Aktar mill-Papa Ġwanni Pawlu II ...

PELLEGRINAĠĠ APOSTOLIKU FIL-POLONJA
(2-10 ta’ ĠUNJU 1979)

QUDDIESA PONTIFIKALI AD UNUR TA’ SAN STANISLAW

OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU ĠWANNI PAWLU II

Krakovja, 10 ta’ Ġunju 1979

 

Ikun Imfaħħar Ġesù Kristu!

1. Aħna lkoll illum hawn miġbura ninsabu quddiem misteru kbir tal-istorja tal-bniedem: Kristu wara l-Qawmien mill-Imwiet tiegħu, jiltaqà mal-Appostli fil-Galilea u jgħidilhom dan il-kliem, li ftit ilu smajna minn fomm id-djaknu li ħabbar il-Vanġelu: “Ingħatatli kull setgħa fis-sema u fl-art. Morru mela u għallmu lill-ġnus kollha, waqt li tgħammduhom fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu Santu, waqt li tgħallmuhom josservaw dak kollu li jiena kkmandajtkom. Hawn jien magħkom ilkoll, sal-aħħar tad-dinja” (Mt 28,18-20).

F’dan il-kliem hemm miġbur il-misteru kbir tal-istorja tal-umanità u tal-istorja tal-bniedem.

Kull bniedem infatti javanza. Javanza lejn il-ġejjieni. In-nazzjonijiet ukoll javanzaw. U l-umanità kollha. Tavanza jfisser mhux biss iġġarrab l-esiġenzi taż-żmien, waqt li kontinwament tħalli warajk il-passat: il-jum tal-bieraħ, is-snin, is-sekli… Tavanza jfisser ukoll konxji tat-tmiem.

Jistà jkun li l-bniedem u l-umanità fil-mixja tagħhom fuq din l-art jgħaddu biss jew jisparixxu? Għall-bniedem kollox jikkonsisti jewwilla f’dak li hu, fuq din l-art, jibni, jakkwista u li bih igawdi? Indipendentement mill-konkwisti kollha, mit-totalità tal-ħajja (kultura, ċiviltà, teknika) ma hemm xejn iktar jistennieh? “Tgħaddi l-figura ta’ din id-dinja”! U l-bniedem jgħaddi b’mod totali flimkien magħha?...

Il-kliem li Kristu ppronunzja fil-waqt tal-firda mill-Appostli jesprimi l-misteru tal-istorja tal-bniedem, ta’ kull wieħed u waħda u ta’ kulħadd, il-misteru tal-istorja tal-umanità.

Il-magħmudija fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu Santu hija immersjoni  fl-Alla ħaj, “f’Dak li hu”, kif jgħid il-ktieb tal-Ġenesi. F’Dak “li hu, li kien u li ġej” kif jgħid l-Apokalissi (Ap 1,4). Il-magħmudija hija l-bidu tal-laqgħa, tal-għaqda, tal-komunjoni, li għaliha l-ħajja kollha terrena hija biss prologu u introduzzjoni; it-twettiq u l-milja jappartienu lill-eternità. “Tgħaddi l-figura ta’ din id-dinja”. Hemm bżonn mela li nsibu ruħna “fid-dinja ta’ Alla”, sabiex nilħqu l-iskop, sabiex naslu għall-milja tal-ħajja u tal-vokazzjoni tal-bniedem.

Kristu wriena din it-triq u waqt il-ħin tal-firda mill-Appostli, ikkonfermaha mill-ġdid għal darb’oħra, irrakkomandalhom li huma u l-Knisja kollha jgħallmu u josservaw dak kollu li huwa kien ikkmandahom: “Hawn jiena magħkom il-jiem kollha, sal-aħħar tad-dinja”.

