|
|

KOSTITUZZJONI DOMMATIKA TAL-KONĊILJU VATIKAN II
DWAR IR-RIVELAZZJONI DIVINA
“DEI VERBUM”
18 ta’ Novembru 1965
WERREJ
1. Daħla
Kap I: IR-RIVELAZZJONI
2. Natura u oġġett tar-rivelazzjoni
3. Tħejjija għar-rivelazzjoni evanġelika
4. Ġesù jtemm ir-rivelazzjoni
5. Għandna nilqgħu r-rivelazzjoni b'fidi
6. Il-veritajiet rivelati
Kap II: IT-TRAŻMISSJONI TAR-RIVELAZZJONI DIVINA
7. It-trażmissjoni tar-rivelazzjoni
8. It-Tradizzjoni Mqaddsa
9. Relazzjoni bejn it-Tradizzjoni u l-Iskrittura Mqaddsa
10. Relazzjoni tat-Tradizzjoni u tal-Iskrittura Mqaddsa mal-Knisja kollha u mal-Maġisteru
Kap III: L-ISPIRAZZJONI DIVINA U L-INTERPRETAZZJONI TAL-ISKRITTURA MQADDSA
11. Ispirazzjoni u verità fl-Iskrittura Mqaddsa
12. Kif għandha tkun interpretata l-Iskrittura Mqaddsa
13. Il-''kondixxendenza'' tal-għerf ta' Alla
Kap IV: IT-TESTMENT IL-QADIM
14. L-istorja tas-salvazzjoni fil-kotba tat-Testment il-Qadim
15. L-importanza tat-Testment il-Qadim għall-insara
16. Għaqda bejn it-Testment il-Qadim u t-Testment il-Ġdid
Kap V: IT-TESTMENT IL-ĠDID
17. Il-kobor tat-Testment il-Ġdid
18. Oriġini appostolika tal-Evanġelji
19. L-Evanġelji huma storiċi
20. Il-kotba l-oħra tat-Testment il-Ġdid
Kap VI: L-ISKRITTURA MQADDSA FIL-ĦAJJA TAL-KNISJA
21. Qima tal-Knisja lill-Iskrittura Mqaddsa
22. It-traduzzjonijiet għandhom ikunu magħmulin tajjeb
23. Impenn appostoliku tal-istudjużi
24. L-Iskrittura pedament tat-teoloġija u tal-predikazzjoni
25. Kulħadd imħeġġeġ jaqra l-Iskrittura Mqaddsa
26. Tama tal-Knisja
KOSTITUZZJONI DOMMATIKA DWAR
IR-RIVELAZZJONI DIVINA
“DEI VERBUM”
Daħla
1. Il-Konċilju Mqaddes, filwaqt li jisma' bil-qima l-kelma t'Alla u jipproklamaha b'fiduċja, jimxi fuq il-kliem ta' San Ġwann li jgħid: ''Qegħdin inxandrulkom il-ħajja ta' dejjem li kienet għand il-Missier u dehret lilna. Qegħdin inxandrulkom dak li aħna rajna u smajna, biex intom tissieħbu magħna u l-għaqda tagħna tkun mal-Missier u ma' Ibnu Ġesù Kristu'' (1 Ġw 1, 2-3). Għalhekk, filwaqt li jimxi fuq il-passi tal-Konċilji ta' Trentu u tal-Vatikan I, dan il-Konċilju fi ħsiebu juri t-tagħlim ġenwin dwar ir-rivelazzjoni divina u kif għaddiet fiż-żmien, biex bl-aħbar tas-salvazzjoni d-dinja kollha, meta tisma' temmen, meta temmen tittama, u meta tittama tħobb.[1]
Kap I
IR-RIVELAZZJONI
Natura u oġġett tar-rivelazzjoni
2. Fit-tjieba u l-għerf tiegħu Alla għoġbu jirrivela lilu nnifsu u jgħarraf il-misteru tar-rieda tiegħu (cf. Ef 1,9) li bih il-bnedmin, permezz ta' Kristu, il-Verb magħmul bniedem, fl-Ispirtu s-Santu jistgħu jersqu lejn il-Missier u jkollhom sehem min-natura ta' Alla (cf. Ef 2,18; 2 Pt 1,4). U sewwasew b'din ir-rivelazzjoni, Alla li ma jidhirx (cf. Kol 1,15; Tim 1,17) fl-imħabba kbira tiegħu jitkellem mal-bnedmin bħal ħbieb (cf. Eż 33,11; Ġw 15,14-15) u jgħix magħhom (cf. Bar 3,38) biex jistedinhom u jdaħħalhom f'għaqda miegħu. Dan il-pjan tar-rivelazzjoni jsir bi ġrajjiet u kliem magħqudin sewwa flimkien, b'mod li l-ħidmiet li Alla għamel fl-istorja tas-salvazzjoni juru u jsaħħu t-tagħlim u l-ħwejjeġ imfissra mill-kliem, u l-kliem ifisser l-opri u jiċċara l-misteru moħbi fihom. Il-verità profonda mbagħad, fuq Alla u s-salvazzjoni tal-bnedmin, b'din ir-rivelazzjoni tidher lilna ċara fi Kristu li huwa fl-istess waqt il-medjatur u l-milja tar-rivelazzjoni kollha kemm hi.[2]
Tħejjija għar-rivelazzjoni evanġelika
3. Alla li ħalaq u jżomm il-ħwejjeġ kollha permezz tal-Verb (cf. Ġw 1,3) jagħti lill-bnedmin fil-ħwejjeġ maħluqa xhieda li ma tiqafx tiegħu nnifsu (cf. Rum 1,19-20); u barra minn dan, billi ried jiftaħ it-triq tas-salvazzjoni tas-sema, sa mill-bidu għarraf lilu nnifsu lill-ewwel missier u omm. Wara l-waqgħa tagħhom, bil-wegħda tal-fidwa, refagħhom mill-ġdid fit-tama tas-salvazzjoni (cf. Ġen 3,15) u baqa' l-ħin kollu jieħu ħsieb tal-bnedmin biex jagħti l-ħajja ta' dejjem lil dawk kollha li jfittxu s-salvazzjoni billi jżommu sħiħ fl-għemil it-tajjeb (cf. Rum 2,6-7). Fiż-żmien magħżul minnu sejjaħ lil Abraham biex jagħmel minnu poplu kbir (Ġen 12,2-3); wara l-patrijarki, Alla qajjem lil Mosè u l-profeti biex permezz tagħhom il-poplu jitgħallem jagħraf lilu bħala Alla waħdieni, ħaj u veru, Missier ħanin u mħallef ta' ħaqq, u jibqa' jistenna s-Salvatur imwiegħed. Hekk ħejja matul is-sekli t-triq għall-Evanġelju.
