Id-Dokumenti ta' Vatikan II u Konċilji oħra ...

DIKJARAZZJONI TAL-KONĊILJU VATIKAN II

 FUQ L-EDUKAZZJONI NISRANIJA

 GRAVISSIMUM EDUCATIONIS

 

28 ta’ Ottubru 1965

 

WERREJ

Daħla

1. Il-jedd ta’ kull persuna għall-edukazzjoni - X’inhi l-edukazzjoni

2. L-edukazzjoni nisranija

3. Dawk li huma responsabbli għall-edukazzjoni

4. Metodi differenti ta’ edukazzjoni

5. L-importanza tal-iskola

6. Dmirijiet u jeddijiet tal-ġenituri

7. L-edukazzjoni morali u reliġjuża fl-iskejjel kollha

8. L-iskejjel kattoliċi

9. Skejjel kattoliċi ta’ tip differenti

10. Il-fakultajiet u l-universitajiet kattoliċi

11. Il-fakultajiet tax-xjenzi sagri

12. Ħtieġa tal-koordinament

Konklużjoni

 

 

Daħla

Il-Konċilju Ekumeniku Mqaddes qies bir-reqqa kemm hi kbira l-importanza tal-edukazzjoni fil-ħajja tal-bniedem u x’influwenza dejjem akbar qiegħed ikollha fuq il-progress soċjali ta’ żmienna.[1] Tassew li, fiċ-ċirkostanzi ta’ żmienna, l-edukazzjoni taż-żgħażagħ u wkoll ċerta formazzjoni tal-kbar li trid titkompla tul ħajjithom kollha, saru eħfef u fl-istess waqt aktar urġenti. Għaliex il-bnedmin saru għandhom kuxjenza tad-dinjità u tad-dmirijiet tagħhom u jridu jieħdu sehem akbar u aktar attiv fil-ħajja soċjali u, l-iżjed, fil-ħajja ekonomika u politika.[2] Il-progressi tal-għaġeb li saru fit-teknika u fir-riċerka xjentifika u l-mezzi ġodda tal-komunikazzjoni soċjali qegħdin jagħtu l-opportunità lill-bnedmin, li xi drabi qegħdin igawdu minn ħin liberu itwal, li jieħdu sehem mill-wirt kulturali u spiritwali tal-imgħoddi u illi jikkompletaw lilhom infushom u lil xulxin permezz ta’ relazzjonijiet dejjem iżjed mill-qrib tal-organizzazzjonijiet u tal-popli nfushom ma’ xulxin.

Għalhekk qegħdin jittieħdu inizjattivi kullimkien biex iġibu 'l quddiem dejjem iżjed ix-xogħol tal-edukazzjoni; il-jeddijiet ewlenin tal-bnedmin għall-edukazzjoni u b’mod partikolari tal-ulied u tal-ġenituri qegħdin ikunu dikjarati u mdaħħla f’dokumenti pubbliċi.[3] Billi l-għadd ta’ dawk li jmorru l-iskola qiegħed jikber dejjem aktar bil-ħeffa, l-iskejjel qegħdin jiżdiedu u jitjiebu kullimkien u qegħdin jitwaqqfu istituti oħra ta’ edukazzjoni. Permezz ta’ esperjenzi ġodda qegħdin jipperfezzjonaw ruħhom il-metodi tal-edukazzjoni u tat-tagħlim. Qegħdin isiru sforzi tassew kbar biex il-bnedmin kollha jkollhom il-mezzi ta’ tagħlim u edukazzjoni, għalkemm jibqa’ minnu li ħafna tfal u żgħażagħ anqas jirċievu edukazzjoni primarja u ħafna oħrajn huma nieqsa minn edukazzjoni sħiħa li trawwem fl-istess ħin il-verità u l-imħabba.   

Min-naħa tagħha l-Knisja Mqaddsa Omm, biex taqdi l-kmand li rċeviet mill-Fundatur tagħha, jiġifieri li xxandar il-misteru tas-salvazzjoni lill-bnedmin kollha u ġġedded kollox fi Kristu, għandha d-dmir li tinteressa ruħha mill-ħajja kollha u sħiħa tal-bniedem għaliex il-ħajja kollha, dik fuq din l-art ukoll, hi marbuta mas-sejħa għas-sema.[4] Għalhekk hija għandha l-parti tagħha fil-progress u fit-tixrid tal-edukazzjoni. Għaldaqstant dan il-Konċilju Mqaddes irid jiddikjara xi prinċipji fundamentali dwar l-edukazzjoni nisranija, l-aktar dik li tingħata fl-iskejjel, prinċipji li, wara l-Konċilju, kummissjoni speċjali għandha tiżviluppa iżjed, u li l-konferenzi episkopali għandhom imbagħad japplikaw għas-sitwazzjonijiet lokali differenti.

Il-jedd ta’ kull persuna għall-edukazzjoni - X’inhi l-edukazzjoni

1. Għaliex huma mżejnin bid-dinjità ta’ persuna, il-bnedmin kollha, ta’ kull razza, kundizzjoni u età, għandhom il-jedd inaljenabbli għal edukazzjoni[5] li tkun twieġeb għall-iskop aħħari tagħhom[6], għax-xeħtiet tagħhom u għad-differenza fis-sess, li tkun addattata għall-kultura u għat-tradizzjonijiet ta’ pajjiżhom, u li tkun fl-istess ħin miftuħa għall-għajxien flimkien ma’ popli oħra biex tinġieb 'il quddiem l-għaqda vera u l-paċi fid-dinja. Għax l-edukazzjoni vera tfittex li tifforma l-persuni umani biex dawn jilħqu l-ogħla għan tagħhom, kif ukoll għall-ġid tas-soċjetajiet li għalihom jappartjenu l-bnedmin li, darba adulti, ikunu obbligati jagħtu s-sehem tagħhom fl-istess soċjetajiet.