2. Nisimgħu dejjem bl-ikbar kommozzjoni dan il-kliem, li bih ir-Redentur irxuxtat jiddefinixxi l-istorja tal-umanità u fl-istess ħin l-istorja ta’ kull bniedem. Meta jgħid: “għallmu l-gnus kollha”, jitfaċċa quddiem għajnejn ruħna l-waqt li fih il-Vanġelu wasal lin-Nazzjon tagħna, fil-bidu stess tal-istorja tiegħu, u meta l-ewwel Pollakki rċivew il-magħmudija fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu Santu. Il-profil spiritwali tal-istorja ta’ Art Twelidna kien imfassal mill-istess kliem ta’ Kristu, migħud lill-Appostli. Il-profil tal-istorja spiritwali ta’ kull wieħed u waħda minna kien ukoll imfassal ftit jew wisq bl-istess mod  .

Il-bniedem huwa nfatti esseri raġonevoli u liberu, huwa suġgett konxju u responsabbli. Huwa jistà u għandu bl-isforz personali tal-ħsieb, jasal għall-verità.  Jistà u għandu jagħżel u jiddeċiedi. Il-magħmudija, irċevuta fil-bidu tal-istorja tal-Polonja, għamlitna iktar konxji tal-kobor awtentiku tal-bniedem: “l-immersjoni fl-ilma” hija sinjal tas-sejħa biex nipparteċipaw fil-ħajja tat-Trinità Qaddisa, u hija fl-istess ħin żmien ta’ verifika insostitwibbli tad-dinjità ta’ kull bniedem. Diġa l-istess sejħa tixhed favur dan. Il-bniedem għandu jkollu dinjità straordinarja, la darba kien imsejjaħ għal tali parteċipazzjoni, għall-parteċipazzjoni fil-ħajja ta’ Alla nnifsu.

Similment, il-proċess storiku kollu tal-koxjenza u tal-għażliet tal-bniedem huwa marbut b’mod strett mat-tradizzjoni ħajja tan-nazzjon propju, li fiha, permezz tal-ġenerazzjonijiet kollha, jidwu b’eku ħaj il-kliem ta’Kristu, ix-xhieda tal-Vanġelu, il-kultura nisranija, id-drawwiet imwielda mill-fidi, tat-tama u tal-karità. Il-bniedem jagħżel b’mod konxju, b’libertà interna. Hawn it-tradizzjoni mhijiex limitazzjoni: hija teżor, hija rikkezza spiritwali, hija ġid kbir komuni, li jikkonferma ruħu ma’ kull għażla, ma’ kull att nobbli, ma kull ħajja migħuxa ta’ nisrani b’mod awtentiku.

Jistà wieħed iwarrab dan kollu? Jistà dak li jkun jgħid le? Jistà dak li jkun jirrifjuta lil Kristu u dak kollu li huwa ġab fl-istorja tal-bniedem? 

Bla ebda dubju jistà. Il-bniedem huwa liberu. Il-bniedem lil Alla jistà jgħidlu: le. Il-bniedem jistà jgħid lil Kristu: le.

Imma tibqà l-mistoqsija fundamentali: huwa leċitu li dan iseħħ? U f’isem min dan huwa leċitu? Liema argument razzjonali, liema valur tar-rieda u tal-qalb tistà int tqiegħed quddiemek stess, quddiem il-proxxmu, quddiem il-konnazzjonali u quddiem in-nazzjon, biex twarrab, biex tgħid “le” għal dak li lkoll għexna għalih għal elf sena? Għal dak li ħalaq u li dejjem ikkostitwixxa s-sisien tal-identità tagħna?

Darba waħda Kristu staqsa lill-Appostli (dan seħħ wara l-wegħda tat-twaqqif tal-Ewkaristija, u ħafna bdew jinqatgħu minn miegħu): “tridux tmorru intom ukoll?” (Ġw 6,67). Ippermettu li s-suċċessur ta’ Pietru, quddiemkom ilkoll hawn miġbura, quddiem l-istorja kollha tagħna, u quddiem is-soċjetà kontemporanja, jirrepeti llum il-kliem ta’ Pietru, li dakinhar kien it-tweġiba għal mistoqsija ta’ Kristu: “Mulej, għand min tridna nmorru? Int għandek il-kliem tal-ħajja ta’ dejjem” (Ġw 6,68).

