Aktar mill-Papa Ġwanni Pawlu II ...

PELLEGRINAĠĠ APOSTOLIKU FIL-POLONJA
 (2-10 ta’ ĠUNJU 1979)

QUDDIESA GĦAR-RELIĠJUŻI TA’ JASNA GORA

OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU ĠWANNI PAWLU II 

Czestochowa, 5 ta’ Ġunju 1979 

Għeżież Ħuti! 

1. Nifraħ b’mod kordjali b’din il-laqgħa, li l-Providenza Divina ħejjitilna llum hawn f’riġlejn Sidtna ta’ Jasna Gora. Ġejtu b’numru hekk kbir mill-Polonja kollha, biex tieħdu sehem fil-pellegrinaġg tal-Konnazzjonali Tagħkom li Kristu fil-ħniena bla tarf tiegħu sejjaħ, kif darba għamel ma’ Xmun ta’ Betsajda, u ordnalu jħalli art twelidu biex jassumi s-suċċessjoni fuq is-sedja tal-Isqfijiet ta’ Ruma. Ladarba issa ingħatatlu l-grazzja li jerġà lura għal darb’oħra f’dawn ir-reġġjonijiet, nixtieq nitkellem magħkom bl-istess kliem li iktar minn darba waħda fl-imgħoddi kellimtkom bħala s-suċcessur ta’ San Stanislaw fi Krakovja. Issa dan il-kliem jikseb dimensjoni differenti, universali. 

It-tema tal-“vokazzjoni reliġjuża” hija waħda mill-isbaħ fost dawk li dwarha kellimna u jkellimna b’mod kostanti l-Vanġelu. It-tema ssib inkarnazzjoni speċjali f’Marija, li dwarha stess qalet: “Hawn jien, jien il-qaddejja tal-Mulej, isir minni skont dak li għidt” (Lq 1,38). Naħseb li dan il-kliem sab eku profond fil-vokazzjoni u fil-professjoni reliġjuża ta’ kull waħda minnkom. 

2. Waqt li llum nofri lili nnifsi l-opportunità li nitkellem magħkom, jiġuni f’moħħi l-kapitoli splendidi tat-tagħlim tal-Knisja fl-aħħar Konċilju, kif ukoll id-dokumenti – tant numerużi – tal-aħħar Papiet.

Ippermettuli madankollu li, waqt li nibbaża lili nnifsi fuq din il-għana kollha ta’ tagħlim tal-Knisja, nirreferi għal xi dikjarazzjonijiet modesti tiegħi. U dan nagħmlu għaliex fihom sabu eku l-laqgħat tiegħ mal-ambjenti reliġjużi fil-Polonja, tant numerużi fl-imgħoddi. Ħadthom miegħi f’Ruma bħala “riżorsa” tal-esperjenza personali. Mela jistà jkun li forsi jkun iktar faċli li ssibu lilkom infuskom f’dan il-kliem, li għalkemm indirizzat lill-ambjenti ġodda jitkellem b’xi mod dwarkom: dwar is-sorijiet Pollakki u dwar il-familji reliġjużi Pollakki. 

3. Ftit wara l-bidu tal-ministeru l-ġdid tiegħi kelli l-fortuna li niltaqà ma’ kważi għoxrin elf soru minn Ruma kollha. Hawn hi parti mid-diskors, li dakinhar jien bih indirizzajthom.

Il-“vokazzjoni” tagħkom hija teżor speċjali tal-Knisja, li qatt ma tistà tieqaf titlob, sabiex l-Ispirtu ta’ Ġesù Kristu jqanqal fl-erwieħ vokazzjonijiet reliġjiżi. Infatti dawn huma, kemm għall-komunità tal-Poplu ta’ Alla, kif ukoll għad-“dinja”, sinjal ħaj tas-“seklu futur”, sinjal li, fl-istess ħin, jitfà għeruqu (ukoll permezz tal-ilbies reliġjuż tagħkom) fil-ħajja ta’ kuljum tal-Knisja u tas-soċjetà u jxerred iċ-ċelluli delikati tiegħu...".

