Laikos

 

Il-Konċilju Ekumeniku Vatikan II

Sittin sena ilu it-tħejjijiet għall-Konċilju kien fl-aqwa tagħhom

Kitba ta’ Mons Lawrenz Cachia

 

Daħla

Bħala qassis anzjan jiena lħaqt il-bidu, l-iżvilupp u l-għeluq tal-Konċilju Vatikan II. Kien żmien sabiħ li mliena bit-tama u bl-entużjażmu meta konna għadna qassisin żgħażagħ.
Il-Konċilju kien ħolma ta’ Papa Roncalli, iżda ħolma li seħħet tassew u biddlet ħafna l-Knisja kif ukoll id-dinja. Naturalment l-dea kienet ispirata mill-Ispirtu s-Santu, iżda l-Ispirtu s-Santu jinqeda wkoll bit-talenti tagħna. U Papa Ġwanni XXIII kellu żewġ talenti li swewlu ħafna.


L-Isqof Angelo Roncalli

L-ewwel wieħed kien l-imħabba li kellu lejn l-Isorja tal-Knisja. Bħala qassis żagħżugħ huwa kien jgħallem l-Istorja tal-Knisja u kiteb ukoll xi kotba dwar l-Istorja tal-Knisja f’pajjiżu. It-tieni talent kienet l-esperjenza kbira li kellu tal-Knejjes Insara Separati minna. Bħala Delegat tal-Papa għadda ħafna snin fil-Bulgarija, fil-Greċja u fit-Turkija. F’dawn il-pajjiżi hemm ħafna Insara, iżda l-biċċa l-kbira huma mifrudin mill-Knisja Kattolika. L-Isqof Roncalli seta’ jara mill-qrib kemm dawn in-nies jaqblu magħna f’ħafna punti importanti. Għalhekk meta semma li jrid jagħmel Konċilju ekumeniku, bil-kelma ekumeniku ried ifisser żewġ ħwejjeġ: l-ewwel li jkun konċilju ġenerali miftuħ għall-isqfijieet kattoliċi kollha, u t-tieni li b’xi mod ikun ukoll stedina lill-Knejjes Insara Separati biex nersqu aktar lejn xulxin u lejn l-Għaqda perfetta.

 

It-tħabbira u t–tħejjija

Papa Ġwanni XXIII ġie elett papa fit-28 t’Ottubru 1958 u ħabbar il-ħsieb tiegħu li jagħmel konċilju ġenerali waqt żjara fil-Bażilika ta’ San Pawl barra s-swar ta’ Ruma fil-25 ta’Jannar 1959.
 

Ħafna nies, inklużi xi kardinali, ħasbu li fehmu ħażin jew li l-Papa ħa żball; iżda ma damux ma rrealizzaw li l-Papa tassew ried jagħmel dan il-konċilju. Għalhekk ma damux ma bdew it-tħejjijiet. Kien hemm bżonn preparazzjoni materjali, pereżempju biex għamlu ħafna scaffolding fil-korsija tal-Bażilka ta’ San Pietru fejn kellhom isiru l-laqgħat. Kien hemm bżonn ħafna loudspeakers u mikrofoni, u tant ħwejjeġ oħra biex jaqdu madwar elfejn isqof li wieħed kien qed jistenna.

Iżda aktar importanti kienet il-preparazzjoni spiritwali u intellettwali. Hawn il-Kongregazzjonjiet tas-Santa Sede ħadu ħsieb jippreparaw dokumenti jew skemi biex ikunu l-bażi tad-diskussjoni. Dawn matul il-Konċilju ġew emendati ħafna u xi wħud minnhom ġew imwarrba u flokhom daħlu oħrajn ġodda.