3. San Stanislaw kien Isqof ta’ Krakovja għal sebà snin, kif jikkonfermaw xi sorsi storiċi. Dan l-Isqof-konnazzjonali, persuna barranija mill-imbegħda Szczepanów, assuma s-sedja ta’ Krakovja fl-1072, biex jitlaqha fl-1079, billi sofra l-mewt minn idejn is-sultan Boleslaw l-Ardit. Il-jum tal-mewt, skont is-sorsi kienet fil-11 ta’ April u huwa f’dan il-jum li l-kalendarju liturġiku tal-Knisja universali jikkommemora lil San Stanislaw. Fil-Polonja s-sollennità tal-Isqof martri ilha sekli sħaħ tiġi ċċelebrata nhar it-8 ta’ Mejju u għadha tkompli hekk ukoll illum.

Meta bħala metropolita ta’ Krakovja, bdejt magħkom il-preparattivi għad-disà ċentenarju tal-mewt ta’ San Stanislaw, li jaħbat din is-sena, ilkoll kien għadna taħt l-impressjoni tal-millenju tal-Magħmudija tal-Polonja, iċċelebrat fis-sena tal-Mulej 1966. Fuq l-isfond ta’ din il-ġrajja u f’konfront mal-figura ta’ Sant’Adalberto, ukoll hu Isqof u martri, li l-ħajja tiegħu hija marbuta mal-istorja tagħna fl-epoka tal-magħmudija, il-figura ta’ San Stanislaw donnha tindika (b’xebħ parzjali) sagrament ieħor, li jagħmel parti mill-inizjazzjoni tan-nisrani għall-fidi u għall-ħajja tal-Knisja. Dan is-Sagrament, kif inhu magħruf, huwa dak tal-Griżma, jew aħjar dak tal-Konfermazzjoni. Il-ri-interpretazzjoni “ġubilari” kollha tal-missjoni ta’ San Stanislaw fl-istorja tal-millenju kristjan tagħna, u barra minn dan it-tħejjija kollha spiritwali għaċ-ċelebrazzjonijiet ta’ din is-sena jirreferu propju għal dan is-sagrament tal-Griżma, jiġifieri l-konfermazzjoni.

L-analoġija għandha bosta aspetti. Iżda b’mod speċjali fittixniha fl-iżvilupp normali tal-ħajja nisranija. Bħal ma bniedem mgħammed isir nisrani matur permezz tas-sagrament tal-Griżna, hekk ukoll il-Providenza Divina tat lin-Nazzjon tagħna,  fi żmienu, wara l-Magħmudija, il-waqt storiku tal-Griżma. San Stanislaw, li mill-epoka tal-magħmudija huwa mifrud minn kważi seklu sħiħ, jissimboleġġja dan il-waqt b’mod speċjali, minħabba l-fatt li ta xhieda lil Kristu billi xerred demmu. Is-sagrament tal-Griżma fil-ħajja ta’ kull nisrani, is-soltu żagħżugħ, għaliex hija ż-żgħożija li tirċievi dan is-sagrament – ukoll il-Polonja kienet nazzjon u Pajjiż żagħżugħ – irid jara iva li hu wkoll isir “xhud ta’ Kristu” skont il-qies ta’ ħajtu u tal-vokazzjoni tiegħu. Dan huwa sagrament li b’mod partikolari jassoċja ruħu mal-missjoni tal-Appostli, minħabba li jintroduċi lil kull imgħammed fl-apostolat tal-Knisja (b’mod speċjali fl-apostolat hekk imsejjaħ tal-lajċi)).

Dan huwa s-sagrament li għandu jwelled fina sens qawwi ta’ responsabiltà għall-Knisja, għall-Vanġelu, għall-kawża ta’ Kristu fl-erwieħ umani, għall-fidwa tad-dinja.

