Id-Dokumenti ta' Vatikan II u Konċilji oħra ...

DIGRIET DWAR L-EKUMENIŻMU

"UNITATIS REDINTEGRATIO"

21 ta' Novembru, 1964

 

WERREJ

1. Daħla

 

Kap I: PRINĊIPJI KATTOLIĊI TAL-EKUMENIŻMU

2. Il-Knisja hija waħda u unika

3. Relazzjonijiet tal-aħwa mifrudin mill-Knisja Kattolika

4. Ekumeniżmu

 

Kap II: DWAR IT-TĦADDIM TAL-EKUMENIŻMU

5. L-għaqda tolqot lil kulħadd

6. Ir-riforma tal-Knisja

7. Il-konverżjoni tal-qalb

8. L-għaqda fit-talb

9. Kattoliċi u aħwa mifrudin għandhom jifhmu lil xulxin

10. Il-formazzjoni ekumenika

11. Kif għandha titfisser u tkun mgħallma d-duttrina kattolika

12. Ħidma għalenija mal-aħwa mifrudin

 

Kap III: DWAR IL-KNEJJES U L-KOMUNITAJIET EKKLEŻJALI

            MIFRUDIN MIS-SEDE APPOSTOLIKA

13. Firdiet differenti mill-Knisja Kattolika

I - IL-KNEJJES TAL-LVANT ĦAQQHOM KONSIDERAZZJONI SPEĊJALI

14. Storja tal-Knejjes tal-Lvant

15. Tradizzjoni liturġika u spiritwali tal-Knejjes tal-Lvant

16. Id-dixxiplina tal-Knejjes tal-Lvant

17. Kif l-insara tal-Lvant ifissru l-misteri

18. Konklużjoni

II - DWAR IL-KNEJJES U L-KOMUNITAJIET EKKLEŻJALI MIFRUDIN

      FIL-PUNENT

19. Il-qagħda ta' dawn il-komunitajiet

20. L-istqarrija ta' Kristu

21. L-istudju tal-Kotba Mqaddsa

22. Il-ħajja sagramentali

23. Il-ħajja ma' Kristu

24. Konklużjoni

 

 DIGRIET DWAR L-EKUMENIŻMU

"UNITATIS REDINTEGRATIO''

 

Daħla

1. Wieħed mill-iskopijiet ewlenin tal-Konċilju Mqaddes Vatikan it-Tieni huwa dak illi terġa' tkun stabbilita l-għaqda fost l-insara kollha. Għaliex Kristu l-Mulej waqqaf Knisja waħda u unika; iżda ħafna komunitajiet insara jippreżentaw irwieħhom quddiem il-bnedmin bħala werrieta tassew ta' Ġesù Kristu; kollha jistqarru li huma dixxipli tal-Mulej iżda bejniethom ma jaqblux u jgħaddu minn mogħdijiet differenti bħallikieku Kristu nnifsu kien mifrud[1]. Żgur li din il-firda tmur ċar u tond kontra r-rieda ta' Kristu, hija ta' skandlu għad-dinja u tagħmel ħsara lill-kawża l-aktar qaddisa li l-Evanġelju jixxandar lill-ħolqien kollu.

Tabilħaqq is-Sid taż-żmien, li b'għerf u b'sabar ikompli jtemm il-pjan tal-grazzja tiegħu għalina midinbin, dan l-aħħar beda jnissel b'kotra akbar fl-insara mifrudin bejniethom is-sogħba għal din il-qagħda u x-xewqa għall-għaqda. Għadd kbir ta' bnedmin f'kull imkien tad-dinja ntlaqtu minn din il-grazzja u fost l-aħwa mifrudin minna ngħata bidu wkoll, bl-għajnuna tal-grazzja tal-Ispirtu s-Santu, għal moviment, li kuljum qed jikber, biex terġa’ sseħħ l-għaqda tal-insara kollha. F'dan il-moviment għall-għaqda, li jissejjaħ “ekumeniku”, jieħdu sehem dawk li jsejħu lil Alla wieħed fi tliet Persuni u jistqarru li Ġesù huwa l-Mulej u s-Salvatur; f'dan il-moviment jipparteċipaw mhux biss individwi għal rashom iżda wkoll persuni organizzati fi gruppi li fihom huma semgħu l-Evanġelju u li kull wieħed minnhom iqis bħala l-Knisja tiegħu u ta' Alla. B'danakollu kważi kulħadd, min b'mod u min b'ieħor, jixtieq li jkun hemm Knisja ta' Alla waħda u viżibbli, li tkun tassew universali u li tkun mibgħuta lid-dinja kollha biex id-dinja tikkonverti għall-Evanġelju u ssalva għall-glorja ta' Alla.

Għalhekk dan il-Konċilju Mqaddes iqis bil-ferħ dan kollu u, wara li diġà ddikjara d-duttrina dwar il-Knisja, imqanqal mix-xewqa li jerġa' jġib l-għaqda fost id-dixxipli kollha ta' Kristu, irid jipproponi lill-Kattoliċi kollha l-mezzi, il-metodi u l-modi li bihom huma jistgħu jwieġbu għal din is-sejħa u l-grazzja divina.

 

Kap I

PRINĊIPJI KATTOLIĊI TAL-EKUMENIŻMU

 

Il-Knisja hija waħda u unika

2. L-imħabba ta' Alla għalina dehret f'illi l-Iben waħdieni ta' Alla ntbagħat fid-dinja mill-Missier sabiex magħmul bniedem jagħti l-ħajja mill-ġdid u jiġbor f'wieħed lin-nisel kollu tal-bnedmin billi jifdih[2] . U l-Iben, qabel ma offra lilu nnifsu bħala vittma bla tebgħa fuq l-altar tas-salib, talab lill-Missier għal dawk li jemmnu u qal: "nitolbok li jkunu lkoll ħaġa waħda. Kif inti fija, Missier, u jien fik, ħa jkunu huma wkoll ħaġa waħda fina, biex hekk id-dinja temmen li inti bgħattni" (Ġw 17,21). U fil-Knisja tiegħu waqqaf is-sagrament tal-għaġeb tal-Ewkaristija li bih l-għaqda tal-Knisja titfisser u sseħħ. Lid-dixxipli tiegħu tahom kmandament ġdid li jħobbu lil xulxin[3] u wegħidhom l-Ispirtu s-Santu[4] li, bħala l-Mulej u dak li jagħti l-ħajja, kellu jibqa' magħhom għal dejjem.

Il-Mulej Ġesù, wara li kien mgħolli fuq is-salib u gglorifikat, bagħat l-Ispirtu mwiegħed li bih huwa sejjaħ u ġabar il-poplu tal-Patt il-Ġdid li hu l-Knisja u għaqqdu fil-fidi, it-tama u l-karità, kif jgħallem l-Appostlu: "ġisem wieħed u ruħ waħda, l-istess kif kontu msejħa għal tama waħda; Mulej wieħed, fidi waħda, magħmudija waħda" (Ef 4,4-5). Għaliex "Intom, li intom mgħammda fi Kristu, ilbistu 'l Kristu. ... għax intom ilkoll ħaġa waħda fi Kristu Ġesù" (Gal 3,27-28 gr). L-Ispirtu s-Santu, li jgħammar f'dawk li jemmnu, li jimla u jmexxi l-Knisja kollha, jagħmel dik l-għaqda tal-għaġeb tal-fidili u jgħaqqadhom ilkoll fi Kristu b'mod hekk intimu illi Huwa jkun il-prinċipju tal-unità tal-Knisja. L-Ispirtu s-Santu jaħdem it-taqsim tal-grazzji u tal-ħidmiet[5] u jgħin lill-Knisja ta' Ġesù Kristu b'doni differenti u b'hekk "jitrawmu l-qaddisin għax-xogħol tal-ħidma tagħhom għall-bini tal-Ġisem ta' Kristu" (Ef 4,12).

