Daħla

Għalkemm wieħed ma jistax jitkellem fuq
“tradizzjoni” Benedittina, Malta wkoll kellha
forom ta’ Monakiżmu rudimentali marbut
essenzjalment mal-bidu tal-preżenza nisranija
fil-gżira. Siti arkejoloġiċi: Abbazija tad-Dejr,
il-Knisja ta’ San Ċir, il-fdalijiet
Paleo-Kristjani f’Tas-Silġ u oħrajn jixhdu dan.
Mons. Ġużeppi Lupi (Il rito Greco a Malta,
f’Italia Sacra, 1973) jsostni li
fis-seklu IV meta l-Imperu Ruman inqasam fi
tnejn, Malta, saret parti mill-Imperu Biżantin,
iż-żmien meta fi Sqallija il-Monasteri Bażiljani
kienu numerużi. Mons.Lupi ma jeskludix li uħud
minn dawn il-Monaċi, minħabba fid-distanza
qasira setgħu faċilment qasmu l-baħar u
stabbilixxew ruħhom f’Malta. Skont il-Profs.
Mario Buhagiar (Christian Catacombs, Cult
Centres and Churches in Malta to 1530, 1993
- Teżi għal Ph.D. mill-Università ta’ Londra):
“...Monaċi Bażiljani tar-Rit Grieg, kienu jieħdu
ħsieb l-interessi spiritwali tal-bdiewa Maltin
li kienu jaħdmu u jgħixu fl-għelieqi tagħhom”.
F’nofs is-snin ’60, f’isem il-Missjoni
Arkejoloġika Taljana f’Malta, M.Cagiano de
Azevedo(Campagna di scavi-1966, 1967)
għamel sejba importanti f’Tas-Silġ, limiti ta’
Marsaxlokk, u kixef il-fdalijiet ta’ Bażilka
Paleokristjana bi tliet navati flimkien
mal-Battisteru. Waqt Simpożju Internazzjonali
f’Malta fl-1994, il-Profs. Mons.Vincent Borg (Christian
Heritage and Malta Stone, f’Cathedral and
Diocesan Museums, 1995) sejjaħ dak li kien
instab f’Tas-Silġ: “sejba monumentali għax huwa
l-uniku post għall-kult Paleokristjan li qatt
inbena fil-beraħ f’Malta”.
Iktar importanti, imma, huwa żied jgħid li wara
studju attent, l-istess post, joffri evidenza
ċara li sa mill-bidu tas-seklu VI, kien hemm
forma ta’ ħajja monastika fjorenti, li ma
teskludix forom oħrajn monastiċi qabilha.
Interessanti li Cagiano de Azevedo, waqt
il-kampanja tal-iskavi(1965,1966,1967) immexxija
minnu, kien diġà aċċenna għall-“żvilupp ta’
kumpless Monastiku fl-inħawi sa mis-seklu V”
(M.Cagiano de Azevedo, l-istess).
Ħassejt li din id-daħla kienet iktar milli
importanti għaliex sas-seklu V, imkien u, tant
anqas f’Malta, ma kienu jeżistu Monaċi
Benedettini: kien hemm biss, Monaċi. Sas-seklu
msemmi lanqas kienu jeżistu distinzjonijiet ċari
bejn Monaċi tal-Punent jew tal-Lvant, u kien
biss wara San Girgor il-Kbir, Papa u Duttur
tal-Knisja, li bdiet issir differenza bejn Rit
Latin jew Grieg.
Biex dak li jkun jifhem aħjar dak li se nikbu
dwaru, ħa niftah qaws u nagħti ħjiel fuq fuq,
dwar ħajjet San Benedittu u l-bidu tal-Ordni
Benedittin.
San Benedittu

Huwa mpropju meta jingħad li San Benedittu
waqqaf l-Ordni Benedittin, għaliex huwa kien
wieħed mill-Monaċi li, bħal oħrajn qablu nieda
Regola ta’ ħajja għalih u għal dawk li għażlu li
jingħaqdu “fl-Iskola tas-servizz divin” mibdija
minnu u filwaqt li jfittxu lil Alla, jimxu
għalenija fuq it-triq li twassal
għall-perfezzjoni. Bid-differenza minn ta’
qablu, San Benedittu għażel l-aqwa, fost l-erba’
tipi ta’ Monaċi, iċ-Ċenobiti li jagħżlu li
jgħixu f’Monasteru, jaċċettaw li josservaw
ir-Regola b’mod sħiħ u jkunu kompletament taħt
it-tmexxija ta’ l-Abbati (hekk jissejjaħ
is-Superjur ta’ Monasteru fl-Ordnijiet
Monastiċi).
San Benedittu twieled f’Norcia, fir-Reġjun ta’
Umbria, fl-Italja tan-Nofs, fi-sena 480. Kien
għadu adoloxxenti meta telaq lill-familtu u għax
kien “...ta’ nisel nobbli, intbagħat Ruma biex
jitħarreġ fil-għerf”. Ta’ 18–il sena, iżda,
għalkemm “Ħieles li jgawdi dak li tagħti
l-ħajja, ċaħad il-ġibdiet u l-frugħa kollha
tad-dinja” iddeċieda li jmur jgħix għalih waħdu
fil-kampanja fl-idwar ta’ Subiaco: “Ħalla dar
missieru u ġidu kollu biex jogħġob biss lil Alla
u fittex l-egħbusija tal-ħajja monastika”. San
Benedittu “Minn ċkunitu kien misjur
spiritwalment ... ma ħalliex jirbħuħ il-ħajriet
tad-dinja” kien tassew “Bniedem ta’ ħajja
qaddisa ... imbierek bil-grazzja u f’ismu”
(is-siltiet ittieħdu mill-Antifoni tal-Għasar
tas-Solennità ta’ San Benedittu – Rit
Monastiku).