Is-sagrament tal-Griżma nirċevuh darba biss fil-ħajja (bħall-Magħmudija), u l-ħajja kollha li tinfetaħ fil-prospettiva ta’ dan is-sagrament, takkwista l-aspett ta’ prova kbira u fundamentali: prova ta’ fidi u ta’ karattru. San Stanislaw sar, fl-istorja spiritwali tal-Pollakki, patrun ta’ dik il-prova kbira u fundamentali ta’ fidi u ta’ karattru. Inqimuh ukoll bħala patrun tal-ordni morali nisrani. Fl-aħħar minn l-aħħar, infatti, l-ordni morali jikkostitwixxi ruħu permezz tal-bnedmin. Dan l-ordni u għalhekk magħmul min-numru kbir ta’ provi, li kull waħda minnhom hija prova ta’ fidi u ta’ karattru. Huwa minn kull prova rebbieħa li joħroġ l-ordni morali,waqt li kull prova falluta ġġib diżordni.

Nafu wkoll sewwa ħafna, minn l-istorja kollha, li ma nistgħux assolutament, b’ebda prezz, nippermettu din id-diżordni, li diġa kellna ħafna drabi nħallsu b’mod qares.

U għalhekk il-meditazzjoni tagħna ta’ sebà snin dwar il-figura ta’ San Stanislaw, ir-referenza tagħna għall-ministeru tiegħu pastorali fis-sedja ta Krakovja, l-eżami l-ġdid tar-relikwi tiegħu, jiġifieri tal-kranju tal-Qaddis, li jġib stampati t-traċċi tad-daqqiet mortali, dan kollu llum imexxina għal talba kbira u mħeġġa għar-rebħa tal-ordni morali f’din l-epoka diffiċli tal-istorja tagħna.

Din hija l-konklużjoni essenzjali tax-xogħol perseveranti ta’ dan is-settenju, il-kondizzjoni ewlenija u fl-istess ħin it-tmiem tat-tiġdid konċiljari li għalih b’mod hekk paċenzjuż ħadem is-Sinodu tal-arċi dijoċesi ta’ Krakovja; u wkoll il-postulazzjoni tal-pastorali u tal-attività tal-Knisja, u tax-xogħlijiet kollha, tad-dmirijiet u tal-programmi kollha li ġew aċcettati u li se jkunu aċċettati fl-art Pollakka.

Jalla din is-sena ta’ San Stanislaw tkun sena ta’ maturità storika partikolari tan-Nazzjon u tal-Knisja fil-Polonja, is-sena ta’ responsabiltà ġdida u konxja għall-futur tan-Nazzjon u tal-Knisja fil-Polonja: Hawn hi l-wegħda li llum flimkien magħkom, meqjumin u maħbubin Ħuti rġiel u nisa, nixtieq, bħala l-ewwel Papa ta’ dixxendenza Pollakka, nofri lis-Sultan immortali tas-sekli, lir-Ragħaj etern ta’ ruħna u tal-istorja, lir-Ragħaj it-Tajjeb!

4. Issa ppermettuli li, biex niġbor kollox, inħaddan b’mod spiritwali l-pellegrinaġġ kollu tiegħi fil-Polonja, li, mibdi lejlet il-Pentekoste ġo Varsavja, wasal biex jintemm illum fi Krakovja, fis-sollennità tat-Trinita Qaddisa. Nixtieq niżżikom ħajr, għeżież Konnazzjonali, ta’ kollox! Għaliex stedintuni u akkumpanjajtuni tul il-vjaġġ kollu tal-pellegrinaġġ, minn Varsavja tul il-Griezno tal-Primati u Jasna Gora. Għal darb’oħra niżżi ħajr lill-Awtoritajiet tal-Istat għall-istedina u l-akkoljenza ġentili tagħhom. Niżżi ħajr ukoll lill-awtoritajiet tal-provinċji kollha u b’mod speċjali lill-awtoritajiet ta’ Varsavja u – f’dan l-aħħar stadju – lill-awtoritajiet muniċipali tal-Belt irjali antika ta’Krakovja. Niżżi ħajr lill-Knisja ta’ Art Twelidi: L-Episkopat mal-Kardinal Primat bħala mexxej, il-Metropolita ta’ Krakovja u lil Ħuti Isqfijiet: Ġuljanu, Ġwanni, Stanislaw u Albino, li magħhom kelli x-xorti hawn, fi Krakovja, nikkollabora, għal ħafna snin, fit-tħejjija tal-Ġublew ta’ San Stanislaw. Niżżi ħajr ukoll lill-Isqfijiet tad-dijoċesijiet kollha tal-inħawi ta’ Krakovja, Czestochowa, Katowice, Kielce u Tarnów, Tarnów hija, permezz ta’ Szczepanów, l-ewwel Art Twelid ta’ San Stanislaw. Niżżi ħajr lill-kleru kollu. Niżżi ħajr lill-Ordnijiet reliġjużi maskili u femminili. B’mod partikolari niżżi ħajr lil kulħadd u lil kull wieħed u waħda minnkom. “Huwa tassew xieraq u sewwa, dmir tagħna u sors ta’ fidwa, li tiżżi ħajr.