Sabiex iwaqqaf din il-Knisja qaddisa tiegħu fid-dinja kollha u tibqa' sal-aħħar taż-żminijiet, Kristu ħalla f'idejn il-Kulleġġ tat-Tnax id-dmir li jgħallmu, imexxu u jqaddsu[6]. Fosthom Huwa għażel lil Pietru; fuqu, wara l-istqarrija ta' fidi, amar li tinbena l-Knisja tiegħu; lilu wiegħed l-imfietaħ tas-Saltna tas-Smewwiet[7]; u, wara l-istqarrija tal-imħabba tiegħu, lilu fada n-nagħaġ kollha sabiex iwettaqhom fit-twemmin[8] u jmexxihom f'għaqda perfetta[9] filwaqt li Hu, Kristu Ġesù nnifsu, jibqa' għal dejjem il-ġebla tax-xewka[10] u r-ragħaj ta' rwieħna[11]. Ġesù Kristu ried li bix-xandir fidil tal-Evanġelju, bl-amministrazzjoni tas-sagramenti, bit-tmexxija fl-imħabba min-naħa tal-Appostli u tas-suċċessuri tagħhom, jiġifieri tal-isqfijiet, fl-għaqda mas-suċċessur ta' Pietru bħala r-ras, bil-ħidma tal-Ispirtu s-Santu, il-poplu tiegħu jikber. Huwa jrid iwasslu għal komunjoni sħiħa fl-unità fl-istqarrija ta' twemmin wieħed, fiċ-ċelebrazzjoni komuni tal-qima ta' Alla u fl-għaqda tal-aħwa tal-familja ta' Alla.

B'hekk il-Knisja, il-merħla waħdanija ta' Alla, bħala għelm merfugħ fost il- ġnus[12], waqt li tqiegħed l-Evanġelju tal-paċi għall-qadi tal-ġens kollu tal-bnedmin[13], miexja bit-tama lejn is-sema pajjiżha[14].

Dan hu l-misteru mqaddes tal-għaqda tal-Knisja fi Kristu u permezz ta' Kristu, filwaqt li l-Ispirtu s-Santu jaħdem fid-diversità tad-doni. L-ogħla mudell u l-prinċipju ta' dan il-misteru huwa l-għaqda fit-Trinità tal-Persuni, ta’ Alla wieħed, Missier u Iben fl-Ispirtu s-Santu.

 

 

Relazzjonijiet tal-aħwa mifrudin mill-Knisja Kattolika

3.  F'din il-Knisja waħda u unika ta' Alla, sa mill-bidu tagħha qamu xi firdiet[15] li l-Appostlu jiddeplora bil-qawwa u jgħid li hu ta' min jikkundannahom[16]; iżda fis-sekli li ġew wara qamu tilwimiet akbar u xi komunitajiet mhux żgħar infirdu mill-komunjoni sħiħa tal-Knisja Kattolika, xi drabi mhux mingħajr ħtija ta' xi bnedmin minn naħa u minn oħra. Iżda dawk li qegħdin jitwieldu issa f'dawn il-komunitajiet u li jimtlew fihom bil-fidi fi Kristu, ma jistgħux ikunu mixlija bid-dnub tal-firda u l-Knisja Kattolika tħaddanhom b'qima u bi mħabba tal-aħwa. Għaliex dawk li jemmnu fi Kristu u ħadu l-magħmudija kif imiss huma b'xi mod f'komunjoni, għalkemm mhux perfetta, mal-Knisja Kattolika. Tabilħaqq, ħtija tan-nuqqas ta' qbil ta' diversi għamliet li hemm bejnhom u l-Knisja Kattolika - kemm fuq materji ta' duttrina u, xi drabi, ta' dixxiplina, kemm fuq l-istruttura tal-Knisja - ix-xkiel li jtellef il-komunjoni ekkleżjastika perfetta mhuwiex ftit u xi drabi huwa serju ħafna. Il-moviment ekumeniku għalhekk qed iħabrek biex jirbaħ ix-xkiel kollu. B'danakollu dawn l-aħwa li huma ġġustifikati bil-fidi fil-magħmudija huma ġisem wieħed ma' Kristu[17] u għalhekk bir-raġun huma mżejna bl-isem ta' nsara u jingħarfu minn ulied il-Knisja Kattolika bħala aħwa fil-Mulej[18] .

Barra minn dan, mill-ġid jew mill-elementi li minnhom, meħudin ilkoll flimkien, il-Knisja nnifisha tinbena u tieħu l-għajxien tagħha, xi wħud, anzi ħafna minnhom u xi wħud mill-ogħla fosthom, jistgħu jinstabu barra mil-limiti viżibbli tal-Knisja Kattolika: il-Kelma ta' Alla miktuba, il-ħajja tal-grazzja, il-fidi, it-tama u l-karità, u doni interni oħra tal-Ispirtu s-Santu u elementi viżibbli oħra. Dawn kollha, li ġejjin minn Kristu u jwasslu għandu, huma, bi dritt, tal-Knisja waħdanija ta' Kristu.

L-aħwa mifrudin minna jagħmlu wkoll ħafna mill-azzjonijiet sagri tar-reliġjon nisranija; dawn l-azzjonijiet, b'modi differenti u skond iċ-ċirkostanzi ta' kull Knisja jew Komunità partikolari, inisslu tassew il-ħajja tal-grazzja u għandhom jitqiesu tajbin biex jiftħu d-dħul għall-komunjoni li ssalva.

Għalhekk l-istess Knejjes[19] u Komunitajiet mifrudin minna, għalkemm nemmnu li hemm xi ħaġa nieqsa fihom, bl-ebda mod ma huma għera minn tifsir u importanza fil-misteru tas-salvazzjoni. Għaliex l-Ispirtu ta' Kristu ma jiċħadx li jużahom bħala mezzi ta' salvazzjoni li jiksbu l-valur tagħhom mill-istess milja tal-grazzja u l-verità li ngħatat lill-Knisja Kattolika.

B'danakollu l-aħwa mifrudin minna, kemm individwi kemm il-Komunitajiet u Knejjes tagħhom, ma jgawdux minn dik l-unità li Ġesù Kristu ried jagħti lil dawk kollha li nissel mill-ġdid u tahom il-ħajja flimkien f'ġisem wieħed u f'ħajja ġdida - dik l-unità li jistqarru l-Kotba Mqaddsa u t-Tradizzjoni meqjuma tal-Knisja. Għaliex huwa biss permezz tal-Knisja Kattolika ta' Kristu, li hi l-mezz ta' salvazzjoni li jħaddan lil kulħadd, li tista' tintlaħaq il-milja kollha tal-mezzi tas-salvazzjoni. Aħna nemmnu li l-Mulej ħalla f'idejn kulleġġ appostoliku wieħed taħt it-tmexxija ta' Pietru l-ġid kollu tar-Rabta l-Ġdida biex jitwaqqaf fuq l-art Ġisem wieħed ta' Kristu li fih jeħtieġ li jingħaqdu għal kollox dawk kollha li b'xi mod diġà jagħmlu sehem mill-poplu ta' Alla. Dan il-poplu, matul il-pellegrinaġġ tiegħu fuq l-art, għalkemm jibqa' suġġett għad-dnub fil-membri tiegħu, jikber fi Kristu u jitmexxa bil-ħlewwa minn Alla skond il-pjanijiet misterjużi tiegħu sakemm jasal hieni għall-milja kollha tal-glorja ta' dejjem f'Ġerusalemm tas-sema.

 

Ekumeniżmu

4. Illum, f'ħafna nħawi tad-dinja, bl-ispirazzjoni tal-grazzja tal-Ispirtu s-Santu, qegħdin jittieħdu ħafna inizjattivi, bit-talb, bil-kelma u bil-ħidma, biex tintlaħaq dik il-milja tal-unità li Ġesù Kristu jrid. Għalhekk dan is-Sinodu Mqaddes iħeġġeġ lill-fidili kattoliċi kollha sabiex, filwaqt li jagħrfu s-sinjali taż-żminijiet, jieħdu sehem bil-ħerqa fil-ħidma ekumenika.

