Aktar mill-Papa Ġwanni Pawlu II ...

VJAĠĠ APOSTOLIKU FL-ISTATI UNITI TAL-AMERIKA

QUDDIESA

OMELIJA TAL-QDUDSIJA TIEGĦU ĠWANNI PAWLU II

Washington, Capitol Mall
Il-Ħadd, 7 ta’ Ottubru 1979

 

Għeżież ħuti f’Ġesù Kristu.

1. Jum fost l-oħrajn Ġesù, waqt li kien qiegħed jiddjaloga mal-udjenza tiegħu, sab ruħu ffaċċjat minn tentattiv min-naħa tal-Fariżej li mmiraw biex iġegħluh japprova l-opinjoni tagħhom dwar in-natura taż-żwieġ. Ġesù weġibhom billi wettaq mill-ġdid it-tagħlim tal-Iskrittura: “Fil-bidu tal-ħolqien Alla ħalaq il-maskju u l-femmina; minħabba dan ir-raġel jitlaq lil missieru u lil ommu u t-tnejn isiru ġisem wieħed.  Hekk mhux iktar tnejn, imma ġisem wieħed. Il-bniedem mela ma jifridx dak li għaqqad Alla” (Mk 10,6-9).

Il-Vanġelu skont Marku minnufih wara jġib id-dekrizzjoni ta’ xena tant magħrufa għalina. Din ix-xena turina r-rabja ta’ Ġesù kif innota li d-dixxipli tiegħu kienu qegħdin ifittxu li jżommu li n-nies iressqu lil uliedhom qribu. U “qal: “Ħallu li t-tfal jiġu għandi, u la żżommuhomx, għaliex għal min hu bħalhom hija s-saltna ta’ Alla”… U waqt li ħaddanhom miegħu u qiegħed idejh fuq rashom berikhom” (Mk 10,14-16). Fil-proposta ta’ dan il-qari, il-liturġija tallum tistieden lilna lkoll biex nirriflettu dwar tliet temi marbutin b’mod strett bejniethom: in-naturas taż-żwieġ, il-familja u l-valur tal-ħajja.

2. Huwa għalija ferħ kbir li nirriflettu magħkom dwar il-kelma ta’ Alla li llum tipproponilna l-Knisja, għaliex l-Isqfijiet tad-dinja kollha qegħdin jiddiskutu dwar iż-żwieġ u dwar il-ħajja tal-familja fid-dijoċesijiet u n-nazzjonijiet kollha. L-Isqfijiet qegħdin jagħmlu din it-tħejjija għas-Sinodu mondjali li jmiss tal-Isqfijiet li għandu bħala tema: “L-irwol tal-familja nisranija fid-dinja kontemporanja”. U kienu propju l-Isqfijiet tagħkom li ddisinjaw is-sena li ġejja bħala s-sena ta studju, pjanifikazzjoni u tiġdid pastorali tal-familja. Għal diversi raġunijiet hemm fid-dinja interess imġedded għaż-żwieġ, il-ħajja tal-familja u l-valur tal-ħajja umana.

Dan il-Ħadd jimmarka l-bidu tal-“Programm” annwali “għar-rispett tal-ħajja”, li grazzi għalih il-Knisja tal-Istati Uniti feħsiebha tikkonferma l-konvinzjoni propja tal-qdusija tal-ħajja umana f’kull fażi tagħha. Inġeddu mela, ilkoll flimkien, ir-rispett tagħna għall-valur tal-ħajja umana, waqt li niftakru li, permezz ta’ Kristu, il-ħajja umana kollha ġiet mifdija.

3. Ma naħsibhiex darbtejn li quddiemkom u quddiem id-dinja kollha nxandar li kull ħajja umana – mill-waqt tal-konċepiment tagħha u matul il-fażijiet kollha li jiġu wara – hija sagra, għaliex il-ħajja umana hija maħluqa xbiha u xebħ ta’ Alla. Xejn ma jegħleb il-kobor jew id-dinjità tal-persuna umana. Il-ħajja umana mhijiex biss idea jew astrazzjoni; il-ħajja umana hija r-realtà prattika ta’ esseri li għandu ħila jħobb u jaqdi lill-umanità.