Karl Rahner, wieħed mit-teoloġi li għenu fil-Konċilju Ekumeniku Vatikan II

 

Ħafna isqfijiet għażlu xi teologu biex jakkompanjahom u diversi teoloġi, minn rajhom, bdew jiktbu artikli u saħansitra kotba dwar dak li xtaqu mill-konċilju. U ma ninsewx il-kontribut kbir tal-istampa li tat ħafna importanza lil dan il-konċilju kif tassew kien xieraq. Fost teoloġi imsemmija ħafna kien hemm Hans Kung, l-aħwa Karl u Hugo Rahner, il-Ġiżwiti Franċiżi Jean Danielou u Henri De Lubac, Bernard Haring, id-Dumnikani Ives Congar u M.D. Chenu, Edward Schillibeeckx u John Courtney Murray.

Żvolġimnet tal-Konċlju

Il-laqgħat ewlenin tal-Konċilju Vatikan saru fil-Ħarifa tas-snin 1962, 1963, 1964 u 1965. Il-ftuħ solenni sar fil-11 t’Ottubru 1962 wara proċessjoni solenni mill-Palazz tal-Papa għall-Bażilka ta’ San Pietru. 

L-Isqfijiet li ħadu sehem fil-Konċilju deħlin fil-Bażilika ta’ San Pietru

 

Dak iż-żmien il-11 ta’ Ottubru kienet taħbat il-festa ta’ Marija SS.ma Omm Alla. Id-Diskors tal-Papa li bih iddikjara l-Konċilju miftuħ kien diskors studjat u profond ħafna. Iżda dak inhar fil-għaxija l-Papa għamel diskors qasir lill-folla miġbura fil-pjazza, fejn tkellem b’mod familjari u kompla juri kemm kien għal qalbu dan il-Konċilju.

F’nofs is-sena 1963 Papa San Ġwann XXIII miet, iżda l-Konċilju tkompla mill-Papa San Pawlu VI u ntemm solennement nhar il-Konċezzjoni, festa oħra tal-Madonna, tas-sena 1965.

Il-laqgħat ordinarji tal-Konċilju kienu jsiru filgħodu, iżda wara nofsinhar u filgħaxija kienu jsiru diversi laqgħat mhux uffiċċjali bejn gruppi diversi ta’ isqfijiet speċjalment skont il-lingwa tagħhom. Fil-Ħarifa tal-1964 għamilt xahar Ruma u kelli x-xorti nattendi waħda minn dawn il-laqgħat li kienet dwar Skema 13. Skema 13 kien dokument li, wara ħafna emendi, sar jismu Gaudium et Spes. F’dik il-laqgħa, min fetaħ id-diskussjoni kien kontra dak id-dokument iżda, wara diskussjoni libera u interessanti, ħafna indunaw kemm kien importanti. Fil-fatt huwa meqjus bħala wieħed mill-aħjar dokumenti tal-Konċilju. F’dak iż-żmien kelli wkoll ix-xorti li flimkien ma’ Dun Benny Tonna nakkompanjaw lill-Arċisqof Gonzi waqt il-quddiesa li kienet tibda kull laqgħa tal-Konċilju. Meta ntemmet il-quddiesa konna mitlubin noħorġu. Bqajt impressjonat b’dik il-kwantità ta’ isqfijiet kif ukoll bin-numru sabiħ ta’ delegati mill-Knejjes Insara Separati li kważi kollha bagħtu delegat fil-Konċilju.

 

L-isqfijiet Maltin li ħadu sehem fil-Konċilju - (mix-xellug għal-lemin) l-Arċisqof Mikiel Gonzi, l-Isqof ta’ Għawdex Ġużeppi Pace u l-Isqof Awżiljarju Emmauel Galea

L-isqfijiet Maltin li ħadu sehem fil-Konċilju kienu l-Arċisqof Mikiel Gonzi, l-Awżiljarju tiegħu Mons. Emm. Galea, l-Isqof ta’ Għawdex Mons. Ġużeppi Pace, u l-Amministratur Apostoliku ta’ waħda mid-djoċesijiet tal-Perù Mons. Redent Gauci. Kemm l-Arċisqof Gonzi kif ukoll l-Isqof Galea għamlu diskorsi qosra waqt il-Konċilju.