Għalhekk it-tfal u l-adolexxenti għandhom ikunu megħjuna biex, skont il-progress li sar fix-xjenzi tal-psikoloġija, tal-pedagoġija u tal-metodi tat-tagħlim, jiżviluppaw b’mod armonjuż id-doni fiżiċi, morali u intellettwali tagħhom. Hekk, bil-mod il-mod huma jrabbu sens ta’ responsabbiltà biex jistinkaw bla heda ħalli jibnu ħajjithom kif għandu jkun u jfittxu li jiksbu l-vera libertà filwaqt li jegħlbu l-problemi tal-ħajja b’kuraġġ u kostanza. Waqt li qed jikbru huma għandhom jingħataw bil-prudenza kollha edukazzjoni sesswali pożittiva. Barra hekk għandhom jitħarrġu biex jieħdu sehem fil-ħajja soċjali b’mod illi jkollhom il-mezzi meħtieġa u xierqa biex jieħdu posthom attivament fl-isferi differenti tal-komunità umana, ikunu miftuħa għad-djalogu mal-oħrajn u jagħtu bil-qalb il-kontribut tagħhom biex iġibu 'l quddiem il-ġid komuni.

Hekk ukoll il-Konċilju Mqaddes jiddikjara li t-tfal u l-adolexxenti għandhom il-jedd li jkunu megħjuna biex jagħrfu b’kuxjenza retta l-valuri morali, iħaddmuhom b’għażla tagħhom personali, u jagħrfu u jħobbu 'l Alla b’perfezzjoni akbar. Għalhekk il-Konċilju jitlob bil-ħerqa lil dawk kollha li għandhom f’idejhom il-gvern tal-popli jew li huma responsabbli għall-edukazzjoni illi jieħdu ħsieb illi ż-żgħażagħ ma jkunu mċaħħda qatt minn dan il-jedd imqaddes. Il-Konċilju jħeġġeġ lill-ulied kollha tal-Knisja biex jaħdmu b’ġenerożità fil-qasam edukattiv kollu, l-aktar bl-iskop illi mill-aktar fis il-ġid kbir tal-edukazzjoni u tat-tagħlim jilħaq lill-bnedmin kollha f’kull rokna tad-dinja.[7]

L-edukazzjoni nisranija

2. L-insara kollha li permezz tat-twelid mill-ġdid bl-ilma u bl-Ispirtu s-Santu saru ħlejqa ġdida[8] u jissejħu, u fil-fatt saru, ulied Alla, għandhom il-jedd li jirċievu edukazzjoni nisranija. Din l-edukazzjoni mhux biss tfittex li tagħti lill-persuna umana dik il-maturità li għadna kif semmejna, iżda tfittex l-aktar li l-imgħammdin jitwasslu bil-mod il-mod biex jagħrfu l-misteru tas-salvazzjoni u jiksbu dejjem iżjed kuxjenza tad-don tal-fidi li huma rċevew. L-edukazzjoni nisranija tfittex li l-insara jitgħallmu jaduraw 'l Alla Missier fl-ispirtu u l-verità (cf. Ġw 4,23), l-aktar fl-azzjoni liturġika, u jitħejjew biex ifasslu ħajjithom skont il-bniedem il-ġdid fil-ġustizzja u l-qdusija ġejja mill-verità (cf. Ef 4,22-24); b’hekk huma jsiru raġel magħmul, fl-aħjar ta’ żmienu, fihom isseħħ il-milja ta’ Kristu (cf. Ef 4,13) u jagħtu sehemhom biex jikber il-Ġisem Mistiku. Barra minn dan, b’din l-edukazzjoni nisranija, meta l-insara jagħrfu iżjed is-sejħa tagħhom, huma jitħarrġu biex ikunu xhieda tat-tama li hemm fihom (cf. 1 Pt 3,15) u wkoll jgħinu fit-trasformazzjoni nisranija tad-dinja li biha l-valuri naturali, meħudin fil-perspettiva sħiħa tal-bniedem mifdi minn Kristu, jiswew għall-ġid tas-soċjetà kollha.[9] Għalhekk dan il-Konċilju Mqaddes ifakkar lir-rgħajja tal-erwieħ id-dmir l-aktar gravi li għandhom li jagħmlu minn kollox biex l-insara kollha, l-aktar iż-żgħażagħ, li huma t-tama tal-Knisja[10], jirċievu din l-edukazzjoni nisranija.

Dawk li huma responsabbli għall-edukazzjoni

3. Il-ġenituri li taw il-ħajja lil uliedhom għandhom id-dmir l-iżjed gravi li jedukawhom u għalhekk għandhom jitqiesu bħala l-ewwel u l-aqwa edukaturi tagħhom.[11]  Dan id-dmir ta’ edukazzjoni tal-ġenituri huwa hekk importanti illi fejn jonqos mhux lakemm jimtela l-vojt li jħalli. Għaliex il-ġenituri għandhom joħolqu fil-familja atmosfera mimlija bl-imħabba u t-tjieba lejn Alla u lejn il-bnedmin, li twassal għall-edukazzjoni sħiħa ta’ wliedhom kemm fis-sens personali kemm fis-sens soċjali. Għalhekk il-familja hija l-ewwel skola tal-virtujiet soċjali li s-soċjetajiet kollha jeħtieġu. Iżda huwa l-iżjed fil-familja nisranija, li hi mogħnija bil-grazzja u bil-missjoni taż-żwieġ sagrament, illi l-ulied għandhom ikunu mgħallma, sa minn ċkunithom, li jagħrfu u jqimu 'l Alla u jħobbu lill-proxxmu tagħhom skont il-fidi li rċevew fil-magħmudija; fil-familja nisranija huma jsibu l-ewwel esperjenza ta’ soċjetà b’saħħitha u tal-Knisja; permezz tagħha, fl-aħħar nett, huma jiddaħħlu ftit ftit fil-ħajja ta' flimkien tal-bnedmin u f'dik tal-poplu ta' Alla. Jeħtieġ għalhekk li l-ġenituri jħossu għalkollox kemm tiswa l-familja nisranija għall-ħajja u l-progress tal-poplu t’Alla nnifsu.[12]