Ippermettuli nirripeti dak li għidt fil-korsa ta’ dak il-pellegrinaġġ f’Pajjiżi: “Jekk id-dritt għall-ħajja ta’ persuna jiġi miksur fil-waqt li fih tiġi kkonċepita fil-ġuf tal-omm, daqqa indiretta tingħata lill-ordni morali kollu, li għandu bħala skop il-ġid invjolabbli tal-bniedem. Il-Knisja tiddefendi d-dritt għall-ħajja, mhux biss b’rispett għall-majjestà ta’ Alla, l-ewwel Sid ta’ din il-ħajja. Imma wkoll b’rispett għall-ġid essenzjali tal-persuna umana” (Ġwanni Pawlu II, Allocutio, 8 ta’ Ġunju 1979).

4. Il-ħajja umana hija prezzjuża għaliex hija rigal ta’ Alla li l-imħabba tiegħu hija nfinita: u meta Alla jagħti l-ħajja, jagħtiha għal dejjem. Il-ħajja barra minn hekk hija preżżjuża għaliex hija l-espressjoni u l-frott tal-imħabba. Din hija r-raġuni li għaliha l-ħajja għandu jkollha oriġni fil-kuntest taż-żwieġ u li għaliha ż-żwieġ u l-imħabba reċiproka tal-ġenituri għandhom ikunu kkaratterizzati mill-ġenerożità fl-għoti tagħhom infushom. Il-periklu kbir għall-ħajja tal-familja f’soċjetà li l-idoli tagħha huma il-pjaċir, il-kumdità u l-indipendenza, jinsab fil-fatt li l-bnedmin jagħlqu qalbhom u jsiru egoisti. Il-biżà ta’ mpenn permanenti jistà jibdel l-imħabba reċiproka bejn ir-raġel u l-mara f’żewġ imħabbiet tagħhom infushom, żewġ imħabbiet li jeżistu maġemb xulxin, sakemm ma jispiċċawx f’separazzjopni.

Fis-sagrament taż-żwieġ, ir-raġel u l-mara – li fil-Magħmudija saru membri ta’ Kristu u għandhom id-dmir li juru f’ħajjithom l-atteġġjamenti ta’ Kristu – jirċievu ċ-ċertezza tal-għajnuna li jkollhom bżonn sabiex imħabbithom tikber f’għaqda fidila u ndissolubli u jistgħu jwieġbu b’mod ġeneruż għar-rigal tal-paternità. Bħal ma ddikjara il-Konċilju Vatikan II: “Permezz ta’ dan is-Sagrament, Kristu nnifsu isir preżenti fil-ħajja tal-miżżewġin u jakkumpanjahom, sabiex ikunu jistgħu jħobbu lil xulxin u jħobbu lil uliedhom, propju bħal ma’ Kristu ħabb lill-Knisja tiegħu  u ta lilu nnifsu għaliha” (cf. Gaudium et Spes, 48; Ef 5,25).

5. Sabiex iż-żwieġ nisrani jiffavorixxi l-ġid totali u l-iżvilupp tal-koppja, għandu jkun ispirat mill-Vanġelu, u hekk jinfetħu għall-ħajja l-ġdida, ħajja ġdida mogħtija u aċċettata b’mod ġeneruż. Il-miżżewġin huma wkoll imsejħa biex joħolqu atmosfera familjari fejn l-ulied ikunu kuntenti u jgħixu b’milja u dinjità ħajja umana u nisranija.