Jien ukoll, issa, f’dan l-aħħar jum tal-pellegrinaġġ tiegħi tul il-Polonja, nixtieq niftaħ b’mod wiesgħa qalbi biex ngħid b’leħen għoli, waqt li nirrendi grazzi f’din il-forma manifika ta’ “prefazju”.

Kemm nixtieq li dan ir-ringrazzjament tiegħi jasal għand il-Majjesta Divina, fil-qalb tat-Trinità Qaddisa: Missier, Iben u Spirtu Santu.

Konnazzjonali tiegħi! B’liema ħeġġa niżżi ħajr mill-ġdid, flimkien magħkom, għad-don li konna – iktar minn elf sena ilu – mgħammda fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu Santu, li konna mgħaddsa fl-ilma li, għall-grazzja, jipperfezzjona fina x-xbiha tal-Alla l-ħaj, fl-ilma  li huwa mewġa ta’ eternità: “Sors ta’ ilma li jfawwar għall-ħajja eterna” (Ġw 4,14). Niżżi ħajr għaliex aħna l-bnedmin. Aħna l-Pollakki, li kull wieħed u waħda minna twelidna bħala bnedmin mil-laħam u d-demm (cf.Gw 3,6) mill-ġenituri tagħna, konna mnissla u mwielda mill-Ispirtu (cf.Ġw 3,5). Mill-Ispirtu Santu. 

Nixtieq illum, waqt li qiegħed hawn – f’dawn il-mergħat kbar ta’ Krakovja – u waqt li nitfà ħarsti lejn Wawel u Skalka fejn, disà mitt sena ilu, “ġarrab il-mewt iċ-ċelebri Isqof Stanislaw”, mill-ġdid għal darb’oħra nwettaq dak li jattwa fina s-sagrament tal-Griżma, jiġifieri fis-sagrament tal-Konfirmazzjoni li tiegħu dan huwa s-simbolu tal-istorja tagħna. Nixtieq li dak li tnissel u twieled mill-Ispirtu Santu, jkun imwettaq mill-ġdid permezz tas-Salib u l-Qawmien mill-Imwiet ta’ Kristu, li fih ħa sehem b’mod partikolari il-konnazzjonali tagħna Stanislaw ta’ Szczepanów.

Ippermettu mela li, bħal l-Isqof waqt il-Griżma, hekk ukoll jien nirrepeti llum dak il-ġest apostoliku tal-impożizzjoni tal-idejn fuq dawk kollha li jinsabu preżenti hawn, fuq il-konnazzjonalii tiegħi kollha. B’din l-impożizzjoni tal-idejn tkun espressa nfatti l-aċċettazzjoni u t-trażmissjoni tal-Ispirtu Santu, li l-Appostli rċivew mingħand Kristu stess, meta wara l-Qawmien mill-Imwiet, ġie għandhom “waqt li kienu l-bibien magħluqin” (Ġw 20,19) u qal “Irċievu l-Ispirtu Santu” (Ġw 20,22).

Dan l-Ispirtu: Spirtu ta’ salvazzjoni, ta’ redenzjoni, ta’ konverżjoni u ta’ qdusija, Spirtu ta’ verità, Spirtu ta’ mħabba, Spirtu ta’ qawwa –mirgħut bħala qawwa ħajja mill-Appostli – ġie tant drabi trażmess minn idejn l-Isqfijiet lil ġenerazzjonijiet sħaħ fl-art Pollakka. Dan l-Ispirtu – hekk kif l-Isqof nattiv kien jitrażmettih lill-kontemporanji tiegħu – nixtieq illum jien nittrażmettih lilkom. Nixtieq illum nittrażmettilkom dan l-Ispirtu waqt li b’mod kordjali nħaddan b’umiltà profonda, dik il-kbira “Griżma tal-istorja”, li intom qegħdin tgħixu.