Wara ftit żmien jgħix ħajja ta’ eremita ġo għar,
imnebbaħ minn Alla, wieġeb għas-sejħa ta’ xi
Monaċi u ta’ xi żgħażagħ li talbuh biex
jingħaqdu miegħu u jgħixu flimkien, taħt
it-tmexxija ħajja ta’ talb u xogħol. Dan kien
il-bidu tal-ewwel komunità monastika Benedittina
li, f’qasir żmien tkattru bil-bosta. Minn
Subiaco, San Benedittu, mar Montecassino fejn
fis-sena 529 bena l-Arċiabbazija li sallum
għadha meqjusa bħala s-simbolu tal-Monakiżmu
tal-Punent (Penco, G., 1961, Storia del
Monachesimo in Italia, v.I). Kien hawn li
fil-bidu tas-seklu VI, fassal ir-Regola Qaddisa
li fuqha kellhom jimxu l-Monaċi li kienu għażlu
li jimxu fuq il-passi tiegħu.
Ir-Regola minnufih bdiet tqabbad għeruqha,
speċjalment fl-Italja. Fis-seklu VIII, b’saħħet
l-Imperatur Karlu Manju, mhux biss infirxet
fl-Ewropa, u kienet saret magħrufa mal-Punent
Nisrani kollu, iżda sebqet kull Regola oħra
qabilha. Għalhekk San Benedittu huwa meqjus minn
kulħadd “il-Missier Fundatur tal-Monaċi
Benedittini” li minn dak iż-żmien sar magħruf
bħala l-Ordni Benedittin. Huwa wkoll l-esponent
ewlieni tal-Monakiżmu tal-Punent u għalhekk
fl-24 ta’ Ottubru 1964, is-Serv t’Alla Papa
Pawlu VI iddikjarah Patrun Ewlieni tal-Ewropa.
San Benedittu, sena ’l hawn sena ’l hemm, miet
fis-sena 547, xahar eżatt wara l-mewt ta’ oħtu
t-tewmija, Santa Skolastika, li bl-għajnuna ta’
ħuha nediet il-fergħa femminili, is-Sorijiet
Benedittini, tal-Ordni Benedittin.
San Benedittu , minkejja li għex fl-hekk
imsejjħa “żminijiet tad-dlam”, żminijiet
mill-aktar imqanqla fl-istorja, ħalla sinjal
qawwi dinji. L-ex Primat Kattoliku tar-Renju
Unit u l-Arċisqof ta’ Westminster il-Kardinal
Basil Hume OSB (1923-1999), li kien ukoll Monaku
u Abbati fl-Abbazija Benedittina ta’ Ampleforth
f’kumment fuq il-kariżma Benedittin kiteb hekk:
“San Benedittu, żgur qatt ma seta’ jimmaġina jew
ibassar l-impatt tar-Regola Benedittina mhux
biss fuq il-Knisja imma wkoll fuq id-dinja
politika, soċjali u ekonomiku anki ta’ żmienna”
(Hume, B., 1981, In Praise of St.Benedict).
Wara l-mewt ta’ San Benedittu, il-Monaċi
Benedittini komplew jibnu Monasteri fl-Italja u
marru wkoll iwittu artijiet abbandunati,
jgħallmu s-snajja u jevanġeliżżaw lill-popli
mal-Ewropa kollha, lejali lejn il-motto tagħhom
Ora Labor, Lectio et
Lege. (Talb, Xogħol, Qari)
Min jixtieq isir jaf iktar fuq San Benedittu,
is-Sorijiet Benedittini tal-Klawsura
tal-Monasteru San Pietru-Mdina ippubblikaw
il-ktieb: San Girgor il-Kbir, il-Ħajja u
l-Għemil ta’ San Benedittu minn Norcia –
it-Tieni Ktieb tad-Djalogi, maqlub
għall-Malti ta’ Sergio Portelli –
Illustrazzjonijiet oriġinali ta’ Susan Flask,
Pubblikazzjonijiet Benedittini, 2010.
San Girgor il-Kbir, Papa

Madwar 50 sena wara l-mewt ta’ San Benedittu,
l-ewwel Monaċi Benedittini ġew Malta fis-sena
599. Xhieda ta’ dan, tinsab fl-Epistolarju ta’
San Girgor il-Kbir Papa, għax tlieta mill-mijiet
ta’ ittri li huwa kiteb, bagħathom lid-Djoċesi
ta’ Malta (Gregorii S.Magni, papae, Opera
Registrum Epistularum, Lib.II, 36; Lib.IX,
25; Lib.X, I). Fl-Ewwel waħda (Lulju 592 w.K.)
iwissi serjament lill-Isqof ta’ Malta Luċillu.