Il-preżenza tagħkom “għandfha tkun sinjal viżibbli tal-Vanġelu għal kulħadd. Għandha tkun ukoll nixxiegħa ta’ apostolat speċjali. Dan l-apostolat huwa hekk varju u għani, li għalija huwa saħansitra diffiċli li hawn nelenka l-forom kollha tiegħu, l-oqsma tiegħu, l-orjentamenti tiegħu. Huwa magħqud mal-kariżma speċifika ta’ kull Kongregazzjoni, għall-ispirtu apostoliku tagħha, li l-Knisja u s-Santa Sede appruvaw bil-ferħ, billi raw fiħa l-espressjoni tal-vitalità tal-istess Ġisem Mistiku ta’ Kristu! Tali apostolat huwa soltu diskret, moħbi, qrib l-esseri uman, u għalhekk jixraq b’mod ikbar lir-ruħ femminili, sensibbli għall-proxxmu, u allura msejħa għad-dmir ta’ oħt u omm. Hija propju din il-vokazzjoni li tinsab fl-istess “qalb” tal-esseri reliġjuż tagħkom. Bħala Isqof ta’ Ruma nitlobkom: kunu b’mod spiritwali ommijiet u aħwa tal-bnedmin kollha ta’ din il-Knisja, li Ġesù fil-ħniena u grazzja bla tarf tiegħu, ried jafdali” (“L-Osservatore Romano”, 12 ta’ Novembru 1978, p. 1).

4. Fil-jum tal-24 ta Novembru li għadda kelli x-xorti li niltaqà mal-grupp numeruż ta’ superjuri ġenerali miġburin f’Ruma taħt it-tmexxija tal-Kardinal Prefett tas-Sagra Kongregazzjoni għar-Reliġjużi u l-Istituti Sekolari.  Ippermettuli li ngħaddilkom xi sentenzi mid-diskors li jien għamilt f’dik l-okkażjoni. 

“Il-vokazzjoni reliġjuża… tappartieni għal dik il-milja spiritwali li l-Ispistu nnifsu – spirtu ta’ Kristu – jqanqal u jagħġen fil-Poplu ta’ Alla. Mingħajr l-ordnijiet reliġjużi, mingħajr il-ħajja “kkonsagrata”, permezz tal-voti tal-kastità, tal-faqar u tal-ubbidjenza, il-Knisja ma tkunx għal kollox hija nfisha… Id-djar tagħkom għandhom ikunu fuq kollox ċentri ta’ talb, ta’ ġabra, ta’ djalogu personali u komunitarju ma’ Dak li hu u li għandu jibqà l-interlokutur ewlieni u prinċipali fis-sekwenza operuża tal-jiem tagħkom. Jekk tkunu tafu żżommu ħajja din il-“klima” ta’ komunjoni ntensa u amoruża ma’Alla, ikunilkom possibbli li tmexxu ‘l quddiem, mingħajr tensjonijiet trawmatiċi jew konfużjonijiet perikolużi, dak it-tiġdid tal-ħajja u tad-dixxiplina, li għalihom impenja ruħu l-Konċilju Ekumeniku Vatikan II” (Ivi, 25 ta’ Novembru 1978, p. 1). 

5. Fl-aħharnett il-Messiku. Il-laqgħa li saret fil-kapitali ta’ dak il-Pajjiż baqgħet inċiża b’mod profond fil-memorja u fil-qalb. Ma setax ma jkunx hekk, ladarba s-sorijiet dejjem joħolqu f’dawn il-laqgħat klima partikolarment kordjali u bil-ferħ jaccettaw il-kliem indirizzat lilhom. 