B'moviment ekumeniku nifhmu dawk l-attivitajiet u dawk l-inizjattivi li, skont il-ħtiġijiet differenti tal-Knisja u l-opportunitajiet taż-żmien, jitqanqlu u huma maħsuba biex iġibu 'l quddiem l-għaqda tal-insara bħalma huma: l-ewwel, l-isforzi kollha biex ikunu evitati dawk il-kliem, ġudizzji u għemejjel li ma jirriflettux skont il-ħaqq u s-sewwa l-qagħda tal-aħwa mifrudin u għalhekk jagħmlu iżjed diffiċli r-relazzjonijiet reċiproċi. Imbagħad jiġi d-"djalogu" bejn esperti mħarrġin sewwa minn diversi Knejjes jew Komunitajiet.  F’dawn il-laqgħat, li jsiru bi spirtu reliġjuż, kull wieħed minnhom ifisser iżjed fil-fond it-tagħlim tal-komunità tiegħu u jippreżenta b'mod ċar il-karatteristiċi tagħha. Għaliex b'dan id-djalogu kulħadd jista' jikseb tagħrif aktar eżatt tat-tagħlim u tal-ħajja reliġjuża ta' kull waħda mill-Komunitajiet u jibda japprezzahom iżjed. Barra minn hekk dawn il-Komunitajiet jaslu għal kollaborazzjoni akbar fil-qadi ta' dawk id-dmirijiet kollha li titlob kull kuxjenza nisranija għall-ġid komuni; fejn dan huwa permess, huma jinġabru flimkien fit-talb. Fl-aħħar nett f'dan il-moviment ekumeniku kulħadd jitwassal biex jeżamina ruħu fuq il-fedeltà tiegħu lejn ir-rieda ta' Kristu dwar il-Knisja u, fejn jenħtieġ, jidħol bl-enerġija kollha għall-ħidma ta' tiġdid u ta' riforma. 

Dawn il-ħwejjeġ kollha, meta jsiru bil-għaqal u bis-sabar mill-fidili tal-Knisja Kattolika taħt il-ħarsien tar-rgħajja, jgħinu biex iġibu 'l quddiem l-ekwità u l-verità, il-ftehim u l-ħidma għalenija, l-ispirtu tal-imħabba tal-aħwa u tal-għaqda. B'hekk, bil-mod il-mod, wara li jkunu megħluba l-ostakoli kollha li qegħdin ifixklu l-komunjoni ekkleżjali perfetta, l-insara kollha għad jingħaqdu f'ċelebrazzjoni waħda tal-Ewkaristija u fl-unità tal-Knisja waħda u waħdanija, f'dik l-unità li Kristu sa mill-bidu ta lill-Knisja tiegħu u li aħna nemmnu li għadha hemm bla ma tista' tintilef fil-Knisja Kattolika u li nittamaw li tkompli tikber kuljum dejjem iżjed sal-aħħar taż-żminijiet.

Huwa ċar li x-xogħol ta' tħejjija u ta' rikonċiljazzjoni li qed jagħmlu dawk l-individwi li jixtiequ l-komunjoni kattolika sħiħa jingħażel min-natura tiegħu mill-ħidma ekumenika; iżda ma hemm ebda oppożizzjoni bejniethom għaliex it-tnejn ġejjin minn dak li b'mod tal-għaġeb iddispona Alla.

Jenħtieġ mingħajr dubju li fil-ħidma ekumenika l-fidili kattoliċi jinteressaw irwieħom mill-aħwa mifrudin billi jitolbu għalihom, jagħtuhom tagħrif dwar il-ħwejjeġ tal-Knisja u jagħmlu l-ewwel passi lejhom. Iżda qabel xejn huma għandhom jeżaminaw bis-sinċerità u bl-attenzjoni dak li għandu bżonn jiġġedded jew jeħtieġ isir fl-istess familja kattolika biex il-ħajja tagħha tagħti xhieda iżjed fidila u ċara tat-tagħlim u tal-istituzzjonijiet mgħoddija minn Kristu permezz tal-Appostli.

Għaliex għalkemm il-Knisja Kattolika kienet mogħnija minn Alla b'kull verità rivelata u bil-mezzi kollha tal-grazzja, b'danakollu l-membri tagħha ma jgħixux bihom bil-ħerqa kollha xierqa u b'hekk wiċċ il-Knisja ma jidhirx jiddi quddiem l-aħwa mifrudin minna u s-Saltna ta' Alla ddum biex tixtered. Għalhekk il-kattoliċi kollha għandhom jippruvaw jilħqu l-perfezzjoni nisranija[20] u, kull wieħed skont il-qagħda tiegħu, jagħmel ħiltu biex il-Knisja li ġġorr f'ġisimha l-umiltà u t-tbatija sal-mewt ta' Kristu[21] titnaddaf u tiġġedded minn jum għall-ieħor sakemm Kristu jagħmilha tidher quddiemu msebbħa, bla tebgħa jew tikmix[22] .

Dawk kollha li qegħdin fil-Knisja skont l-uffiċċju mogħti lil kull wieħed minnhom, waqt li jżommu l-unità fil-ħwejjeġ neċessarji, għandhom iħarsu libertà xierqa kemm fl-għamliet diversi ta' ħajja spiritwali u tad-dixxiplina, kemm fir-riti liturġiċi diversi, anzi fl-istess elaborazzjoni teoloġika tal-verità rivelata; f'kollox, imbagħad, għandhom iħarsu l-imħabba. Għaliex meta jagħmlu hekk ikunu qegħdin jagħtu xhieda kuljum iżjed sħiħa tal-kattoliċità u tal-appostoliċità tal-Knisja.

Min-naħa l-oħra jeħtieġ li l-kattoliċi jagħrfu bil-ferħ u jistmaw il-valuri tassew insara li jinsabu fost l-aħwa mifrudin minna u li ġejjin minn wirt komuni. Huwa sewwa u ta' ġid li wieħed jagħraf l-għana ta' Kristu u l-għemejjel ta' tjieba fil-ħajja tal-oħrajn li jagħtu xhieda għal Kristu u xi drabi jaslu wkoll biex ixerrdu demmhom għalih; għaliex Alla huwa dejjem tal-għaġeb f'dak li jagħmel u jistħoqqlu l-ammirazzjoni tagħna.

Lanqas m'għandu wieħed jinsa li dak kollu li bil-grazzja tal-Ispirtu s-Santu jseħħ fl-aħwa mifrudin jista' jiswa għall-ġid tagħna wkoll. Dak kollu li hu tassew nisrani qatt ma jmur kontra dak li hu tassew ġenwin fil-fidi, anzi dejjem jista' jgħin biex iseħħ aħjar il-misteru ta' Kristu u tal-Knisja.

B'danakollu l-firdiet bejn l-insara huma ta' xkiel għall-Knisja biex ittemm il-milja tal-kattoliċità tagħha f'dawk l-ulied li huma tabilħaqq imseħbin magħha bil-magħmudija iżda huma mifrudin mill-għaqda sħiħa magħha. Anzi jsir iżjed diffiċli għall-Knisja stess li tfisser f'kull aspett il-milja tal-kattoliċità tagħha fl-istess realtà tal-ħajja.

Dan is-Sinodu Mqaddes jagħraf bil-ferħ li s-sehem tal-fidili kattoliċi fil-ħidma ekumenika qiegħed jikber kuljum iżjed u jirrakkomanda lill-isqfijiet f'kull naħa tad-dinja biex iġibuh 'il quddiem bil-ħerqa u jmexxuh bil-prudenza.

 

Kap II

IT-TĦADDIM TAL-EKUMENIŻMU

 

L-għaqda tolqot lil kulħadd

5. Il-ħerqa biex terga’ ssir l-għaqda tolqot lill-Knisja kollha, kemm lill-fidili, kemm lir-rgħajja, u tinteressa lil kull wieħed skont il-ħila tiegħu kemm fil-ħajja nisranija ta' kuljum kemm għal dak li għandu x'jaqsam mal-istudji tat-teoloġija u tal-istorja. Din il-ħerqa stess diġà turi li b'xi mod teżisti rabta tal-aħwa fost l-insara kollha; hija twassal għal għaqda sħiħa u perfetta kif iridha Alla fl-imħabba tiegħu.

