Ara wkoll ...
Digriet tal-Penitenzerija
Appostolika dwar l-għoti ta’
Indulġenzi speċjali lill-fidili
fil-qagħda attwali ta’
pandemija, 20 ta' Marzu 2020 ...
|

Nota tal-Penitenzerija
Appostolika dwar is-Sagrament
tar-Rikonċiljazzjoni fil-qagħda
attwali ta’ pandemija,
20
ta’ Marzu
2020
“Jiena magħkom dejjem”
(Mt 28:20)
Il-gravità taċ-ċirkustanzi
attwali timponi riflessjoni fuq
l-urġenza u ċ-ċentralità
tas-Sagrament
tar-Rikonċiljazzjoni, flimkien
ma’ xi preċiżazzjonijiet
meħtieġa, kemm għall-fidili
lajċi, kemm għall-ministri
msejħin jiċċelebraw
is-sagrament.
Anki fi żmien il-Covid-19,
is-Sagrament
tar-Rikonċiljazzjoni jiġi
amministrat skont in-norma
tad-Drittu Kanoniku universali u
skont kif dispost fl-Ordo
Pænitentiæ.
Il-qrara individwali hija l-mod
ordinarju għaċ-ċelebrazzjoni ta’
dan is-sagrament (ara kan.
960 CIC),
waqt li l-assoluzzjoni
kollettiva, mingħajr il-qrara
individwali dritt qabel, ma
tistax tingħata jekk mhux hemm
fejn mitlub minħabba l-periklu
imminenti ta’ mewt, u allura ma
jifdalx biżżejjed ħin biex
tinstema’ l-qrara ta’ kull
wieħed u waħda mill-penitenti
(ara kan.
961, § 1 CIC),
jew minħabba ħtieġa serja (ara
kan.
961, § 1, 2° CIC),
li l-kunsiderazzjoni tagħha
tmiss lill-Isqof djoċesan, li
jkun qies ukoll il-kriterji
maqbula mal-membri l-oħra
tal-Konferenza Episkopali (ara
kan.
455, § 2 CIC) u mingħajr
preġudizzju għall-ħtieġa, biex
l-assoluzzjoni tkun valida, tal-votum
sacramenti min-naħa ta’ kull
penitent, jiġifieri
l-proponiment li jqerr mal-ewwel
ċans kull dnub gravi, li f’dak
il-ħin ma kienx possibbli għalih
iqerr (ara kan.
962, § 1 CIC).
Din il-Penitenzerija Appostolika
żżomm li, fuq kollox
fil-postijiet milquta l-aktar
mit-tixrid tal-pandemija u
sakemm il-fenomenu ma jbattix,
jidħlu fis-seħħ il-każijiet ta’
ħtieġa serja msemmija hawn fuq
fil-kan.
961, § 2 CIC.
Kull speċifikazzjoni oħra
d-Drittu jiddelegaha
lill-Isqfijiet djoċesani, waqt
li wieħed għandu jżomm dejjem
quddiem għajnejh l-ogħla ġid
tas-salvazzjoni tal-erwieħ (ara
kan.
1752 CIC).
F’każ li tinqala’ l-ħtieġa ta’
malajr li tingħata
l-assoluzzjoni sagramentali lil
iktar minn fidil wieħed
flimkien, is-saċerdot għandu
javża minn qabel, sakemm hu
possibbli, lill-Isqof djoċesan
u, jekk ma setax jagħmel dan,
jgħarrfu mill-aktar fis
possibbli (ara
Ordo Pænitentiæ,
n. 32).
Fl-emerġenza pandemika ta’
bħalissa, huwa l-Isqof djoċesan
li għandu jindika lis-saċerdoti
u lill-penitenti l-attenzjoni
prudenti li għandhom jaddottaw
fiċ-ċelebrazzjoni individwali
tar-rikonċiljazzjoni
sagramentali, bħalma huma
ċ-ċelebrazzjoni f’post miftuħ
ventilat barra
mill-konfessjonarju, l-adozzjoni
tad-distanza konvenjenti, l-użu
ta’ maskri protettivi, mingħajr
preġudizzju għall-attenzjoni
assoluta għall-ħarsien
tas-siġill sagramentali u
għad-diskrezzjoni meħtieġa.