Fit-Tieni (Ottubru 598 w.K.) jitlob ir-riżenja
l-ewwel u wara jordna it-tneħħija ta’ l-istess
Isqof li, apparti li kien ħati ta’ imġieba
ħażina u taħwid fl-amministrazzjoni tal-ġid
tal-Knisja Maltija, baqa’ jirrifjuta li jobdi u
jimxi skont l-istruzzjonijiet mogħtija lilu minn
Ruma. Fit-Tielet (Ottubru 599 w.K.), l-iktar
waħda importanti għalina u strettament konnessa
ma’ dak li qed niktbu dwaru, il-Papa, jgħarraf
lil Romano – Defensor Siciliae, li
persunalment huwa kien għadu kif ħatar
lill-Abbati Trajanu bħala l-Isqof il-ġdid ta’
Malta minflok Luċillu. Trajanu skont ma kiteb
l-istess Papa, wasal Malta f’qasir żmien f’dik
l-istess sena. Trajanu mill-Provinċja Valeria
fir-Reġjun tal-Abruzzi – Italja, minħabba
l-invażjonijiet tal-Barbari kellu jaħrab u bħal
ħafna Monaċi oħrajn sab kenn fin-Nofs in-Nhar
tal-Italja. Huwa flimkien ma’ wħud mill-Monaċi
tiegħu spiċċa fi Sqallija, fejn kien inħatar
Abbati tal-Monasteru ewlieni Santa Luċija ta’
Sirakuża (dan kien inbena mill-istess Papa San
Girgor il-Kbir). Meta sar jaf bil-ħatra tiegħu,
Trajanu, baxxa rasu u aċċetta, iżda, għalkemm
bl-umiltà kollha, talab u ingħata mill-Papa San
Girgor il-Kbir, li jieħu miegħu “...pro ejus
solatio...” (mit-Tielet Ittra) erba’ jew
ħames Monaċi biex filwaqt li jgħixu miegħu
‘ħajja flimkien’ jgħinuh fil-missjoni Pastorali
tiegħu f’Malta. Kif tixhed l-awtentiċità ta’
din l-Ittra, ifisser ċar li, l-Monaċi baqgħu
f’Malta għal xi żmien. Il-miġja tal-Isqof
Trajanu kienet tassew ġrajja importanti għal
Malta mhux biss mil-lat ta’ storja, għaliex,
għalkemm Malta hija gżira żgħira, xorta waħda,
San Girgor il-Kbir ried li, anki Malta, tkun
parti sħiħa mir-riformi kbar imwettqa minnu dwar
tiġdid fil-ħajja reliġjuża u nisranija fi ħdan
il-Knisja Universali ta’ żmienu.
Għaddew 1400 sena, iżda f’pajjiżna, fl-1999 ma
sar xejn biex jitfakkar, imqarr b’ċelebrazzjoni
reliġjuża qasira, dan l-anniversarju li,
fir-Renju Unit, tliet snin qabel tfakkar
b’ċelebrazzjonijiet fuq skala nazzjonali.
Prattikament, wara li l-ewwel Monaċi Benedittini
imexxija minn S.Wistin ta’ Canterbury, fis-sena
596 intbgħatu minn San Girgor il-Kbir
jevanġelizzaw lill-Ingilterra, fis-sena 599 ġew
Malta l-Isqof Trajanu u l-Monaċi li ġab miegħu.
Mistoqsija li s’issa għadha bla tweġiba hija:
Sakemm damu fostna? Fejn kienu jgħixu u x’kienu
jagħmlu? Telqu lura? Il-kwistjoni kienet u
għadha miftuha berah. Bħal ħafna ġrajjiet oħra
anki l-istorja ta’ din il-ġrajja għadha trid
tinkiteb.
Fil-fatt, għalkemm huwa magħruf li, wara
Trajanu, kien hemm Monaċi Benedittini oħrajn li
nħatru Isqfijiet ta’ Malta , s‘issa, għad
m’hemmx ħjiel eżatt fuq “il-preżenza
Benedittina” f’Malta minn wara Trajanu sas-seklu
XIII. Ta’ min isemmi wkoll li anki fl-Istorja
ta’ Malta, in ġenerali, kien hemm żmien li
inħoloq vojt u jeżisti nuqqas ta’ tagħrif dwar
il-ġrajjiet kollha li seħħew fi gżiritna,
speċjalment fi żmien il-ħakma Għarbija.
Madankollu, kien hemm xi storiċi, insemmi biss
tnejn: Abela G.F., 1647, Della Descrittione
di Malta; u l-Manuskritt ta’ P.Pelagio,
Kapp. , 1775, Notizie di Monasteri e Case
Religiose tanto di uomini come di femmine di
diversi Ordini introdotti in Malta e Gozo,
li f’kitbithom ma jeskludux il-preżenza ta’
Monaċi Benedittini f’pajjiżna. Abela jasal biex
isostni li f’Malta kien hawn anki Monasteru
Benedittin (L-istess, II, not.V, 388-391)
u jikkwota lil Dom Arnaldo Wionn, Monaku
Ċisterċensi Belġjan O.Cist. (Annotationibus
Summorum Pontifium Ordinis Cistercensis, I,
Cp.XLIII, f.56) . Isemmi wkoll xi ittri
tal-Abbati Costantino Gaetano, li kien żar Malta
fl-1634, fejn jingħad li “il-ħajja monastika
f’Malta bagħet fis-seħħ sa 40 sena wara
t-tkeċċija tas-Saraċini minn Malta fl-1130”.
Mingħajr ma nidħol f’dettalji, u bir-rispett
kollu lejn dawn iż-żewġ storiċi, kbar u
importanti, dan it-tagħrif mhux neċessarjament
huwa eżatt u f’xi punti huwa wkoll konfutabbli
storikament.
Il-Benedittini ta’ San Niccolò
l’Arena – Catania

Dokumentazzjoni preċiża li toffri ħjiel ġdid fuq
l-eventwali preżenza Benedittina f’Malta tmur
lura għall-1362, meta n-Nobbli Isolda
C(L)andolina armla ta’ Lanza Carobene li kienet
tgħix Malta, ħalliet Legat (12 ta’ Lulju 1362)
lill-Monaċi tal-Abbazija San Niccolò l’Arena ta’
Catania. It-Testatriċi, xtaqet tħalli
lill-Monaċi ta’ Catania, artijiet u irziezet li
hija kellha fis-Siġġiewi u l-idwar, kif ukoll xi
djar fl-Imdina, bil-patt u l-kundizzjoni li huma
jibnu Monasteru f’Malta u ħames jew sitt Monaċi
Benedittini jiġu Malta jgħixu fl-imsemmi
Monasteru, jirreċtaw il-Liturġija tas-Sigħat u
jsir quddies u talb ieħor għar-ruħha u għar-ruħ
żewġha (Vito Amico,1733, Reliquiae abbatiarum
in Siciliae quae in Pirro desiderantur notitiae,
II, not.IV, appendice in Rocco Pirri, Sicilia
Sacra). Effettivament il-Legat kien aċċettat
mill-Monaċi Benedittini, iżda ssoddisfaw biss
parti minnu, għax ix-xewqa tan-Nobbli Isolda li
jinbena Monasteru f’Malta ma seħħet qatt.