Ġesù jtemm ir-rivelazzjoni
4. Wara li Alla ħafna drabi u b'ħafna manjieri tkellem permezz tal-profeti, ''f'dan l-aħħar żmien huwa kellimna permezz ta' Ibnu'' (Lhud 1,1-2). Għaliex huwa bagħat 'l Ibnu, jigifieri l-Verb etern, li jdawwal lill-bnedmin kollha, biex jgħammar fost il-bnedmin u jgħarrfilhom il-misteri l-aktar profondi ta' Alla (Ġw 1,1-18). Għalhekk Ġesù Kristu, l-Iben ta' Alla magħmul bniedem, mibgħut bħala ''bniedem lill-bnedmin”[3], jitkellem il-kliem ta' Alla (Ġw 3,34) u jwassal sat-tmiem l-opra tas-salvazzjoni li fdalu l-Missier (Ġw 5,36; 17,4). Għalhekk hu, li min jara lilu jara lill-Missier (Ġw 14,9), bil-preżenza sħiħa tiegħu stess u bil-manifestazzjoni tiegħu bil-kliem u bl-għemil, bis-sinjali u bil-mirakli, u l-aktar bil-mewt u bil-qawmien glorjuż tiegħu mill-imwiet, u fl-aħħar nett billi bagħat l-Ispirtu tal-verità, ikompli u jikkompleta r-rivelazzjoni u jsaħħaħha bir-rieda ta' Alla, jiġifieri li Alla hu magħna biex jeħlisna mid-dlamijiet tad-dnub u tal-mewt u jqajjimna għall-ħajja ta' dejjem.
Dak li ġara fl-inkarnazzjoni ta' Kristu skont il-pjan ta' Alla, inkwantu hu alleanza ġdida u definittiva, ma jgħaddi qatt, u ma għandna nistennew l-ebda rivelazzjoni pubblika oħra qabel id-dehra glorjuża ta' Sidna Ġesù Kristu (cf. 1 Tim 6,14; Tit 2,13).
Għandna nilqgħu r-rivelazzjoni b'fidi
5. Lil Alla li jirrivela ruħu għandna nagħtu l-ubbidjenza tal-fidi (cf. Rum 16,26; cf. Rum 1,5; 2 Kor 10,5-6) li biha l-bniedem jerħi ruħu kollu kemm hu liberament f'idejn Alla billi “lil Alla li jirrivela ruħu jagħtih, għax irid, il-qima kollha tal-intellett u tar-rieda”[4] u jilqa' bil-qalb ir-rivelazzjoni mogħtija minnu. Biex wieħed jista' joffri ('l Alla) din il-fidi, jeħtieġ il-grazzja ta' Alla li taħdem fih minn qabel u li tgħinu; jeħtieġ l-għajnuniet interjuri tal-Ispirtu s-Santu li jċaqlaq il-qalb u jdawwarha lejn Alla, jiftaħ għajnejn l-intelliġenza u jagħti lil “kulħadd il-ħlewwa li tiġi meta nilqgħu u nemmnu l-verità”[5]. Biex imbagħad nifhmu aktar profondament ir-rivelazzjoni, l-istess Spirtu s-Santu jipperfezzjona bla heda l-fidi permezz tad-doni tiegħu.
Il-veritajiet rivelati
6. Bir-rivelazzjoni Alla ried juri u jikkomunika lilu nnifsu u d-digrieti eterni tar-rieda tiegħu dwar is-salvazzjoni tal-bnedmin; “jiġifieri biex jagħtihom sehem tal-ġid divin li jisboq għalkollox il-fehma tal-intelliġenza tal-bniedem” [6].
Il-Konċilju Mqaddes jistqarr li “Alla, il-prinċipju u t-tmiem tal-ħwejjeġ kollha, jista' jingħaraf b'ċertezza mill-ħwejjeġ maħluqa bid-dawl naturali tar-raġuni tal-bniedem” (cf. Rum 1,20); u jgħallem ukoll li hu permezz tar-rivelazzjoni li “fil-ħwejjeġ ta' Alla, kulħadd jista', ukoll fil-kundizzjonijiet ta' ġens il-bniedem kif inhu issa, jagħraf bil-ħeffa, b'ċertezza sħiħa u mingħajr taħwid ta' żbalji, dak kollu li r-raġuni tal-bniedem tista' tifhem”[7].
Kap II
IT-TRAŻMISSJONI TAR-RIVELAZZJONI DIVINA
It-trażmissjoni tar-rivelazzjoni
7. Alla, b'tjieba l-aktar kbira, iddispona biex dak kollu li huwa kien irrivela għas-salvazzjoni tal-ġnus kollha jibqa' dejjem sħiħ u jitwassal minn nisel għal nisel. Għalhekk Kristu l-Mulej, li fih tintemm ir-rivelazzjoni kollha tal-kbir Alla (cf. 2 Kor 1,20; 3,16 sa 4,6), ordna lill-Appostli li jippritkaw lil kulħadd l-Evanġelju bħala l-għajn ta' kull verità li ssalva u ta' kull regola morali[8] u b'hekk iqassmu d-doni ta' Alla. Dan l-Evanġelju kien qabel imwiegħed mill-profeti u wara ntemm u xxandar minn Kristu nnifsu. L-Appostli temmew bil-fedeltà l-kmand ta' Kristu. Bix-xandir tal-fomm, bl-eżempju u bl-istituzzjonijiet huma għaddew kemm dak li kienu rċevew minn fomm Kristu, mill-ħajja li għaddew miegħu u minn dak li kien għamel, kemm dak li kienu tgħallmu mill-ispirazzjoni tal-Ispirtu s-Santu. Il-kmand ta' Kristu ntemm ukoll minn dawk l-Appostli u n-nies ta' madwarhom li, bl-ispirazzjoni tal-istess Spirtu s-Santu, xandru bil-kitba l-aħbar tas-salvazzjoni.[9]
L-Appostli, imbagħad, biex l-Evanġelju jinżamm dejjem sħiħ u ħaj fil-Knisja, ħallew bħala suċċessuri tagħhom lill-isqfijiet “billi fdawlhom il-post tagħhom ta' għalliema”[10]. Din it-Tradizzjoni Mqaddsa u l-Kitba Mqaddsa taż-żewġ Testmenti huma bħal mera li fiha l-Knisja li għadha miexja fuq l-art tikkontempla 'l Alla li minnu tirċievi kollox sakemm tasal biex tarah wiċċ imb wiċċ kif inhu. (cf. 1 Ġw 3,2)
It-Tradizzjoni Mqaddsa
8. Għalhekk il-predikazzjoni tal-Appostli, li b'mod speċjali hi mfissra fil-kotba ispirati, kellha tibqa' mħarsa b'suċċessjoni li ma taqta' qatt sal-aħħar tad-dinja. L-Appostli għalhekk, filwaqt li għaddew dak li huma kienu rċevew, iwissu lill-insara biex iżommu t-tradizzjonijiet li kienu tgħallmu sew bil-kelma sew bil-kitba (cf. 2 Tes 2,15), u biex jissieltu għal dik il-fidi li ngħatatilhom darba għal dejjem (cf. Ġuda 1,3)[11]. Dak imbagħad li għaddew l-Appostli jiġbor fih kulma jservi għall-ħajja qaddisa tal-poplu ta' Alla u għat-tkattir tal-fidi. Hekk il-Knisja, fit-tagħlim, il-ħajja u l-kult tagħha, iżżomm dejjem ħaj dak kollu li hija hi u dak kollu li hija temmen u tgħaddih lill-ġenerazzjonijiet kollha.