Il-familja, li lilha jmiss qabelxejn id-dmir tal-edukazzjoni, teħtieġ l-għajnuna tas-soċjetà kollha. Għalhekk, barra mill-jeddijiet tal-ġenituri u ta’ dawk li lilhom huma jafdaw xi sehem mid-dmirijiet tagħhom, hemm ukoll xi drittijiet u dmirijiet li jmissu lis-soċjetà ċivili għaliex imiss lilha li taħseb f’dak kollu li jeħtieġ għall-ġid temporali. Fost id-dmirijiet tagħha hemm dak li ġġib 'il quddiem b’ħafna modi l-edukazzjoni taż-żgħażagħ, jiġifieri li tħares id-drittijiet u d-dmirijiet tal-ġenituri u ta’ dawk kollha li għandhom xi sehem fl-edukazzjoni, u tagħtihom l-għajnuna; fuq il-bażi tal-prinċipju tas-sussidjarjetà, fejn tonqos l-inizjattiva tal-ġenituri jew ta’ soċjetajiet oħra, tissupplimenta, fir-rispett tax-xewqat tal-ġenituri, il-ħidma edukattiva; safejn il-ġid komuni hekk jitlob, twaqqaf skejjel u istituti ta’ edukazzjoni tagħha.[13]

Fl-aħħar nett id-dmir tal-edukazzjoni jmiss, għal raġuni speċjali, lill-Knisja, mhux biss għaliex hija għandha tkun magħrufa bħala soċjetà umana kapaċi li teduka, iżda fuq kollox għaliex hija għandha d-dmir li xxandar it-triq tas-salvazzjoni lill-bnedmin kollha u lil dawk li jemmnu tikkomunikalhom il-ħajja ta’ Kristu u tgħinhom, b’ħerqa li ma tiqafx, biex jaslu għall-milja tal-ħajja tiegħu.[14] Għalhekk il-Knisja, bħala Omm, lil dawn uliedha għandha d-dmir li tagħtihom dik l-edukazzjoni li biha ħajjithom kollha timtela bl-ispirtu ta’ Kristu. Fl-istess ħin hija toffri l-kontribut tagħha biex il-popli kollha jilħqu l-perfezzjoni integrali tal-persuna umana, jiksbu l-ġid tas-soċjetà temporali u jibnu dinja aktar umana.[15]

Metodi differenti ta’ edukazzjoni

4. Fil-qadi tad-dmir tagħha li teduka, ħerqana li tuża l-mezzi kollha li jwasslu għal dan l-iskop, il-Knisja tfittex fuq kollox li tuża l-għodda li huma proprji tagħha. L-ewwel fost dawn huwa t-tagħlim tal-katekiżmu[16] li jdawwal u jsaħħaħ il-fidi, jgħajjex il-ħajja skont l-ispirtu ta’ Kristu, iwassal lill-insara għal parteċipazzjoni aktar konxja u attiva fil-misteru liturġiku[17], u jqanqalhom għall-ħidma appostolika. Il-Knisja tagħti importanza wkoll lill-mezzi l-oħra li jagħmlu sehem mill-wirt komuni tal-bnedmin u li jgħinu ħafna biex jirfinaw l-ispirtu tagħhom u jiffurmawhom; hija tfittex li lil dawn il-mezzi timliehom bl-ispirtu tagħha u televahom. Eżempji ta’ dawn il-mezzi huma l-istrumenti tal-komunikazzjoni soċjali[18], is-soċjetajiet differenti ta’ natura kulturali jew sportiva, l-għaqdiet taż-żgħażagħ u, l-aktar, l-iskejjel.

L-importanza tal-iskola

5. Fost il-mezzi kollha ta’ edukazzjoni għandha importanza speċjali l-iskola[19] li, bis-saħħa tal-missjoni tagħha, filwaqt li taħseb il-ħin kollu biex trawwem il-fakultajiet intellettwali, tiżviluppa l-kapaċità ta’ ġudizzju, tintroduċi l-patrimonju kulturali li bnew il-ġenerazzjonijiet ta’ qabel, iġġib 'il quddiem is-sens tal-valuri, tħejji għall-ħajja professjonali u tiffavorixxi, fost dawk li jkunu qegħdin jitgħallmu u li jistgħu jkunu ta’ kundizzjoni soċjali u ta’ karattru differenti, sens ta’ ħbiberija li jiddisponihom biex jifhmu lil xulxin. Barra hekk, l-iskola tikkostitwixxi bħal ċentru li, biex ikun attiv u jiżviluppa, jeħtieġ li jaħdmu flimkien il-familji, l-għalliema, is-soċjetajiet differenti li għandhom skop kulturali, ċiviku u reliġjuż, is-soċjetà ċivili u l-komunità umana kollha.

Għalhekk hija tassew sabiħa u importanti s-sejħa ta’ dawk kollha li jgħinu lill-ġenituri biex jagħmlu dmirhom ta’ edukaturi u li, f’isem il-komunità umana, jassumu d-dmir li jedukaw fl-iskejjel. Din il-vokazzjoni titlob kwalitajiet speċjali tal-moħħ u tal-qalb, tħejjija attenta ħafna u dispożizzjoni kontinwa ta’ tiġdid u ta’ addattament.

Dmirijiet u jeddijiet tal-ġenituri

6. Il-ġenituri għandhom l-ewwel dritt u dmir, li huma wkoll dritt u dmir inaljenabbli, li jedukaw lil uliedhom; jeħtieġ għalhekk li huma jkollhom libertà vera li jagħżlu l-iskola għal uliedhom. Għaldaqstant l-awtorità pubblika, li jmiss lilha li tħares u tiddefendi l-libertajiet taċ-ċittadini, għandha tirrispetta l-ġustizzja distributtiva u għalhekk tqis illi tagħti sussidji sabiex il-ġenituri jkunu jistgħu jagħżlu bil-libertà tassew, skont ma tgħidilhom il-kuxjenza tagħhom, l-iskejjel għal uliedhom.[20]      

Min-naħa l-oħra jmiss lill-istat li jara li ċ-ċittadini kollha jkollhom l-opportunità li jieħdu sehem, kif jixraq, fil-kultura u li jitħejjew sewwa biex jeżerċitaw id-dmirijiet u d-drittijet ċivili tagħhom. Għalhekk huwa l-istat innifsu li għandu jħares il-jedd tat-tfal li jkollhom edukazzjoni xierqa fl-iskejjel; huwa għandu jgħasses fuq il-kapaċità tal-għalliema u s-serjetà tal-istudji, iħares is-saħħa tat-tfal u, f’linja ġenerali, imexxi 'l quddiem ix-xogħol kollu li jsir fl-iskejjel. Dan għandu jsir waqt li l-istat għandu jżomm quddiem għajnejh il-prinċipju tas-sussidjarjetà u għalhekk jeskludi kull għamla ta’ monopolju tal-iskejjel li jmur kontra l-jeddijiet naturali tal-persuna umana, kontra l-progress innifsu tal-kultura u t-tixrid tagħha, kontra l-ghaqda paċifika bejn iċ-ċittadini, u wkoll kontra dak il-pluraliżmu li llum jeżisti f’ħafna soċjetajiet.[21]

