Aktar mill-Papa Ġwanni Pawlu II ...

L-EWWEL TQARBINA TAT-TFAL F’SAN PIETRU

OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU ĠWANNI PAWLU II

Il-Ħamis, 14 ta’ Ġunju 1979

 

Għeżież Tfal!

Kbir huwa l-ferħ tiegħi narakom hawn, hekk numerużi u hekk mimlijin żelu, biex tiċċelebraw flimkien mal-Papa is-Sollennità liturġika tal-Ġisem u d-Demm tal-Mulej!

Insellmilkom ilkoll u lil kull wieħed u waħda b’mod speċjali bil-ħlewwa l-iktar profonda, u niżżikom ħajr bil-qalb talli ġejtu biex iġġeddu it-Tqarbina Mqaddsa mal-Papa u għall-Papa; u hekk ukoll niżżi ħajr lill-parroċċi tagħkom, dejjem dinamiċi u żelanti, u l-ġenituri u qraba tagħkom, li ħejjewkom u akkumpanjawkom.

Għad għandi quddiem għajnejja l-ispettaklu mpressjonanti tal-moltitudnijiet immensi li ltqajt magħhom fil-vjaġġ tiegħi fil-Polonja; u hawn hu issa l-ispettaklu tat-tfal ta’ Ruma, hawn hi l-innoċenza meraviljuża tagħkom, l-għajnejn jibbru tagħkom, it-tbissim imqarqaċ tagħkom!

Intom l-iktar għeżież ta’ Ġesù: “Ħallu lit-tfal jiġu għandi! – kien jgħid l-Imgħallem Divin - la żżommuhomx” (Lq 18,16).

Intom ukoll l-iktar għeżież tiegħi!

Għeżież tfal! Intom ħejjejtu lilkom infuskom għall-Ewwel Tqarbina tagħkom b’tant impenn u diliġenza, u l-ewwel laqgħa tagħkom ma’ Ġesù kien waqt ta’ kommozzjoni qawwija u ta’ ferħ profond. Ftakru dejjem dan il-jum imbierek tal-Ewwel Tqarbina! Ftakru dejjem iż-żelu tagħkom u l-ferħ purissmu tagħkom!

Issa wara ġejtu hawn, biex iġġeddu il-laqgħa tagħkom ma’ Ġesù. Ma tistgħux tagħmluli rigal isbaħ u iktar prezzjuż!

Ħafna tfal esprimew ix-xewqa li jirċievu l-Ewwel Tqarbina minn idejn il-Papa. Bla dubju din kienet tkun għalija konsolazzjoni pastorali kbira tirregala lil Ġesù għall-ewwel darba lis-subien u lill-bniet ta’ Ruma. Imma dan mhux possibbli, u mbagħad huwa aħjar li kull tifel u tifla jirċievu l-Ewwel Tqarbina fil-Parroċċa tagħhom mingħand il-kappillan tagħhom. Imma talinqas illum huwa possibbli għalija li nagħti t-Tqarbin imqaddes lil rappreżentanza tagħkom waqt li nżomm f’imħabbti lill-oħrajn kollha, f’dan iċ-Ċenaklu vast u tal-għaġeb! U din hija għalija u għalikom kuntentizza immensa, li qatt iktar ma ninsew! Fl-istess ħin nixtieq inħallilkom xi ħsibijiet, li jistgħu jservukom biex iżżommu dejjem ċara l-fidi tagħkom, żeluża mħabbitkom lejn Ġesù Ewkaristiku, innoċenti ħajjitkom.

1. Ġesù huwa preżenti magħna. Hawn hu l-ewwel ħsieb.

Ġesù qam mill-Imwiet, huwa telà s-sema, imma ried jibqà magħna u għalina, fil-postijiet kollha tad-dinja. L-Ewkaristija hija tassew invenzjoni divina!