Din it-tradizzjoni li ġejja mill-Appostli tiżviluppa ruħha fil-Knisja bl-għajnuna tal-Ispirtu s-Santu.[12] Infatti sew il-ħwejjeġ sew il-kliem li t-tradizzjoni tgħallem jinftehmu aħjar b'diversi modi: bir-riflessjoni u l-istudju tal-insara li jimmeditaw f'qalbhom fuqhom (cf. Lq 2,19 u 51); bil-fehma profonda li l-insara jakkwistaw tal-ħwejjeġ spiritwali bil-predikazzjoni ta' dawk li bis-saħħa tas-suċċessjoni episkopali irċevew id-don ċert tal-verità. Jiġifieri, matul is-sekli, il-Knisja timxi bla ma tieqaf lejn il-milja tal-verità divina sakemm il-kliem ta' Alla jintemm għalkollox fiha.
Il-kliem tas-Santi Padri jagħti xhieda tal-preżenza li tagħti l-ħajja ta' din it-tradizzjoni, li t-teżori tagħha huma msawbin fil-prattika u fil-ħajja tal-Knisja li temmen u titlob. Hija l-istess tradizzjoni li tgħarraf lill-Knisja l-kanoni sħiħ tal-Kotba Mqaddsa; huwa fit-tradizzjoni li l-Knisja tfiehem aħjar u tħaddem il-ħin kollu l-istess Kotba Mqaddsa; hekk Alla li tkellem fl-imgħoddi, ma jiqafx jitkellem mal-Għarusa tal-Iben maħbub tiegħu. Hekk l-Ispirtu s-Santu li permezz tiegħu l-leħen ħaj tal-Evanġelju jinstema' fil-Knisja u permezz tagħha fid-dinja, iwassal lil dawk li jemmnu għall-verità sħiħa u jagħmel li l-kelma ta' Kristu tgħammar fihom fl-għana kollu tagħha (cf. Kol 3,16).
Relazzjoni bejn it-Tradizzjoni u l-Iskrittura Mqaddsa
9. Għalhekk it-Tradizzjoni Mqaddsa u l-Iskrittura Mqaddsa huma magħqudin sewwa bejniethom u għandhom x'jaqsmu sfiq ma' xulxin. Għaliex it-tnejn ġejjin mill-istess nixxiegħa divina u b'xi mod jagħmlu ħaġa waħda u jimxu lejn l-istess skop. Infatti l-Iskrittura Mqaddsa hija l-kelma ta' Alla inkwantu miktuba bl-ispirazzjoni tal-Ispirtu ta' Alla; it-Tradizzjoni Mqaddsa twassal sħiħa l-kelma ta' Alla, fdata minn Kristu Mulej u mill-Ispirtu s-Santu lill-Appostli u lis-suċċessuri tagħhom, biex, imdawlin mill-Ispirtu tal-verità, bil-predikazzjoni tagħhom iżommuha bil-fedeltà, ifissruha u jxerrduha. Hekk jiġri li l-Knisja tikseb iċ-ċertezza fuq il-ħwejjeġ kollha rivelati mhux mill-Iskrittura biss. Għalhekk il-waħda u l-oħra għandhom jintlaqgħu bl-istess sentiment ta' tjieba u qima.[13]
Relazzjoni tat-Tradizzjoni u tal-Iskrittura Mqaddsa mal-Knisja kollha u mal-Maġisteru
10. It-Tradizzjoni Mqaddsa u l-Iskrittura Mqaddsa jagħmlu depożitu sagru wieħed tal-kelma ta' Alla fdata lill-Knisja. Meta l-poplu qaddis kollu, magħqud mar-rgħajja tiegħu, ikun fidil lejh, huwa jzomm sħiħ bla ma jaqta' fit-tagħlim tal-Appostli, fl-għaqda tal-aħwa, fil-ksir tal-ħobż u fit-talb (cf. Atti 2,42 gr.). Hekk l-isqfijiet u l-fidili jkunu qegħdin isaħħu l-għaqda spiritwali tagħhom meta jżommu, iwettqu u jistqarru l-fidi li rċevew.[14]
Imbagħad, id-dmir li jinterpreta awtentikament il-kelma ta' Alla miktuba jew imwassla mit-tradizzjoni[15] hu fdat biss lill-Maġisteru ħaj tal-Knisja[16] illi jeżerċita l-awtorità tiegħu f'isem Ġesù Kristu. Dan il-Maġisteru iżda mhuwiex aqwa mill-kelma ta' Alla, imma jaqdiha billi jgħallem biss dak li ngħadda inkwantu, bil-kmand ta' Alla u bl-għajnuna tal-Ispirtu s-Santu, jisimgħu bit-tjieba, iżommu bil-qdusija u jfissru bil-fedeltà. U minn dan id-depożitu waħdieni tal-fidi l-Maġisteru joħroġ dak kollu li jipproponi biex ikun emmnut bħala rivelat minn Alla.
Hi ħaġa ċara għalhekk li t-Tradizzjoni Mqaddsa, l-Iskrittura Mqaddsa u l-Maġisteru tal-Knisja, b'dispożizzjoni l-aktar għarfa ta' Alla huma hekk marbutin u magħqudin flimkien li ma jistgħux jeżistu indipendentement, u t-tlieta flimkien, taħt il-ħidma ta' Spirtu Qaddis wieħed, iservu effikaċement għas-salvazzjoni tal-erwieħ.