Nirripeti mela waqt li nsegwi lil Kristu nnifsu: “Irċievu l-Ispirtu Santu!” (Gv 20,22). “La titfux l-Ispirtu!” (1Ts 5,19). Nirripeti waqt li nsegwi lill-Appostlu: “Ma tridux issewdu qalb l-Ispirtu Santu!” (Ef 4,30).

Hemm bżonn li tkunu qawwija, Għeżież Ħuti! Hemm bżonn li tkunu qawwija b’dik il-qawwa tal-fidi! Hemm bżonn li tkunu fidili! Illum iktar minn kwalunkwè epoka oħra għandkom bżonn dik il-qawwa. Hemm bżonn li tkunu qawwija bil-qawwa tat-tama li ġgib il-kuntentizza perfetta tal-għixien u ma tippermettix li ssewwed qalb l-Ispirtu Santu!

Hemm bżonn li tkunu qawwija bl-imħabba, li hija iktar qawwija mill-mewt, bħal ma rrivelaw San Stanislaw u l-Beatu Massimiljanu Marija Kolbe. Hemm bżonn li tkunu qawwija b’dik l-imħabba li “hija paċenzjuża, hija twajba… ma tgħirx…, ma tiftaħarx, ma tintefaħx biha nfisha, ma tonqosx mir-rispett, ma tfitixx l-interessi tagħha, ma żżomx f’qalbha, ma tiħux gost bl-inġustizzja, imma tieħu pjaċir bil-verità. Kollox temmen, kollox tittama, kollox tissaporti, dik l-imħabba li ma tintemm qatt” (1Kor 13,4-8).

Hemm bżonn li tkunu qawwija bil-qawwa tal-fidi, tat-tama u tal-karità, konxja, matura, responsabbli, li tgħinna nistabilixxu dak id-djalogu kbir mal-bniedem u mad-dinja f’dan l-istadju tal-istorja tagħna: djalogu mal-bniedem u mad-dinja , ingranat fid-djalogu ma’ Alla nnifsu – mal-Missier permezz tal-Iben fl-Ispirtu Santu – djalogu tas-salvazzjoni.

Irrid li dan id-djalogu jerġà jibda flimkien ma’ ħutna l-insara kollha, ukoll jekk illum għadhom mifrudin, iżda magħqudin minn fidi unika fi Kristu. Qiegħed nitkellem dwar dan, hawn, f’dan il-post, biex nesprimi kliem ta’ gratitudni għall-ittra li rċivejt mingħand ir-rappreżentanti tal-Kunsill Ekumeniku Pollakk. Ukoll jekk, minħabba l-programm hekk mimli, ma wasalniex għal laqgħa ġo Varsavja, ftakru, għeżież ħuti fi Kristu, li din il-laqgħa nġorrha fil-qalb bħal xewqa ħajja u bħal espressjoni tal-fiduċja għall-futur.

Dak id-djalogu ma jaqtà qatt li jkun vokazzjoni tul “is-sinjali taż-żmien” kollha. Ġwanni XXIII u Pawlu VI flimkien mal-Konċilju Vatikan II laqgħu din l-istedina għad-djalogu. Ġwanni Pawlu II sa mill-ewwel jum jikkonferma l-istess disponibiltà. Iva! Hemm bżonn li naħdmu għall-paċi u r-rikonċiljazzjoni fost il-bnedmin u n-nazzjonijiet tad-dinja kollha. Hemm bżonn li nfittxu li noqorbu lejn xulxin. Hemm bżonn li niftħu l-fruntieri. Meta aħna qawwija bl-Ispirtu ta’ Alla, aħna wkoll qawwija bil-fidi fil-bniedem – qawwija bil-fidi, bit-tama u bil-karità – li huma indissolubbli u aħna lesti nagħtu xhieda għall-kawża tal-bniedem quddiem dak, li għalih hija tassew għall-qalbu din il-kawża. Li għalih din il-kawża hija sagra. Għalih li jixtieq iserviha skont l-aħjar rieda. Mhemmx bżonn mela li nibżgħu! Hemm bżonn niftħu l-fruntieri! Ftakru li ma jeżistix l-imperjaliżmu tal-Knisja, imma biss is-servizz. Hemm biss il-mewt ta’ Kristu fuq il-Kalvarju. Hemm l-azzjoni tal-Ispirtu Santu, frott ta’ din il-mewt, Spirtu Santu li jibqà magħna lkoll, mal-imanità kollha kemm hi, “sa tmiem id-dinja” (Mt 28,20).

