Laikos

 

    -    Aktar dwar l-Appostli minn Benedittu XVI

BENEDITTU XVI

UDJENZA ĠENERALI

Pjazza San Pietru

L-Erbgħa 21 ta’ Ġunju 2006

 

Ġakbu, il-Kbir

 

Għeżież ħuti,

 

Inkomplu bis-serje ta’ ritratti tal-Appostli magħżula direttament minn Ġesù tul il-mixja tiegħu fuq din l-art. Tkellimna fuq San Pietru, u fuq ħuh Indrì. Illum se niltaqgħu mal-figura ta’ Ġakbu. Il-listi tat-Tnax li nsibu fil-Bibbja jsemmu żewġ persuni b’dan l-isem: Ġakbu bin Żebedew u Ġakbu bin Alfew (ara Mk 3:17,18; Mt 10:2-3), li normalment nagħżluhom minn xulxin bl-aġġettivi ta’ Ġakbu l-Kbir u Ġakbu ż-Żgħir. Dawn it-titli żgur mhumiex biex ikejlu l-qdusija tagħhom, imma biss biex jirrikonoxxu l-importanza differenti li huma jingħataw fil-kitbiet tat-Testment il-Ġdid u, b’mod partikulari, fil-kwadru tal-ħajja ta’ Ġesù fuq din l-art. Illum ħa nixħtu l-attenzjoni tagħna fuq l-ewwel wieħed minn dawn iż-żewġ persunaġġi bl-istess isem.

 

L-isem Ġakbu hu t-traduzzjoni ta’ Iákobos, forma fil-Grieg tal-isem tal-Patrijarka ċelebri Ġakobb. L-Appostlu b’dan l-isem hu ħu Ġwanni, u fil-listi msemmija għandu t-tieni post dritt wara Pietru, kif insibu f’Mark (3:17), jew it-tielet post wara Pietru u Indrì fil-Vanġeli ta’ Mattew (10:2) u ta’ Luqa (6:14), waqt li fl-Atti jiġi wara Pietru u Ġwanni (1:13). Dan Ġakbu, flimkien ma’ Pietru u Ġwanni, jagħmel parti mill-grupp tat-tliet dixxipli pprivileġġjati li Ġesù ħadhom miegħu f’mumenti importanti tal-ħajja tiegħu.

 

Billi qed tagħmel ħafna sħana, se nqassar u hawn se nsemmi biss tnejn minn dawn l-okkażjonijiet. Flimkien ma’ Pietru u Ġwanni, hu kellu x-xorti jieħu sehem fil-mumenti tal-agunija ta’ Ġesù fil-ġnien tal-Ġetsemani u fil-ġrajja tat-Trasfigurazzjoni ta’ Ġesù. Mela hawn għandna sitwazzjonijiet differenti ħafna minn xulxin: f’waħda, Ġakbu maż-żewġ Appostli l-oħra jduq il-glorja tal-Mulej, jarah jitkellem ma’ Mosè u Elija, jara jiddi minn Ġesù l-ġmiel divin; fl-oħra, isib ruħu quddiem it-tbatija u l-umiljazzjoni, jara b’għajnejh stess kif l-Iben ta’ Alla jiċċekken billi jsir ubbidjenti sal-mewt. Żgur li t-tieni esperjenza kienet għalih l-okkażjoni biex jimmatura fil-fidi tiegħu, biex jikkoreġi l-interpretazzjoni parzjali u trijonfalista tal-ewwel: hu kellu jifhem li l-Messija, mistenni mill-poplu Lhudi bħala trijonfatur, fir-realtà ma kienx imdawwar biss b’ġieħ u glorja, imma wkoll bi tbatijiet u b’dgħufijiet. Il-glorja ta’ Kristu sseħħ proprju fis-Salib, fil-parteċipazzjoni fit-tbatijiet tagħna.

 

Din il-maturazzjoni fil-fidi twasslet għall-milja tagħha mill-Ispirtu s-Santu nhar Għid il-Ħamsin, hekk li Ġakbu, meta wasal il-mument tax-xhieda l-aktar għolja, ma ħarisx lura. Fil-bidu tas-snin 40 tal-ewwel seklu s-Sultan Erodi Agrippa, neputi ta’ Erodi l-Kbir, kif jgħarrafna Luqa, “medd idu fuq xi wħud mill-Knisja biex jaħqarhom. Huwa qabad lil Ġakbu, ħu Ġwanni, u qatagħlu rasu” (Atti 12:1-2). Il-qosor tal-aħbar, xotta minn kull dettall narrattiv, jixkef, minn naħa, kemm kienet ħaġa normali għall-Insara li jagħtu xhieda tal-Mulej b’ħajjithom stess u, mill-oħra, kemm Ġakbu kellu pożizzjoni li tispikka fil-Knisja ta’ Ġerusalemm, anki minħabba r-rwol tiegħu matul il-ħajja ta’ Ġesù fuq din l-art. Tradizzjoni li ġiet wara, u li tal-inqas tmur lura għal Sidor ta’ Seville, tirrakkonta li hu għamel xi żmien fi Spanja biex jevanġelizza dak ir-reġjun importanti tal-Imperu Ruman. Skont tradizzjoni oħra, kien ġismu li mbagħad ittieħed Spanja, fil-belt ta’ Santiago de Compostela. Kif ilkoll nafu, dak il-post sar oġġett ta’ qima kbira u għadu sal-lum iċ-ċentru ta’ għadd kbir ta’ pellegrinaġġi, mhux biss mill-Ewropa imma mid-dinja kollha. B’dan il-mod infissruha r-rappreżentazzjoni ikonografika ta’ San Ġakbu bil-bastun ta’ pellegrin u l-iskroll tal-Vanġelu f’idu, karatteristiċi tal-Appostlu li jiġri minn post għall-ieħor u hu mogħti għax-xandir tal-“Bxara t-tajba”, karatteristiċi tal-pellegrinaġġ tal-ħajja Nisranija.

 

Għalhekk, minn San Ġakbu nistgħu nitgħallmu ħafna ħwejjeġ: il-prontezza biex nilqgħu s-sejħa tal-Mulej imqar meta jitlobna nħallu d-“dgħajsa” taċ-ċertezzi umani tagħna, il-ħeġġa biex nimxu warajh fit-toroq li jurina lil hemm minn kull preżunzjoni illużorja tagħna, id-disponibbiltà biex nagħtu xhieda tiegħu bil-kuraġġ, u jekk hemm bżonn, sal-ogħla sagrifiċċju ta’ ħajjitna. Hekk Ġakbu l-Kbir jidher quddiemna bħala eżempju elokwenti ta’ għotja ġeneruża għal Kristu. Hu, li għall-bidu kien talab, permezz ta’ ommu, li hu u ħuh joqogħdu bilqiegħda maġenb l-Imgħallem fis-Saltna tiegħu, kien proprju l-ewwel wieħed li xorob mill-kalċi tal-passjoni, u hekk qasam mal-Appostli l-martirju.

 

U fl-aħħar, biex niġbru kollox, nistgħu ngħidu li l-mixja mhux biss esterjuri imma fuq kollox interjuri, mill-muntanja tat-Trasfigurazzjoni għall-muntanja tal-agunija, tissimbolizza l-pellegrinaġġ sħiħ tal-ħajja Nisranija, bejn il-persekuzzjonijiet tad-dinja u l-faraġ li jagħti Alla, kif jgħid il-Konċilju Vatikan II. Jekk bħal San Ġakbu nimxu wara Ġesù, nafu, imqar qalb id-diffikultajiet, li mexjin fit-triq it-tajba.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard