kif jixraq iċ-ċirkoskrizzjonijiet tal-Provinċji ekkleżjastiċi u jkunu definiti b'normi ġodda d-drittijiet u l-privileġġi tal-metropolitani.

          (2) Bħala regola, id-djoċesijiet kollha u ċ-ċirkoskrizzjonijiet territorjali l-oħra li huma ekwiparati għad-djoċesijiet għandhom ikunu magħqudin f'xi provinċja ekkleżjastika. Għalhekk dawk id-djoċesijiet li huma immedjatament suġġetti għas-Sede Appostolika u li mhumiex diġa magħquda ma' djoċesi oħra għandhom, jekk ikun possibli, jingħaqdu fi provinċja ekkleżjastika ġdida jew jingħaqdu mal-provinċja l-aktar qrib jew li taqbel l-iżjed għalihom u jitqiegħdu taħt il-jedd ta' Metropolita, kif jitlob id-dritt komuni.

          (3) Jekk tinħass l-utilità, il-provinċji ekkleżjastiċi jinġabru f'reġjunijiet ekkleżjastiċi u jingħatalhom ordinament mil-liġi.

 

Il-parir tal-Konferenzi Episkopali

41.     Jixraq li l-Konferenzi Episkopali kompetenti jeżaminaw il-kwistjonijiet li għandhom x'jaqsmu maċ-ċirkoskrizzjoni tal-provinċji u mat-twaqqif tar-reġjunijiet skont in-normi diġà mogħtija fin-numri 23 u 24 dwar iċ-ċirkoskrizzjoni tad-djoċesijiet, u mbagħad iressqu lis-Sede Appostolika u l-pariri u d-deċiżjonijiet tagħhom.

 

 

III Dwar l-Isqfijiet li għandhom kariga interdjoċesana

 

Kooperazzjoni mal-Isqfijiet

42.     Billi l-ħtiġiet pastorali jitolbu iżjed minn qabel li xi karigi pastorali jkunu mmexxija u żviluppati bi ftehim u b'koordinament, hija ħaġa siewja li jitwaqqfu xi uffiċċji li jistgħu jaqdu lid-djoċesijiet kollha jew lil għadd ta' djoċesijiet ta' xi reġjun jew nazzjon determinati; dawn l-uffiċċji jistgħu jkunu fdati wkoll lil Isqfijiet.

          Issa dan il-Konċilju Mqaddes jirrikkmanda li bejn il-Prelati jew l-Isqfijiet li jkollhom dawn l-uffiċċji min-naħa l-waħda u l-Isqfijiet djoċesani u l-Konferenzi Episkopali min-naħa l-oħra, issaltan dejjem l-unjoni tal-aħwa u li jkunu għalenija fil-ħeġġa pastorali fuq li għandhom ikunu definiti mid-dritt komuni.

 

Il-vigarji għan-nies tal-militar

43.     Billi l-ħidma pastorali fost in-nies tal-militar, minħabba l-kondizzjonijiet partikolari tal-ħajja tagħhom, titlob attenzjoni għalkollox speċjali, f'kull nazzjon sa fejn ikun possibli, għandu jitwaqqaf il-Vigarjat għan-nies tal-militar (kastrensi). Kemm il-Vigarju kemm il-kappillani militari għandhom jingħataw b'ħeġġa għal dan il-ministeru diffiċli filwaqt li jikkooperaw qalb waħda mal-Isqfijiet djoċesani.[36]

          Għal dan l-iskop, l-Isqfijiet djoċesani għandhom jagħtu lill-Vigarju Kastrensi għadd biżżejjed ta' saċerdoti tajbin għal dan l-uffiċċju u għandhom jappoġġaw l-inizjattivi maħsuba għall-ġid spiritwali tan-nies tal-militar.[37]          

           

 

MANDAT ĠENERALI

            

44.     Dan is-Sinodu Mqaddes jiddisponili fir-reviżjoni tal-Kodiċi tal-Liġijiet tal-Knisja jkunu stabbiliti liġijiet xierqa fuq il-prinċipji deċiżi f'dan id-Digriet u skont l-osservazzjonijiet imressqin mill-Kummissjonijiet u mill-Padri tal-Konċilju.