B’ferħ speċjali hawn insellem lill-gruppi ta’ ħutna li ġew min-Nofsinhar, ‘il hemm mill-Carpazi.  Alla jħallaskom tal-preżenza tagħkom. Kemm nixtieq li hawn setgħu jkunu preżenti l-oħrajn ukoll! Alla jħallaskom, ħuti Lusazjani. Kemm nixtieq li hawn setgħu jkunu preżenti, waqt dan il-pellegrinaġġ tal-Papa Slav, ukoll dawk ħutna l-oħra fil-lingwa u fil-ġrajjiet tal-istorja. U jekk mhumiex hawn, jekk mhumiex preżenti f’din l-ispjanata, jiftakru li minħabba f’hekk huma ferm iktar preżenti f’qalbna. Jiftakru li huma preżenti f’qalbna u f’talbna.

5. Barra minn dan hemm, ġo Varsavja, fil-Pjazza tar-Rebħa, il-qabar tas-Suldat mhux Magħruf, li minnha bdejt il-ministeru tiegħi ta’ pellegrin fl-art Pollakka; u hawn, fi Krakovja fuq il-Vistula – bejn Wawel u Skalka – il-qabar “tal-Isqof mhux Magħruf”, li tiegħu baqà “relikwa” tal-għaġeb fit-teżor tal-istorja tagħna.

U għalhekk, ippermettuli li, qabel ma nħallikom mill-ġdid nerġà nitfà ħarsti lejn Krakovja, din Krakovja, li fiha kull ħaġra u kull maduma huma għeżież. U li mill-ġdid minn hawn nerġà nħares lejn il-Polonja…

U għalhekk, qabel ma nitlaq minn hawn, nitlobkom li taċċettaw, mill-ġdid għal darb’oħra il-patrimonju kollu spiritwali li ismu huwa “Polonja”, bil-fidi, it-tama u l-karità li Kristu naqax fina fil-Magħmudija Mqaddsa.

Nitlobkom biex qatt ma titilfu l-fiduċja, li qatt ma ċċedu, li ma taqtgħux qalbkom; li ma taqtgħu qatt weħedkom l-għeruq li minnhom kellna l-oriġni tagħna.

Nitlobkom li jkollkom fiduċja, minkejja kull dgħufija tagħkom, li tfittxu dejjem il-qawwa spiritwal mingħand Dak, li qribu tant ġenerazzjonijiet ta’ missirijietna u ta’ ommijietna sabuha. Tinqatgħu minnu qatt. Titilfu qatt il-libertà tal-ispirtu, li biha hu “jagħmel ħieles” lill-bniedem.

Qatt tiddisprezzaw il-Karità li hija “l-ikbar” ħaġa, Li turi ruħha permezz tas-salib, u li mingħajra l-ħajja umana la għandha għeruq u linqas sens.

Dan kollu nitlob minnkom b’tifkira u bl-interċessjoni qawwija tal-Omm ta’ Alla ta’ Jasna Gora u tas-santwarji kollha tagħha fl-art Pollakka; b’tifkira ta’ San Wojciech, li ġarrab il-mewt għal Kristu fl-inħawi tal-Baħar Baltiku; b’tifkira ta’ San Stanislaw, li waqgħa taħt ix-xabla rjali ta’ Skalka.

Nitlob minnkom dan kollu. Amen.

 

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Emanuel Zarb