Aktar mill-Papa Ġwanni Pawlu II ...

 

PELLEGRINAĠĠ APOSTOLIKU FIL-POLONJA
(2-10 ta’ ĠUNJU 1979)

QUDDIESA GĦALL-ISTUDENTI UNIVERSITARJI

OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU ĠWANNI PAWLU II

Varsavja, 3 ta’ Ġunju 1979

 

Għeżież tiegħi!

1. Nixtieq b’mod ferventi li l-laqgħa tallum, identifikata mill-preżenza taż-żgħożija universitarja, tkun xierqa mal-kobor tal-jum u mal-liturġija tiegħu. 

Iż-żgħożija universitarja ta’ Varsavja u dik ta’ sedji universitarji oħra ta’ dan ir-reġġjun ċentrali u metropolitan hija l-werrieta ta’ tradizzjonijiet speċifiċi, li permezz tal-ġenerazzjonijiet imorru lura sal-“iskulari” medjoevali marbutin b’mod partikolari mal-Università Jagellonica, l-iktar waħda antika tal-Polonja. Illum kull belt kbira tal-Polonja għandha l-Atenew tagħha. U Varsavja għandha ħafna. Dawn jiġbru mijiet ta’ eluf ta’ studenti, li jiffurmaw diversi fergħat tax-xjenza u jħejju għal professjonijiet intellettwali u għad-dmirijiet partikolarment importanti tal-ħajja tan-Nazzjon.

Nixtieq insellem lilkom ilkoll miġbura hawn. Nixtieq fl-istess ħin indellem fikom u permezz tagħkom lid-dinja kollha universitarja u akkademika Pollakka, l-istituti kollha superjuri, il-professuri, ir-riċerkaturi, l-istudenti… Jien nara fikom, f’ċertu sens, lill-kollegi tiegħi iktar żgħażagħ, għaliex jiena wkoll naf lill-università Pollakka l-bażi tal-formazzjoni ntellettwali tiegħi. B’mod sistematiku kont marbut mal-bankijiet tax-xogħol universitarju tal-fakultà tal-filosofija u tat-tejoloġija ġo Krakovja u Lublino. Il-pastorali tal-università kienet għalija oġġett ta’ mħabba partikolari. Nixtieq għalhekk, waqt li nieħu din l-okkażżjoni, insellem ukoll lil dawk kollha li jiddedikaw ruħhom għal din il-pastorali, il-gruppi tal-assistenti spiritwali taż-żgħożija akkademika u l-Kummissjoni għall-Pastorali Universitarja tal-Episkopat Pollakk. 

2. Qegħdin niltaqgħu llum fil-festività tal-Pentekoste. Quddiem għajnejn il-fidi tagħna jinfetaħ iċ-Ċenaklu ta’ Ġerusalem, li minnu ħarġet il-Knisja u li fih il-Knisja  tibqà dejjem. Kien propju hemm li twieldet il-Knisja bħala komunità ħajja tal-Poplu ta’ Alla, bħala komunità konxja tal-missjoni propja fl-istorja tal-bniedem. 

Il-Knisja titlob f’dan il-jum: “Ejja Spirtu Santu! Imla l-qlub tal-fidili tiegħek u kebbes fihom in-nar ta’ mħabbtek!” (Liturġija ta’ Pentekoste); kliem imtenni tant drabi, imma li llum jidwu mħeġġa b’mod partikolari. 

Imla l-qlub! Irriflettu ħbieb żgħażagħ, liema hu l-qies tal-qalb umana, jekk Alla biss jistà jimliha permezz tal-Ispirtu Santu! 

Permezz tal-istudji universitarji tinfetaħ quddiemkom id-dinja meraviljuża tax-xjenza umana fil-friegħi multepliċi tagħħa. Id f’id ma’ din ix-xjenza tad-dinja tiżviluppa ruħha bla dubju wkoll l-awtokonoxxenza tagħkom. Intom żgur li diġa ilkom żmien tistaqsu: “Min jien?” Din ikolli ngħid hija l-mistoqsija l-iktar importanti. Il-mistoqsija fundamentali. B’liema kejl tkejlu l-bniedem? Tkejluh bil-kejl tal-qawwiet fiżiċi li minnhom jiddisponi? Jew tkejluh bil-kejl tas-sensi li jippermettilu il-kuntatt mad-dinja esterna? Jew tkejluh bil-kejl tal-intelliġrnza li tivverifika ruħha fid-diversi testijiet jew eżamijiet? 