Il-Papa Ġwanni XXIII ma kienx jinżel għal kull laqgħa tal-Konċilju, iżda kien isegwi kollox mill-istudju tiegħu permezz ta’ sett tat-televiżjoni armat apposta. Meta kien hemm bżonn huwa ħa wkoll sehem attiv. Hekk pereżempju meta qamet kwestjoni jekk votazzjoni tal-maġġoranza kinitx biżżejjed biex tgħaddi mozzjoni huwa qata’ l-kwestjoni favur il-maġġoranza.
 

L-ewwel sessjoni (Ħarifa 1962)

L-ewwel sessjoni li saret fil-Ħarifa 1962 sa ċertu punt ma tat ebda riżultat konkret fis-sens li ma ġie approvat ebda dokument; iżda swiet ħafna għax fiha saru ħafna diskussjonijiet u l-isqfijiet saru jafu aktar lil xulxin. Fil-bidu ta’ dik l-ewwel sessjoni saru kommissjonijiet ġodda bil-parteċipazzjoni ta’ isqfijiet minn kull naħa tad-dinja.

Kif diġà semmejna Papa Ġwanni laħaq biss l-ewwel sessjoni tal-Konċilju. F’Diċembru 1962 ħass l-ewwel sintomi li ġew imħabbra lill-pubbliku bħala gastrite. Iżda kien il-bidu ta’ kanċer. Bil-kuraġġ kollu l-Papa baqa’ jikteb l-enċiklika Pacem in Terris u ppubbilkaha f’Pentekoste tal-1963. Huwa miet mibki minn kulħadd fit-3 ta’ Ġunju 1963. Fit-21 tal-istess xahar ġie elett il-Papa Pawlu VI li mill-ewwel wera li ried ikompli l-Konċilju li fih huwa kien diġà ta kontribut kbir.

It-tieni sessjoni (Ħarifa 1963)

F’din is-sessjoni deher l-ewwel frott konkret tal-Konċilju billi ġew approvati u ppubblikati żewġ dokumenti: wieħed fuq il-Liturġija u l ieħor fuq il-Mezzi tal-Komunikazzjoni Soċjali.
Il-Papa Pawlu VI li mexxa l-Konċilju wara l-mewt ta’ Ġwanni XXIII

Id-dokumenti tal-Konċilju jinqasmu hekk: kostituzzjonijiet, dikjarazzjonijiet u digrieti. Il-kostituzzjonijiet jistgħu ikunu jew dommatiċi, jew pastorali jew bla żieda.
Id-dokument fuq il-Liturġija (kostituzzjoni Sacrosanctum Concilium) huwa wieħed mill-aħjar waqt li dak dwar il-Media (digriet Inter Mirifica) ma tantx ġie mfaħħar. Ta’ min iżid li dak dwar il-liturġija ġab bidliet kbar fiċ-ċelebrazzjonijiet l-aktar qaddisa, fosthom l-użu tal-ilsna moderni flok il-Latin.

Fuq id-dokument tal-Liturġija ħadmu b’mod speċjali Patri Annibale Bugnini u l-Kardinal Lercaro. Dawn imbagħad kienu magħżula mill-Papa biex imexxu fil-prattika l-applikazzjoni tad-dokument Sacrosanctum Concilium.

It-tielet sessjoni (Ħarifa 1964)

F’din is-sessjoni ġew approvati 3 dokumenti oħra: il-kostituzzjoni dommatika Lumen Gentium dwar il-Knisja, id-digriet Orientalium Ecclesiarum dwar il-Knejjes Orjentali magħqudin ma’ Ruma, u d-digriet Unitatis Redintegratio dwar l-għaqda mal-Knejjes Insara Separati.