Kap III
L-ISPIRAZZJONI DIVINA U L-INTERPRETAZZJONI TAL-ISKRITTURA MQADDSA
Ispirazzjoni u verità fl-Iskrittura Mqaddsa
11. Il-veritajiet rivelati minn Alla, li huma miġburin u mfissrin fil-kotba tal-Iskrittura Mqaddsa, inkitbu bl-ispirazzjoni tal-Ispirtu s-Santu. Ommna l-Knisja Mqaddsa, b'fidi ġejja mill-Appostli, iżżomm bħala sagri u kanoniċi l-kotba kollha sħaħ sew tat-Testment il-Qadim sew tat-Testment il-Ġdid, bil-partijiet kollha tagħhom, għaliex, miktubin bl-ispirazzjoni tal-Ispirtu s-Santu (cf. Ġw 20,31; 2 Tim 3,16; 2 Pt 1,19-21; 3,15-16), għandhom 'l Alla bħala awtur u bħala tali kienu mogħtija lill-Knisja.[17] Biex jinkitbu l-Kotba Mqaddsa, Alla għażel xi bnedmin u nqeda bihom waqt li ħalliehom jużaw il-fakultajiet u l-kapaċitajiet tagħhom.[18] Hekk, bil-ħidma tiegħu fihom u permezz tagħhom[19], huma kitbu ta' veru awturi dawk il-ħwejjeġ kollha u dak biss li huwa ried li jinkiteb.[20]
Għalhekk, billi dak kollu li l-awturi ispirati, jew aġjografi, kitbu għandna nżommuh bħala dak li ntqal mill-Ispirtu s-Santu, hekk ukoll, bħala konsegwenza, għandna nemmnu li l-kotba tal-Iskrittura Mqaddsa jgħallmu b'ċertezza, b'fedeltà u mingħajr żbalji l-verità li, għas-salvazzjoni tagħna, Alla ried li tinġabar fil-Kotba Mqaddsa.[21] Għalhekk “l-Iskrittura kollha hija mnebbħa minn Alla, u tiswa biex wieħed jgħallem, iċanfar, iwiddeb u jrawwem fis-sewwa, biex hekk il-bniedem ta' Alla jkun perfett u mħejji għal kull ħidma tajba” (2 Tim 3,16-17 gr.).
Kif għandha tkun interpretata l-Iskrittura Mqaddsa
12. Billi fl-Iskrittura Mqaddsa Alla tkellem permezz ta' bnedmin u bi kliem il-bnedmin[22], min ifisser l-Iskrittura Mqaddsa, biex jifhem sewwa dak li Alla ried jgħarrafna, għandu jfittex b'attenzjoni x'fehmu jfissru l-kittieba sagri u x'għoġbu Alla jgħarrafna bi kliemhom.
Biex insibu l-intenzjoni tal-kittieba sagri għandna nagħtu kas ukoll, fost ħwejjeġ oħra, tal-forom letterarji. Għaliex il-verità titqiegħed quddiemna u titfissrilna b'modi differenti, skont jekk it-test ikunx ta' storja jew ta' profezija jew xi forma poetika jew forom oħra ta' espressjoni. Jeħtieġ mela li l-interpretu jfittex is-sens li l-kittieb sagru ried ifisser f'ċirkostanzi determinati, skont il-kundizzjoni ta' żmienu u tal-kultura tiegħu permezz tal-forom letterarji użati dak iż-żmien.[23] Għaliex biex tifhem sewwa dak li l-kittieb sagru jgħid bil-kitba, għandna noqogħdu attenti sew għall-manjieri kif kienu soltu jifhmu jew ifissru rwieħhom jew jirrakkontaw in-nies fiż-żmien tal-kittieb sagru sew għall-mod kif kienu jġibu ruħhom bejniethom il-bnedmin dak iż-żmien.[24]
Imma, billi l-Iskrittura Mqaddsa għandha tinqara u tkun interpretata bl-għajnuna tal-istess spirtu li permezz tiegħu nkitbet[25], biex wieħed isib sewwa s-sens tat-testi mqaddsa għandu jħares, mhux b'anqas diliġenza, lejn dak li hemm miġbur fl-Iskrittura kollha u lejn l-unità tagħha, u jżomm ukoll kif jixraq quddiem għajnejh it-tradizzjoni ħajja tal-Knisja kollha u tal-analoġija tal-fidi. Huwa xogħol tal-eseġeti li jagħtu sehemhom skont dawn ir-regoli biex is-sens tal-Iskrittura Mqaddsa jinftiehem u jitfisser aħjar, u hekk bi studji f'ċertu sens preparatorji jista' jimmatura ruħu l-ġudizzju tal-Knisja. Dak li ntqal s'issa fuq kif għandna ninterpretaw l-Iskrittura fl-aħħar huwa suġġett għall-ġudizzju tal-Knisja li taqdi d-dmir u l-ministeru tagħha ġej minn Alla li tħares u tinterpreta l-kelma ta’ Alla.[26]
Il-“kondixxendenza” tal-għerf ta' Alla
13. Mela fl-Iskrittura Mqaddsa, filwaqt li tibqa' dejjem sħiħa l-verità u l-qdusija ta' Alla, jidher kemm hi tal-għaġeb il-“kondixxendenza” tal-għerf etern “biex aħna nistgħu naraw it-tjieba ta' Alla li l-kliem ma jistax ifisser u kemm huwa jaħseb u jipprovdi għan-natura tagħna l-bnedmin li jasal biex jaddatta l-kelma tiegħu”[27]. Għaliex il-kliem ta' Alla, mogħti lilna b'ilsna ta' bnedmin, sar jixbah il-kliem tal-bniedem, kif l-Iben tal-Missier Etern, meta ħa d-dgħufija tan-natura ta' bniedem, sar jixbah lill-bniedem.