          Dan is-Sinodu Mqaddes jiddegrieta wkoll li jitħejjew Direttorji ġenerali dwar il-kura tal-erwieħ biex jinqdew bihom kemm l-Isqfijiet kemm il-kappillani, biex jagħtuhom regoli żguri ħalli jaqdu aħjar u b'aktar ħeffa l-ministeru pastorali tagħhom.

          Jitħejja wkoll Direttorju speċjali għall-kura pastorali ta' gruppi partikolari ta' nsara skont iċ-ċirkustanzi differenti ta' kull nazzjon jew reġjun; hekk ukoll jitħejja Direttorju għat-tagħlim katekistiku tal-poplu li fih jitniżżlu mhux biss il-prinċipji fundamentali ta' dan it-tagħlim iżda jkunu trattati wkoll l-organizzazzjoni ta' dan it-tagħlim u t-tħejjija tal-kotba li għandhom x'jaqsmu ma' din il-materja. Waqt li jkunu qed jitħejjew dawn id-direttorji wieħed għandu jżomm quddiem għajnejh ukoll l-osservazzjonijiet tal-Kummissjonijiet jew tal-Padri Konċiljari.

 

28 ta' Ottubru 1965

 

Il-votazzjoni fuq dan id-dokument kienet hekk:

                   Iva 2319,    Le 2,  Nulli 1         (Total 2322


 

[1] Cf. Mt 1,21.

[2] Cf. Ġw 20,21

[3] Cf. VAT.I, Sess. IV, KD dwar il-Knisja ta' Kristu, c3, DENZ. 1828 (3061). 

[4] Cf. VAT.I, Sess. IV, KD dwar il-Knisja ta' Kristu, Prooem ., DENZ. 1821(3050)

[5] Cf. VAT II, KD dwar il-Knisja, Kap III, nn. 21,24,25: AAS 57 (1965) pp. 24-25, 29-31. 

[6] Cf. VAT II, KD dwar il-Knisja , Kap III, n. 21, AAS 57 (1965) pp. 24-25.

[7] Cf. ĠWANNI XXIII, KA Humanae salutis , 25 Diċ1961:AAS 54 (1962) p. 6

[8] Cf. VAT. II, KD Dwar il-Knisja, Kap III , N. 22: AAS 57 (1965) pp.25-27.

[9] Cf. VAT. II, KD Dwar il-Knisja, ibid.

[10] Cf. VAT. II, KD Dwar il-Knisja, ibid.

[11] Cf. VAT. II, KD Dwar il-Knisja, ibid

[12] Cf. PAWLU VI, Motu proprio Apostolica sollicitudo, 15 Set 1965.  

[13] Cf. VAT II, KD dwar li- Knisja, Kap III, n. 23: AAS 57(1965) pp.27-28.

[14] Cf. PIJU XII, IE Fidei donum, 21Apr 1957: AAS 49 (1957) p. 237ss; cf. ukoll BENEDITTU XV, 1A Maximum illud, 30 Nov 1919: AAS 11 (1919) p.440; PIJU XI, IE Rerum Ecclesiae, 28 Frar 1926:AAS 18 (1926) P. 68.     .

[15] Cf. PAWLU VI, Allokuzzjoni lill-Kardinali, lill-Isqfijiet, il-Prelati u l-Uffiċjali l-oħra tal-Kurja Rumana, 21 Sett 1963: AAS 55 (1963) p. 793ss.  

[16] Cf. VAT. II, Digr. dwar il-Knejjes Kattoliċi tal-Lvant, 21 Nov 1964,  nn.7-11:AAS 57 (1965) pp.79-80. 

[17] Cf. VAT. II, KD dwar il-Knisja, Kap III, n. 25: AAS 57 (1965) pp. 29-31.

[18] Cf. ĠWANNI XXIII, IE Pacem in terris, 11 Apr 1963 passim: AAS 55 (1963) pp. 257-304.