Għalhekk il-Konċilju Mqaddes iħeġġeġ lill-insara biex jikkoperaw bil-qalb kemm biex ifittxu metodi ta’ edukazzjoni u programmi ta’ studju tajbin, kemm biex jingħata taħriġ lill-għalliema biex ikunu kapaċi jedukaw tajjeb liż-żgħażagħ. Il-Konċilju jħeġġiġhom ukoll biex, l-aktar permezz tal-għaqdiet tal-ġenituri, jgħinu pożittivament u bla jehdew fil-ħidma kollha li ssir fl-iskejjel u b’mod speċjali fl-edukazzjoni morali li kull skola għandha tagħti.[22]

L-edukazzjoni morali u reliġjuża fl-iskejjel kollha

7. Barra minn dan jeħtieġ li l-Knisja, li taf u tħoss id-dmir mill-aktar gravi tagħha li tagħti edukazzjoni morali u reliġjuża lil uliedha kollha, tieqaf bi mħabba speċjali u bl-għajnuna tagħha ma’ dawk kollha li qegħdin jedukaw irwieħhom fi skejjel mhux kattoliċi. Dan tista’ tagħmlu permezz tax-xhieda tal-ħajja ta’ dawk li jgħallmu jew jidderieġu l-iskejjel, permezz tal-ħidma appostolika ta’ dawk li jkunu qegħdin jitgħallmu[23] u, fuq kollox, permezz tal-ministeru tas-saċerdoti u tal-lajċi li jagħtuhom it-tagħlim tas-salvazzjoni addattat għall-età u ċ-ċirkostanzi tagħhom, u joffrulhom l-għajnuna spiritwali b’inizjattivi li jkunu addattati skont il-ħtieġa taż-żmien u tal-ambjent.

Imbagħad, il-Knisja tfakkar lill-ġenituri fid-dmir gravi li jmiss lilhom li jieħdu l-passi kollha meħtieġa, jew ukoll li jeżiġu li jittieħdu l-passi kollha meħtieġa, biex uliedhom ikunu jistgħu jgawdu dawn l-għajnuniet u biex il-formazzjoni nisranija tagħhom timxi 'l quddiem pass pass mal-edukazzjoni profana. Għalhekk il-Knisja tfaħħar dawk l-awtoritajiet u soċjetajiet ċivili li jżommu quddiem għajnejhom il-pluraliżmu tas-soċjetà ta’ żmienna u jiggarantixxu l-libertà reliġjuża kif għandu jkun, u jgħinu lill-familji biex uliedhom, fl-iskejjel kollha, jirċievu edukazzjoni skont il-prinċipji morali u reliġjużi li huma jħaddnu.[24]

L-iskejjel kattoliċi

8. Il-preżenza tal-Knisja fil-qasam tal-edukazzjoni tidher b’mod partikolari permezz tal-iskola kattolika li, mhux anqas minn skejjel oħrajn, għandha skopijiet kulturali u tfittex li tagħti formazzjoni umana liż-żgħażagħ. Iżda hija għandha bħala skop karatteristiku tagħha li toħloq fil-komunità tal-iskola atmosfera ta’ libertà u ta’ karità animata mill-ispirtu tal-Evanġelju, li tgħin liż-żgħażagħ biex, filwaqt li jiżviluppaw il-personalità tagħhom,  jikbru fil-ħolqien ġdid  li huma saru permezz tal-magħmudija, u finalment biex torbot il-kultura umana kollha mal-bxara tas-salvazzjoni b’mod illi l-għarfien li ż-żgħażagħ jiksbu tad-dinja, il-ħajja u l-bniedem, jiddawwal mill-fidi.[25] Huwa b’hekk biss li l-iskola kattolika, waqt li timxi, kif jixraq, mal-progress taż-żmien, teduka liż-żgħażagħ biex jaħdmu bi frott għall-ġid tal-belt ta’ din l-art u tħejjihom għas-servizz tat-tixrid tas-Saltna t’Alla u biex isiru bħal ħmira ta’ salvazzjoni tal-komunità umana permezz tal-ħajja eżemplari u appostolika tagħhom.

Għalhekk l-iskola kattolika, fiċ-ċirkostanzi ta’ żminijietna wkoll, tibqa’ żżomm l-importanza kbira tagħha għaliex hija tista’ sservi ħafna lill-poplu ta’ Alla biex jaqdi l-missjoni tiegħu u tikkontribwixxi ħafna wkoll għad-djalogu bejn il-Knisja u l-komunità tal-bnedmin għall-ġid ta’ xulxin. Għaldaqstant dan il-Konċilju Mqaddes jipproklama għal darb’oħra l-jedd tal-Knisja li twaqqaf bil-libertà u tmexxi skejjel ta’ kull grad u ta’ kull għamla, jedd li l-maġisteru tal-Knisja diġà ddikjara f’ħafna dokumenti.[26] Fl-istess ħin il-Konċilju jfakkar li l-eżerċizzju ta’ dan il-jedd jgħin ħafna biex jitħarsu l-libertà tal-kuxjenza u l-jeddijiet tal-ġenituri u jikkontribwixxi ħafna wkoll għall-progress tal-kultura.