Hawn huma mela xi ħsibijiet ukoll minn din il-laqgħa Messikana: “Il-vokazzjoni tagħkom hija vokazzjoni li jixirqilha l-ikbar stima tal-Papa u tal-Knisja, ilbieraħ u llum. Għal din ix-xewqa nesprimi l-fiduċja ferrieħa tiegħi fikom u nanimakom biex ma tibżgħux fil-mixja li qbadtu, li huwa ta sodisfazzjoni li tkomplu mexjin bi spirtu mġedded u b’entużjażmu… Kemm tistgħu tagħmlu llum, għall-Knisja u għall-umanità! Dawn jistennew id-don ġeneruż tagħkom, id-dedikazzjoni ta’ qalbkom ħielsa, li twessà mingħajr suspetti il-potenzjalitajiet tal-imħabba tagħha f’dinja li qiegħda titlef il-ħila tagħha tal-altruiżmu, tal-imħabba sagrifikata u disinteressata. Infatti, ftakru li intom għarajjes mistiċi ta’ Kristu u ta’ Kristu msdallab” (AAS 71 [1979] 177). 

6. U issa ppermettu li ħsibijieti flimkien ma tagħkom iduru għal-darb’oħra f’dan il-post lejn Sidtna ta’ Jasna Gora li hija sors ta’ ispirazzjoni ħajja għal kull waħda minnkom. Kull waħda minnkom, waqt li tismà ppronunzjat f’Nażżaret, tlissen flimkien ma’ Marija: “Hawn jien, il-qaddejja tal-Mulej, ħa jsir minn skont dak li għidt” (Lq 1,38). F’dan il-kliem hemm miġbur b’ċertu mod il-kunċett ta’ kull professjoni reliġjuża, li permezz tagħha kull waħda minnkom tħaddan bl-esseri kollu tagħha, il-misteru tal-grazzja trażmessa fil-vokazzjoni reliġjuża. Kull waħda minnkom, hekk bħal Marija, tagħżel lil Ġesù, l-Għarus Divin. U waqt li twettaq il-voti tal-faqar, tal-kastità u tal-ubbidjenza tixtieq tgħix għalih, għal imħabbtu. Permezz ta’ dawn il-voti kull waħda minnkom tixtieq tagħti xhieda lill-ħajja eterna li Ġesù ġab fis-salib u l-qawmien mill-imwiet tiegħu. 

Inestimabbli huwa, għeżież ħuti, dan is-sinjal ħaj li tikkostitwixxi kull waħda minnkom f’nofs il-bnedmin. U waqt li tħaddnu bil-fidi, bit-tama u bl-imħabba lill-Għarus Divin, ħaddnuh fil-persuni numerużi li intom taqdu: fil-morda, fl-anzjani, fl-immankati, fil-handikappati, li lilhom, ħadd iktar ħlifkom, ma għandu l-ħila jieħu ħsiebhom, minħabba li għal dan huwa meħtieg sagrifiċċju tassew erojku. U fejn għadkom issibu lill-istess Kristu? Fit-tfal, fiż-żgħażagħ tal-katekiżmu, fil-pastorali maġemb is-saċerdoti. Issibuh fis-servizz l-iktar sempliċi, l-istess bħal fix-xogħlijiet li jesiġu kultant tħejjija u kultura profonda. Issibuh kull fejn, bħall-għarusa tal-Għanja tal-Għanjiet: “…sibt il-maħbub ta’ qalbi” (Kt 3,4). 

Jalla l-Polonja tgawdi dejjem minn din ix-xhieda Evanġelika tagħkom. Ma jonqsux dawk il-qlub sħan li jġorru l-imħabba evanġelika lill-proxxmu. U intom ifirħu bil-ferħ tal-vokazzjoni tagħkom, ukoll meta jkollkom tħossu tbatijiet interni jew esterni jew il-vojt. 

Il-Papa Ġwanni Pawlu II jixtieq jitlob dan kollu flimkien magħkom matul dan is-Sagrifiċċju Mqaddes.

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Emanuel Zarb