[19] Cf. PAWLU VI, IE Ecclesiam Suam, 6 Aww 1964: AAS 56 (1964) p. 369.

[20] Cf. PAWLU VI, IE Ecclesiam Suam, 6 Aww 1964: AAS 56 (1964) pp. 644-645.

[21] Cf. VAT. II, Digr. dwar il-mezzi tal-komunikazzjoni soċjali,4 Diċ 1963: AAS 56 (1964) pp.145-153. 

[22] Cf. VAT. II, KD dwar il-Liturġija Mqaddsa, 4 Diċ 1963: AAS 45 (1964) p. 97 ss.; PAWLU VI, Motu proprio Sacram Liturgiam, 25Jan 1964: AAS 56 (1964) p. 139 ss. 

[23] Cf. PIJU XII, IE Mediator Dei, 20Nov 1947: AAS 39 (1947) p. 251 ss.; PAWLU VI, IE Mysterium Fidei, 3 Settt 1965: AAS 57 (1965) pp.753-774.   

[24] Cf. Atti 1,14;2,46.

[25] Cf. VAT. II, KD dwar il-Knisja, Kap VI, nn. 44-45; AAS 57 (1965) pp.50-52. 

[26] Cf. Lq 22,26-27.

[27] Cf. Ġw. 15,15.

[28] Cf. VAT. II, Dig. dwar l-Ekumeniżmu, 21 Nov 1964: AAS 57 (1965) pp. 90-107.

[29] Cf.  S. PIJU X, Motu proprio Iam pridem, 19 Mar 1914: AAS 6 (1914) p. 174ss.; PIJU XII KA Exsul Familia, 1 Aww 1952: AAS 44 (1952) p.652ss; Leges Operis Apostolatus Maris, magħmulin bl-awtorità ta' Piju XII 21 Nov 1957: AAS 50 (1958) p.357ss. 

[30] Cf. VAT. II, Digr.dwar il-Knejjes Kattoliċi tal-Lvant, 21 Nov 1964, n4: AAS 57 (1964) p.77. 

[31] Cf. Ġw. 13,35

[32] Cf. PIJU XII, Allokuzzjoni, 8 Diċ 1950: AAS 43 (1951) p. 28. cf. ukoll PAWLU VI, Allokuzzjoni, 23 Mej 1964: AAS 56 (1964) p. 571.

[33] Cf. LJUN XIII, KA Romanus Pontifices, 9 Mej 1881: Acta Leonis XIII, Vol. II (1882) p. 234.

[34] Cf. PAWLU VI, Allokuzjoni, 23 Mej 1964: AAS 56 (1964) pp.570-571.

[35] Cf. PIJU XII, Allokuzzjoni, 8 Diċ 1950: 1c.

[36] Cf. SAGRA  KONGR. KONĊISTORJALI: Istruzzjoni dwar il-Vigarji Kastrensi: 23 Apr 1951: AAS 43 (1951) pp. 562 -565; Formula li għandha tinżamm fir-relazzjoni dwar l-istat tal-Vigarjati Kastrensi: 20 Ott 1956: AAS 49 (1957) pp. 150-163; Digr. dwar il-Vista ad limina li għandha ssir mill-Vigarji Kastrensi: 28 Frar 1959: AAS 51(1961) pp. 272-274; Digr. dwar il-Fakultà tal-Qrar estiża lill-Kappillani militari: 27 Nov 1960: AAS 53 (1961) pp. 49-50. Cf ukoll SAGRA KONGR. GĦAR-RELIĠJUŻI: Istruzzjoni lill-Kappillani militari reliġjużi: 2 Frar 1955: AAS 47 (1955) pp.93-97. 

[37] Cf. SAGRA  KONGR. KONĊISTORJALI: Ittra lill-Kardinali, Arċisqfijiet, Isqfijiet u Ordinarji l-oħra tal-Lingwa Spanjola, 21 Ġun 1951: AAS 43 (1951) p. 566.