Qabel ma miet fuq is-Salib, waqt li offra ħajtu b’sagrifiċċju ta’ adorazzjoni u ta’ mħabba lill-Missier, Ġesù waqqaf l-Ewkaristija, waqt li bidel il-ħobż u l-inbid fil-Persuna tiegħu nnifsu u waqt li ta lill-Appostli u lis-suċċessuri tagħhom, l-Isqfijiet u s-Saċerdoti, is-setgħa li jirrenduh preżenti fil-Quddiesa Mqaddsa.

Ġesù mela ried jibqà magħna għal dejjem! Ġesù ried jingħaqad magħna b’mod intimu fit-Tqarbin Imqaddes, biex jurina imħabbtu b’mod dirett u personali. Kull wieħed u kull waħda nistgħu ngħidu: “Ġesù jħobbni! Jien inħobb lil Ġesù”.

Santa Teresa tal-Bambin Ġesù, waqt li tiftakar il-jum tal-Ewwel Tqarbina tagħha, kitbet: “O kemm kienet sbejħa l-ewwel bewsa li Ġesù ta lil ruħi!... kienet bewsa ta’ mħabba, u jien ħassejtni maħbuba u min-naħa tiegħi għidt: “Inħobbok, nirregala lili nnifsi lilek għal dejjem!”… Teresa kienet għabet bħall-qatra tal-ilma li tintilef fi ħdan l-oċean. Baqgħet ma’ Ġesù biss: l-imgħallem, ir-Re” (Teresa di Lisieux, Storia di un’anima, Queriniana 1974, Man. A, cap. IV, p. 75). U nfexxet tibki bil-ferħ u bil-konsolazzjoni, fost l-istagħġib ta’ sħabha.

Ġesù huwa preżenti fl-Ewkaristija biex inkunu nistgħu niltaqgħu miegħu, biex inħobbuh, biex nirċevuh, biex nikkunslawh. Kulfejn hemm is-saċerdot, hemm hemm preżenti Ġesù, għaliex il-missjoni u l-kobor tas-Saċerdot hija propju ċ-ċelebrazzjoni tal-Quddiesa Mqaddsa.

Ġesù huwa preżenti fil-bliet il-kbar u fil-pajjiżi ż-żgħar, fil-knejjes tal-muntanji u fl-għerejjex imbegħda tal-Afrika u tal-Asja, fl-isptarijiet u fil-ħabsijiet; saħansitra fil-kampijiet tal-konċentrament kien preżenti Ġesù Ewkaristiku!

Għeżież Tfal! Irċevuh spiss lil Ġesù! Ibqgħu fih; ħallu likom infuskom tiġu mibdula minnu!

2. Ġesù huwa l-ikbar Ħabib tagħkom. Hawn hu t-tieni ħsieb.

La tinsewh qatt! Ġesù jrid ikun il-ħabib l-iktar intimu tagħna, seħibna tat-triq.

Bla dubju għandkom bosta ħbieb, imma ma tistgħux tibqgħu dejjem magħhom u mhux dejjem huma jistgħu jgħinukom, jisimgħukom, jikkunslawkom. Ġesù iżda huwa l-ħabib li ma jitlaqkom qatt; Ġesù jafkom wieħed wieħed, personalment; jaf isimkom, isegwikom, jakkumpanjakom, jimxi magħkom kuljum; jieħu sehem fil-ferħ tagħkom u jikkunslakom fil-waqtiet tan-niket u tad-dwejjaq. Ġesù huwa l-ħabib li mingħajru ma nistgħux ngħaddu, ladarba niltaqgħu miegħu u nifhmu li huwa jħobbna u jrid imħabbitna.

Miegħu tistgħu titkellmu, tiftħu qalbkom; lejh tistgħu dduru b’imħabba u fiduċja. Ġesù miet saħansitra fuq is-Salib għal imħabbitna! Agħmlu patt ta’ ħbiberija ma’ Ġesù u tiksruh qatt! Fis-sitwazzjonijiet kollha ta’ ħajjitkom, duru lejn il-Ħabib Divin, preżenti fina bil-“grazzja” tiegħu, preżenti magħna u fina fl-Ewkaristija..