Kap IV
IT-TESTMENT IL-QADIM
L-istorja tas-salvazzjoni fil-kotba tat-Testment il-Qadim
14. Meta fl-imħabba kbira tiegħu Alla ħaseb u ħejja s-salvazzjoni tal-bnedmin, bi ħsieb speċjali għażel poplu biex jafdalu l-wegħdiet. Għaliex bil-patt ma' Abraham (cf. Ġen 15,18) u mal-poplu ta' Iżrael, permezz ta' Mosè (cf. Eż 24,8) huwa rrivela lilu nnifsu, bi kliem u għemil, lill-poplu li kien kiseb għalih; irrivela lilu nnifsu bħala l-uniku Alla ħaj u veru, b'tali mod li Iżrael għaraf liema kienu t-triqat ta' Alla mal-bnedmin. U hekk, billi Alla kien jitkellem bil-fomm tal-profeti, Iżrael fehemhom aktar fil-fond u aktar ċar u għarrafhom aktar fil-wisa' lill-ġnus (cf. SS 21,28-29; 96,1-3; Is 2,1-4; Ġer 3,17). L-ekonomija tas-salvazzjoni, imħabbra, irrakkuntata u mfissra mill-kittieba sagri, tinsab bħala vera kelma ta' Alla fil-kitba tat-Testment il-Qadim; għalhekk dawk il-kotba, ispirati minn Alla, jibqgħu jiswew għal dejjem. “'Kulma nkiteb fl-Iskrittura fl-imgħoddi, inkiteb għat-tagħlim tagħna, biex bis-sabar u bil-faraġ li tagħtina l-Iskrittura, aħna jkollna t-tama” (Rum 15,4).
L-importanza tat-Testment il-Qadim għall-insara
15. L-ekonomija tat-Testment il-Qadim kienet fuq kollox maħsuba biex tħejji, tħabbar profetikament (cf. Lq 24,44; Ġw 5,39; 1 Pt 1,10) u tfisser b’diversi figuri (cf. 1 Kor 10,11) il-miġja ta’ Ġesù Kristu redentur tal-univers u tas-saltna messjanika. Terġa’, meta wieħed iqis il-kundizzjoni tal-ġeneru uman qabel iż-żmien tas-salvazzjoni mwettqa minn Kristu, il-kotba tat-Testment il-Qadim juru lil kulħadd min hu Alla u min hu l-bniedem u l-mod li bih Alla, ġust u ħanin, iġib ruħu mal-bnedmin. Dawn il-kotba, għad li għandhom ukoll ħwejjeġ imperfetti u li jgħoddu għal ftit żmien, b'danakollu juru tassew il-pedagoġija ta' Alla.[28] Għalhekk l-insara għandhom jilqgħu b'devozzjoni dawn il-kotba li juru sens ħaj ta' Alla; fihom jinsab tagħlim għoli fuq Alla, għerf ta' saħħa għall-ħajja tal-bniedem u teżori tal-għaġeb ta' talb; fihom, fl-aħħar nett, hu moħbi l-misteru tas-salvazzjoni tagħna.
Għaqda bejn it-Testment il-Qadim u t-Testment il-Ġdid
16. Mela Alla, li ispira l-kotba taż-żewġ Testmenti u li hu l-awtur tagħhom, iddispona b'għerf li t-Testment il-Ġdid ikun moħbi fil-Qadim, u li l-Qadim isir magħruf fil-Ġdid.[29] Għaliex ukoll jekk Kristu waqqaf il-Patt il-Ġdid bid-demm tiegħu (cf. Lq 22,20; 1 Kor 11,25), b'danakollu l-kotba tat-Testment il-Qadim, meħudin sħaħ fil-predikazzjoni tal-Evanġelju[30], jiksbu t-tifsira tagħhom u juruha fit-Testment il-Ġdid (cf. Mt 5,17; Lq 24,27; Rum 16,25-26; 2 Kor 3,14-16) li min-naħa tagħhom, huma jdawlu u jfissru.
Kap V
IT-TESTMENT IL-ĠDID
Il-kobor tat-Testment il-Ġdid
17. Il-kelma ta' Alla, li hi l-qawwa ta' Alla għas-salvazzjoni ta' kull min jemmen (cf. Rum 1,16), tippreżenta ruħha u turi l-qawwa tagħha b'manjiera l-aktar għolja fil-kitba tat-Testment il-Ġdid. Infatti, meta waslet il-milja taż-żminijiet (cf. Gal 4,4), il-Verb sar bniedem u għammar fostna mimli bil-grazzja u l-verità (cf. Ġw 1,14). Kristu waqqaf is-saltna ta' Alla fuq l-art, irrivela bl-għemil u bil-kelma lil Missieru u lilu nnifsu, u temm il-ħidma tiegħu bil-mewt, bil-qawmien mill-mewt u bit-tlugħ glorjuż tiegħu fis-sema, u billi bagħat l-Ispirtu s-Santu. Merfugħ mill-art jiġbed lil kulħadd lejh (cf. Ġw 12,32 gr.), hu li waħdu għandu l-kliem tal-ħajja ta' dejjem (cf. Ġw 6,68). Imma dan il-misteru ma ntweriex lill-ġenerazzjonijiet l-oħra kif issa ntwera lill-Appostli qaddisin tiegħu u lill-profeti fl-Ispirtu s-Santu (cf. Ef 3,46 gr.) biex ixandru l-Evanġelju, iqajmu l-fidi fil-Mulej Ġesù Kristu u jgħaqqdu lill-Knisja. Ta' dan kollu l-kitba tat-Testment il-Ġdid hija xhieda divina għaż-żminijiet kollha.
Oriġini appostolika tal-Evanġelji
18. Kulħadd jagħraf li fost il-Kotba Mqaddsa kollha, ukoll dawk tat-Testment il-Ġdid, l-Evanġelji jisbqu bir-raġun il-kotba l-oħra billi huma x-xhieda ewlenija tal-ħajja u t-tagħlim tal-Verb magħmul bniedem, is-Salvatur tagħna.