 

Ir-riforma tal-Knisja

6.  Kull tiġdid tal-Knisja[23] jikkonsisti essenzjalment f'impenn akbar ta' fedeltà għas-sejħa tagħha. Huwa bla dubju għalhekk li hemm moviment li qiegħed iħabrek għall-għaqda. Matul il-pellegrinaġġ tagħha f'din l-art, Kristu jsejjaħ lill-Knisja għal dan it-tiġdid kontinwu tagħha nnifisha, tiġdid li l-Knisja, għax hija istituzzjoni umana, dejjem teħtieġ. Għalhekk, jekk minħabba ċirkostanzi ta' ġrajjiet u ta' żminijiet xi ħwejjeġ ma tħarsux b'reqqa biżżejjed kemm fl-imġiba, kemm fid-dixxiplina ekkleżjastika, kemm fil-formulazzjoni tat-tagħlim – formulazzjoni li dejjem għandha tingħażel mid-depożitu tal-fidi nnifsu – dawn il-ħwejjeġ ikunu korretti sewwa fil-waqt u kif imiss.

Għalhekk dan it-tiġdid jikseb importanza ekumenika mill-akbar. Għaliex it-tiġdid li diġà qed isir fil-ħajja tal-Knisja u l-modi diversi kif qed isir - bħalma huma l-moviment bibliku u liturġiku, il-predikazzjoni tal-kelma ta' Alla u l-katekeżi, l-appostolat tal-lajċi, l-għamliet ġodda ta' ħajja reliġjuża, l-ispiritwalità taż-żwieġ, it-tagħlim u l-ħidma soċjali tal-Knisja - għandhom jitqiesu bħala rahan u sinjal li huma awgurju tajjeb għall-progress tal-ekumeniżmu fil-ġejjieni.

 

Il-konverżjoni tal-qalb

7.  Ma hemmx ekumeniżmu li jistħoqqlu dan l-isem mingħajr konverżjoni minn ġewwa. Għaliex huwa bil-bidla tal-fehma[24], biċ-ċaħda tagħna nfusna, u bl-imħabba ġeneruża, li jitnisslu u jimmaturaw ix-xewqat għall-għaqda. Għalhekk aħna għandna nitolbu mingħand l-Ispirtu divin il-grazzja li, meta naqdu, ikollna ċ-ċaħda sinċiera tagħna nfusna, l-umiltà, il-manswetudni u l-ispirtu tal-ġenerożità tal-aħwa għall-oħrajn. "Inħeġġiġkom," jgħid l-Appostlu tal-ġnus, "jien, il-priġunier tal-Mulej, biex timxu sewwa skont is-sejħa li biha kontu msejħin; billi bl-umiltà kollha, bil-ħlewwa u bis-sabar, taħmlu u tħobbu 'l xulxin. Ħabirku biex iżżommu spirtu wieħed bir-rabta tas-sliem." (Ef 4,1-3). Din l-eżortazzjoni tolqot l-iżjed lil dawk li tgħollew għall-ordni sagri bil-ħsieb li tissokta l-missjoni ta' Kristu li fostna "ma ġiex biex ikun moqdi imma biex jaqdi" (Mt 20,28).

Dwar il-ħtijiet kontra l-għaqda tiswa wkoll ix-xhieda ta' San Ġwann: "Jekk ngħidu li ma dnibniex, inkunu qegħdin ingiddbuh, u kelmtu ma tkunx fina"   (1 Ġw 1,10). Għalhekk bl-umiltà nitolbu maħfra lil Alla u lill-aħwa mifrudin, bħalma aħna naħfru lil min hu ħati għalina.

Il-fidili kollha għandhom jiftakru li iżjed ma jħabirku biex jgħixu ħajja safja skont l-Evanġelju, aktar iġibu 'l quddiem, anzi jħaddmu, l-għaqda tal-insara. Għaliex aktar ma jingħaqdu f'għaqda intima mal-Missier, mal-Verb u mal-Ispirtu, aktar ikunu jistgħu jkabbru l-għaqda tal-aħwa b'intimità u b'ħeffa.

 

L-għaqda fit-talb

8. Din il-konverżjoni tal-qalb u l-qdusija tal-ħajja, flimkien mat-talb privat u pubbliku għall-għaqda tal-insara, għandhom jitqiesu bħala r-ruħ tal-moviment ekumeniku kollu u jistgħu bil-ħaqq jissejħu ekumeniżmu spiritwali.

Hija infatti drawwa tal-kattoliċi li jiltaqgħu ta' sikwit biex jgħidu dik it-talba għall-għaqda tal-Knisja li s-Salvatur innifsu fil-lejl qabel ma miet għamel bil-ħrara lill-Missier: "li jkunu lkoll ħaġa waħda" (Ġw 17,21).

F'xi ċirkostanzi speċjali, bħal meta jkun ordnat it-talb għall-għaqda u fil-laqgħat ekumeniċi, ikun permess, anzi huwa ta' min jixtiequ, li l-kattoliċi jissieħbu fit-talb mal-aħwa mifrudin. Talb komuni bħal dan huwa mezz mill-aktar effikaċi biex tintalab il-grazzja tal-għaqda u huwa tifsira ġenwina tar-rabtiet li bihom il-kattoliċi għadhom magħqudin mal-aħwa mifrudin: "Għax fejn tnejn jew tlieta jkunu miġbura f'ismi hemm inkun jien f'nofshom" (Mt 18,20).

B'danakollu l-komunikazzjoni fi ħwejjeġ sagri ma tistax titqies bħala mezz li jista' jintuża kif ġie ġie biex terġa’ ssir l-għaqda tal-insara. Din il-komunikazzjoni tiddependi l-aktar minn żewġ prinċipji: l-ewwel mill-unità tal-Knisja li għandha tkun imfissra u t-tieni mill-parteċipazzjoni fil-mezzi tal-grazzja. It-tifsira tal-għaqda ħafna drabi ma tippermettix il-komunikazzjoni fi ħwejjeġ sagri. Min-naħa l-oħra l-grazzja li jeħtieġ tinkiseb xi drabi tirrakkomandaha. L-awtorità episkopali tal-post għandha tiddeċiedi bil-prudenza dwar x'għandu jsir fil-prattika wara li jitqiesu ċ-ċirkostanzi kollha taż-żmien, tal-post u tal-persuni sakemm ma jkunx stabbilit mod ieħor mill-konferenza episkopali skont kif jitolbu l-istatuti proprji tagħha jew mis-Santa Sede.

 

Kattoliċi u aħwa mifrudin għandhom jifhmu lil xulxin

9. Jenħtieġ li jingħaraf l-ispirtu tal-aħwa mifrudin. Għal dan jenħtieġ neċessarjament ħafna studju li għandu jsir skont il-verità u bi spirtu ta' rieda tajba. Il-kattoliċi, mħejjija kif imiss, għandhom jiksbu tagħrif aħjar tat-tagħlim u tal-istorja tal-aħwa mifrudin, tal-ħajja spiritwali u liturġika tagħhom, tal-psikoloġija reliġjuża u tal-kultura li jagħżluhom. Biex dan jintlaħaq jgħinu ħafna l-laqgħat bil-parteċipazzjoni taż-żewġ naħat li jsiru speċjalment biex ikunu diskussi kwistjonijiet teoloġiċi. F'dawn il-laqgħat kulħadd għandu jitqies indaqs, basta dawk li jieħdu sehem fihom taħt il-ħarsien tal-isqfijiet ikunu tassew kompetenti. Minn dan id-djalogu jkun jidher iżjed ċar ukoll xi tkun tabilħaqq il-pożizzjoni tal-Knisja. B'hekk jingħaraf aħjar il-ħsieb tal-aħwa mifrudin u t-twemmin tagħna jitfissrilhom b'mod aħjar.

 

Il-formazzjoni ekumenika

10. Jenħtieġ li t-tagħlim tat-teoloġija mqaddsa u tal-materji l-oħra, l-aktar tal-istorja, jingħata wkoll mill-aspett ekumeniku biex ikun jaqbel b'mod iżjed preċiż mal-verità tal-fatti.