U kunu wkoll il-messaġġiera u x-xhieda ferħana tal-Ħabib Ġesù fil-familji tagħkom, fost sħabkom, fil-postijiet tal-logħob tagħkom u tal-vaganzi tagħkom, f’din is-soċjetà moderna, tant drabi mdejqa u mhux sodisfatta.

3. Ġesù jistenniena. Ħawn hu l-aħħar ħsieb.

Il-ħajja twila jew qasira, hija vjaġġ lejn il-ġenna: hemm tinsab Art Twelidna, hemm hija l-vera dar tagħna; hemm jinsab l-appuntament tagħna!

Ġesù jistenniena fil-ġenna! La tinsew qatt din il-verità suprema u konfortanti. U x’inhu t-Tqarbin Imqaddes jekk mhux ġenna antiċipata? Infatti l-Ewkaristija hija l-istess Ġesù li jistenniena li jum wieħed miegħu niltaqgħu b’mod miftuħ fis-sema.

Irċievu spiss lil Ġesù biex ma tinsew qatt il-ġenna, biex timxu dejjem lejn dar il-Missier Ċelesti, biex tiggustaw diġa naqra mill-ġenna!

Dan kien fehmu Duminku Savio, li ta’ sebà snin kellu l-permess li jirċievi l-Ewwel Tqarbina, u f’dak il-jum kiteb il-proponimenti tiegħu: “L-ewwel: inqerr ta’ spiss ħafna u nitqarben id-drabi kollha li jippermettili l-konfessur. It-tieni irrid inqaddes il-jiem festivi. It-tielet: il-ħbieb tiegħi jkunu Ġesù u Marijas. Ir-raba: Il-mewt imma mhux id-dnub”.

Dak li ċ-ċkejken Duminku kiteb tant snin ilu (fl-1849) jgħodd u jiswa wkoll għal dejjem.

Għeżież, nikkonkludi billi ngħidilkom, tfal sibien u bniet, żommu lilkom infuskom denji ta’ Ġesù li qegħdin tirċievu! Kunu nnoċenti u ġenerużi! Impenjaw ruħkom biex tirrendu sabiħa l-ħajja għal kulħadd bl-ubbidjenza, bil-ġentilezza, bl-edukazzjoni tajbsa! Is-sigriet tal-ferħ huwa t-tjubija!

U lilkom ġenituri u qraba, ngħidolkom b’inkwiet u fiduċja: ħobbu lil uliedkom, irrispettawhom, edifikawhom! Kunu denji tal-innoċenza tagħhom u tal-misteru miġbur f’ruħhom, maħluqha direttament minn Alla! Huma jinħtieġu l-imħabba, il-ħlewwa u l-eżempju tajjeb tal-maturità! La tittraskurawhomx! La tittraduhomx!

Nafdakom ilkoll lil Marija Santissma, Ommna tas-sema, il-Kewkba tal-baħar ta’ ħajjitna: itolbuha kuljum intom, tfal! Agħtuha, lil Marija Santissma, idejkom sabiex twassalkom biex tirċievu b’mod qaddis lil Ġesù.

U nindirizzaw ukoll ħsieb ta’ mħabba u ta’ solidarjetà lit-tfal kollha batuti, lit-tfal kollha li ma jistgħux jirċievu lil Ġesù għax ma jafuhx, lill-ġenituri kollha li b’niket kbir tilfu lil uliedhom jew huma delużi u mdejqa fl-aspettattivi tagħhom.

Fil-laqgħa tagħkom ma’ Ġesù itolbu għal kulħadd, itolbu grazzi u għajnuniet għal kulħadd!

U itlobu wkoll għalija, intom li intom l-għeżież tiegħi!

 

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Emanuel Zarb