Aktar mill-Papa Ġwanni Pawlu II ...

PELLEGRINAĠĠ APOSTOLIKU FIL-POLONJA
(2-10 ta’ ĠUNJU 1979)

QUDDIESA FIS-SANTWARJU TAS-SALIB IMQADDES

OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU ĠWANNI PAWLU II

Mogila, 9 ta’ Ġunju 1979

 

1. Hawn jien mill-ġdid quddiem dan is-Salib, li qribu tant spiss ġejt bħala pellegrin, quddiem is-salib li baqà għalina lkoll bħala relikwija prezzjuża tal-Feddej tagħna.

Meta, fil-viċinanzi ta’ Krakovja nibtet Nowa Huta –bħala kumpless industrijali enormi u belt ġdida kbira: Krakovja ġdida – jistà jkun li ma tajnix każ li kienet qiegħda tinbet propju maġemb dan is-Salib, maġemb din ir-relikwija, flimkien mal-abbazija antikissma taċ-ċistersensi, li konna qegħdin nirtu wara ż-żminijiet ta’ Piast. Kienet is-sena 1222, iż-żmien tal-Prinċep Leszek Bialy, iż-żmien tal-Isqof Ivo Odrowaz, fil-perijodu ta’ qabel il-kanonizzazzjoni ta’ San Stanislaw. F’dawk iż-żminijiet, fit-tielet ċentinarju tal-Magħmudija tagħna, kienet imwaqqfa l-abbazija taċ-ċistersensi, u imbagħad inġabet ir-relikwa tas-Salib Imqaddes, li għal sekli sħah saret destinazzjoni ta’ pellegrinaġġi tar-reġġjun ta’ Krakovja:  tat-Tramuntana min-naħa ta’ Kielce, tal-Lvant min-naħa ta’ Tarnów, u tal-Punent mis-Slesia. Dan kollu seħħ fuq dan it-territorju li fuqu, skont it-tradizzjoni, inbniet darba Stara Huta, kważi omm storika antika tal-attwali Nowa Huta.

Nixtieq illum hawn insellem, għal darb’oħra mill-ġdid, lill-pellegrini ta’ Krakovja, lill-pellegrini tas-Slesia, lill-pellehrini tad-dijoċeżi ta’ Kielce.

Ejjew flimkien inmorru, pellegrini, lejn is-Salib tal-Mulej, għaliex minnu tibda era ġdida fl-istorja tal-bniedem. Dan huwa żmien ta’ grazzja, żmien ta’ fidwa. Permezz tas-Salib il-bniedem setà jifhem is-sens ta’ xortih, tal-eżistenza tiegħu fid-dinja. Skopra kemm Alla ħabbu. Skopra, u jiskopri kontinwament, fid-dawl tal-fidi, kemm huwa kbir il-valur propju tiegħu. Tgħallem ikejjel id-dinjità propja bil-metru ta’ dak is-Sagrifiċċju li Alla offra f’Ibnu għall-fidwa tal-bniedem: “Infatti Alla tant ħabb lill-bniedem li ta’ lil Ibnu uniġenitu, sabiex kulmin jemmen fih ma jmutx, imma jkollu l-ħajja eterna” (Ġw 3,16).

Ukoll jekk jinbidlu ż-żminijiet, ukoll jekk minflok l-għelieqi tal-imgħoddi, fil-viċinanzi ta’ Krakovja, nibet kumpless enormi industrijali, ukoll jekk qegħdin ngħixu f’epoka ta progress eżorbitanti tax-xjenzi naturali u ta’ progress ugwalment sorprendenti tat-teknika, madankollu l-verità tal-ħajja tal-ispirtu uman – li tesprimi ruħha permezz tas-salib – tibqà ma tinbidilx, hija dejjem attwali, ma tixjieħ qatt. L-istorja ta’ Nowa Huta hija wkoll miktuba permezz tas-Salib: l-ewwel, permezz ta’ dak antik ta’ Mogila, mirut minn sekli, imbagħad permezz tal-ieħor, ġdid… li gie mwaqqaf mhux wisq bogħod minn hawn.

Hemm fejn tgħolla s-salib jogħla s-sinjal li issa waslet il-Bxara t-Tajba tal-fidwa tal-bniedem permezz tal-Imħabba. Hemm fejn jogħla s-salib, hemm is-sinjal li bdiet l-evanġelizzazzjoni. Darba, missirijietna għollew f’diversi postijiet tal-art Pollakka, is-salib bħala sinjal li diġa kien wasal il-Vanġelu, li kienet bdiet l-evanġelizzazzjoni, li kellha tibqà sal-lum. B’dan il-ħsieb kien ukoll mgħolli l-ewwel salib f’Mogila, fil-viċinanzi ta’ Krakovja, qrib Stara Huta.

Is-salib il-ġdid tal-injam kien mgħolli mhux bogħod minn hawn, propju matul iċ-ċelebrazzjonijiet tal-millenju. Miegħu irċivejna sinjal, li jiġifieri fuq l-għatba tal-millenju l-ġdid – f’dawn iż-żminijiet ġodda, f’dawn il-kondizzjonijiet ġodda ta’ ħajja – se jerġà jibda jixxandar il-Vanġelu. Bdiet evanġelizzazzjoni ġdida, din donnha t-tieni aħbar, ukoll jekk fir-realtà hija dejjem l-istess. Is-salib jinsab fil-għoli fid-dinja li tevolvi.