Il-Knisja dejjem u kullimkien żammet u żżomm li l-erba' Evanġelji ġejjin mill-Appostli. Infatti dak li l-Appostli xandru bil-kmand ta' Kristu, wara, bl-ispirazzjoni tal-Ispirtu s-Santu, kien minnhom stess u minn nies ta' madwarhom mgħoddi lilna bil-kitba bħala fundament tal-fidi, jiġifieri l-Evanġelju f'erba' forom, skont Mattew, Mark, Luqa u Ġwanni.[31]
L-Evanġelji huma storiċi
19. Ommna l-Knisja Mqaddsa żammet u żżomm bis-sħiħ u bla heda li l-erba' Evanġelisti li semmejna, li fuqhom tistqarr bla tlaqliq ta' xejn li huma storiċi, jgħaddulna bil-fedeltà dak li Ġesù, l-Iben ta' Alla, matul ħajtu fost il-bnedmin tassew għamel u għallem għas-salvazzjoni ta' dejjem tagħhom sa dakinhar li tela' s-sema (cf. Atti 1,1-2). L-Appostli mbagħad, wara li l-Mulej tela' s-sema, għaddew lil dawk li kienu jisimgħuhom dak li Huwa kien qal u għamel. Mgħallmin mill-ġrajjiet ta' Kristu u mdawlin mill-Ispirtu tal-verità[32], dan għamluh b'dak l-għarfien iżjed sħiħ li huma hekk kienu kisbu.[33] U l-kittieba sagri kitbu l-erba' Evanġelji billi għażlu xi ħwejjeġ fost il-ħafna li kienu mxandrin bil-kelma jew ukoll bil-kitba, billi għamlu xi sintesi ta' xi wħud minnhom jew billi fissruhom skont is-sitwazzjoni tal-Knejjes, waqt li żammew il-karattru ta' predikazzjoni imma dejjem b'mod li jgħallmu fuq Ġesù bis-sinċerità u l-verità.[34] Għaliex huma, meta qagħdu jew fuq dak stess li huma kienu jiftakru, jew fuq ir-rikordji tagħhom, jew fuq ix-xhieda ta' dawk li “mill-bidu raw b'għajnejhom stess u saru ministri tal-kelma”, kitbu bl-intenzjoni li jgħallmu l-“verità” (cf. Lq 1,2-4) tal-kliem li fuqhom konna mgħallmin.
Il-kotba l-oħra tat-Testment il-Ġdid
20. Il-kanoni tat-Testment il-Ġdid, barra mill-erba' Evanġelji, għandu wkoll l-ittri ta' San Pawl u kitbiet oħra tal-Appostli miktubin bl-ispirazzjoni tal-Ispirtu s-Santu. Bihom, b'dispożizzjoni għarfa ta' Alla, jissaħħaħ dak kollu li għandu x'jaqsam ma' Kristu l-Mulej, jitfisser aħjar it-tagħlim awtentiku tiegħu, u tixxandar il-qawwa tas-salvazzjoni tal-opra divina ta' Kristu, jingħadu l-ġrajja tal-bidu tal-Knisja u t-tixrid tal-għaġeb tagħha fid-dinja, u jitħabbar minn qabel it-twettiq glorjuż tagħha.
Il-Mulej Ġesù, infatti, assista lill-Appostli tiegħu kif kien wegħedhom (cf. Mt 28,20) u bagħtilhom l-Ispirtu Paraklitu li kellu jwassalhom għall-milja tal-verità (cf. Ġw 16,13).
Kap VI
L-ISKRITTURA MQADDSA FIL-ĦAJJA TAL-KNISJA
Qima tal-Knisja lill-Iskrittura Mqaddsa
21. Il-Knisja dejjem tat qima lill-Iskrittura Mqaddsa kif tat lill-istess Ġisem tal-Mulej billi qatt ma naqset, l-aktar fil-liturġija mqaddsa, li tieħu l-għajxien bil-ħobż tal-ħajja mill-mejda tal-kelma ta' Alla u tal-Ġisem ta' Kristu, u tagħtih lill-fidili. Flimkien mat-Tradizzjoni Mqaddsa l-Knisja dejjem żammet u żżomm il-Kotba Mqaddsa bħala r-regola ewlenija tal-fidi tagħha; ispirati kif inhuma minn Alla, huma miktuba darba għal dejjem, jgħallmu bla tibdil il-kelma ta' Alla nnifsu u jsemmgħu fi kliem il-profeti u l-Appostli l-leħen tal-Ispirtu s-Santu. Jeħtieġ mela li l-predikazzjoni kollha tal-Knisja, bħar-reliġjon fiha nnifisha, tieħu l-ikel tagħha u tkun regolata mill-Iskrittura Mqaddsa. Għax fil-Kotba Mqaddsa l-Missier li hu fis-smewwiet jiltaqa' bi mħabba kbira ma' wliedu u jidħol f'konverżazzjoni magħhom; fil-kelma ta' Alla, imbagħad, jinsabu saħħa u qawwa hekk kbar li hija żżomm lill-Knisja u tagħtiha enerġija; u għall-ulied tal-Knisja hija l-qawwa tal-fidi, ikel tar-ruħ, għajn safja li ma tonqosx ta' ħajja spiritwali. Għalhekk għandu jinftiehem fuq kollox għall-Iskrittura Mqaddsa dak li ntqal: ''il-kelma ta' Alla hija ħajja u qawwija'' (Lhud 4,12) u “għandha l-qawwa li tibnikom u tagħtikom sehemkom fost dawk li huma kkonsagrati lilu'' (Atti 20,32; cf. 1 Tes 2,13).
It-traduzzjonijiet għandhom ikunu magħmulin tajjeb
22. Jeħtieġ li l-insara jkunu jistgħu jersqu b'ħeffa lejn l-Iskrittura Mqaddsa. Għalhekk il-Knisja sa mill-bidu laqgħet bħala tagħha t-traduzzjoni Griega l-aktar qadima tat-Testment il-Qadim, imsejħa ''tas-Sebgħin'', u dejjem iżżomm fil-ġieħ il-verżjonijiet l-oħra orjentali u l-verżjonijiet bil-Latin, l-aktar dik li tissejjaħ il-Vulgata. Imma billi l-kelma ta' Alla għandha tkun għal idejn kulħadd u f'kull żmien, il-Knisja tieħu ħsieb, b'ħerqa ta' omm, li jsiru traduzzjonijiet xierqa u tajbin fl-ilsna differenti, u l-aktar mit-testi oriġinali tal-Kotba Mqaddsa. U jekk dawn, fil-waqt tajjeb u bil-kunsens tal-awtorità tal-Knisja, isiru b'ħidma waħda flimkien mal-aħwa mifrudin, jistgħu jintużaw mill-insara kollha.