Barra minn hekk, huwa dejjem
l-Isqof djoċesan li
jiddetermina, fit-territorju
taċ-ċirkoskrizzjoni
ekkleżjastika tiegħu u b’mod
relattiv għal-livell tat-tixrid
tal-pandemija, liema huma l-każi
ta’ ħtieġa serja fejn huwa
leċitu tingħata l-assoluzzjoni
kollettiva: ngħidu aħna,
fid-daħla tas-swali
tal-isptarijiet, fejn jinsabu
rikoverati l-fidili infettati
f’periklu tal-mewt, bit-tħaddim,
fil-limiti ta’ dak li hu
possibbli u bil-prekwazjonijiet
xierqa, tal-mezzi ta’
amplifikazzjoni tal-vuċi, biex
l-assoluzzjoni tinstema’.
Ta’ min jiżen il-ħtieġa u
l-opportunità li, hemm fejn
meħtieġ u bi qbil
mal-awtoritajiet tas-saħħa,
jinħolqu gruppi ta’ “kappillani
straordinarji tal-isptar”, anki
fuq bażi volontarja u
fir-rispett tan-normi kontra
t-tixrid tal-mard, biex jiżguraw
l-għajnuna spiritwali meħtieġa
lill-morda u lill-moribondi.
Hemm fejn il-fidili partikulari
b’għafsa ta’ qalb isibu ruħhom
f’qagħda fejn ma jkunux jistgħu
jirċievu l-assoluzzjoni
sagramentali, ta’ min ifakkar li
l-indiema perfetta, li tiġi
mill-imħabba lejn Alla maħbub
fuq kull ħaġa oħra, imlissna
permezz ta’ talba sinċiera
għall-maħfra (dik li f’dak
il-mument il-penitent ikollu
l-ħila jesprimi) u msieħba mill-votum
confessionis,
jiġifieri l-proponiment sħiħ li,
malli jkun possibbli, wieħed
jirrikorri għall-qrara
sagramentali, tikseb il-maħfra
tad-dnubiet, anki dawk mejta
(ara KKK,
n. 1452).
Qatt daqs f’dan iż-żmien
il-Knisja mhi dduq il-qawwa
tax-xirka tal-qaddisin, hija u
tressaq quddiem il-Mulej Mislub
u Rxoxt wegħdiet u talbiet,
b’mod partikulari s-Sagrifiċċju
tal-Quddiesa, iċċelebrat ta’
kuljum mis-saċerdoti, imqar jekk
mingħajr poplu.
Bħal omm twajba, il-Knisja
titlob lill-Mulej biex l-umanità
tinħeles minn dan il-flaġell, u
tfittex l-interċessjoni
tal-Imqaddsa Verġni Marija, Omm
il-Ħniena u Saħħa tal-morda, u
ta’ żewġha San Ġużepp, li taħt
il-patroċinju tiegħu l-Knisja sa
minn dejjem imxiet f’din
id-dinja.
Ħa jaqilgħulna Marija Santissma
u San Ġużepp grazzji kotrana ta’
rikonċiljazzjoni u ta’
salvazzjoni, fi smigħ attent
għall-Kelma ta’ Alla, li qed
itenni llum lill-bnedmin:
“Biżżejjed! Kunu afu li jien
Alla” (Salm 46:11), “Jiena
magħkom dejjem”
(Mt 28:20).
Mogħtija Ruma, mis-sede
tal-Penitenzerija Appostolika,
nhar id-19 ta’ Marzu 2020,
Solennità
ta’ San Ġużepp,
Għarus tal-Verġni Mqaddsa
Marija, Patrun tal-Knisja
Universali.
Il-Kardinal
Mauro Piacenza
Penitenzerija Appostolika
Krzysztof Nykiel
Reġġent
|