Illum quddiem is-salib ta’ Mogila niżżu ħajr, lis-salib ta’ Nowa Huta, għal dan il-bidu ġdid tal-evanġelizzazzjoni, li hawn attwat ruħha. U ejjew ilkoll nitolbu li tagħti l-frott, l-istess bħal tal-ewwel, anzi ferm iktar.

2. Is-salib il-ġdid, li twaqqaf mhux bogħod mir-relikwa antikissma tas-Salib Imqaddes fl-abbazija taċ-ċistersensi, ħabbar it-twelid tal-knisja l-ġdida. Dan it-twelid tnaqqax b’mod profond f’qalbi, u jien, waqt li ħallejt is-sedja ta’ San Stanislaw għas-sedja ta’ San Pietru, ħadtu miegħi bħala relikwa ġdida, bħala relikwa inestimabbli taż-żminijiet tagħna.

Is-salib il-ġdid deher, meta fuq l-art tal-kampanji antiki tal-inħawi ta’ Krakovja, li sar art ta’ Nova Huta, ġew bnedmin ġodda biex jibdew ix-xogħol il-ġdid. Qabel hawn kienu jaħdmu iebes ferm, kienu jaħdmu fir-rabà, u l-art kienet fertili, kienu allura jaħdmu bil-qalb. Minn xi għaxriet ta’ snin bdiet l-industrija; l-industrija l-kbira, l-industrija t-tqila. U l-bnedmin li kienu ġew hawn, li ġew minn partijiet differenti, waslu biex jaħlu l-enerġiji tagħhom bħala ħaddiema tal-metall.

Propju huma ġabu magħhom dan is-salib il-ġdid. Kienu huma li waqqfuh bħala sinjal tar-rieda li jibnu knisja ġdida. Propju dan is-salib, li quddiemu ninsabu f’dan il-waqt. Kelli x-xorti, bħala l-arċisqof u kardinal tagħkom, li nbierek u nikkonsagra, fl-1977, din il-knisja li twieldet minn salib ġdid.

Din il-knisja twieldet mix-xogħol il-ġdid. Nissogra ngħid, li twieldet Nowa Huta. Infatti, ilkoll nafu li fix-xogħol tal-bniedem hemm b’mod profond minqux il-misteru tas-salib, il-liġi tas-salib. Jewwilla ma jivverifikax ruħu fih il-kliem tal-Ħallieq, ippronunzjat wara l-waqgħa tal-bniedem: “Bil-għaraq ta’ gbinek tiekol il-ħobż” (Ġen 3,19)? Kemm ix-xogħol antik tar-rabà li jkabbar il-qamħ, imma wkoll ix-xewk u l-għollieq, kif ukoll ix-xogħol il-ġdid fil-fran u fil-fonderiji, dejjem jitwettaq “bil-għaraq tal-ġbin” Il-Liġi tas-salib tinsab miktuba fix-xogħol uman. Bil-għaraq tal-ġbin jaħdem il-ħaddiem tal-metall. U bil-għaraq tal-ġbin, bil-għaraq tremend tal-mewt, jagonizza l-Kristu fuq is-salib.

Ma nistgħux nifirdu s-salib mix-xogħol tal-bniedem. U dan kien ikkonfermat hawn d’Nowa Huta. U dan kien il-bidu tal-evanġelizzazzjoni l-ġdida, fil-bidu tal- millenju l-ġdid tal-kristjaneżmu fil-Polonja. Dan il-bidu l-ġdid għixnieh flimkien u jien ħadtu miegħi, minn Krakovja għal Ruma, bħala relikwa.

Il-kristjaneżmu u l-Knisja ma jibżgħux mid-dinja tax-xogħol. Ma jibżgħux mis-sistema bbażata fuq ix-xogħol. Il-Papa ma jibżax mill-bnedmin tax-xogħol. Huma dejjem kienu partikolarment qribu. Ħareġ minn ġo nofshom. Ħareġ mill-barriera tal-ġebel ta’ Zakrowek, mill-bojlers ta’ Solvay f’Borek Falecki, imbagħad minn Nowa Huta. Minn dawn l-ambjenti kollha, minn dawn l-esperjenzi propji tax-xogħol – nissogra ngħid – il-Papa tgħallem mill-ġdid il-Vanġelu. Intebaħ u kkonvinċa ruħu kemm b’mod profond fil-Vanġelu kienet minquxa l-problematika kontemporanja tax-xogħol uman.  Kemm huwa mpossibbli li ssolviha sal-aħħar mingħajr il-Vanġelu.