Li kieku wieħed kellu jikkunsidra is-sitwazzjoni
politika imqanqla fi Sqallija fejn kienet għadha
kif saret ħerba mill-Monasteri, fosthom ta’ San
Niccolò l’Arena, u mid-Djar tar-Reliġjużi, il-
Monaċi, forsi, setgħu jaħtfu l-opportunità u
jiġu Malta u jiffurmaw Komunità monastika.
Il-proposta kienet skartata mill-ewwel jew
“kellhom jabbandunawha” għal diversi raġunijiet,
xejn ċari - jista’ jkun minn naħa tagħhom, imma
wkoll sabu oġġezzjonijiet “minħabba raġunijiet
ragjunevoli” - ob rationabiles causas,
mill-Isqof ta’ Malta ta’ dak iż-żmien, Ilarju,
minkejja li aktarx kien Benedittin huwa wkoll.
L-Isqof għamilha ċara li huma setgħu
jissoddisfaw “il-parti spiritwali” tal-Legat
fil-Knisja tal-Monasteru tagħhom f’Catania (Vito
Amico, l-istess). Madankollu, aktarx li
xi Monaċi, xorta waħda, laħqu ġew Malta u baqgħu
hawn, għaliex għalkemm ma bnewx il-Monasteru,
żgur li huma ħadu pussess tal-ġid kollu imħolli
lilhom min-Nobbli Isolda, u li kienu jamministraw
persunalment. Huwa dokumentat li tul is-snin
huma kabbru ġidhom b’neguzjar, xiri u b’akkwist
ta’ proprjetà u artijiet permezz ta’ Legati u
Donazzjonijiet (Archivio di Stato – Catania,
Cabrum Bonorum et iurium pheudi de Lanzalotto,
M/s, vol.153 anni 1320-1680; vol.154 anni
1362-1723; vol.155 anni 1362-1710; vol.156 anni
1364-1710; vol.158 anni 1813-1830, 1833; vol.159
anni 1364-1708; vol. 573 anni 1763-1769). Mhux
eskluż li kien jgħixu u jaqdu d-dmirijiet
spiritali tagħhom u tal-abitanti tal-idwar fi
Knisja ċkejkna fil-limiti tas-Siġġiewi, li
aktarx kienu bnew huma stess(Archivio Segreto
Vaticano - Congregazione Vescovi e Regolari,
Malta: Visita Apostolica no. 51 Mons. Petrus
Dusina, 1575, f’Aquilina G. – Fiorini
S.,2000, Documentary Sources in Maltese
History, Part IV Documents at the Vatican).
F’din il-Knisja, dedikata lil San Nikola, li
kienet inbniet mill-ġdid fis-seklu XVI, sa ftit
snin ilu kienet għadha ssir quddiesa filgħodu
kmieni għar-ragħajja u għall-kaċċaturi.
Fil-bidu tas-seklu XV, il-Monaċi Benedittini li
kienu Malta bdew jilmintaw mas-Superjuri tagħhom
li l-qagħda politika f’Malta ma baqgħetx li
kienet u spiss kellhom jiffaċċjaw xi
diffikultajiet, apparti li bdew ukoll jibżgħu
għas-siġurtà persunali tagħhom. Forsi, seta’
kellhom xi ftit tar-raġun, imma żgur hu li huma
kienu jafu li is-sitwazzjoni politika u soċjali
fi Sqallija kienet tjiebet ħafna u għalkemm
l-Abbazija San Niccolò l’Arena kellha xi
obbligi u interessio xi tħares, huwa fatt li
l-istess Abbazija kienet għaddejja, bħal kull
Monasteru Benedittin ieħor, minn riformi kbar
speċjalment fil-qasam spiritwali. Hekk kif urew
ix-xewqa li jmorru lura, is-Superjuri laqgħu
it-talba tagħhom u ħabta u sabta, inkiss inkiss
kif kienu ġew, fl-1427 (Arkivju Monasteru San
Pietru-Mdina, Giuliana A/1), marru lura
lejn l-Abbazija tagħhom f’Catania. F’qasir
żmien, fil-bidu tas-seklu XVI, saru wkoll
l-arranġamenti kollha meħtieġa, anki
mal-awtoritajiet ekkleżjastiċi Maltin, biex dak
kollu li seta’ jinġarr ikun trasferit lejn San
Niccolò l’Arena. Il-Monaċi telqu wara li ħatru
Amministratur Malti li kellu regolarment jagħmel
u jibgħat rapporti bil-miktub fuq dak li kien
jagħmel, iżda xorta waħda, żewġ Monaċi baqgħu
jiġu minn żmien għall-ieħor biex iġeddu
l-kuntratti, jagħmlu oħrajn ġodda, jiddettaw
kundizzjonijiet, kollox permezz ta’ Atti
Nutarili. Anki meta ma baqgħux iktar preżenti
f’Malta, xorta waħda xogħolhom kien isir bi
preċiżjoni kbira, speċjalment fil-qasam
tal-Biedja, u bla dubju maż-żmien sawwru
edukazzjoni li f’xi nħawi, l-aktar fl-idwar
tas-Siġġiewi, għadha tidher u forsi wkoll
segwita, sallum.
Il-kapitlu tal-Monaċi ta’ Catania f’Malta kien
magħluq fil-bidu tas-seklu XIX, meta, bi ftehim
formali permezz ta’ Att Nutarili, sar bdil ta’
propjetà bejn il-Knisja Maltija u l-Abbazija ta’
Catania. Fl-1832, bis-saħħa ta’ dan il-ftehim,
id-Djoċesi ta’ Malta ħadet pussess ta’ dak li
kien għad fadal mil-Legat tan-Nobbli Isolda
Carobene fi gżiritna, filwaqt li ċediet
lill-Abbazija San Niccolò l’Arena ta’ Catania xi
artijiet li d-Djoċesi ta’ Malta kellha fil-belt
ta’ Lentini fi Sqallija.