Min-naħa tagħhom l-għalliema għandhom jiftakru li jiddependi ħafna minnhom kemm l-iskola kattolika jirnexxilha ttemm dak li tixtieq tilħaq u tikseb ir-riżultati tal-inizjattivi tagħha.[27] Għalhekk huma għandhom iqisu li jitħejjew b’ħeġġa kbira bit-tagħlim profan u reliġjuż meħtieġ u fuq dan it-tagħlim għandhom jiksbu titoli ta’ studju. Huma għandhom jitkissru wkoll fl-arti pedagoġika skont l-aħħar żviluppi li saru fi żmienna f’dan il-qasam. Magħqudin flimkien bejniethom, u ma’ dawk li huma jgħallmu, bir-rabta tal-karità, u mimlijin bi spirtu appostoliku, jeħtieġ li bil-ħajja u bit-tagħlim li jagħtu huma jkunu xhieda ta’ Kristu, l-Għalliem waħdieni. Huma għandhom qabelxejn jikkollaboraw mal-ġenituri, id f’id magħhom, u għandhom iżommu quddiem għajnejhom, fil-kors kollu tat-tagħlim u f’kull attività edukattiva, id-differenzi ta’ sess u s-sehem proprju li l-Providenza Divina stabbiliet għal kull sess fil-familja u fis-soċjetà. Huma għandhom jagħrfu jqajmu l-inizjattiva personali ta’ dawk li jgħallmu u, wara wkoll li jkunu temmew is-snin tal-iskola, ikomplu jgħinuhom bil-pariri, bil-ħbiberija tagħhom, u wkoll billi jwaqqfulhom għaqdiet speċjali li jkunu ispirati minn spirtu tassew ekkleżjali. Il-Konċilju Mqaddes jiddikjara illi s-servizz ta’ dawn l-għalliema huwa appostolat awtentiku li jaqbel u hu meħtieġ ħafna fi żminijietna wkoll u, fl-istess ħin, huwa veru servizz mogħti lis-soċjetà. Il-Konċilju jfakkar lill-ġenituri nsara fid-dmir li għandhom, illi jafdaw lil uliedhom, meta u jekk ikun possibbli, lill-iskejjel kattoliċi, li jgħinu lil dawn l-iskejjel skont kif jistgħu, u jikkollaboraw magħhom għall-ġid ta’ wliedhom.[28]

Skejjel kattoliċi ta’ tip differenti

9. Jeħtieġ li l-iskejjel kollha li b’xi mod jiddependu mill-Knisja jagħmlu li jistgħu biex isiru jixbhu lil dan l-ideal ta’ skola kattolika, ukoll jekk l-iskola kattolika tista’ titfassal u tieħu għamla skont iċ-ċirkostanzi tal-post.[29] Il-Knisja għandha ħafna għal qalbha l-iskejjel kattoliċi li jilqgħu wkoll, l-aktar fl-artijiet fejn ikunu twaqqfu knejjes ġodda, studenti li mhumiex kattoliċi.

Min-naħa l-oħra, meta l-iskejjel kattoliċi jitwaqqfu u jorganizzaw irwieħhom,  jeħtieġ li wieħed iqis il-bżonnijiet li jġib miegħu l-progress taż-żmien. Għalhekk, waqt li għandu jibqa’ l-impenn li jkunu żviluppati l-iskejjel primarji u sekondarji, li huma l-pedament tal-edukazzjoni, min-naħa l-oħra għandha wkoll tingħata importanza lil skejjel li, minħabba ċ-ċirkostanzi ta’ żmienna, huma meħtieġa b’mod partikolari, bħalma huma: skejjel professjonali[30] u tekniċi, ċentri għall-edukazzjoni ta’ adulti u l-promozzjoni tal-benesseri soċjali, jew ċentri għal individwi bi bżonnijiet speċjali; kif ukoll skejjel għat-taħriġ ta’ għalliema fit-tagħlim tar-reliġjon u f’tipi oħra ta’ edukazzjoni.

Il-Konċilju Mqaddes iħeġġeġ bil-ħerqa lir-rgħajja tal-Knisja u wkoll lill-insara kollha li jagħmlu kull sagrifiċċju sabiex jgħinu lill-iskejjel kattoliċi jaqdu l-missjoni tagħhom dejjem aħjar u jieħdu ħsieb l-ewwel nett ta’ dawk li huma fqar mill-ġid temporali, jew li huma mċaħħdin mill-għajnuna u mill-imħabba tal-familja, jew li għad m’għandhomx id-don tal-fidi.

Il-fakultajiet u l-universitajiet kattoliċi

10. Il-Knisja tieħu interess kbir ukoll fl-iskejjel ta’ grad ogħla, l-aktar fl-universitajiet u l-fakultajiet universitarji. Anzi f’dawk li jiddependu minnha, il-Knisja timmira b’mod sistematiku illi kull materja tkun studjata skont il-prinċipji xjentifiċi u l-metodi tagħha u bil-libertà li titlob ir-riċerka xjentifika. B’hekk, maż-żmien ikun jista’ jinkiseb għarfien iżjed profond ta’ dawn il-materji. B’hekk ukoll jistgħu jkunu studjati bir-reqqa kollha l-problemi u r-riċerki li jqumu maż-żmien u joħorġu iżjed ċar li l-fidi u r-raġuni jwasslu għal verità waħda, kif irnexxielhom juru d-dutturi tal-Knisja, l-aktar San Tumas d’Aquino.[31] B’dan il-mod l-universitajiet u l-fakultajiet kattoliċi jsiru bħal preżenza pubblika, stabbli u universali tal-ħsieb nisrani fl-isforz komuni biex il-kultura għolja timxi 'l quddiem u tiżviluppa. Fihom l-istudenti jsiru bnedmin tassew minn tal-ewwel fl-għerf u mħejjijin tajjeb biex jieħdu fuq spallejhom responsabbiltajiet tqal fis-soċjetà u biex ikunu xhieda tal-fidi fid-dinja.[32]

Fl-universitajiet kattoliċi li fihom ma jkunx hemm fakultà tat-teoloġija mqaddsa, għandu jkun hemm istitut jew kattedra tat-teoloġija mqaddsa fejn għandhom jingħataw lil-lajċi lezzjonijiet tat-teoloġija addattati għalihom. Billi x-xjenzi jimxu 'l quddiem permezz ta’ tiftix speċjalizzat u ta’ livell għoli, fl-universitajiet u l-fakultajiet kattoliċi l-aktar li għandhom jitmexxew 'il quddiem huma l-istituti li għandhom bħala skop ewlieni tagħhom li jġibu 'l quddiem ir-riċerka xjentifika.