Id-dokument dwar il-Knisja huwa wieħed mill-aktar important u jagħtina aspetti ġodda dwar il-Knisja. Jibda billi jsejħilha poplu t’Alla. Qabel il-Konċilju ħafna diskorsi dwar il-Knisja kienu bbażati biss fuq il-liġi, imma l-Konċilju jrid li nibbażaw fuq l-għaqda u l-imħabba u l-koperazzjoni sħiħa bejn il-lajċi u l-kleru.  

Dwar il-lajċi l-Konċilju jfakkar li huma wkoll jieħdu sehem mis-saċerdozju ta’ Kristu għalkemm fi grad differenti mill-presbiteri u l-isqfijiet. Fl-istess kostituzzjoni nsibu wkoll kapitlu sħiħ dwar is-sejħa ta’ kull Nisrani biex jgħix ħajja qaddisa. Mhumiex il-patrijiet u s-sorijiet biss li huma msejħa biex jgħixu ħajja qaddisa, imma kull min hu mgħammed.

 Id-digriet dwar il-Knejjes Orjentali huwa wieħed mill-aqsar u jinteressa l-aktar lil dawk il-Knejjes. Iżda dak dwar l-ekumeniżmu jew unità bejn l-Insara kollha huwa importanti għal kulħadd. Huwa jibda bllli jagħżel bejn il-knejjes separati tal-Vant, li għandhom ħafna xebh magħna, u dawk Protestanti, li tbegħdu ħafna minna. Iżda f’kull każ iħeġġeġ lill-Kattoliċi biex, taħt it-tmexxija tal-Isqfijiet Kattoliċi jikkoperaw ħalli nersqu aktar lejn xulxin.

Ir-raba’ sessjoni (Ħarifa 1965)

l-aħħar sessjoni tal-Konċilju Vatikan II saret fil-Ħarifa tas-sena 1965 u fiha ġew approvati mhux anqas minn ħdax-il dokument. Dan ma jfissirx li ġew diksussi kollha fl-aħħar sessjoni; xi wħud minnhom kienu diġà ġew diskussi f’sessjonijiet preċedenti iżda kienu għadhom ma laħqux qbil biżżejjjed. Imma fl-aħħar sessjoni id-dokumenti kollha ġew finalizzati.

 

Id-dokumenti huma dawn: klikkja ...

▪ Ad Gentes, Digriet dwar il-Ħidma Missjunarja tal-Knisja, 07/12/1965.

▪ Apostolicam Actuositatem, Digriet dwar l-Apostolat tal-Lajċi, 18/11/1965.

▪ Christus Dominus, Digriet dwar l-Uffiċċju Pastorali tal-Isqfijiet, 28/10/1965.

▪ Dei Verbum, Kostituzzjoni Dommatika dwar ir-Rivelazzjoni Divina. 18/11/1965.

▪ Dignitatis Humanae, Stqarrija fuq il-Libertà Reliġjuża, 07/12/1965.

▪ Gaudium et Spes, Kostituzzjoni Pastorali dwar il-Knisja fid-Dinja Tallum, 09/12/1965.

▪ Gravissimum Educationis, Dikjarazzjoni dwar l-Edukazzjoni Nisranija, 28/10/1965.

▪ Inter Mirifica, Digriet dwar il-Mezzi ta’ Komunikazzjoni Soċjali, 04/12/1963.

▪ Lumen Gentium, Kostituzzjoni Dommatika dwar il-Knisja, 21/11/1964.

▪ Nostra Aetate, Dikjarazzjoni dwar ir-Relazzjoni mar-Reliġjonijiet mhux Insara, 28/10/1965.

▪ Orientalium Ecclesiarium, Digriet dwar il-Knejjes tal-Lvant, 21/11/1964.

▪ Optatam Totius, Digriet dwar il-Formazzjoni Saċerdotali, 28/10/1965.

▪ Perfectae Caritatis, Digriet dwar it-tiġdid u l-addattament tal-ħajja reliġjuża, 28/10/1965.

▪ Presbyterorum Ordinis, Digriet dwar il-ministeru u l-ħajja tal-presbiteri, 18/11/1965.