Infatti huwa importanti ħafna li r-rgħajja u s-saċerdoti tal-ġejjieni jitrawmu f'teoloġija elaborata bir-reqqa b'dan il-mod, u mhux f'kuntest ta' polemika, fuq kollox f'dak li għandu x'jaqsam mar-relazzjonijiet tal-aħwa mifrudin mal-Knisja Kattolika. 

Għaliex huwa mill-formazzjoni tas-saċerdoti li jiddependu ħafna t-tagħlim u l-formazzjoni spiritwali meħtieġa tal-fidili u tar-reliġjużi.

Dawk il-kattoliċi li qegħdin jagħmlu ħidma missjunarja fl-istess artijiet fejn qegħdin jaħdmu nsara oħra għandhom ukoll ikunu jafu, l-iżjed il-lum, x'inhuma l-kwistjonijiet li jqumu u x'inhuma r-riżultati li jinkisbu mill-ekumeniżmu fl-appostolat tagħhom.

 

Kif għandha titfisser u tkun mgħallma d-duttrina kattolika

11.  Il-mod u l-metodu kif jitfisser it-twemmin kattoliku m'għandu bl-ebda mod ifixkel id-djalogu ma' ħutna mifrudin. Huwa għal kollox meħtieġ li jitfisser b'mod ċar it-tagħlim sħiħ. Xejn ma huwa iżjed barrani għall-ekumeniżmu minn dak l-ireniżmu falz li bih issir ħsara lis-safa tad-duttrina kattolika u jiddallam is-sens ġenwin u ċert tagħha.

Fl-istess ħin il-fidi kattolika għandha titfisser iżjed fil-fond u b'reqqa akbar, b'mod u b'terminoloġija li l-aħwa mifrudin ukoll jistgħu jifhmuha. Barra minn hekk, fid-djalogu ekumeniku t-teoloġi kattoliċi, meta jistħarrġu flimkien mal-aħwa mifrudin dwar il-misteri divini, għandhom iġibu rwieħhom bi mħabba għall-verità, bil-karità u bl-umiltà waqt li jżommu sħiħ mat-tagħlim tal-Knisja. Meta jkunu qegħdin iqabblu t-tagħlim ta' xulxin għandhom jiftakru li fid-duttrina kattolika hemm ordni jew "ġerarkija" ta' veritajiet għaliex diversa hija l-konnessjoni tagħhom mas-sisien tal-fidi kattolika. B'hekk titwitta t-triq u b'din l-emulazzjoni bejn l-aħwa kulħadd jitħeġġeġ biex jagħraf aktar biċ-ċar u aktar fil-fond l-għana ta' Kristu li ebda moħħ ma' jista' jifhem[25].

 

Ħidma għalenija mal-aħwa mifrudin

12.  L-insara kollha għandhom jistqarru quddiem il-ġnus kollha l-fidi f'Alla wieħed fi tliet Persuni, fl-Iben ta' Alla magħmul bniedem, Feddej u Mulej tagħna, u bi sforz komuni b'rispett lejn xulxin jagħtu xhieda tat-tama tagħna li ma tqarraqx. Billi fiż-żminijiet tal-lum qed tikber u tixtered il-koperazzjoni fil-qasam soċjali, il-bnedmin kollha huma msejħin għal ħidma komuni; iżda għal raġuni akbar huma msejħin għal din il-ħidma dawk li jemmnu f'Alla u speċjalment l-insara kollha bħala dawk li jiżżejnu bl-isem ta' Kristu. Il-ħidma għalenija tal-insara kollha tfisser b'mod ħaj dik ir-rabta li diġà tgħaqqadhom flimkien u titfa' dawl akbar fuq il-wiċċ ta' Kristu qaddej. Jeħtieġ li din il-koperazzjoni, li f'ħafna pajjiżi diġà bdiet isseħħ, issir dejjem iżjed aħjar l-aktar f'dawk l-inħawi fejn qiegħda ssir evoluzzoni soċjali u teknika. Din il-koperazzjoni tiswa biex tkun rispettata kif imiss id-dinjità tal-persuna umana, il-ġid tal-paċi jitmexxa 'l quddiem, titwettaq l-applikazzjoni  soċjali tal-Evanġelju, ix-xjenzi u l-arti jimxu 'l quddiem bi spirtu nisrani, u jsir użu minn kull għamla ta' rimedji kontra l-hemm ta' żmienna bħalma huma l-ġuħ u d-disgrazzji, l-analfabetiżmu u l-faqar, in-nuqqas ta' djar u n-nuqqas ta' ġustizzja fit-tqassim tal-ġid. B'din il-koperazzjoni dawk kollha li jemmnu fi Kristu, ikunu jistgħu jsiru jafu aħjar u jistmaw iżjed lil xulxin u wkoll kif tista' titwitta t-triq għall-għaqda tal-insara.


 Kap III

IL-KNEJJES U L-KOMUNITAJIET EKKLEŻJALI MIFRUDIN MIS-SEDE APPOSTOLIKA

 

Firdiet differenti mill-Knisja Kattolika

13.  Issa nitfgħu ħarsitna fuq iż-żewġ kategoriji ewlenin ta' firdiet li ċarrtu l-libsa bla ħjata ta' Kristu.

L-ewwel fosthom ġraw fil-Lvant sew minħabba l-kontestazzjonijiet dwar il-formuli dommatiċi tal-Konċilji ta' Efesu u ta' Kalċedonja sew, aktar tard, minħabba l-firda fil-komunjoni ekkleżjastika bejn il-Partrijarkati tal-Lvant u s-Sede Rumana.

Oħrajn, imbagħad, qamu fil-Punent iżjed minn erba' sekli wara minħabba l-ġrajjiet li komunement jissejħu r-Riforma. Minn dak iż-żmien ħafna komunjonijiet, kemm nazzjonali kemm konfessjonali, infirdu mis-Sede Rumana. Fost dawk li fihom għad hemm, f'xi parti minnhom, it-tradizzjonijiet u l-istrutturi kattoliċi, għandha post speċjali l-komunità Anglikana.

Iżda dawn il-firdiet huma wisq differenti minn xulxin mhux biss għaliex għandhom oriġini differenti jew għaliex bdew f'pajjiżi jew fi żminijiet differenti, iżda l-aktar minħabba n-natura u l-gravità tal-kwistjonijiet li qanqlu dwar il-fidi u l-istruttura ekkleżjastika.

Għaldaqstant dan is-Sinodu Mqaddes, li ma jnaqqasx mill-importanza li għandhom il-kundizzjonijiet differenti li fihom qegħdin il-komunitajiet insara differenti u lanqas ma jagħlaq għajnejh għall-fatt li, minkejja l-firda, għad hemm ħafna rabtiet bejniethom, jiddeċiedi li jipproponi dawn il-konsiderazzjonijiet li ġejjin biex issir ħidma ekumenika prudenti.

I - IL-KNEJJES TAL-LVANT ĦAQQHOM KONSIDERAZZJONI SPEĊJALI 

Storja tal-Knejjes tal-Lvant

14. Għal ħafna sekli l-Knejjes tal-Lvant u tal-Punent għażlu li jimxu mit-triqat tagħħom għalkemm baqgħu marbutin flimkien f'għaqda tal-aħwa fil-fidi u fil-ħajja sagramentali. Is-Sede Rumana kienet tintervjeni, b'kunsens komuni, meta kienu jqumu bejniethom kwistjonijiet dwar il-fidi jew id-dixxiplina. Fost ħwejjeġ oħra ta' importanza kbira l-Konċilju Mqaddes ifakkar bi pjaċir lil kulħadd li fil-Lvant hemm ħafna knejjes partikolari u lokali attivi. Fosthom, fl-ewwel post, hemm il-Knejjes Patrijarkali. Mhux ftit minn dawn huma kburin li waqqfuhom l-Appostli nnifishom. Għalhekk fost l-insara tal-Lvant kien hemm u għad hemm dik il-ħerqa u dik il-ħeġġa qawwija biex jinżammu, fl-għaqda tal-fidi u tal-karità, dawk ir-relazzjonijiet ta' mħabba tal-aħwa li, sewwa sew bħal bejn l-aħwa, għandu jkun hemm bejn il-knejjes lokali.     