Biex jistgħu jgħixu ħajja familjari kuntenta jimponu fuqhom sagrifiċċji kemm min-naħa tal-ġenituri kif ukoll tal-ulied. Kull membru tal-familja għandu jkun, b’mod speċjali, il-qaddej tal-oħrajn, billi jaqsmu il-piżijiet tagħhom. Hemm bżonn li kull wieħed u waħda jkun pront mhux biss għal ħajtu, imma wkoll għall-ħajja tal-membri l-oħra tal-familja:  għall-bżonnijiet tagħhom, it-tamiet tagħhom, l-ideali tagħhom. Id-deċiżjonijiet rigward in-numru ta’ tfal u tas-sagrifiċċji li jiġu minn dan, m’għandhomx ikunu meħuda biss fir-rigward li jżidu l-kumditajiet tagħhom u jżommu eżistenza trankwilla. Waqt li jirriflettu dwar dan il-punt quddiem Alla, mgħejjuna mill-grazzja li tiġi mis-Sagrament, u mmexxija mit-tagħlim tal-Knisja, il-ġenituri jfakkru lilhom infushom li hija l-inqas ħaġa li tinnega lil uliedek ċerti kumditajiet u vantaġġi materjasli milli ċċaħħadhom mill-preżenza ta’ ħuthom subien u bniet li jistgħu jgħinuhom jiżviluppaw l-umanità tagħhom u li jagħrfu s-sbuħija tal-ħajja f’kull fażi u fil-varjetajiet tagħha kollha.

Jekk il-ġernituri jagħrfu għal kollox l-esiġenzi u l-opportunitajiet miġbura f’dan is-Sagrament kbir, ma jonqsux milli jingħaqdu ma’ Marija fl-innu ta’ tifħir lill-Awtur tal-ħajja – lil Alla - , li għażilhom bħala kollaboraturi tiegħu.

6. L-esseri umani kollha għandom japprezzaw l-individwalità ta’ kull persuna bħala krejatura ta’ Alla, msejħa biex tkun ħu jew oħt ta’ Kristu minħabba l-inkarnazzjoni u r-Redenzjoni Universali. Għalina s-sagralità tal-persuna umana hija msejsa fuq dawn il-premessi. U huwa fuq dawn il-premessi li tissejjes iċ-ċelebrazzjoni tagħna tal-ħajja, ta’ kull ħajja umana. Dan jispjega l-isforzi tagħna biex niddefendu l-ħajja umana kontra kwalunkwè influwenza jew azzjoni li tistà theddidha  jew iddgħajjifha, kif ukoll l-isforzi tagħna biex nirrendu kull ħajja iktar umana fl-aspetti kollha tagħha.

Għalhekk nirrejaġixxu kull darba li l-ħajja umana tkun mhedda. Meta l-karattru sagru tal-ħajja qabel it-twelid jiġi attakkat, aħna nirrejaġixxu biex niddikjaraw li ħadd m’għandu d-dritt li jeqred il-ħajja qabel it-twelid. Meta wieħed jitkellem dwar tarbija bħala piż jew iqisha bħala mezz biex jissodisfa bżonn emozzjonali, aħna nintervienu biex ninsistu li kull tarbija hija rigal uniku u rrepetibbli ta’ Alla, li għandha d-dritt għal familja magħquda fl-imħabba. Meta l-istituzzjoni taż-żwieġ tiġi abbandunata għall-egoiżmu uman u u mbaxxiha għal ftehim temporanju u kondizzjonali li jistà jiġi tterminat b’mod faċli, aħna nirrejaġixxu billi niddikjaraw l-indissolubiltà tar-rabta matrimonjali. Meta l-valur tal-familja jkun mhedded minn pressjonijiet soċjali u ekonomiċi, aħna nirrejaġixxu waqt li nsostnu li l-familja hija meħtieġa mhux biss għall-ġid privat ta’ kull persuna, imma wkoll għall-ġid komuni ta’ kull soċjetà, nazzjon u stat (cf. Ġwanni Pawlu II, Allocutio in Audientia Generali, 3 tsa’ Jannar 1979). Meta mbagħad il-libertà tiġi wżata biex ikunu ddominati d-dgħajfa, biex titberbaq l-għana naturali u l-enerġija u biex iċċaħħad lill-bnedmin mill-bżonnijiet meħtieġa, aħna nirrejaġixxu biex nasserixxu l-prinċipji tal-ġustizzja u tal-imħabba soċjali. Meta l-morda, l-anzjani jew il-moribondi jiġu abbandunati, aħna nirrejaġixxu waqt li niddikjaraw li huma denji tal-imħabba, tal-interess u tar-rispett.