Impenn appostoliku tal-istudjużi
23. L-għarusa tal-Verb magħmul bniedem, il-Knisja, mgħallma mill-Ispirtu s-Santu, taħdem biex tasal ħalli tifhem dejjem aktar profondament l-Iskrittura Mqaddsa biex tkun tista' tgħajjex bla heda 'l uliedha bil-kliem ta' Alla; għalhekk bir-raġun tinkoraġġixxi wkoll l-istudju tas-Santi Padri tal-Lvant u tal-Punent u tal-liturġiji sagri. Jeħtieġ li l-eseġeti kattoliċi u dawk li jistudjaw it-teoloġija mqaddsa, waqt li jaħdmu flimkien bil-ħerqa, ifittxu li, taħt il-ħarsien tal-Maġisteru sagru, jistudjaw u jfissru bil-mezzi addattati l-kotba divini biex hekk għadd kemm jista' jkun kbir ta' ministri tal-kelma ta' Alla jistgħu bi frott iressqu quddiem il-poplu ta' Alla l-ikel tal-Iskrittura li jdawwal l-intelliġenza, isaħħaħ ir-rieda, u jixgħel il-qlub tal-bnedmin bl-imħabba ta' Alla.[35] Il-Konċilju Mqaddes jinkoraġġixxi lil dawk l-ulied tal-Knisja li jħaddnu x-xjenzi li għandhom x'jaqsmu mal-Bibbja biex, b'enerġija dejjem ġdida, u b’fedelta lejn dak li tifhem il-Knisja, jipperseveraw fix-xogħol tant tajjeb li qegħdin jagħmlu.[36]
L-Iskrittura pedament tat-teoloġija u tal-predikazzjoni
24. It-teoloġija mqaddsa għandha bħala pedament primarju u dejjiemi tagħha l-kelma miktuba ta’ Alla u t-Tradizzjoni Mqaddsa; fuq dan il-pedament hija tissaħħaħ b'qawwa u ssir iżjed żagħżugħa billi tfittex fid-dawl tal-fidi kull verità moħbija fil-misteru ta' Kristu. L-Iskrittura Mqaddsa għandha l-kelma ta' Alla u, għax hija ispirata, hija tassew kelma ta' Alla; għalhekk l-istudju tal-Kotba Mqaddsa għandu jkun bħar-ruħ tat-teoloġija mqaddsa.[37] Il-ministeru tal-kelma wkoll, jiġifieri l-predikazzjoni pastorali, il-katekiżmu u t-tagħlim nisrani kollu, li fih l-omelija liturġika għandu jkollha post privileġġjat, isib ikel tajjeb fil-kelma tal-Iskrittura u jissaħħaħ biha fil-qdusija.
Kulħadd imħeġġeġ jaqra l-Iskrittura Mqaddsa
25. Għalhekk il-kjeriċi kollha, u l-ewwel is-saċerdoti u dawk kollha, bħad-djakni u l-katekisti, li jagħtu ruħhom leġittimament għax-xogħol tal-kelma, għandhom iżommu rwieħhom dejjem magħqudin mal-Iskrittura permezz tal-qari qaddis ta' spiss u ta' studju tajjeb. Dan sabiex ħadd minnhom ma jsir predikatur fieragħ tal-kelma ta' Alla minn barra, jekk ma jkunx jismagħha minn ġewwa”[38], ladarba għandhom jaqsmu mal-insara fdati lilhom il-ġid bla tarf tal-kelma ta' Alla, l-aktar fil-liturġija mqaddsa. Hekk ukoll il-Konċilju Mqaddes iħeġġeġ bil-qawwa u b'mod speċjali lir-reliġjużi biex jitgħallmu “l-qligħ kbir li hemm illi nagħraf lil Ġesù Kristu” (Fil 3,8) billi spiss jaqraw il-Kotba Mqaddsa. ''Għax min ma jafx l-Iskrittura, ma jafx lil Kristu''.[39] Jersqu għalhekk bil-qalb lejn il-Kotba Mqaddsa sew fil-liturġija mqaddsa mogħnija bil-kelma ta' Alla, sew permezz tal-qari devot, sew permezz ta' inizjattivi addattati għal dan l-iskop jew għajnuniet oħra li, bl-approvazzjoni u bl-appoġġ tal-isqfijiet qegħdin illum, b'mod ta' min ifaħħru, joktru u jixterdu kullimkien. Imma għandhom jiftakru li l-qari tal-Iskrittura Mqaddsa għandu jkollu miegħu wkoll it-talb biex jista' jkun hemm taħdita bejn Alla u l-bniedem, għax “meta nitolbu aħna nitkellmu miegħu; meta naqraw il-kelma ta' Alla, aħna nisimgħu lilu”.[40]
Huwa dmir tal-isqfijiet, “li għandhom f'idejhom it-tagħlim tal-Appostli”[41], li jgħallmu meta jkun il-waqt lill-fidili fdati lilhom kif jużaw tajjeb il-kotba divini, l-aktar dawk tat-Testment il-Ġdid u fl-ewwel post l-Evanġelji. Dan jista’ jsir permezz ta’ traduzzjonijiet tat-testi sagri, li għandhom ikunu mogħnija bit-tifsir meħtieġ u adegwat sabiex, mingħajr periklu u bi profitt, ulied il-Knisja jkunu jistgħu jsiru midħla tal-Iskrittura Mqaddsa u jimtlew bl-ispirtu tagħha.
Barra minn dan, għandhom jitlestew edizzjonijiet tal-Iskrittura Mqaddsa, mogħnija b'noti tajba, biex jistgħu jkunu użati wkoll minn dawk li mhumiex insara, u addattati għas-sitwazzjoni tagħhom. Kemm ir-rgħajja tal-erwieħ, kemm l-insara inġenerali, għandhom ifittxu li jxerrduhom b'mod għaqli.
Tama tal-Knisja
26. Hekk, mela, bil-qari u bl-istudju tal-Kotba Mqaddsa, jalla “l-kelma ta' Alla tiġri u tissebbaħ” (2 Tes 3,1) u t-teżor tar-rivelazzjoni, fdat lill-Knisja, jimla dejjem aktar il-qalb tal-bnedmin. Kif mis-sehem ta' sikwit fil-misteru ewkaristiku tikber il-ħajja tal-Knisja, hekk nistgħu nittamaw ħeġġa ġdida fil-ħajja spiritwali jekk tikber il-qima lejn il-kelma ta' Alla li “tibqa' għal dejjem” (cf. Is 40,8; 1 Pt 1,23-25).
18 ta' Novembru 1965
Il-votazzjoni fuq dan id-dokument kienet hekk:
Iva 2344, Le 6 (Total 2350)
[1] Cf. S. WISTIN, De catechizandis rudibus, c.IV,8; PL 40, 316.
[2] Cf. Mt 11,27; Ġw 1, 14 u 17; 14,6; 17,1-3; 2 Kor 3,16 u 4,6; Ef 1,3-14.
[3] Epist. ad Diognetum, c.VII,4: FUNK, Patres Apostolici, I, p. 403.
[4] VAT. I, KD dwar il-fidi kattolika, Dei Filius, kap 3 dwar il-fidi: DENZ. 1789 (3008).
[5] Konċ. ta' Arius II, kan.7: DENZ. 180 (377); VAT. I, 1.c.: DENZ. 1791 (3010).