Lanqas hu ta' min iħalli barra l-fatt li l-Knejjes tal-Lvant sa mill-bidu kellhom teżor li minnu ħadet ħafna l-Knisja tal-Punent - fil-qasam tal-liturġija, fit-tradizzjoni spiritwali u fl-ordni ġuridiku. Lanqas m'għandha titnaqqas l-importanza tal-fatt l-ieħor li d-dommi ewlenin tal-fidi nisranija dwar it-Trinità u l-Verb ta' Alla magħmul bniedem mill-Verġni Marija kienu definiti fil-Konċilji Ekumeniċi mlaqqgħin fil-Lvant. U biex iħarsu din il-fidi dawn il-Knejjes tal-Lvant batew u għadhom ibatu ħafna.

Il-wirt mgħoddi mill-Appostli ntlaqa' f'għamliet u f'modi differenti u sa mill-ewwel żminijiet tal-Knisja tfisser u żviluppa banda mod u banda mod ieħor minħabba l-fatt li l-mentalità u l-kundizzjonijiet tal-ħajja kienu jvarjaw minn post għall-ieħor. Dan kollu, u tgħodd miegħu l-kawżi esterni u n-nuqqas ta' mħabba għal xulxin u ta' komprensjoni reċiproka, ħejja t-triq għall-firdiet.

Għalhekk is-Sinodu Mqaddes iħeġġeġ lil kulħadd, iżda l-aktar lil dawk li fi ħsiebhom jaħdmu biex terġa’ ssir il-komunjoni sħiħa bejn il-Knejjes tal-Lvant u l-Knisja Kattolika, biex iqisu kif jixraq din il-qagħda speċjali ta' kif nibtu u kibru l-Knejjes tal-Lvant u n-natura tar-relazzjonijiet li kien hemm bejnhom u s-Sede Rumana qabel il-firda, u jiffurmaw ġudizzju tajjeb ta' dan kollu. Jekk dawn il-ħwejjeġ kollha jitħarsu bir-reqqa jgħinu ħafna biex isir id-djalogu mixtieq.

 

Tradizzjoni liturġika u spiritwali tal-Knejjes tal-Lvant

15.  Huwa magħruf ukoll minn kulħadd b'liema mħabba l-insara tal-Lvant jiċċelebraw il-Liturġija Mqaddsa, l-iżjed l-Ewkaristija, l-għajn tal-ħajja tal-Knisja u rahan tal-glorja ġejjiena. Biha l-fidili, f'għaqda mal-Isqof, waqt li jersqu lejn Alla l-Missier permezz tal-Iben, il-Verb magħmul bniedem li bata u kien imsebbaħ, fl-Ispirtu s-Santu li jissawwab fuqhom, jidħlu f'għaqda mat-Trinità l-aktar Qaddisa u "jissieħbu fin-natura ta' Alla" (2 Pt 1,4). Għalhekk, biċ-ċelebrazzjoni tal-Ewkaristija tal-Mulej f'kull waħda minn dawn il-Knejjes ta' Alla, tinbena u tikber[26] u bil-konċelebrazzjoni tintwera l-komunjoni ta' bejniethom.

F'dan il-kult liturġiku l-insara tal-Lvant isebbħu b'innijiet mill-isbaħ lil Marija dejjem Verġni li s-Sinodu Ekumeniku ta' Efesu pproklama solennement bħala l-Omm l-aktar qaddisa ta' Alla biex Kristu jingħaraf skond il-Kotba Mqaddsa, kif tassew u proprjament hu, l-Iben ta' Alla u Bin il-Bniedem. Huma jqimu wkoll lil ħafna qaddisin, fosthom il-Padri tal-Knisja universali.

Dawn il-Knejjes, għalkemm mifrudin, għandhom il-veri sagramenti u, fuq kollox, bis-saħħa tas-suċċessjoni appostolika, is-saċerdozju u l-Ewkaristija li bihom għadhom magħqudin magħna b'rabta l-iżjed kbira. Għalhekk, meta jippreżentaw irwieħhom ċirkostanzi f'waqthom, bl-approvazzjoni tal-awtorità tal-Knisja, ċerta komunikazzjoni magħhom fi ħwejjeġ sagri mhux biss hija possibbli iżda wkoll konsiljabbli.

Fil-Lvant jinsab ukoll l-għana ta' dawk it-tradizzjonijiet spiritwali mfissra l-iżjed mill-monakiżmu għaliex kien fil-Lvant, sa miż-żminijiet glorjużi tas-Santi Padri, li kibret dik l-ispiritwalità monastika li mbagħad tferrxet lejn il-Punent. Minnha, bħal mill-għajn tagħha, tnisslet ir-regola monastika tal-Latini u minnha, maż-żmien, ħafna drabi reġgħet ħadet ħajja ġdida. Għalhekk il-kattoliċi huma mħeġġin bil-qawwa biex jersqu iżjed ta' sikwit lejn dan l-għana spiritwali tal-Padri tal-Lvant li jerfa' lill-bniedem kollu kemm hu għall-kontemplazzjoni tal-ħwejjeġ divini.

Kulħadd għandu jkun jaf li l-fatt li wieħed jagħraf, iqim, iħares u jġib ’il quddiem il-wirt liturġiku u spiritwali l-aktar għani tal-insara tal-Lvant huwa ta' importanza mill-akbar biex titħares bil-fedeltà l-milja tat-tradizzjoni nisranija u biex terġa' ssir l-għaqda tal-insara tal-Lvant u tal-Punent.

 

Id-dixxiplina tal-Knejjes tal-Lvant

16.  Barra minn hekk, sa mill-ewwel żminijiet, il-Knejjes tal-Lvant imxew fuq dixxiplini proprji tagħhom, approvati mis-Santi Padri u mis-Sinodi u wkoll mis-Sinodi Ekumeniċi. Iżda ċerta diversità ta' osservanzi u ta' drawwiet mhux talli ma tfixkilx l-unità tal-Knisja, anzi żżid mal-ġmiel tagħha u tgħin mhux ftit biex hi taqdi l-missjoni tagħha. Għalhekk is-Sinodu Mqaddes, biex ineħħi kull dubju li jista' jkun hemm, jistqarr li l-Knisja tal-Lvant, filwaqt li jiftakru fl-għaqda meħtieġa għall-Knisja kollha, għandhom is-setgħa li jirregolaw irwieħhom skont id-dixxiplini tagħhom li iżjed jaqblu max-xejra tal-fidili tagħhom u iżjed jgħinu biex isir il-ġid lill-erwieħ. Il-ħarsien perfett ta' dan il-prinċipju tradizzjonali, għalkemm mhux dejjem inżamm, huwa wieħed minn dawk il-ħwejjeġ li huma għal kollox meħtieġa bħala kundizzjoni biex titħejja t-triq biex terġa' ssir l-għaqda.

Kif l-insara tal-Lvant ifissru l-misteri

17.  Dak li ntqal hawn fuq dwar id-diversità leġittima nistqarruh ukoll bi pjaċir dwar id-differenzi ta' enunzjazzjoni teoloġika tad-duttrina. Għaliex fit-tiftix tal-verità rivelata tħaddmu fil-Lvant u fil-Punent metodi u triqat differenti biex jingħarfu l-ħwejjeġ divini u ssir stqarrija dwarhom. Għalhekk mhux ta' min jistagħġeb li fi tradizzjoni waħda jkun hemm xi aspetti tal-misteru rivelat li jingħarfu aktar ċar u jitqiegħdu f'dawl akbar milli fi tradizzjoni oħra. Għandu għaldaqstant jingħad li dawn il-formulazzjonijiet differenti tal-istess verità teoloġika, aktar milli jmorru kontra xulxin, ħafna drabi jikkumplimentaw lil xulxin. Għal dak li għandu x'jaqsam mat-tradizzjonijiet teoloġiċi awtentiċi tal-insara tal-Lvant jeħtieġ li wieħed jammetti li għeruqhom jinsabu b'mod tal-għaġeb fil-Kotba Mqaddsa, huma mħarsa u mfissra fil-ħajja liturġika, jieħdu l-għajxien mit-tradizzjoni appostolika ħajja u mill-kitba tal-Padri u tal-kittieba axxetiċi tal-Lvant, u jwasslu għal tiswir xieraq tal-ħajja, anzi għal kontemplazzjoni sħiħa tal-verità nisranija.

