Aktar mill-Papa Ġwanni Pawlu II
...
|
QUDDIESA GĦALL-PELLEGRINI TA’ PIACENZA
OMELIJI TAL-QDUSIJA TIEGĦU ĠWANNI PAWLU II
It-Tnejn, 2 ta’ Lulju 1979
Għeżież.
1. Il-laqgħa tagħna ta’
filgħodu f’dan il-post hekk suġġestiv li jeħodna b’moħħna u b’qalbna fil-Grotta
ta’ Lourdes, post għażiż u mbierek, fejn Marija Santissma dehret liċ-ċkejkna
Bernardette, għandha sinifikat tassew preċiż: hija laqgħa familjari qrib l-altar
tal-Mulej u taħt il-ħarsa tal-Verġni Marija, mas-Segretarju tal-Istat,
il-Kardinal il-ġdid Agostino Casaroli, l-ewwel kollaboratur tiegħi, mal-Isqof u
ma’ rappreżentanza tas-saċerdoti tad-dijoċesi ta’ twelidu, Piacenza u ma’
qrabatu u ħbiebu.
Dan huwa għalija waqt ta’
ferħ speċjali, li joffrili l-okkażjoni li nuri s-sentimenti tiegħi ta’ għożża u
ta’ apprezzament ħaj lejh, li wara snin twal ta’ dedikazzjoni ġeneruża mgħoddija
għas-servizz totali u dirett tas-Santa Sede u tal-Papa, issa huwa mill-ġdid
imlibbes bir-responsabiltà mportanti u gravi ta’ Segretarju tal-Istat.
Inħoss id-dmir li niżżi
ħajr b’mod ħaj lill-Kardinal Casaroli għall-prontezza u għall-għaqal li bihom
jaħdem għall-ġid tal-Knisja u talli aċċetta dan l-Ufficcju hekk għoli u hekk
importanti; u nistieden lil kulħadd biex jakkumpanjah bit-talb kostanti u
ferventi, sabiex il-Mulej ikun għalih dejjem dawl, għajnuna u konfort.
Nieħu gost ukoll mad-dijoċesi
kollha ta’ Piacenza, li, bil-formazzoni serja u amoruża mogħtija mis-Seminarji,
għarfet tagħti tant Saċerdoti u Personalitajiet eminenti għas-servizz tal-Knisja.
Ma nistax għajr nawgura mill-qalb dejjem iktar vokazzjonijiet saċerdotali
numerużi u qaddisa fid-dijoċesijiet tagħkom, għall-bżonnijiet tagħkom u
tal-Knisja universali.
Tislima paerikolarment
kordjali niddedika lill-familjari tal-Kardinal Casaroli, waqt li nassikurahom li
nipparteċipa b’mod ħaj fil-ferħ sinċier tagħhom ta’ dawn il-jiem, hekk
sinifikattivi u mportanti.
2. Waqt li nieħdu l-ispunt
mill-Kelma ta’ Alla, li nqrat fil-liturġija tallum, ejjew infittxu li niksbu xi
direttivi tajbin għal ħajjitna.
Tinsab, qabel kollox,
quddiem għajnejna x-xena, deskritta b’mod plastiċiżzzat mill-evanġelista Ġwanni:
ninsabu fuq il-muntanja tal-Kalvarju, hemm salib, miegħu msallab Ġesù; u hemm,
maġembu, omm Ġesù, imdawra minn xi nisa; hemm ukoll id-dixxiplu maħbub, appuntu
Ġwanni. L-Agonizzant jitkellem, bin-nifs qawwi tal-agonija: “Mara, hawn hu
ibnek!” U mbagħad, idur lejn id-dixxiplu: “Hawn hi ommok!” L-intenzjoni hija
evidenti: Ġesù jrid jafda lil ommu f’idejn id-dixxiplu maħbub.
Dan biss? L-antiki Santi
Padri tal-Knisja lemħu wara dan l-episodju, li apparentement jidher hekk
sempliċi, sinifikat tejoloġiku iktar profond. Diġa Oriġine jidentifika
l-Appostlu Ġwanni ma’ kull nisrani u, warajh, issir iktar frekwenti s-sejħa għal
dan it-test, biex tkun iġġustifikata l-maternità universali ta’ Marija.
Din hija konvinzjoni li
għandha pedament preċiż fil-partikular rivelat: Infatti kif jistà wieħed ma
jaħsibx meta jaqra din is-silta, fil-kliem misterjuż ta’ Ġesù waqt it-tieġ ta’
Kana (cf. Ġw 2,4) meta, għat-talba ta’ Marija, huma jwieġeb billi
jsejħilha “mara” – kif jagħmel issa – u waqt li jipposponi l-bidu
tal-kollaborazzjoni tiegħu magħha favur il-bnedmin fil-waqt tal-Passjoni, is-“siegħa”
appuntu tiegħu, kif huwa soltu jindikaha? (cf. Ġw 7,30; 8,20; 12,27;
13,1; Mk 14,35.41; Mt 26,45; Lq 22,53).
Marija taf għal kollox
dwar il-missjoni, li ġiet afdatha lilha: aħna nsibuha fil-bidu tal-ħajja
tal-Knisja, flimkien mad-dixxipli li kienu qegħdin iħejju ruħhom għall-ġrajja
imminenti tal-Pentekoste, kif fakkarna l-ewwel qari tal-Quddiesa. Fit-tali
rakkont ta’ Luqa isimha joħroġ fost dawk tan-nisa l-oħra: il-komunità primittiva,
miġbura “fis-sular ta’ fuq”, tinġabar fit-talb madwarha, li hija “l-omm ta’ Ġesù”,
kważi biex tfittex il-protezzjoni u l-konfort quddiem l-inċertezzi ta’ futur
mimli dellijiet minaċċużi.
3. L-eżempju tal-komunità
nisranija tal-bidu huwa eżemplari: aħna wkoll, fil-ġrajjiet għalkemm differenti
ta’ żmienna, ma nistgħu nagħmlu xejn aħjar milli ninġabru madwar Marija, waqt li
nagħrfu fiha l-Omm ta’ Kristu totali, jiġifieri ta’ Ġesu u tal-Knisja, Ommna. U
minnha nitgħallmu. Xiex?
Qabel kollox li nemmnu.
Marija ssejħet “beata”, għaliex għarfet temmen (cf. Lq 1,45). Il-fidi
tagħha kienet l-ikbar li l-esseri uman qatt kellu; ikbar mill-istess fidi ta’
Abraham. Il-“Qaddis” infatti, li twieled minnha, “waqt li kiber tbiegħed minnha,
telà iktar ‘il fuq minnha u, meħud mingħandha, għex f’distanza infinita: billi
kienet nisslitu u temgħatu u ratu fl-abbandun tiegħu, biex ma tħallix ruħha
vilment tintilef quddiem il- majjesta tiegħu, imma wkoll biex fl-imħabba tagħha
ma tonqosx meta l-protezzjoni materna tagħha ma ssibx ruħha superata, u b’dan
it-twemmin kollu li hekk kien ġust u li kienet twettaq ir-rieda ta’ Alla; hija
ma tgħejja qatt, ma tixba qatt, anzi żżomm sħiħ biex tagħmel flimkien, pass
pass, bil-qawwa tal-fidi, il-mixja li l-persuna tal-Iben segwit fil-karattru
misterjuż tagħha: hawn huwa l-kobor tagħha” (R. Guardini, Il Signore,
Milano 1964, pp. 28-29).
U hawn hi l-ewwel lezzjoni
li hija toffrilna.
Hemm imbagħad il-lezzjoni
tat-talb; talb “attent u regolari” (cf. At 1,14). Spiss fil-komunitajiet
tagħna ninġabru biex niddiskutu, biex nesploraw sitwazzjonijiet, biex nagħmlu
programmi. Jistà jkun ukoll ħin spiss mgħoddi tajjeb. Dan huwa meħtieġ biss
intenni li ż-żmien l-iktar utli, dak li jagħti sens u effiċjenza lid-diskussjonijiet
u lill-proġetti, huwa ż-żmien iddedikat lit-talb. Fih, infatti, ir-ruħ
tiddisponi ruħha biex tilqà lill-“Konsolatur”, li Kristu wiegħed li jibgħat (cf. Ġw 15,26)
u lil dak li huwa fada d-dmir li “jiggwidana lejn il-verità kollha kemm hi” (cf. Ġw 16,13).
Marija tgħallimna wkoll
ħaġa oħra bl-eżempju tagħha: hija tgħidilna li huwa meħtieġ li nibqgħu
f’komunjoni mal-komunità strutturata b’mod ġerarkiku. Fost il-persuni miġbura
diċ-Ċenaklu ta’ Ġerusalem San Luqa jsemmi fl-ewwel post ll-ħdax-il Appostlu, li
tagħhom jindika isem kull wieħed, għalkemm ikun diġa ġab il-lista fil-paġni
tal-Vanġelu tiegħu (cf.Lq 6,14ss.). Hemm f’dan kollu “intenzjoni”
evidenti. Jekk qabel l-Għid tal-qawmien mill-imwiet l-Appostli kienu jiffurmaw
is-segwitu speċjali ta’ Ġesù, issa huma jidhru bħala bnedmin li lihom l-Irxoxt
afda il-poteri ewlenin u missjoni: huma mela huma, ir-responsabbli tal-opra
tal-fidwa li l-Knisja trid twettaq fid-dinja.
Marija hija magħhom: Taħt
certu aspett hi, anzi għalihom suġġetta. Il-Komunità nisranija tibni ruħha “fuq
is-sisien tal-Appostli”. Din hija r-rieda ta’ Kristu. Marija, l-Omm, din
aċċettatha bil-ferħ. Ukoll taħt dan l-aspett hija saret għalina mudell eżemplari.
Issa nkomplu ċ-ċelebrazzjoni
tal-Quddiesa. Terġà tingħex b’mod mistiku, f’din l-assemblea liturġika tagħna,
l-esperjenza taċ-ċenaklu. Marija hija magħna. Aħna nsejħulha, lilha nafdaw ruħna.
Hija tgħinna bl-għajnuna tagħha bl-intenzjoni, li hawn inġeddu, li rridu
nimitawha b'mod ġeneruż.
Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Emanuel Zarb
|