[6] VAT. I, KD dwar il-fidi kattolika, Dei Filius, kap 2 dwar ir-rivelazzjoni: DENZ. 1786 (3005).
[7] Ibid.: DENZ. 1785 u 1786 (3004 u 3005).
[8] Cf. Mt 28,19-20 u Mk 16,15; TRENTU, Sess. IV, Digr. dwar il-Kotba Kanoniċi: DENZ. 783 (1501).
[9] Cf. TRENTU, 1.c.; VAT. I, Sess. III, KD dwar il-fidi kattolika, Dei Filius, kap 2 dwar ir-rivelazzjoni: DENZ. 1787 (3006).
[10] S. IRENEW, Adv. Haer., III, 3, 1: PG 7, 848; HARVEY, 2, p.9.
[11] Cf. Konċ. ta' Niċea II: DENZ. 303 (602). Konċ. ta' Kostanza IV, Sess. X, kan. 1: DENZ. 336 (650-652).
[12] VAT. I, KD dwar il-fidi kattolika, Dei Filius, kap 4 dwar il-fidi u r-raġuni: DENZ. 1800 (3020).
[13] Cf. CONC. TRID., Decr. De canonicis Scripturis: DENZ. 783 (1501).
[14] Cf. PIJU XII, KA Munificentissimus Deus, 1 Nov 1950: AAS 42 (1950), p.756, mill-kitbiet miġbura ta' S. Ċiprijanu, Ittra 66, 8: CSEL 3, 2, p.733: “Il-Knisja (hija) poplu f'għaqda mas-saċerdot u merħla f'rabta mar-ragħaj.”
[15] Cf. VAT. I, KD dwar il-fidi kattolika, Dei Filius, kap 3 dwar il-fidi: DENZ. 1792 (3011).
[16] Cf. PIJU XII, IE Humani Generis, 12 Aww 1950: AAS 42 (1950), pp. 568-569: DENZ. 2314 (3886).
[17] Cf. VAT. I, KD dwar il-fidi kattolika, Dei Filius, kap 2 dwar ir-rivelazzjoni: DENZ. 1787 (3006). Kummissjoni Biblika Pontifiċja, Digr. 18 Ġun 1915: DENZ. 2180 (3629); EB 420. Sagra Kongr. tas-Sant'Uffizju, Ittra 22 Diċ 1923; EB 499.
[18] Cf. PIJU XII, IE Divino afflante, 30 Set 1943: AAS 35 (1943), p.314; EB 556.
[19] Fil-bniedem u permezz tal-bniedem: cf. Lhud 1,1 u 4,7 (fil-bniedem); 2 Sam 23,2; Mt 1,22 u passim (permezz tal-bniedem); VAT. I: Skema dwar it-tagħlim kattoliku, nota 9: Coll. Lac. VII, 522.
[20] LJUN XIII, IE Providentissimus Deus, 18 Nov 1893: DENZ. 1952 (3293); EB 125.
[21] Cf. S. WISTIN, De Gen. ad litt., 2, 9, 20: PL 34, 270-271; CSEL 28, 2, 46-47 u Ittra 82, 3: PL 33, 277; CSEL 34, 2, 354. S. TUMAS, De Ver., q. 12, a. 2, C. TRENTU, Sess. IV, dwar il-Kotba Kanoniċi: DENZ. 783 (1501). LJUN XIII, IE Providentissimus Deus: EB 121, 124, 126-127. PIJU XII, IE Divino afflante: EB 539.
[22] Cf. S. WISTIN, De Civ. Dei, XVII, 6, 2: PL 41, 537; CSEL 40, 2, 228.
[23] Cf. S. WISTIN, De Doctr. Christ., III, 18, 26: PL 34, 75-76; CSEL 80, 95.
[24] Cf. PIJU XII, l.c.: DENZ. 2294 (3829-3830); EB 557-562.
[25] Cf. BENEDITTU XV, IE Spiritus Paraclitus, 15 Set 1920; EB 469. S. ĠIROLMU, f’Gal 5, 19-21: PL 26, 417A.
[26] Cf. VAT. I, KD dwar il-fidi kattolika, Dei Filius, kap 2 dwar ir-rivelazzjoni: DENZ. 1788 (3007).
[27] S. ĠWANN KRIŻOSTOMU, f’Gen 3,8 (hom. 17,1): PG 53, 134. “Attemperatio”, bil-Grieg synkatábasis.
[28] Cf. PIJU XI, IE Mit brennender Sorge, 14 Mar 1937: AAS 29 (1937), p.151.
[29] Cf. S. WISTIN, Quaest. in Hept., 2, 73: PL 34, 623.
[30] Cf. S. IRENEW, Adv. Haer., III, 21, 3: PG 7, 950; (= 25, 1: HARVEY, 2, p.115). S. ĊIRILLU ta' Ġerusalemm, Cathec., 4, 35: PG 33, 497. TEODORU ta' Mopsuestia, Sof 1, 4-6: PG 66, 452D-453A.
[31] Cf. S. IRENEW, Adv. Haer, III, II, 8: PG 7, 885; ed. Sagnard, p.194.
[32] Cf. Ġw 14,26; 16,13.
[33] Cf. Ġw 2,22; 12,16; cf. 14,26; 16,12-13; 7,39.
[34] Cf. L-Istruzzjoni Sancta Mater Ecclesia maħruġa mill-Kumm. Biblika Pontifiċja: AAS 56 (1964), p.715.
[35] Cf. PIJU XII, IE Divino afflante, 30 Set 1943: EB 551, 553, 567. Kumm. Biblika Pontifiċja, Instructio de S. Scriptura in Clericorum Seminariis et Religiosorum Collegiis recte docenda, 13 Mej 1950: AAS 42 (1950), pp.495-505.
[36] Cf. PIJU XII, ibid.: EB 569.
[37] Cf. LJUN XIII, IE Providentissimus Deus: EB 114; BENEDITTU XV, IE Spiritus Paraclitus, 15 Set 1920: EB 483.
[38] S. WISTIN, Prietka 179, 1: PL 38, 966.
[39] S. ĠIROLMU, Comm. in Is., Prol.: PL 24, 17. Cf. BENEDITTU XV, IE Spiritus Paraclitus: EB 475-480. PIJU XII, IE Divino afflante: EB 544.
[40] S. AMBROĠ, De officiis ministrorum, I, 20, 88: PL 16, 50.
[41] S. IRENEW, Adv. Haer., IV, 32, 1: PG 7, 1071; (= 49, 2) HARVEY, 2, p.255.