Il-Konċilju Mqaddes jirrakkomanda ħafna illi l-universitajiet u l-fakultajiet kattoliċi jitwaqqfu bi kriterji tajbin f’partijiet differenti tad-dinja u li jingħataw għajnuna u appoġġ. Iżda wieħed għandu joqgħod attent li dawn l-universitajiet u fakultajiet, aktar milli fil-għadd, jikbru fl-impenn għall-għerf. Huma għandhom iqisu li jiftħu l-bibien beraħ għall-istudenti li jippromettu, l-aktar dawk li jkunu ġejjin minn nazzjonijiet ġodda, ukoll jekk dawn ma jkunux jifilħu jħallsu.

Ladarba, tassew, il-ġejjieni tas-soċjetà u tal-Knisja nnifisha huwa marbut daqshekk mill-qrib mal-progress taż-żgħażagħ li jagħmlu studji għoljin[33], ir-rgħajja tal-Knisja mhux biss għandhom jieħdu ħsieb sewwa tal-ħajja spiritwali tal-istudenti fl-universitajiet kattoliċi, iżda, imħeġġin għall-formazzjoni spiritwali ta’ wliedhom kollha, għandhom ukoll jipprovdu, bi ftehim bejniethom fejn ikun meħtieġ, illi fejn ikun hemm universitajiet mhux kattoliċi, jitwaqqfu ċentri u residenzi fejn saċerdoti, reliġjużi u lajċi, magħżulin bir-reqqa u mħarrġin tajjeb, ikunu jistgħu jagħtu għajnuna spiritwali u intellettwali permanenti liż-żgħażagħ universitarji. Imbagħad, iż-żgħażagħ ta’ kapaċità intellettwali akbar, li jkunu jidhru jinqalgħu għax-xogħol tat-tagħlim u ta’ riċerka, sew fl-universitajiet kattoliċi sew f’universitajiet oħrajn, għandhom jingħataw kura speċjali u jkunu mmexxija 'l quddiem biex jieħdu x-xogħol tat-tagħlim fl-universitajiet.

Il-fakultajiet tax-xjenzi sagri

11. Il-Knisja tistenna ħafna mill-ħidma tal-fakultajiet tax-xjenzi sagri.[34] Huwa lilhom, infatti, li hija tafda d-dmir importanti ħafna mhux biss tat-tħejjija tal-istudenti għall-ministeru saċerdotali iżda, fuq kollox, tal-preparazzjoni tagħhom għat-tagħlim fiċ-ċentri ta’ studji ekkleżjastiċi għolja jew għal xogħol xjentifiku b’riċerki personali jew biex jieħdu f’idejhom l-impenji tqal tal-appostolat intellettwali. Huwa dmir ukoll tal-istess fakultajiet li jistudjaw aktar fil-fond il-friegħi differenti tax-xjenzi mqaddsa b’mod illi maż-żmien ikun hemm għarfien dejjem iżjed ċar u sħiħ tar-Rivelazzjoni mqaddsa, il-wirt tal-għerf nisrani mgħoddi minn ġenerazzjoni għall-oħra jsir magħruf iżjed u aħjar, id-djalogu mal-aħwa nsara mifrudin u ma’ dawk li mhumiex insara jitmexxa 'l quddiem iżjed, u tingħata tweġiba għall-kwistjonijiet li qegħdin jitqanqlu mill-progress stess tad-duttrina.[35]

Għalhekk il-fakultajiet ekkleżjastiċi, wara li jkunu eżaminaw mill-ġdid l-istatuti tagħhom, għandhom iġibu 'l quddiem bl-impenn kollu tagħhom l-iżvilupp tax-xjenzi sagri u tax-xjenzi l-oħra li għandhom x’jaqsmu magħhom u jrawmu, bil-metodi u l-mezzi l-aktar moderni, l-istudenti tagħhom għal studji u riċerki aktar profondi.

Ħtieġa tal-koordinament

12. Fil-qasam tal-iskola wkoll tenħtieġ dik il-koperazzjoni li qiegħda ssir kuljum iżjed meħtieġa u urġenti fil-livell djoċesan, nazzjonali u internazzjonali. Għalhekk jeħtieġ li jsir kull sforz biex ikun hemm iżjed koordinament fost l-iskejjel kattoliċi u li bejnhom u skejjel oħrajn ikun hemm dik il-kollaborazzjoni li jitlob il-ġid tal-komunità kollha tal-bnedmin.[36]

Minn koordinament akbar u ħidma għalenija joħorġu riżultati iżjed kotrana, l-aktar fil-qasam tal-istituti akkademiċi. Għalhekk f’kull università, il-fakultajiet differenti, sa fejn jippermettu l-istudji tagħhom, għandhom jgħinu lil xulxin. L-universitajiet infushom ukoll għandhom ifittxu li jaħdmu bi ftehim sħiħ bejniethom u f’għaqda ma’ xulxin billi jorganizzaw kungressi internazzjonali, jaqsmu bejniethom il-programmi ta’ riċerka xjentifika, iżommu lil xulxin infurmati b’dak li jkunu sabu, jiskambjaw l-għalliema tagħhom għal perjodi ta’ żmien, u jiżviluppaw dawk l-inizjattivi li jistgħu jkabbru l-kollaborazzjoni ta’ bejniethom.

Konklużjoni

Il-Konċilju Mqaddes iħeġġeġ bil-qalb liż-żgħażagħ infushom sabiex, ladarba jkunu għarfu kemm hu kbir u għoli d-dmir li teduka lill-oħrajn, huma jkunu lesti li jagħtu rwieħhom b’ġenerożità għax-xogħol tat-tagħlim l-aktar f’dawk l-inħawi fejn, ħtija ta’ nuqqas ta’ għalliema, l-edukazzjoni taż-żgħażagħ tkun fil-periklu.

Il-Konċilju jrid juri l-gratitudni tiegħu lejn is-saċerdoti, ir-reliġjużi rġiel u nisa, u l-lajċi li b’dedikazzjoni evanġelika qegħdin jagħmlu x-xogħol hekk importanti tal-edukazzjoni u tat-tagħlim fi skejjel ta’ kull xorta u ta’ kull grad. Il-Konċilju jħeġġiġhom biex jibqgħu jaħdmu bil-perseveranza u bil-ġenerożità fix-xogħol li bdew; iħeġġiġhom jisfurzaw li jsiru mill-aħjar u minn tal-ewwel biex jimlew l-istudenti tagħhom bl-ispirtu ta’ Kristu u biex jipperfezzjonaw irwieħhom fl-arti pedagoġika u fl-istudji xjentifiċi. B’hekk huma mhux biss jgħinu fit-tiġdid intern tal-Knisja iżda jservu wkoll biex iħarsu u jkabbru l-preżenza tagħha ta’ ġid fid-dinja moderna u l-aktar fid-dinja intellettwali.

