Ara wkoll ...
Nota tal-Penitenzerija
Appostolika dwar is-Sagrament
tar-Rikonċiljazzjoni fil-qagħda
attwali ta’ pandemija, 20 ta’
Marzu 2020 ... |
Digriet tal-Penitenzerija
Appostolika dwar l-għoti ta’
Indulġenzi speċjali lill-fidili
fil-qagħda attwali ta’ pandemija,
20 ta' Marzu 2020
PENITENZERIJA APPOSTOLIKA
DIGRIET
Qed jingħata d-don ta’
Indulġenzi speċjali lill-fidili
milquta mill-imxija
tal-Covid-19, komunement
magħrufa bħala Coronavirus, kif
ukoll lill-ħaddiema tas-saħħa,
lill-familjari u lil dawk kollha
li f’kull kapaċità, anki bit-talb,
jieħdu ħsieb tagħhom.
“Ifirħu bit-tama, stabru fl-hemm,
itolbu bla waqfien” (Rum 12:12).
Il-kliem li kiteb San Pawl
lill-Knisja ta’ Ruma jidwi tul
l-istorja kollha tal-Knisja u
jorjenta l-ġudizzju tal-fidili
quddiem kull tbatija, mard u
traġedja.
Fil-mument ta’ bħalissa l-umanità
kollha, mhedda minn marda
inviżibbli u perikoluża, li issa
ilha sew li daħlet b’mod qawwi
tagħmel parti mill-ħajja ta’
kulħadd, hi milquta jum wara l-ieħor
minn biża’, inċertezzi ġodda u
fuq kollox tbatija fiżika u
morali mifruxa ma’ kullimkien.
Il-Knisja, fuq l-eżempju
tal-Imgħallem Divin tagħha,
dejjem kellha għal qalbha l-għajnuna
lill-morda. Kif uriena San
Ġwanni Pawlu II, il-valur tat-tbatija
umana hu doppju: “Hi
sopranaturali għaliex
għandha l-għeruq tagħha
fil-misteru tas-salvazzjoni tad-dinja,
imma hi wkoll naturali
għall-bniedem, għaliex fit-tbatija
l-bniedem isib lilu nnifsu, in-natura
tiegħu ta’ bniedem li hu, id-dinjità
tiegħu, il-missjoni tiegħu” (Ittra
appostolika Salvifici doloris, 31).
Anki l-Papa Franġisku, f’dawn l-aħħar
jiem, wera l-qrubija tiegħu ta’
missier u ġedded l-istedina biex
nitolbu bla waqfien għal dawk li
mardu bil-Coronavirus.
Biex dawk kollha li qed ibatu
minħabba l-Covid-19, proprju
fil-misteru ta’ din it-tbatija
jistgħu jiskopru “t-tbatijiet ta’
Kristu li salvawna” (ibid.,
30), din il-Penitenzerija
Appostolika, ex auctoritate
Summi Pontificis, b’fiduċja
fil-kelma ta’ Kristu l-Mulej u
hija u tqis bi spirtu ta’ fidi
l-epidemija li għaddejja
bħalissa, li tippreżentalna
sejħa għall-konverżjoni
personali, qed tagħti d-don
tal-Indulġenzi skont id-dispożizzjonijiet
li ġejjin.
Tingħata l-Indulġenza
plenarja lill-fidili milquta
mill-Coronavirus, imqiegħda
b’ordni tal-awtorità tas-saħħa
taħt l-obbligu tal-kwarantina
fl-isptarijiet u fid-djar
tagħhom jekk, b’ruħ imbiegħda
minn kull dnub, jingħaqdu
spiritwalment permezz tal-mezzi
ta’ komunikazzjoni
għaċ-ċelebrazzjoni tal-Quddiesa,
għat-talba tar-Rużarju Mqaddes,
għall-prattika qaddisa tal-Via
Crucis jew għal għamliet
oħra ta’ devozzjoni, jew jekk
tal-inqas jgħidu l-Kredu,
il-Missierna u xi invokazzjoni
devota lill-Imqaddsa Verġni
Mqarija, u joffru dan it-tiġrib
fi spirtu ta’ fidi f’Alla u ta’
mħabba lejn ħuthom, bir-rieda li
jwettqu l-kundizzjonijiet
tas-soltu (il-qrara sagramentali,
it-tqarbin Ewkaristiku u talba
skont il-fehma tal-Papa), malli
jkun possibbli għalihom.
Il-ħaddiema tas-saħħa,
il-familjari u dawk li, fuq l-eżempju
tas-Samaritan it-Tajjeb,
b’riskju personali li jittieħdu
huma, jgħinu lill-morda
bil-Coronavirus skont il-kliem
tal-Feddej divin: “Ħadd ma
għandu mħabba akbar minn din: li
wieħed jagħti ħajtu għal ħbiebu”
(Ġw 15:14), jiksbu l-istess don
tal-Indulġenza plenarja
bl-istess kundizzjonijiet.
Barra minn hekk, din
il-Penitenzerija Appostolika
tagħti bil-qalb kollha,
bl-istess kundizzjonijiet, l-Indulġenza
plenarja fl-okkażjoni ta’
din l-epidemija dinjija, anki
lil dawk il-fidili li joffru l-Viżta
lis-Santissmu Sagrament, jew l-adorazzjoni
Ewkaristika, jew il-qari
tal-Iskrittura Mqaddsa għal
tal-inqas nofsiegħa, jew it-talba
tar-Rużarju Mqaddes, jew
il-prattika qaddisa tal-Via
Crucis, jew it-talba
tal-Kurunella tal-Ħniena Divina,
biex jitolbu mingħand Alla li
jista’ kollox il-waqfien
tal-epidemija, is-serħan għal
dawk li huma milquta minnha u s-salvazzjoni
eterna ta’ dawk li l-Mulej
sejjaħ għal għandu.
Il-Knisja titlob għal dawk li ma
għandhomx il-possibbiltà li
jirċievu s-sagrament tad-Dilka
tal-Morda u l-Vjatku, u tafdahom
ilkoll f’idejn il-Ħniena Divina
bil-qawwa tax-xirka tal-qaddisin,
u tagħti lill-fidil l-Indulġenza
plenarja fil-punt tal-mewt
tiegħu, jekk ikun dispost
biżżejjed u matul ħajtu jkun qal
ta’ spiss xi talba (f’dan il-każ
il-Knisja tagħmel tajjeb
għat-tliet kundizzjonijiet li s-soltu
jiġu mitluba). Għall-kisba ta’
din l-indulġenza hu rrakkomandat
l-użu tal-kurċifiss jew
tas-salib (ara Enchiridion
indulgentiarum, n. 12).
L-Imqaddsa dejjem Verġni Marija,
Omm Alla u l-Knisja, Saħħa
tal-morda u Għajnuna tal-Insara,
Avukata tagħna, taqbeż hi
għall-umanità li qed tbati,
tbiegħed minna kull deni ta’ din
il-pandemija u tiksbilna kull
ġid meħtieġ għas-salvazzjoni u
t-tqaddis tagħna.
Dan id-Digriet huwa validu
minkejja kull dispożizzjoni
kuntrarja.
Mogħti Ruma, mis-sede
tal-Penitenzerija Appostolika,
fid-19 ta’ Marzu 2020.
Il-Kardinal Mauro Piacenza
Penitenzier Maġġur
Krzysztof Nykiel
Reġġent
|