Il-Monasteru San Pietru - Mdina

Wara t-tluq minn Malta tal-Monaċi Benedittini
ta’ Catania, in-Nobbli tal-Imdina, raw kif
għamlu biex ikomplu fiż-żmien il-kariżma
Benedittin fi gżiritna. B’ħafna diffikultajiet,
irnexxielhom jixtru u jakkwistaw proprjetà li
l-Monaċi ta’ San Niccolò l’Arena kellhom
fl-Imdina fosthom bini li kien imħolli
lill-istess Monaċi min-Nobbli Margerita
d’Aragona (Azopardo A., Atti, 14 ta’
Ġunju 1418), armla ta’ Giacomo Pellegrino jew de
Geregrino (Fiorini S., 1989, Santo Spirito
Hospital at Rabat Malta). In-Nobbli, wara li
irranġaw il-binja u tawha sura ta’ dar, tawha
lill-grupp ta’ xebbiet ta’ nisel Nobbli li xtaqu
jiddedikaw ruħhom lil Alla. Huma aċċettaw li
jgħixu ħajja ta’ Klawsura u jgħixu skont
ir-Regola ta’ San Benedittu. Dan kien il-bidu
tal-ewwel Komunità Monastika Benedittina
f’Malta, l-eqdem Monasteru tal-Klawsura u
l-eqdem Istituzzjoni Reliġjuża Femminili
f’pajjiżna. Il-Monasteru għalkemm uffiċjalment
iġib l-isem ta’ Abbazija San Benedittu u San
Pietru, malajr sar magħruf bħala Monasteru San
Pietru u, hekk għadu sallum.
Ta’ min jgħid li wara riċerka li għamlu
fl-Arkivju Sigriet tal-Vatikan, l-istoriċi
P.Ġorġ Aquilina OFM u l-Profs Stanley Fiorini,
jsostnu li sabu dokument li jagħti l-1455 bħala
d-data eżatta tal-Fundazzjoni tal-Monasteru
(Aquilina Ġ. – Fiorini S., 1995, The Origin
of Franciscanism in late Medieval Malta).
Minn riċerki oħrajn, iżda, f’parti oħra
tad-dokument imsemmi hemm data oħra fir-rigward
tal-istesss Monasteru, 1447, li jfisser ċar li
l-Monasteru kien diġà jeżisti. Mingħajr ma
nnaqas xejn mir-riċerka serja u mill-merti
ta-żewġ storiċi ewlenin, nistqarr li id-data
mogħtija minn Aquilina/Fiorini tirreferi
għall-Fundazzjoni Kanonika tal-Monasteru,
l-aktar meta wieħed jikkunsidra s-sitwazzjoni
mwergħa u mqanqla tal-Knisja fis-seklu XV u
d-degrad u kriżi kbira fi ħdan l-Ordni
Benedittin kif ukoll id-dewmien fis-sistemi
tal-komunikazzjoni.
Għalkemm ħadd iktar ma kkonfuta l-1418, bħala
d-data tal-Fundazzjoni tal-Monasteru San Pietru
- hekk għadna nsibu fid-dokumenti tal-Knisja
f’Malta, tal-istess Monasteru u dokumenti
oħrajn, xorta waħda wieħed jista’ jagħmel
raġunament ċkejken. Jekk, skont kif hemm
fl-Arkivju tal-Monasteru San Pietru, il-Monaċi
ta’ Catania telqu minn Malta fl-1427, ma jistax
ikun li l-imessmi Monasteru kien jeżisti.
Eventwalment, sena ’l hawn u sena ’l hemm l-1430
tista’ tkun l-iktar sena probabbli. Jekk dan
ikun aċċertat, huwa pass ulterjuri lejn
il-konferma li l-1455 hija deċiżament id-data
tal-Fundazzjoni Kanonika, minħabba li ż-żmien
bejn l-eventwali data tal-bidu u d-Digriet
Papali huwa pjuttost raġunevoli.
Fil-Knisja tal-Monasteru San Pietru hemm miqjuma
il-fdal tal-Beata Marija Adeodata Pisani
OSB(1806-1855) li għal 27 sena sħaħ għexet ħajja
eżemplari ta’ ubbidjenza u sagrifiċċju u kienet
ta’ għajnuna kbira għal kull min kien iħabbat
il-bieb tal-Moansteru. Kienet dikjarata Beata
nhar id-9 ta’ Mejju 2001 mill-Beatu Papa Ġwann
Pawlu II waqt ċerimonja fuq il-Fosos
tal-Furjana.
Il-Monasteru Santa Skolastika –
il-Birgu

Ta’ min jippreċiża li anki d-data tal-bidu
tal-Monasteru Santa Skolastika hija inċerta.
Kien l-Isqof ta’ Malta Jaime Valguarnera li ried
li, fl-Imdina, ikun hemm Monasteru Benedittin
tas-Sorijiet tal-Klawsura ieħor. Kien fl-1495
jew 1496 li
l-ewwel grupp ta’ xebbiet daħlu fil-Monasteru
l-ġdid li kien dedikat lil Santa Skolastika.
L-Isqof, forsi wkoll b’abbuż ta’ poter, ordna
lil waħda mis-Sorijiet tal-Monasteru San Pietru,
biex tħalli l-Monasteru tagħha u tmur
fil-Monasteru Santa Skolastika u tieħu ħsieb
tal-ħtiġiet spiritwali u edukattivi tax-xebbiet
li kienu għadhom kemm daħlu fih. Fi żmien sena
ħadu l-libsa ta’ Soru Bendittina, għamlu
n-Novizzjat u għamlu l-Professjoni Monastika
(Cachia V.,1780, Notizie del Moanstero di
Santa Skolastika della Vittoriosa, M/s ).