 

28 ta' Ottubru 1965

 

Il-votazzjoni fuq dan id-dokument kienet hekk:

Iva 2290,  Le 35  (Total 2325)

 


R
EFERENZI

[1] Fost il-ħafna dokumenti li jittrattaw dwar l-importanza tal-edukazzjoni, ara qabel kollox: BENEDITTU XV, IA Communes Litteras, 10 Apr 1919: AAS II (1919) p.172. PIJU XI, IE Divini Illius Magistri, 31 Diċ 1929: AAS 22 (1930) pp.49-86. PIJU XII, Allokuzzjoni liż-Żgħażagħ tal-Azzjoni Kattolika Taljana, 20 Apr 1946: Discorsi e Radiomessaggi VIII, pp.53-57;  Allokuzzjoni lill-Missirijiet ta’ Franza, 18 Set 1951: Discorsi e Radiomessaggi XIII, pp.241-245. ĠWANNI XXIII, Messaġġ f’għeluq it-tletin sena mill-pubblikazzjoni tal-IE Divini Illius Magistri, 30 Diċ 1959: AAS 52 (1960) pp.57-59. PAWLU VI, Allokuzzjoni lill-Membri tal-F.I.D.A.E. (Federazione Istituti Dipendenti dall’Autorità Ecclesiastica), 30 Diċ 1963: Encicliche e Discorsi di S. PAOLO VI, I, Ruma 1964, pp.601-603. Barra dawn, ara wkoll Acta et Documenta Concilio Oecumenico Vaticano II apparando, series I, Antepraeparatoria, Vol. III, pp.363-364, 370-371, 373-374.

[2] Cf. ĠWANNI XXIII, IE Mater et Magistra, 15 Mej 1961: AAS 53 (1961) pp.413, 415-417, 424; IE Pacem in terris, 11 Apr 1963: AAS 55 (1963) pp.278s.

[3] Cf. Id-Dikjarazzjoni tal-Jeddijiet tal-Bniedem mgħoddija mill-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti fl-10 Diċ 1948;  cf. ukoll id-Dikjarazzjoni tal-Jeddijiet tat-Tfal, 20 Nov 1959; il-Protokoll addizzjonali għall-Konvenzjoni dwar il-Ħarsien tal-Jeddijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali, Pariġi, 20 Mar 1952; cf. ĠWANNI XXIII, IE Pacem in terris, 11 Apr 1963: AAS 55 (1963) pp.295s.

[4] Cf. ĠWANNI XXIII, IE Mater et Magistra, 15 Mej 1961: AAS 53 (1961) p.402. VAT II, KD dwar il-Knisja, n.17: AAS 57 (1965) p.21.

[5] PIJU XII, Messaġġ bir-radju, 24 Diċ 1942: AAS 35 (1943) pp.12, 19. ĠWANNI XXIII, IE Pacem in terris, 11 Apr 1963: AAS 55 (1963) pp.259s. Cf. ukoll id-Dikjarazzjonijiet dwar il-Jeddijiet tal-Bniedem imsemmija f’n.3.

[6] Cf. PIJU XI, IE Divini Illius Magistri, 31 Diċ 1929: AAS 22 (1930) pp.50s.

[7] Cf. ĠWANNI XXIII, IE Mater et Magistra, 15 Mej 1961: AAS 53 (1961) pp.441s.

[8] Cf. PIJU XI, IE Divini Illius Magistri, l.c., p.83.

[9] Cf. VAT II, KD dwar il-Knisja, n.36: AAS 57 (1965) pp.41s.

[10] Cf. VAT II, Digr. dwar l-uffiċċju pastorali tal-isqfijiet fil-Knisja, nn.12-14.

[11] Cf. PIJU XI, IE Divini Illius Magistri, l.c., pp.59s; IE Mit Brennender Sorge, 14 Mar 1937: AAS 29 (1937) pp.164s. PIJU XII, Diskors lill-Ewwel Kungress Nazzjonali  tal-Associazione Italiana Maestri Cattolici (A.I.M.C.), 8 Set 1946: Discorsi e Radiomessaggi VIII, p.218.

[12] Cf. VAT II, KD dwar il-Knisja, nn.11 u 35: AAS 57 (1965) pp.16 u 40s.

[13] Cf. PIJU XI, IE Divini Illius Magistri, l.c., pp.63s. PIJU XII, Messaġġ bir-radju, 1 Ġun 1941: AAS 33 (1941) p.200; Diskors lill-Ewwel Kungress Nazzjonali tal-A.I.M.C., 8 Set 1946: Discorsi e Radiomessaggi VIII, p.218. Dwar il-prinċipju tas-sussidjarjetà cf. ĠWANNI XXIII, IE Pacem in terris, 11 Apr 1963: AAS 55 (1963) p.294.

[14] Cf. PIJU XI, IE Divini Illius Magistri, 1.c., pp.53s, 56s; IE Non abbiamo bisogno, 29 Ġun 1931: AAS  23 (1931) pp.311s. PIJU XII, I tas-Segreterija tal-Istat lit-XXVIII Ġimgħa Soċjali Taljana, 20 Set 1955: OR, 29 Set 1955.

[15] Il-Knisja tfaħħar dawk l-awtoritajiet ċivili lokali, nazzjonali u internazzjonali li jafu bil-ħtiġijiet l-aktar urġenti ta’ żmienna u għalhekk jagħmlu kull sforz biex il-popli kollha jkollhom sehem minn livell ogħla ta’ edukazzjoni u ta’ kultura. Cf. PAWLU VI, Diskors lill-Assemblea Ġenerali tal-Ġnus Magħquda, 4 Ott 1965: OR, 6 Ott 1965.

[16] Cf. PIJU XI, Motu proprio Orbem catholicum, 29 Ġun 1923: AAS 15 (1923) pp.327-329;  Digr. Provide sane, 12 Jan 1935: AAS 27 (1935) pp.145-152. VAT II, Digr. dwar l-uffiċċju pastorali tal-isqfijiet fil-Knisja, nn.13 u 14.