Nagħmel tiegħi l-kliem li Pawlu VI indirizza s-sena l-oħra lill-Isqfijiet Amerikani: Barra minn hekk aħna konvinti li kull sforz magħmul biex jissalvagwardja d-drittijiet umani attwalment jibbenefika l-ħajja nfisha. Dak kollu li jimmira biex jabolixxi d-diskriminazzjonijiet jew fil-fatt ibbażati fuq razza, oriġni, kulur, kultura, sess jew reliġjon (cf. Pawlu VI, Octogesima Adveniens, 16) huwa servizz għall-ħajja. Meta jiġu promossi d-drittijiet tal-minoranzi, meta jiġu assistiti l-handikappati fil-moħħ u fil-fiżiku, meta jkunu mismugħa dawk li jgħixu fit-truf tas-soċjeta: f’dawn il-każijiet kollha tissaħħaħ id-dinjità tal-ħajja u s-sagralità tal-ħajja umana… B’mod partikolari, kull kontribut biex jemeljora l-klima morali tas-soċjetà, biex  jillimita l-permissività u l-edoniżmu, kull assistenza mogħtija lill-familja, li hija s-sors tal-ħajja l-ġdida, isostnu b’mod effettiv il-valur tal-ħajja” (Pawlu VI, Allocutio ad Archiepiscopos et Episcopos VI et VII Regionis pastoralis Foederatum Civitatum Americae Septentrionalis, occasione habita eorum ipsorum visitationis “ad limina”, 26 ta’ Mejju 1978).

7. Għad baqà ħafna xi jsir biex inkunu nistgħu ngħinu lil dawk li ħajjithom hija mhedda u nħeġġu t-tama mill-ġdid ta’ dawk li għandhom il-biżà tal-ħajja. Jinħtieġ kuraġġ biex nirreżistu għall-pressjonijiet u għas-“slogans” foloz, biex inxandru d-dinjità suprema ta’ kull ħajja, biex nesiġu li s-soċjetà stess tipproteġiha. Nixtieq għalhekk nindirizza kelma ta’ tifħir lill-membri kollha tal-Knisja Kattolika u tal-Knejjes kristjani kollha, lill-irġiel u n-nisa kollha tal-wirt lhudi-kristjan, kif ukoll lill-bnedmin kollha ta’ rieda tajba, sabiex jingħaqdu flimkien fi sforz komuni għad-difiża tal-ħajja fil-milja kollha tagħha u għall-promozzjoni tad-drittijiet umani kollha.

Iċ-ċelebrazzjoni tagħna tal-ħajja tagħmel parti miċ-ċelebrazzjoni tagħna Ewkaristika, Il-Mulej u s-Salvatur tagħna permezz tal-mewt u l-qawmien mill-imwiet tiegħu, sar għalina “l-ħobż tal-ħajja” u s-sikurezza tal-ħajja eterna, Fih insibu l-kuraġġ, il-perseveranza u l-inventiva li ninħtieġu biex nippromwovu u niddefendu l-ħajja fil-familji tagħna u fid-dinja kollha.

Għeżież ħuti: ejjew ikollna fiduċja li Marija, l-Omm ta’ Alla u l-Omm tal-Ħajja, se tagħtina l-għajnuna sabiex il-mod tal-għixien tagħna jirrifletti dejjem l-ammirazzjoni u r-rikonoxxenza tagħna għar-rigal tal-imħabba ta’ Alla li huwa l-ħajja. Nafu li hija tgħinna biex nużaw kull jum li jingħatalna bħala opportunità biex niddefendu l-ħajja qabel it-twelid u biex nirrendu iktar umana l-ħajja ta’ ħutna, kulfejn ikunu jinsabu.

L-interċessjoni tal-Madonna tar-Rużarju, li niċċelebraw il-festa tagħha llum, takkwistalna l-qawwa li lkoll jum wieħed nilħqu l-milja tal-ħajja fi Kristu Ġesù Sidna. Amen.

 

Miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Emanuel Zarb.