NITOLBU
BIL-KANT
Fis-skiet tal-Monasteru San Pietru u fil-ħemda ta’
l-Imdina
IL-KOR TAL-MONASTERU SAN PIETRU
minn
PETER PAUL CIANTAR
Nhar ta’ Tnejn filgħaxija, wara tmiem il-ġimgħa, l-aktar fix-xhur
xitwin, il-ħemda tal-Imdina taqtagħha b’sikkina. Is-silenzju perfett f’din il-belt
kapitali antika tagħna tħossu sewwa.
Il-fanali, b’dik id-dehra tal-imgħoddi, huma mwaħħlin mad-diversi
kantunieri tal-bini għoli tal-Imdina, u b’dak id-dawl dgħajjef u safrani ħiereġ
minnhom, idawlu d-diversi rkejjen tat-toroq dojoq u mudlama tagħha ... toroq magħġunin
sewwa mal-istorja antika ta’ pajjiżna. Din ix-xena ta’ ħemda titkattar aktar
fix-xhur kesħin u xitwin ta’ pajjiżna. Dan l-ambjent, li jiena nħobb insejjaħlu
wieħed ta’ riflessjoni, tħossu jħalli sensazzjoni qawwija fik.
 
Il-mara u jien, flimkien ma’ grupp żgħir ta’ koppji oħra,
niltaqgħu flimkien kull nhar ta’ Tnejn filgħaxija, biex nagħmlu siegħa ta’ talb
permezz tal-kant, kant l-aktar Gregorjan, fis-skiet tal-Monasteru San Pietru
tas-Sorijiet Benedittini tal-Klawsura fl-Imdina’. Dan il-monasteru, l-aktar
antik u kbir, huwa wkoll marbut mal-Beata Marija Adeodata Pisani, il-Beata li
għexet proprju f’dan il-bini tal-monasteru li minnu jfawwar talb kontinwu mid-diversi
sorijiet Benedittini tal-Klawsura li għexu kważi ħajjithom kollha fih.
Qegħdin grupp żgħir, imsejħin ‘Il-Kor tal-Monasteru San Pietru
tal-Imdina’: ilkoll ’il fuq mis-60 sena u mmexxijin minn Joseph Flask, li għandu
karriera sabiħa mhux biss fil-qasam tax-xandir u fil-qasam tal-kitba, iżda wkoll
fit-taħriġ tal-korijiet. Ilna nagħmlu dan kważi għaxar snin. Fil-fatt huwa l-appuntament
tagħna li ta’ kull nhar ta’ Tnejn niltaqgħu flimkien, u mal-organista żagħżugħa
Ann Marie Mifsud, ngħaddu repertorju bbażat l-iktar fuq il-kant Gregorjan u l-kant
tas-Salmi.
Dan il-kor żgħir jagħti importanza lill-kant Gregorjan u b’hekk
inkunu wkoll qegħdin mixjin max-xewqa tal-Papa preżenti, il-Papa Benedittu XVI.
Il-Papa tkellem ħafna drabi dwar l-importanza li għandu dan il-kant uffiċjali
tal-knisja u biex dan il-kant jerġa’ jsib postu fil-liturġija.
Tassew li nkunu qed nitħarrġu fil-kant għad-diversi funzjonijiet
liturġiċi li jsiru fil-knisja tal-Monasteru, iżda fl-istess ħin inkunu wkoll qed
nitolbu flimkien; għax bħalma jgħid Santu Wistin, “meta nkantaw inkunu qegħdin
nitolbu darbtejn”.
Il-Kor jieħu sehem fil-Festa tal-Beata M.Adeodata Pisani OSB, kif
ukoll fl-Anniversarji tat-twelid, tad-dħul fil-Monasteru, tal-Professjoni
Monastika u tal-Beatifikazzjoni tagħha mill-Beatu Papa Ġwanni Pawlu II fid-9 ta'
Mejju 2001. Minbarra dawn l-okkażjonijiet, il-kor jieħu sehem ukoll
fil-funzjonijiet tal-Ġimgħa Mqaddsa u Ħadd il-Għid; fil-festa ta’ San Benedittu;
fil-Milied u f’okkażjonijiet oħra - funzjonijiet li jsiru f’din il-knisja fejn
jiddomina it-Titular dedikat lil San Pietru li tpitter mill-famuż Mattia Preti.
Xħin aħna l-membri tal-kor, (għaxra b’kollox), bil-permess speċjali tal-Badessa
Madre M. Adeodata Testaferrata de Noto OSB nidħlu fil-monasteru, inħossu fina
bħal paċi kbira fil-qalb. Il-kwiet, is-serenità u l-ġabra jinħassu sewwa f’dan
il-post li jiena nħobb insejjaħlu ‘qaddis’. F’dak il-ħin tagħna, il-ftit
sorijiet Benedittini tal-Klawsura li għad fadal ikunu miġburin quddiem
tabernaklu ċkejken, b’xi xemgħa tpetpet quddiemu, jitolbu fil-kor, filwaqt li
aħna nippreparaw l-orgni u l-mużika għall-provi tagħna li jsiru fil-kappella, (ritratt
lemin), taħt id-dell tan-niċċa
fejn hemm il-fdalijiet qaddisa
tal-Beata M. Adeodata Pisani; naturalment dejjem b’repertorju mużikali ġdid
skont l-okkażjoni.
Ma ndumux aktar minn siegħa: iżda tkun siegħa ta’ talb u
riflessjoni permezz tal-kant, għax meta tkanta tkun qed titlob. |