[17] Cf. VAT II, K dwar il-Liturġija Mqaddsa, n.14: AAS 56 (1964) p.104.

[18] Cf. VAT II, Digr. dwar il-mezzi ta’ komunikazzjoni soċjali, nn.13 u 14: AAS 56 (1964) pp.149s.

[19] Cf. PIJU XI, IE Divini Illius Magistri, l.c., p.76. PIJU XII, Diskors lill-Assoċjazzjoni tal-Għalliema Kattoliċi tal-Bavarja, 31 Diċ 1956: Discorsi e Radiomessaggi XVIII, p.746.

[20] Cf. Konċilju Provinċjali ta’ Cincinnati III (1861): Coll. Lac., III, col. 1240, c/d. PIJU XI, IE Divini Illius Magistri, l.c., pp.60, 63s.

[21] Cf. PIJU XI, IE Divini Illius Magistri, l.c., p.63; IE Non abbiamo bisogno, 29 Ġun 1931: AAS 23 (1931) p.305. PIJU XII, I tas-Segreterija tal-Istat lit-XXVIII Ġimgħa Soċjali Taljana, 20 Set 1955: OR, 29 Set 1955.

[22] Cf. ĠWANNI XXIII, Messaġġ fit-tletin anniversarju mill-pubblikazzjoni tal-IE Divini Illius Magistri, 30 Diċ 1959: AAS 52 (1960) p.57.

[23] Il-Knisja tagħti importanza kbira lill-ħidma appostolika li jistgħu jagħmlu f’dawn l-iskejjel l-għalliema kattoliċi u dawk konnessi magħhom.

[24] Cf. PIJU XII, Diskors lill-Assoċjazzjoni tal-Għalliema Kattoliċi tal-Bavarja, 31 Diċ 1956: Discorsi e Radiomessaggi XVIII, pp.745s.

[25] Cf. Konċilju Provinċjali ta’ Westminster I (1952): Coll. Lac., III, col. 1334, a/b.  PIJU XI, IE Divini Illius Magistri, l.c., pp.77s. PIJU XII, Diskors lill-Assoċjazzjoni tal-Għalliema Kattoliċi tal-Bavarja, 31 Diċ 1956: Discorsi e Radiomessaggi XVIII, p.746. PAWLU VI, Diskors lill-membri tal-Federazione Istituti Dipendenti dall’Autorità Ecclesiastica  (F.I.D.A.E.), 30 Diċ 1963: Encicliche e Discorsi di PAOLO VI, I, Ruma 1964, pp.602s.

[26] Ara qabel xejn id-dokumenti msemmija fin-nota n.1. Barra minn dawn id-dokumenti dan il-jedd tal-Knisja huwa pproklamat minn bosta konċilji provinċjali u fid-dikjarazzjonijiet reċenti ħafna ta’ diversi konferenzi episkopali.

[27] Cf. PIJU XI, IE Divini Illius Magistri, l.c., pp.80s. PIJU XII, Diskors lill-Unjoni Kattolika Taljana tal-Għalliema tal-Iskejjel Sekondarji (U.C.I.I.M.), 5 Jan 1954: Discorsi e Radiomessaggi XV, pp.551-556. ĠWANNI XXIII, Diskors lis-Sitt Kungress tal-Assoċjazzjoni Taljana tal-Għalliema Kattoliċi (A.I.M.C.), 5  Set 1959:  Discorsi, Messaggi, Colloqui, I, Ruma 1960, pp.427-431.

[28] Cf. PIJU XII, Diskors lill-Unjoni Kattolika tal-Għalliema tal-Iskejjel Sekondarji (U.C.I.I.M.), 5  Jan 1954, l.c., p.555.

[29] Cf. PAWLU VI, Diskors lill-Uffiċċju Internazzjonali għall-Edukazzjoni Kattolika (O.I.E.C.), 25 Frar 1964: Encicliche e Discorsi di Paolo VI, II, Ruma 1964, p.232.

[30] Cf. PAWLU VI, Diskors lill-Associazioni Cristiane Lavoratori Italiani (A.C.L.I.), 6 Ott 1963: Encicliche e Discorsi di Paolo VI, II, Ruma 1964, p.229.

[31] Cf. PAWLU VI, Diskors lis-Sitt Kungress Tomistiku Internazzjonali, 10 Set 1965: OR, 13-14 Set 1965.

[32] Cf. PIJU XII, Diskors lill-għalliema u lill-istudenti tal-Istituti Superjuri Kattoliċi ta’ Franza, 21 Set 1950: Discorsi e Radiomessaggi XII, pp.219-221; lit-XXII Kungress tal-Pax Romana, 12 Aww 1952: Discorsi e Radiomessaggi  XIV, pp.567-569. ĠWANNI XXIII, Diskors lill-Federazzjoni tal-Universitajiet Kattoliċi, 1 Apr 1959: Discorsi, Messaggi, Colloqui, I, Ruma 1960, pp.226-229. PAWLU VI, Diskors lis-Senat Akkademiku tal-Università Kattolika ta’ Milan, 5 Apr 1964: Encicliche e Discorsi di Paolo VI, II, Ruma 1964, p.434-443.

[33] Cf. PIJU XII, Diskors lis-Senat Akkademiku u l-Istudenti tal-Università ta’ Ruma, 15 Ġun 1952: Discorsi e Radiomessaggi XIV, p.208: “It-tmexxija tas-soċjetà ta’ għada tiddependi l-aktar mill-moħħ u mill-qalb tal-universitarji tal-lum.”

[34] Cf. PIJU XI, KA Deus Scientiarum Dominus, 24 Mej 1931: AAS 23 (1931) pp.245-247.

[35] Cf. PIJU XII, IE Humani Generis, 12 Aww 1950: AAS 42 (1950) pp.568s, 578. PAWLU VI, IE Ecclesiam Suam, Parti III, 6 Aww 1964: AAS 56 (1964) pp.637-659. VAT II, Digr. dwar l-Ekumeniżmu: AAS 57 (1965) pp.90-107.

[36] Cf. ĠWANNI XXIII, IE Pacem in terris, 11 Apr 1963: AAS 55 (1963) p.284 u passim.