Dan is-Sinodu Mqaddes, waqt li jiżżi ħajr lil Alla talli ħafna Orjentali, ulied il-Knisja Kattolika li jħarsu dan il-wirt u jixtiequ jgħixu b'mod iżjed safi u sħiħ, diġà qegħdin jgħixu f'għaqda sħiħa mal-aħwa li jħaddnu t-tradizzjoni tal-Punent, jiddikjara li dan il-wirt kollu spiritwali u liturġiku, dixxiplinari u teoloġiku, fit-tradizzjonijiet diversi tiegħu, jagħmel sehem mill-kattoliċità u l-appostoliċità sħiħa tal-Knisja.

 

Konklużjoni

18.  Wara li qies sewwa dan kollu, is-Sinodu Mqaddes itenni dak li jiddikjaraw il-Konċilji Mqaddsa tal-imgħoddi u l-Papiet, jiġifieri li, biex jerġgħu jseħħu u jitħarsu l-komunjoni u l-unità, jeħtieġ illi "ma ngħabbu b'ebda piż ieħor aktar minn dak li hu meħtieġ" (Atti 15,28). Dan is-Sinodu jixtieq ukoll bil-qawwa li minn issa 'l quddiem, fl-istituzzjonijiet differenti u fl-għamliet differenti ta' ħajja l-isforzi kollha li jsiru jkollhom bħala skop illi bil-mod il-mod tintlaħaq l-għaqda, l-aktar bit-talb u bid-djalogu tal-aħwa, dwar id-duttrina u l-ħtiġijiet l-aktar urġenti ta' żmienna fil-ħidma pastorali. Hekk ukoll is-Sinodu jirrakkomanda lir-rgħajja u lill-fidili tal-Knisja Kattolika li jżommu relazzjonijiet ma' dawk li ma għadhomx jgħixu fil-Lvant iżda jgħixu bogħod minn art twelidhom biex il-kollaborazzjoni tal-aħwa magħhom tikber fi spirtu ta' karità u jitrażżan kull spirtu ta' tilwim u pika. Is-Sinodu Mqaddes jittama li, jekk din il-ħidma titmexxa 'l quddiem bil-ħeġġa kollha wara li jkun twaqqa' l-ħajt li qed jifred il-Knisja tal-Lvant minn dik tal-Punent, issir fl-aħħar dar waħda li tkun mibnija fuq il-ġebla tax-xewka, Kristu Ġesù, li mit-tnejn għad jagħmel ħaġa waħda[27] .

II - DWAR IL-KNEJJES U L-KOMUNITAJIET EKKLEŻJALI MIFRUDIN FIL-PUNENT

 

Il-qagħda ta' dawn il-komunitajiet

19.  Il-Knejjes u l-Komunitajiet ekkleżjali li nfirdu mis-Sede Rumana jew f'dik it-taqliba l-aktar gravi li kellha bidu fil-Punent sa mill-aħħar snin tal-medju evu jew fiż-żminijiet ta' wara, għandhom rabta u affinità speċjali mal-Knisja Kattolika minħabba l-fatt li fis-sekli ta' qabel il-poplu nisrani kien għadda żmien twil fil-komunjoni ekkleżjastika.

Iżda dawn il-Knejjes jew Komunitajiet ekkleżjali huma wisq differenti mhux biss minna imma wkoll minn xulxin kemm għaliex il-bidu tagħhom kien differenti kemm għaliex differenti huma d-duttrina u l-ħajja spiritwali tagħhom. Għalhekk huwa diffiċli ħafna li tiddeskrivihom sewwa, ħaġa li m'aħniex bil-ħsieb li nagħmlu hawn.

Għalkemm il-moviment ekumeniku u x-xewqa tal-paċi mal-Knisja Kattolika għad ma xterdux kullimkien, aħna nittamaw li bil-mod il-mod is-sens ekumeniku u r-rispett għal xulxin jikbru f'kulħadd.

B'danakollu, wieħed għandu jammetti illi bejn dawn il-Knejjes u l-Komunitajiet ekkleżjali u l-Knisja Kattolika hemm diverġenzi ta' importanza kbira mhux biss ta' natura storika, soċjoloġika, psikoloġika u kulturali, iżda fuq kollox ta' interpretazzjoni tal-verità rivelata. Għalhekk biex id-djalogu ekumeniku, minkejja dawn id-differenzi, ikun jista' jibda b'ħeffa akbar, aħna rridu f'dan il-ġej nagħtu xi punti li jistgħu u għandhom ikunu s-sies ta' dan id-djalogu u jħeġġuh.

 

L-istudju tal-Kotba Mqaddsa

21.  L-imħabba u l-venerazzjoni - kważi kult - tal-Kotba Mqaddsa jwasslu lil ħutna mifrudin għal studju bla waqfien u bis-sengħa tal-Kitba Mqaddsa; għaliex l-Evanġelju "hu qawwa ta' Alla għas-salvazzjoni ta' dawk kollha li jemmnu, l-ewwel il-Lhud u mbagħad il-Griegi" (Rum 1,16).

Waqt li jsejħu l-Ispirtu s-Santu huma jfittxu lil Alla fil-Kotba Mqaddsa nnifishom bħala dak li qed ikellimhom fi Kristu mħabbar mill-profeti, il-Verb ta' Alla li sar bniedem għalina. Fihom huma jikkontemplaw il-ħajja ta' Kristu u dawk il-ħwejjeġ li l-Imgħallem divin għallem għas-salvazzjoni tal-bnedmin, l-aktar il-misteri tal-mewt u l-qawmien tiegħu.

Iżda meta l-insara mifrudin minna jaffermaw l-awtorità divina tal-Kotba Mqaddsa jifhmu xi ħaġa differenti minna - u fosthom stess diversi jifhmu b'mod differenti minn oħrajn - dwar ir-relazzjoni bejn il-Kotba Mqaddsa u l-Knisja li fiha, skond it-twemmin kattoliku, il-maġisteru awtentiku għandu post speċjali fit-tifsir u x-xandir tal-Kelma ta' Alla miktuba.

B'danakollu, fid-djalogu nnifsu l-Kotba Mqaddsa jipprovdu strument tal-aqwa valur fl-id setgħana ta' Alla biex tintlaħaq dik l-għaqda li s-Salvatur joffri lill-bnedmin kollha.

 

Il-ħajja sagramentali

22.  Bis-sagrament tal-magħmudija, kull meta jingħata kif imiss skont kif waqqfu l-Mulej u jintlaqa' bid-dispożizzjoni xierqa, il-bniedem jingħaqad tabilħaqq mal-ġisem ta' Kristu msallab u msebbaħ u jitnissel mill-ġdid biex ikollu sehem mill-ħajja divina, kif jgħid l-Appostlu: "Indfintu miegħu bil-magħmudija u bih irxuxtajtu permezz tal-fidi tagħkom fil-qawwa ta' Alla li qajmu mill-imwiet." (Kol. 2, 12)[28]

Għalhekk il-magħmudija tikkostitwixxi rabta sagramentali tal-għaqda li hemm bejn dawk kollha li permezz tagħha jitwieldu mill-ġdid. B'danakollu l-magħmudija fiha nnifisha hija biss il-bidu u d-dħul għaliex hija kollha kemm hi diretta biex tinkiseb il-milja tal-ħajja fi Kristu. B'hekk il-magħmudija hija ordinata għall-istqarrija sħiħa tal-fidi, għall-inkorporazzjoni sħiħa fl-istituzzjoni tas-salvazzjoni hekk kif ried Kristu nnifsu, u biex twassal fl-aħħar nett għall-inseriment sħiħ fil-komunjoni ewkaristika.