Minħabba problemi ta’ amministrazzjoni, fl-1562,
l-isqof ta’ Malta Cubellas ordna li l-Komunità
ta’ Santa Skolastika tingħaqad ma’ dik
tal-Monasteru San Pietru, iżda fl-1578, l-Isqof
ta’ Malta Mons. Tommaso Gargallo reġa’ fired
iż-żewġ Komunitajiet u b’hekk rega’ nfetaħ
il-Monasteru Santa Skolastika. Madankollu kien
l-istess Isqof Gargallo, minkejja il-protesti
tan-Nobbli, tal-Ġurati u tal-popolazzjoni
tal-Imdina u tal-istess Sorijiet, li fil-25 ta’
April 1604, is-Sorijiet ta’ Santa Skolastika
kienu trasferiti lejn il-Birgu u sabu kenn
f’dak li kien il-Monasteru tas-Sorijiet ta’
Sant’ Ursula, li wara li l-Belt Valletta kienet
saret il-Belt Kapitali ta’ Malta kien telqu
mill-Birgu. Minħabba problemi strutturali,
sanitarji u anki ta’ spazju, is-Sorijiet,
fl-1640 talbu li jitħallew jixtru dak li kien
l-isptar tal-Ordni, dejjem fil-Birgu, imma tliet
snin wara saru jafu li kien ingħatalhom b’xejn.
Fl-1650 ngħataw il-permess mis-Santa Sede biex
jibdew ir-ristrutturazzjoni neċessarja u sentejn
wara matul il-lejl tat-30 ta’ Ottubru 1652 daħlu
fil-Monasteru l-ġdid fejn għadhom sallum.
Il-Monasteru Santa Marija
tan-Nigret – iż-Żurrieq
Lejn tmiem is-seklu XIX, fl-inħawi tan-Nigret,
limiti taż-Zurrieq, il-Kongregazzjoni
Benedittina Sublaċensi fethet l-ewwel u l-uniku
Monasteru Benedittin (1881-1883) li qatt kien
hawn f’Malta. Kienet ġrajja importanti
fl-Istorja Reliġjuża ta’ Malta iżda wkoll
għall-Ordni Benedittin. Kif, għaliex u min kien
ta bidu lil dan il-Monasteru tal-Monaċi
Benedittini?
Għar-raġunijiet reliġjużi, politiċi u soċjali,
bejn tmiem is-seklu XVIII u l-ewwel nofs
tas-seklu XIX, il-qagħda tal-Monasteri
Benedittini fl-Italja, ma kienet tajba xejn u,
il-ħajja spiritwali u monastika kienet waqgħet
lura ħafna. Fosthom il-Kongregazzjoni
Benedittina Cassinese li kienet qed tiffaċċja
problemi serji ta’ identità. Fl-1843, monaku
minn din l-istess Kongregazzjoni, l-Abbati Pier
Francesco Casaretto OSB (1810-1878), xewqan li
jgħix ħajja monastika kif suppost, ta bidu
għall-Kongregazzjoni Benedittina Cassinese di
Primitiva Osservanza. Miegħu ingħaqdu mhux biss
Monaċi individwali iżda wkoll Monasteri
Cassinesi tant li wasal biex ifassal regoli
ġodda dwar il-ħajja monastika ibbażati fuq
l-osservanza sħiħa tar-Regola u tal-ħajja komuni
li kienu appruvati fl-1846. Ħames snin wara,
fid-dawl tas-suċċess li kisbet anki barra
mill-Italja, ingħatat għarfien uffiċjali
mill-Beatu Papa Piju IX. Fl-1872, b’Digriet
Pontifiċju il-Kongregazzjoni tal-Abbati
Casaretto infirdet mill-Kongregazzjoni Cassinese
u ngħata bidu formali għall-Fergħa Monastika
oħra fi ħdan l-Ordni Benedittin, magħrufa bħala
Kongregazzjoni Benedittina Sublaċensi. Dan
il-qaws kien meħtieġ biex dak li jkun jifhem
aħjar ir-rabta bejn il-Kongregazzjoni imsemmija
u l-Fundazzjoni Benedittina f’Malta. (Caracciolo
M.G., 1981, Lineamenti Storici del
Monachesimo)
Il-Kongregazzjoni Sublaċensi, minkejja l-isforzi
tal-Abbati Casaretto, bħal kull Istituzzjoni
Reliġjuża oħra, speċjalment fir-Reġjun ta’
Liguria, kienet imxekkla mis-sitwazzjoni
politika anti-klerikali fl-Italja, fil-ħidma
tagħha biex tkompli tespandi u u toffri tħejjija
xierqa liż-żgħażagħ li xtaqu jissieħbu. Meta
waqgħet il-proposta biex titnieda Dar
tan-Novizzjat fil-Monasteru San Lawrenz ta’ Eża,
qrib Nizza-Franza, it-tmexxija
tal-Kongregazzjoni fil-Kapitlu Ġenerali tal-1880
iddeċidiet li tiftaħ Monasteru f’Malta flimkien
mà Dar tan-Novizzjat li jkollha xeħta
internazzjonali. Delegazzjoni ta’ żewġ Monaċi,
il-Pro Viżitatur Dom Marino Frattin OSB u Dom
Ambrose Agius OSB, li kien għadu Djaknu,
intbgħatet Malta f’Mejju tal-1881. Wara ħafna
tfittix u offerti sabu addattata ħafna il-Knisja
ta’ Marija SS.ma Immakulata tan-Nigret, limiti
taż-Żurrieq u l-bini ta’ maġenbha magħruf bħala
Palazzo Togores – Il-Palazz tan-Nigret, li
ngħatawlhom b’kera.(I Monasteri Italiani
della Congregazione Sublacense, 1843 – 1972)
L-ewwel grupp ta’ Monaċi waslu fiż-Żurrieq
f’Novembru tal-istess sena u fil-Milied 1881
ingħata bidu għall-ħajja komuni u
għall-osservanza tal-Kor. Fiz-19 ta’Jannar 1882
twaqqaf formalment il-Monasteru li għall-ewwel
isemma’ Monasteru Marija SS.ma Immakulata.