▪ Sacrosanctum Concilium, Kostituzzjoni dwar il-Liturġija, 04/12/1963.

▪ Unitatis Redintegratio, Digriet dwar l-Ekumeniżmu, 21/11/1964.

Dwar id-dokument, Gaudium et Spes, diġà semmejt xi ħaġa aktar ’il fuq. Huwa importanti għaliex waqt li jfakkarna li aħna rridu naħdmu għall-ħajja li għad trid tiġi, jgħidilna wkoll biex ma nittraskurawx il-ħajja preżenti, imma għandna nistmawha u nqaddsuha u nagħmluha aktar umana għall-ġid tal-bnedmin kollha. Dan id-dokument fih aġġornament tat-tagħlim soċjali tal-Knisja sa dak inhar li ġie promulgat.

Ma nħalltux Nostra Aetate ma’ Unitatis Redintegratio. Tal-aħħar jitkellem fuq nies mhux Kattoliċi iżda li jemmnu fi Kristu. Nostra Aetate jitkellem fuq il-Lhud, il-Misilmin u nies ta’ reliġjonijiet oħra mhux Insara.

Dwar l-apostolat tal-lajċi il-Konċilju mhux biss jagħti ħafna importanza lil dan l-apostolat, imma jfakkar ukoll fil-ħtieġa li barra apostolate individwali jkun hawn ukoll apostolat organizzat permezz ta’ għaqdiet. Jinsisti wkoll fuq il-ħtieġa tal-apostolat fuq il-lant tax-xogħol u f’kull post fejn il-bnedmin jiltaqgħu flimkien.

Fid-Dei Verbum il-Konċilju jinsisti li ma nqisux l-Iskrittura u t-Tradizzjoni qishom żewġ għejjun tar-Rivelazzjoni, imma nqisuhom bħala ħaġa waħda fis-sens li t-tradizzjoni ssaħħaħ u tispjega l-Iskrittura; u għalhekk irridu neħduhom flimkien u dejjem nissottomettu ruħna għall-maġisteru tal-Knisja.

Dwar l-isqfijiet il-Konċilju jisħaq li kull isqof mhux biss huwa awtorità fid-djoċesi tiegħu, imma huwa wkoll parti mit-tmexxija tal-Knisja Universali minħabba l-kolleġjalità tal-isqfijiet li flimkien mal-Papa jmexxu l-Knisja kollha kemm hi. Kien għalhekk li Pawlu VI, fl-aħħar sessjoni tal-Konċilju, waqqaf is-Sinodu tal-Isqfijiet fejn rappreżentanti tal-isqfijiet mid-dinja kollha jltaqgħu u jiddiksutu. Is-Segretarju ta’ dan is-Sinodu fil-preżent huwa l-Kardinal Għawdxi Mons. Mario Grech.

Għeluq

Fis-7 ta’ Diċembru 1965, lejlet l-għeluq tal-Konċilju, sar ġest sabiħ ta’ ekumeniżmu. Il-Papa Pawlu Vi u l-Patrijarka ta’ Kostantinopli tal-Knisja Ortodossa Athenagoras ħafru l-iskomunika li kienu taw lil xulxin il-predeċessuri tagħhom ftit aktar minn disa’ mitt sena qabel (1054).

Il-Konċilju għalaq fit-8 ta’ Diċembru, nhar il-Kunċizzjoni Immakulata, billi seba’ kardinali, f’isem l-isqfijiet kollha, qraw seba’ messaġġi qosra lil diversi kategoriji ta’ bnedmin, jiġifieri lil dawk li jiggvernaw; lin-nies tal-ħsieb u tax-xjenza; lill-artisti; lin-nisa; lil-ħaddiema; lill-fqar, batuti, u morda; liż-żgħażagħ.
 

Kitba ta’ Monsinjur Lawrenz Cachia

 

Aktar fuq il-Konċilju Ekumeniku Vatikan II ...