Għalkemm bejnna u l-komunitajiet ekkleżjali mifrudin minna m’hemmx dik l-unità sħiħa li tiġi mill-magħmudija u għalkemm aħna nemmnu li huma ma żammewx l-essenza ġenwina sħiħa tal-misteru ewkaristiku, l-aktar minħabba n-nuqqas tas-sagrament tal-Ordni, b'danakollu, meta fiċ-Ċena Mqaddsa jagħmlu t-tifkira tal-mewt u tal-qawmien mill-mewt tal-Mulej, huma jkunu qed jistqarru li fil-komunjoni titfisser il-ħajja ta' Kristu u jkunu jistennewh jerġa’ jiġi fil-glorja. Għalhekk id-djalogu għandu jsir dwar it-tagħlim fuq iċ-Ċena tal-Mulej, is-sagramenti l-oħra, il-kult u l-misteri tal-Knisja.

 

Il-ħajja ma' Kristu

23.  Il-ħajja nisranija ta' dawn l-aħwa tieħu l-għajxien mill-fidi fi Kristu u titħeġġeġ bil-grazzja tal-magħmudija u bil-kelma ta' Alla mismugħa. Hija tintwera tabilħaqq fit-talb privat, fil-meditazzjoni tal-Kotba Mqaddsa, fil- ħajja tal-familja nisranija, fil-kult tal-komunità li tinġabar għat-tifħir ta' Alla. Fil-kult tagħhom jidhru xi drabi elementi importanti tal-liturġija komuni antika.

Il-fidi li biha huma jemmnu fi Kristu tagħti l-frott fit-tifħir u fir-radd tal-ħajr għall-ġid milqugħ minn Alla; mal-fidi jingħadd sens ħaj ta' ġustizzja u ta' karità għall-proxxmu. Din il-fidi attiva tat bidu wkoll għal ħafna istituzzjonijiet li għandhom l-iskop li jtaffu l-miżerji tar-ruħ u tal-ġisem, li jieħdu ħsieb l-edukazzjoni taż-żgħażagħ, li jagħmlu iżjed umani l-kundizzjonijiet soċjali tal-ħajja, u jgħinu biex isseħħ bis-sod il-paċi kullimkien fid-dinja.

U jekk f'materji ta' moralità ħafna fost l-insara mhux dejjem jifhmu l-Evanġelju l-istess u lanqas jammettu l-istess soluzzjonijiet għall-kwistjonijiet l-aktar diffiċli tas-soċjetà tal-lum, b'danakollu huma bħalna jridu jibqgħu jżommu sħiħ mal-kelma ta' Kristu bħala l-għajn tat-tjieba nisranija u jobdu l-amar tal-Appostlu: "Kull ma tagħmlu jew tgħidu, agħmlu kollox f'isem il-Mulej Ġesù, u roddu ħajr lil Alla l-Missier permezz tiegħu." (Kol 3,17)  Minn dan jista' jkollu bidu d-djalogu ekumeniku dwar l-applikazzjoni morali tal-Evanġelju.

 

Konklużjoni

24.  Hekk, wara li fil-qosor urejna liema huma l-kundizzjonijiet biex issir il-ħidma ekumenika u liema huma l-prinċipji li fuqhom għandha titmexxa, aħna nħarsu b'fiduċja lejn il-ġejjieni. Dan is-Sinodu Mqaddes iħeġġeġ lill-fidili biex jevitaw kull frugħa u kull ħrara bla għaqal li jistgħu jagħmlu ħsara lill-progress tassew lejn l-għaqda. Għaliex il-ħidma ekumenika tal-fidili ma tistax tkun għajr għal kollox u sinċerament kattolika, jiġifieri tkun fidila lejn il-verità li aħna rċevejna mill-Appostli u l-Padri, tkun taqbel mal-fidi li l-Knisja dejjem stqarret u, fl-istess ħin, twassal għal dik il-milja li biha l-Mulej irid li l-Ġisem tiegħu jikber u joktor mal-medda taż-żmien. Dan is-Sinodu Mqaddes jixtieq ħafna li l-inizjattivi meħuda minn ulied il-Knisja Kattolika jibqgħu mexjin 'il quddiem f'għaqda ma' dawk mibdija mill-aħwa mifrudin mingħajr ma jitqiegħed ebda xkiel lit-toroq tal-Providenza u bla tfixkil għat-tqanqil tal-Ispirtu s-Santu fil-ġejjieni. Barra minn hekk, dan is-Sinodu jiddikjara li hu jagħraf sewwa li dan il-ħsieb u din ix-xewqa qaddisa li l-insara kollha jingħaqdu fil-Knisja waħda u unika ta' Kristu jisbqu l-forzi u l-ħila tal-bnedmin. Għalhekk huwa jqiegħed it-tama kollha fit-talb ta' Kristu għall-Knisja, fl-imħabba tal-Missier għalina, fil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu. "U din it-tama ma tqarraqx bina, għax l-imħabba ta' Alla ssawbet fi qlubna permezz tal-Ispirtu s-Santu li kien mogħti lilna." (Rum 5.5)

 

21 ta' Novembru, 1964

 

Il-votazzjoni fuq dan id-dokument kienet hekk:

Iva 2137, Le 11, Nulli 0 (Total 2148)

[1] Cf. 1 Kor 1,13.

[2] Cf. 1 Ġw 4,9; Kol 1,18-20; Ġw 11,52.

[3] Cf. Ġw 13,34.

[4] Cf. Ġw 16,7.

[5] Cf. 1 Kor 12,4-11.

[6] Cf. Mt 28,18-20 flimkien ma' Ġw 20, 21-23.

[7] Cf. Mt 16,19 flimkien ma' Mt 18,19.

[8] Cf. Lq 22,32.

[9] Cf. Ġw 21,15-17.

[10] Cf. Ef 2,20.

[11] Cf. 1 Pt 2,25; Vat. I, Sess. IV (1870), K Pastor Aeternus: Coll.  Lac.7,482a.

[12] Cf. Is 11,10-12.

[13] Cf. Ef 2,17-18 flimkien ma' Mk 16,15.

[14] Cf. 1 Pt 1,3-9.

[15] Cf. 1 Kor 11,18-19; Gal 1,6-9; 1 Ġw 2,18-19.

[16] Cf. 1 Kor 1,11ss; 11,22.

[17] Cf. KONĊILJU ta' FIRENZE, Sess. VIII (1439), Digr. Exultate Deo, MANSI 31,1055A.

[18] Cf. S.WISTIN, In Ps. XXXII, Enarr. II, 29; PL 36.299.

[19] Cf. KONĊILJU tal-LATERAN IV (1215) IV MANSI 22,990; KONĊILJU ta' LYONS II (1274), Professio Fidei Michaelis Paleologi: MANSI, 24,71E; KONĊILJU ta' FIRENZE, Sess. VI (1430); Definizzjoni Laetentur coeli, MANSI 31,1026E.

[20] Cf. Ġak 1,4; Rum 12,1-2.

[21] Cf. 2 Kor 4,10; Fil 2,5-8.

[22] Cf. Ef 5,27.

[23] Cf. KONĊILJU tal-LATERAN V, Sess. XII (1517),  K  Constituti, MANSI 32,988 B.C.

[24] Cf. Ef 4,23.

[25] Cf. Ef 3,8.

[26] Cf. S. ĠWANN KRIŻOSTMU, In Joannem Homelia, XLVI: PG 59,260-262.

[27] KONĊILJU ta' FIRENZE, Sess. VI (1439), Definizzjoni Laetentur coeli: MANSI 31,1026 E.

[28] Rum 6,4.

 

Ħajr lill-Moviment Azzjoni Soċjali tal-permess biex jintuża t-test bil-Malti tal-Edizzjoni Studia,1982.

Ħajr ukoll lil Joyce Hili tar-reviżjoni tat-test bil-Malti. 2023.