Infatti, il-problematika kontemporanja tax-xogħol uman (kontemporanja biss, mill-bqija?), f’analiżi aħħarija, ma tirriduċix ruħha – jaħfruli l-ispeċjalisti kollha – la għat-teknika, u linqas għall-ekonomija, imma għal kategorija fundamentali: u jiġifieri għall-kategorija tad-dinjità tax-xogħol, jiġifieri tad-dinjità tal-bniedem. L-ekonomija, it-teknika u tant speċjalizzazzjonijiet u dixxiplini oħra jieħdu r-raġuni tal-eżistenza tagħhom minn dik il-kategorija essenzjali unika.Jekk ma jintrabtux magħha u ma jiffurmawx ruħhom ‘il barra mid-dinjità tax-xogħol uman, qegħdin jiżbaljaw, huma ta’ ħsara, huma kontra l-bniedem.

Din il-kategorija fundamentali hija umanistika. Ippermettuli ngħid li din il-kategorija fundamentali, kategorija tax-xogħol bħala qies tad-dinjità tal-bniedem, hija nisranija. Insibuha, fl-iktar grad għoli tagħha ta’ intensità, fi Kristu.

Dan biżżejjed, għeżież Ħuti. Mhux darba biss jien iltqajt magħkom hawn, bħal l-Isqof tagħkom, u tkellimt dwar it-temi kollha b’mod iktar wiesà. Illum, bħala l-mistieden tagħkom, irrid nitkellem b’mod iktar konċiż. Imma ftakru din il-ħaġa antika:  Kristu ma japprova qatt li l-bniedem ikun meqjus – jew li jqis lilu nnifsu – biss bħala strument ta’ produzzjoni, li hu jkun apprezzat, stmat u vvalutat skont tali pronċipju. Dan Kristu ma japprovah qatt! Għalhekk ippermetta li jqegħduh fuq is-salib, bħal ma fuq l-għatba l-kbira tal-istorja spiritwali tal-bniedem, biex jopponi kwalunkwè degradazzjoni tal-bniedem, ukoll id-degradazzjoni permezz tax-xogħol. Kristu jibqà quddiem għajnejna fuq is-salib, sabiex kull bniedem ikun konxju ta’ dik il-qawwa li huwa tah: “Tahom il-qawwa li jsiru wlied Alla” (Ġw 1,12).

U hekk għandhom jiftakruh il-ħaddiem bħala dak li jagħti x-xogħol, is-sistema tax-xogħol bħala dik tar-remunerazzjoni: dan għandhom jiftakruh l-Istat, in-nazzjon, u l-Knisja.

Meta kont fostkom, fittixt li nagħti xhieda ta’ dan. Itolbu, sabiex inkompli nagħti xhieda wkoll wara u ferm iktar issa li ninsab Ruma; li nkompli nagħtiha quddiem il-Knisja kollha u quddiem id-dinja kontemporanja.

3. Bil-ferħ naħseb għall-barka tat-tempju manifiku Mistrzejowice, li l-bini tiegħu avanza b’mod deċiż. Ilkoll tafu li niftakar il-bidu ta’ din l-opra: il-bidunett. U l-istadji kollha suċċessivi tal-bini. Flimkien magħkom nerġà lura bit-talb u bil-qalb fuq il-qabar tas-saċerdot Ġiuseppe, ta’ tifkira qaddisa, li beda din l-opra, waqt li tefà fiha l-qawwiet kollha tiegħu u waqt li ssagrifika fuq l-altar tagħha ħajtu żagħżugħa kollha. Niżżi ħajr lil dawk kollha li qegħdin ikomplu din l-opra b’tant imħabba u perseveranza.

F’dan il-waqt ħsiebi jmur ukoll għall-għoljiet ta’ Krzeslowice. L-isforzi ta’ tant snin bil-mod il-mod qegħdin jaslu għall-frott tagħhom. Bil-qalb kollha nbierek din l-opra u l-knejjes l-oħra kollha li qegħdin jinbnew u li se jinbnew f’dan ir-reġġjun u fil-kwartieri tiegħu dejjem jikbru.

Mis-salib ġo Nowa Huta bdiet l-evanġelizzazzjoni l-ġdida: l-evanġelizzazzjoni tat-tieni millenju. Din il-knisja tixhdu u tikkonfermah. Hija nbniet minn fidi ħajja u konxja, u hemm bżonn li tkompli isserviha.

L-evanġelizzazzjoni tal-millenju l-ġdid għandha tirreferi għad-dutrina tal-Konċilju Vatikan II. Għandha tkun, kif jgħallem dan il-Konċilju, opra komuni tal-Isqfijiet, tas-saċerdoti, tar-reliġjużi u tal-lajċi, opra tal-ġenituri u taż-żgħażagħ. Il-parroċċa mhijiex biss post fejn issir il-katekeżi, hija hi wkoll ambjent ħaj li għandu jattwaha.

Il-Knisja li l-bini tagħha b’tant sforz, imma wkoll b’tant entużjażmu, qegħdin twasslu għat-tmiem, qiegħda tinbena sabiex permezz tagħha jidħol il-Vanġelu ta’ Kristu f’ħajjitkom kollha. Bnejtu l-Knisja; ibnu ħajjitkom bil-Vanġelu!

Maria Reġina tal-Polonja u il-Beatu Massimiljanu Kolbe jgħinukom f’dan, kontinwament.

 

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Emanuel Zarb