Aktar mill-Papa Ġwanni Pawlu II ...

QUDDIESA GĦALL- GRUPP TA’ “KOMUNJONI U LIBERAZZJONI"

OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU ĠWANNI PAWLU II

Castel Gandolfo
IL-Ħadd, 15 ta’ Lulju 1979

 

1. B’qima profonda smajna l-kliem, li l-liturġija tal-Knisja tiddedika għal dan il-Ħadd. Issa hemm bżonn nieqfu ftit u nilqgħu dan il-kliem, jiġifieri naddottawh għall-qlub tas-semmiegħa. Naddottawh għal ħajjitna. Hawn huma xi ħsibijiet f’dan is-sens.

2. Qabel xejn: min aħna aħna lkoll, membri ta’ din l-assemblea, semmiegħa tal-Kelma ta’ Alla u, minn hawn u ftit ieħor, sehem mill-Ġisem u d-Demm tal-Mulej? 

Il-mistoqsija: “Min aħna?” tikkondizzjona kwalunkwè mistoqsija u tweġiba relattivi għall-argument; “x’Għandi nagħmel?”.

Għal din il-mistoqsija ewlenija u fundamentali illum jwieġeb San Pawl fl-ittra lill-Efesin. Huwa jwieġeb: aħna magħżulin minn Alla fi Kristu Ġesù. “Ikun imbierek Alla, Missier il-Mulej tagħna Ġesù Kristu, li berikna b’kull barka spiritwali fis-smewwiet, fi Kristu. Fih għażilna qabel il-ħolqien tad-dinja, biex inkunu qaddisin u bla tebgħa quddiemu fil-karità, ippredestinati biex inkunu wliedu adottivi bl-opra ta’ Ġesù Kristu, skont l-approvazzjoni tar-rieda tiegħu. U dan b’tifħir u glorja tal-grazzja tiegħu, li tana f’Ibnu l-għażiż” (Ef 1,3-6).

Din hija t-tweġiba li jtina llum San Pawl għall-mistoqsija “min huma?”, u jiżviluppaha fil-kliem l-ieħor tal-istess test tal-ittra lill-Efesin.

Hawn huwa stadju ieħor ta’ din it-tweġiba: Aħna mifdijin; aħna mfawrin bil-maħfra tad-dnubiet u bil-grazzja: aħna msejħin għall-għaqda ma’ Kristu u, wara, biex ningħaqdu ilkoll fi Kristu.

U dan għadu mhux kollox ta’ din it-tweġiba pawlina: Aħna msejħin biex neżistu għall-glorja tal-Majjestà Divina; nieħdu sehem fil-kelma tal-verità, fil-Vanġelu tal-fidwa, aħna mmarkati bis-siġill tal-Ispirtu Santu; nieħdu sehem mill-wirt, waqt li nistennew il-fidwa sħiħa, li tagħmilna propjetà ta’ Alla.

3. Tali hija t-tweġiba pawlina għall-mistoqsija tagħna. Hemm tant x’wieħed jimmedita. Aħfruli jekk jien nillimita ruħi biss biex nagħmel xi aċċenni. 

Il-kliem tal-ittra lill-Efesin ma jistax jintemm jidwi fil-limiti ta’ qari ta’ darba, fis-smigħ ta’ darba. Hemm bżonn li jibqà magħna. Dan huwa kliem li għandu jieħu l-ħajja kollha. Ta’ dimensjoni eterna.

Ikun sewwa, jekk dan jistà jkompli flimkien ma’ kull wieħed minnkom matul dawn il-ġimghat u xhur ta’ mistrieħ tal-vaganzi. Kulfejn torjentaw ruħkom: kemm jekk għal xi mpenn temporanju… kif ukoll għal xogħol apostoliku… Jew forsi, kif diġa seħħ iktar minn darba, għall-pellegrinaġġ minn Varsavja għal Jasna Gora…

Jalla dan il-kliem imur magħkom. It-tweġiba għall-mistoqsija: “Min huma?”, “Min aħna?” Jiddetermina u jifforma l-personalità tagħkom, inseriti, kif aħna, fl-istess għerq, fid-dimensjoni tal-misteru, li Kristu kiteb fil-ħajja ta’ kull wieħed minna.

Is-sagrifiċċju, li fih qegħdin nieħdu sehem, il-Quddiesa mqaddsa, tagħtina kull darba wkoll it-tweġiba għall-mistoqsija fundamentali: “min aħna?”.

4. Xi rridu nagħmlu?

Jistà jkun li t-tweġiba għal din it-tieni mistoqsija ma toħroġx, mil-liturġija tallum tal-Kelma Divina, bl-istess qawwa ta’ dik relattiva għall-mistoqsija: “Min aħna?”. Però, hija wkoll hija qawwija u deċiża wkoll.

Alla jgħid lil Amos: “Mur, ipprofetizza lill-Poplu tiegħi” (Am 7,15). 

Kristu jsejjaħ lit-Tnax u jibda biex jibgħathom tnejn tnejn (Mk 6,7). U jordnalhom biex jidħlu fid-djar u hekk jagħtu xhieda. Il-Konċilju Vatikan II fakkar li l-insara kollha, mhux biss l-ekkleżjastiċi, imma wkoll il-lajċi, għandhom il-parti tagħhom fil-missjoni profetika ta’ Kristu. Mhemm ebda dubju dwar “dak li għandna nagħmlu”.

5. Madankollu tibqà dejjem attwali l-mistoqsija: kif għandna nagħmluh??

Nieħu gost li għal din il-mistoqsija tfittxu tweġiba, kemm kull wieħed minnkom individwali, kif ukoll flimkien mal-komunità kollha tagħkom. Min ifittex tali tweġiba, isibha fil-ħin opportun.

Id-Salm responsorjali tallum jassikurana li “Il-Ħniena u l-verità jiltaqgħu...”.

“Il-verità tinbet mill-art”.

Iva, il-verità għandha tinbet minn kull wieħed minna; minn kull qalb.

Kunu fidili għall-verità. Fidili lejn il-vokazzjoni tagħkom. Fidili lejn l-impenn tagħkom. Fidili lejn l-għażla tagħkom. Kunu fidili lejn Kristu, li jeħles u jgħaqqad (komunjoni u liberazzjoni).

6. Fl-aħħarnett, awgurju ferventi lil kull wieħed minnkom u lil kulħadd. Bħal raġġ dawl tal-lituġija tallum: Sabiex l-Alla tal-Mulej tagħna Ġesù Kristu jippenetra qalbna bid-dawl tiegħu propju sabiex ifehmna liema hija t-tama tal-vokazzjoni tagħna  (cf. Ef 1,17-18).

Jalla dan l-awgurju jitwettaq bl-interċessjoni tal-Madonna, li quddiemha mmeditajna l-Kelma Divina tal-liturġija tallum, biex inkunu nistgħu nkomplu inwettqu s-sagrifiċċju ewkaristiku.

 

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Emauel Zarb