Il-quddiem sar magħruf sempliċiment Santa Marija
tan-Nigret (bit-Taljan “Santa Maria del
Nigrett”). Infetaħ ukoll in-Novizzjat u l-ewwel
Novizz kien il-Malti Dom Attilano Debono OSB
mill-Belt. In-nies tal-inħawi laqgħu b’ferħ mhux
biss lill-Monaċi Taljani iżda wkoll lill-Monaċi
barranin li għaddew xi żmien fiż-Żurrieq. Fil-11
ta’ April 1883, il-Monasteru taż-Żurrieq ngħata
l-għarfien kanoniku u sar Prijurat. L-ewwel u
l-uniku Pirjol kien Dom Ildebrando dell’Oro OSB.
Bil-ħatra tal-Pirjol, il-Komunità ħadet ir-ruħ u
kollox kien jidher li l-ħajja kienet għaddejja
ġmielha, iżda, mingħajr ma wieħed jidħol
f’dettalji partikulari, bħalma jiġri f’kull
‘familja kbira b’idejat u mentalità differenti’,
minħabba ċirkustanzi improvviżi, fi ħdan
il-Komunità tqanqlu diversi problemi li naffru
il-ħajja ta’ hena li kienet tirrenja sovrana
tant li l-istess Komunità inħakmet minn
sitwazzjoni ta’ dwejjaq u kriżi ta’ stabbiltà.
Mhux eskluż, iżda li, il-maġġuranza tal-Monaċi,
kienu konxji mit-titjib fis-sitwazzjoni
politika fl-Italja, u għalhekk kienu qed jaħsbu
li kien wasal iż-żmien li setgħu jerġgħu jmorru
lura lejn l-Italja. Effettivament dan kien
il-ħsieb fi ħdan il-Kongregazzjoni u ironikament
kien l-istess Pirjol, Dom dell’Oro li,
inċidentalment qatt ma kien favur il-Fundazzjoni
Maltija, fil-Kapitlu Provinċjali li sar bejn
l-14 u l-24 ta’ Ottubru 1883, ippropona biex
il-Komunità Monastika ta’ Santa Marija
tan-Nigret tkun trasferita “immedjatament” lejn
l-Abbazija San Giovanni d’Albaro-Genova.
Il-proposta għaddiet u s-Superjuri nedew
id-Digriet tat-Trasferiment. Fit-13 ta’ Diċembru
1883, il-Komunità f’Malta saret taf uffiċjalment
bid-deċiżjoni li kienet tfisser it-tmiem
tal-esperjenza f’Malta tal-Kongregazzjoni
Benedittina Sublaċensi.
Għalkemm xi Monaċi ħaduha bi kbira, ħadd
mill-Komunità m’għamel xejn biex jopponi
it-trasferiment. Ilkoll iżda, kienu fehma waħda
kontra l-fatt li kellhom jitilqu daqshekk
malajr, l-aktar minħabba li kienet ix-xitwa.
Madankollu il-Pirjol kien deċiż u organizza
kollox personalment. It-trasferiment sar f’erba’
vjaġġi suċċesssivi bejn l-14 ta’ Diċembru 1883 u
l-10 ta’ Jannar 1884. (Mornacchi N., 1972, I
Monasteri di Genova, f’Monasteri
Italiani.....;
Zammit L., 1953, Togores Palace).
Il-Monaċi Sublaċensi ħadu magħhom kulma kellhom,
speċjalment it-tifkira sabiħa tal-affett kbir li
urew magħhom iż-Żrieraq, l-aktar dawk tal-inħawi
tan-Nigret. Fl-aħħar nett il-Kongregazzjoni
Sublaċensi għandha għalfejn tkun kburija
għaliex minkejja iż-żmien qasir, f’Malta ħadet
il-ħajja mill-ġdid u ssaħħet. Fin-Novizzjat
tan-Nigret ixxettlu vokazzjonijiet ġodda biex
seta’ jitkompla fiż-żmien il-Kariżma tal-ordni
Benedittin.
Tul it-tliet snin neqsin għamlu parti
mill-Komunità Sublaċensi f’Malta, iktar minn
għoxrin Monaku mhux biss Taljani iżda wkoll
Ingliżi, Franċiżi u Ġermaniż. Uħud minnhomn
nagħtaw ħatriet importanti fi ħdan
il-Kongregazzjoni u ta’ prestiġju fil-Knisja
Universali bħal: Dom Domenico Serafini sar
Kardinal; ħuħ, Dom Mauro, li kien ordnat
Saċerdot f’Malta sar Segretarju
tal-Kongregazzjoni tar-Reliġjużi; Dom Edmund
Luck sar Isqof ta’ Aukland fi New Zealand; Dom
Ambrose Agius sar Arċisqof u Delegat Appostoliku
fil-Filippini; Dom Paolo Ferretti sar Prokuratur
Ġenerali u l-ewwel Preżident tal-Istitut
Pontifiċju tal-Mużika Sagra; Dom Onofrio Pigato
espert magħruf fil-qasam tal-Biedja u
fit-tkabbir tal-ħxejjex aromatiċi.
Fundazzjoni li ma seħħitx
Minn wara l-esperjenza monastika Benedittina
fiż-Żurrieq, prattikament, ma saret ebda
fundazzjoni oħra, anzi, ħadd ma tħajjar. Kien
biss fis-snin ’70 li sar tentattiv mill-Abbati
Dom Angelo Mifsud OSB, Cass., tentattiv li
tista’ tgħid sfaxxa qabel ma beda. L-Abbati
Mifsud, l-uniku Abbati Malti, fl-1969 kien
inħatar Abbati ta’ l-Abbazija San Martino delle
Scale –Palermo. Minħabba l-ħiliet u
l-kwalitajiet tiegħu, fl-1973 ingħata l-ogħla
ġieħ fi ħdan il-Kongregazzjoni tiegħu u nħatar
Abbati Preżident tal-Kongregaz zjoni Benedittina
Cassinese. Għar-raġunijiet ta’ saħħa, iżda,
kellu jirrinżenja minn din il-ħatra diffiċli
anki jekk prestiġjuża.