It-tweġiba tallum, it-tweġiba tal-liturġija tal-Pentekoste tindika żewġ kejlijiet; hemm bżonn inkejlu l-bniedem bil-kejl tal-“qalb”… Il-qalb fil lingwaġġ bibbliku tfisser l-interjorità spiritwali tal-bniedem, tfisser b’mod speċjali l-koxjenza… Hemm bżonn mela li nkejlu l-bniedem bil-kejl tal-koxjenza, bil-kejl tal-ispirtu miftuħ lejn Alla. L-Ispirtu Santu biss jistà “jiftaħ mill-ġdid” din il-qalb, jiġifieri jmexxiha biex iwettaq lilha nfisha permezz tal-imħabba u l-għerf. 

3. Ippermettu għalhekk li din il-laqgħa magħkom illum, quddiem iċ-ċenaklu miftuħ tal-istorja tagħna, l-istorja tal-Knisja u tan-Nazzjon, tkun b’mod speċjali talba biex jinkisbu d-doni tal-Ispirtu Santu. 

Kif darba missieri qiegħed f’idi ktejjeb waqt li wrieni t-talba biex nirċievi d-doni tal-Ispirtu Santu, hekk jien illum, li intom issejħu wkoll “Missier”, nixtieq nitlob maż-żgħożija universitarja ta’ Varsavja u tal-Polonja: għad-don tal-għerf, tal-fehma, tal-kunsill, tal-qawwa, tax-xjenza, tal-pjetà, jiġifieri tas-sens tal-valur sagrali tal-ħajja, tad-dinjità umana, tal-qdusija tar-ruħ u tal-ġisem uman, u fl-aħħarnett id-don tal-biżà ta’ Alla li dwaru s-Salmista jgħid li huwa l-bidu tal-għerf (cf. Sal 111,10). 

Irċievu mingħandi din it-talba li missieri għallimni u ibqgħu fidili lejha. Hekk tibqgħu fiċ-ċenaklu tal-Knisja, magħqudin mal-kurrent l-iktar profond tal-istorja tagħha. 

4. Ħafna ħafna jiddefendi mill-kejl li kull wieħed u waħda minnkom tagħżlu għal ħajjitkom u għall-umanità tagħkom. Tafu tajjeb li l-kejlijiet huma diversi. Tafu li bosta huma l-kriterji tal-valutazzjoni tal-bniedem, li għalihom jikkwalifika diġa matul l-istudji, imbagħad fix-xogħol professjonali, fid-diversi kuntatt personali, eċċ. 

Ikollkom il-kuraġġ li taċċettaw il-kejl li tana Kristu fiċ-ċenaklu ta’ Pentekoste kif ukoll fiċ-ċenaklu tal-istorja tagħna. Ikollkom il-kuraġġ li tħarsu lejn ħajjitkom fi prospettiva ravviċinata u fl-istess ħin distakkata, waqt li taċċettaw bħala verità dak li San Pawl kiteb fl-ittra tiegħu lir-Rumani: “Nafu sewwa nfatti li l-ħolqien kollu jokrob u jsofri sallum bl-uġigħ tal-ħlas” (Rm 8,22). M’aħniex jewwilla xhieda ta’ dan id-dulur? Infatti “l-ħolqien stess jistenna bla sabar r-rivelazzjoni ta’ wlied Alla” (Rm 8,19)! 

Hija tistenna mhux biss li l-universitajiet u d-diversi stituti superjuri jħejju inġiniera, tobba, ġuristi, filoloġi, storiċi, bnedmin litterati, matematiċi u tekniċi, imma tistenna r-rivelazzjoni ta’ wlied Alla. Tistenniha minn għandkom din ir-rivelazzjoni, minn għandkom li fil-futur se tkunu tobba, tekniċi, ġuristi, professuri…

 Fittxu li tifhmu li l-bniedem maħluq minn Alla xbiha u xebħ tiegħu huwa fl-istess ħin imsejjaħ fi Kristu, sabiex fih jirrivelaw dak li huwa Alla, sabiex f’kull wieħed u waħda minna jirrivela f’xi kejl Alla nnifsu. 

5. Irriflettu dwar dan! Jien waqt li nterraq għal għonq it-triq tal-pellegrinaġġ tiegħi madwar il-Polonja, lejn il-qabar ta’ San Wojciech (Sant’Adalberto) fi Gniezno, ta’ San Stanislaw fi Krakovja, f’Jasna Gora – kullimkien se nitlob b’qalbi kollha lill-Ispirtu Santu li jagħtikom: ċertu għarfien, ċerta koxjenza tal-valur u tas-sens tal-ħajja, tali futur għalikom, tali futur għall-Polonja. 

U itlobu għalija, sabiex l-Ispirtu Santu jiġi jgħin d-dgħufija tagħna! 

 

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Emanuel Zarb