Kien wara din ir-riżenja, li meta ħass li kien
irpilja xi ftit, talab u nagħta mis-Superjuri
tiegħu biex flimkien ma’ tliet Monaċi ożra jiġi
Malta bil-għan li jiftah Monasteru. Huma ngħataw
kenn fil-Mużew Wignacourt, ir-Rabat, fejn ħafna
għadhom jiftakru il-ħajja eżemplari u l-ħidma
pastorali tal-Abbati u tal-Monaċi. Minkejja
l-isforzi kollha tagħhom deher mill-ewwel li
l-pjan ta’ Fundazzjoni f’Malta kien destinat li
jfalli. Lanqas ma sewa li l-Arċisqof
Mons.Mikiel Gonzi kien offra lill-Abbati Mifsud
biex jieħu ħsieb is-Santwarju tal-Madonna
tal-Ħlas – limiti ta’ Ħal Qormi, għax minkejja
li dejjem wera li kien lest jgħin u jservi,
bhalma jixhdu in-nies li kienu jafuh, sab
ostakli li għelbu u ġabu fix-xejn riedietu u
ħidmietu. Elementi fil-Knisja, fil-Politika u
anki fil-qasam soċjali mhux dejjem fehmu
l-ispirtu ġenwin ta’ għemilu, anzi, ġieli
interpretaw ħażin l-enerġija u l-entużjażmu
qaddis tiegħu. Konsegwentement, saħħtu
iddgħajfet mill-ġdid u ddispjaċut bil-kbir
għan-nuqqas ta’ appoġġ u koperazzjoni f’art
twelidu, li tant kien iħobb, reġa lura
l-Abbazija tiegħu ta’ San Martino delle Scale,
fejn imdawwar b’oħtu Sr.M.Paola OP u
mill-Komunità Monastika mar lura f’Dar
il-Missier fit-22 ta’ April 1996.
Għeluq
Issa li wasalna fi tmiem din il-kitba, fil-qosor
ħafna, fuq l-esperjenza Benedittina f’Malta,
xieraq li jissemmew, wieħed wieħed, il-Maltin
kollha (jew ta’ nisel Malti) li tul is-snin,
bis-sehem tagħhom f’diversi oqsma, għinu biex
ikomplu jkabbru u jagħtu ġieħ lill-Ordni
Benedittin. Il-lista, f’ordni alfabetiku, tibda
billi jissemmew il-Monaċi li saru Prelati,
mbagħad - skont il-Kongregazzjoni tagħhom -
il-Monaċi ħajjin, u tkompli bil-mejtin. Fl-aħħar
jissemmew oħrajn li għal diversi raġunijiet ma
komplewx fil-ħajja monastika tagħhom u ġew
inkardinati bħala Saċerdoti f’Malta jew
f’Għawdex.
Prelati
Mons.Ambrose Agius OSB Subl. (1856-1911)
Kongregazzjoni Bendittina Sublaċensi
Arċisqof Tit. ta’ Palmyra – Delegat Appostoliku
fil-Filippini
Mons.Mawru Caruana OSB (1867-1943)
Kongregazzjoni Benedittina Ingliża
Isqof ta’ Malta u Arċisqof ta’ Rodi
Rev.mu Dom Angelo Mifsud OSB Cass. (1914-1996)
Kongregazzjoni Benedittina Cassinese
Abbati Abbazija San Martino delle Scale, Palermo
Abbati Preżident tal-Kongregazzjoni Benedittina
Cassinese
Monaċi Professi
(ħajjin)
Kongregazzjoni Benedittina Cassinese
Dom Alferio Caruana OSB Cass. (1941 - )
Dom Luigi Farrugia OSB Cass. (1935 - ) *mhux
Saċerdot
Kongregazzjoni Benedittina Ingliża
Dom Christopher Calascione OSB (1934 -
)*Proneputi ta’ Mons. A.Agius (ara fuq)
Monaċi Professi (mejtin)
Kongregazzjoni Benedittina Cassinese
Dom Raffaele Azzopardi OSB Cass. (1881-1972)
Dom Paolo Cauchi OSB Cass. (1882-1963)
Dom Mawru Inguanez OSB Cass. (1887-1955) *Kien
Biblijotekarju Ewlieni f’Malta
Kongregazzjoni Benedittina Ingliża
Dom Ambrose Agius OSB (1890-1978)*Neputi ta’
Mons.A.Agius (ara fuq)
Dom Denis Agius OSB (1913-1936) *Proneputi ta’
Mons. A.Agius (ara fuq)
Dom Martin Salmon OSB (1920-1926)
Kongregazzjoni Benedittina Sublaċensi
Dom Antonio Debono OSB Subl. (1843-1907)
Dom Attilano Debono OSB Subl. (1861-1943)
Dom Silvestro Azzopardi OSB Subl. (1856 -1921)
*mhux Saċerdot – Għawdxi
Ex Monaċi Professi
Dom Pier Damiano (Dun Manwel) Aquilina
OSB Subl. (1866-1942) – mejjet
Saċerdot Djoċesan f’Għawdex - Għawdxi
Dom Bertario (Dun Karm) Azzopardi OSB
Cass. (1902-1961) – mejjet
Saċerdot Djoċesan – Kappillan ta’ Ħad-Dingli
U.I.O.G.D.
("Ut
In Omnibus Glorificetur Dei: Sabiex f’kollox
ikun glorifikat
Alla."