Aktar mill-Papa Ġwanni Pawlu II ...

 

PELLEGRINAĠĠ APOSTOLIKU FIL-POLONJA
(2-10ta’ ĠUNJU 1979)

QUDDIES U ATT TA’ KONSAGRAZZJONI LILL-MADONNA

OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU ĠWANNI PAWLU II

Czestochowa - Jasna Gora, 4 ta’ Ġunju 1979

 

1.“Verġni Mqaddsa li tiddefefendi liċ-ċara Czestochowa...”. Jiġini f’moħħi dan il-kliem tal-poeta Mackiewicz, li fil-bidu tal-opra tiegħu “Pan Tadeusz”, f’invokazzjoni lill-Verġni esprima dak li kien iħabbat u jħabbat fil-qalb tal-Pollakki kollha, waqt li nqeda bil-lingwaġġ tal-fidi u b’dak tat-tradizzjoni nazzjonali. Tradizzjoni li tmur lura għal madwar sitt mitt sena ilu, fi żmien il-beata Reġina Edwige, għall-jiem bikrin tad-dinastija Jagellonika. Ix-xbiha ta’ Jasna Gora tesprimi tradizzjoni, lingwaġġ ta’ fidi, ferm iktar antik tal-istorja tagħna, u jirrifletti għaż-żmien stess il-kontenut kollu tal-“Bogurodzica”, li l-bieraħ immeditajna fi Gniezno, waqt li ftakarna l-missjoni ta’ San Wojciech (Sant’Adalberto) u waqt li morna lura għall-ewwel waqtiet tal-aħbar tal-Vanġelu fl-art Pollakka. 

Dik li darba tkellmet bil-kant, tkellmet imbagħad bix-Xbiha tagħha waqt li wriet permezz tagħha l-preżenza materna tagħha fil-ħajja tal-Knisja u ta’ Art Twelidna. Il-Verġni ta’ Jasna Gora irrivelat l-ansjetà materna tagħha għal kull ruħ, għal kull familja, għal kull bniedem li jgħix f’din l-art, li jaħdem, jissielet u jaqà fuq il-kamp tal-battalja, li jiġi kkundannat għall-isterminju, li jikkumbatti miegħu nnifsu, li jirbaħ jew jitlef: għal kull bniedem li  għandu jħalli art twelidu biex jemigra, għal kull bniedem…

Il-Polakki draw jorbtu ma’ dan il-post u ma’ dan is-Santwarju l-ġrajjiet numerużi ta’ ħajjithom: il-waqtiet differenti ferrieħa jew imnikkta, b’mod speċjali l-waqtiet sollenni, deċiżivi, il-waqtiet ta’ responsabiltà bħall-għażla tal-indirizz propju ta’ ħajjithom, l-għażla tal-vokazzjoni, it-twelid ta’ wliedhom, l-eżamijiet tal-maturità… u tant waqtiet oħrajn. Draw jiġu bil-problemi tagħhom f’Jasna Gora biex jitkelmu mal-Omm ċelesti, Dik li hawn għandha mhux biss l-Immaġni tagħha, Xbihetha, - waħda mill-iktar magħrufin u meqjuma fid-dinja – imma li hija hawn preżenti b’mod speċjali. Hija preżenti fil-misteru ta’ Kristu u tal-Knisja, bħal ma jgħallem il-Konċilju. Hija preżenti għal kulħadd u għal kull wieħed u waħda li jippellegrinaw lejha, ukoll biss bir-ruħ u bil-qalb, meta ma jkunux dan jagħmluh fiżikament. Il-Pollakki huma mdorrijin b’dan. Draw ukoll popli relatati, nazzjonijiet ġirien. Bnedmin mill-Ewropa u minn ‘il hemm minnha qegħdin dejjem iktar jiġu hawn.

Il-Kardinal Primat, matul in-novena l-kbira, esprima ruħu dwar is-sinifikat tas-Santwarju ta’ Czestochowa fil-ħajja tal-Knisja b’dan il-kliem: “X’seħħ ġo Jasna Gora? Sa dan il-waqt aħna ma nistgħux nagħtu tweġiba adegwata. Seħħet xi ħaġa iktar minn dak li dak li jkun jistà jimmaġina… Jasna Gora rrivelat ruħha bħala rabta nterna fil-ħajja Pollakka, qawwa li tmiss b’mod profond l-qalb u żżomm in-Nazzjon kollu fl-atteġġjament umli, imma qawwi, ta’ fedeltà lejn Alla, lejn il-Knisja u lejn il-Ġerarkija tagħha. Għalina lkoll kienet sorpriża kbira naraw il-qawwa tar-Reġina tal-Polonja turi ruħha b’mod hekk manifiku”. 

Infatti, jiena ħadt miegħi mill-Polonja, fuq il-Katedra ta’ San Pietru f’Ruma, din id-“drawwa qaddisa” tal-qalb, imħejjija mill-fidi ta’ tant ġenerazzjonijiet, murija mill-esperjenza nisranija ta’ tant sekoli u profondament ingranata f’ruħi. 

2. Bosta drabi ġie hawn Piju XI, naturalment mhux bħala Papa, imma bħala Achille Ratti, l-ewwel Nunzju fil-Polonja, wara l-kisba mill-ġdid tal-indipendenza. Meta, wara l-mewt ta’ Piju XII, kien elett għall-Katedra ta’ Pietru il-Papa Ġwanni XXIII, l-ewwel kliem tiegħu bħala l-Papa l-ġdid kien dar fuq il-Primat tal-Polonja, wara l-Konklavi, kienu tkellmu dwar Jasna Gora. Huwa ftakar iż-żjarat tiegħu hawn, matul is-snin tad-Delegazzjoni apostolika tiegħu fil-Bulgarija, u talab b’mod speċjali talb bla jaqtà lill-Omm Alla, skont l-intenzjoni inerenti għall-missjoni ġdida tiegħu. It-talba tiegħu kienet imwettqa kull jum f’Jasna Gora u mhux biss waqt il-Pontifikat tiegħu, imma wkoll waqt dak tas-Suċċessuri tiegħu. 

Ilkoll nafu kemm xtaq jiġi pellegrinaġġ hawn il-Papa Pawlu VI, hekk marbut mal-Polonja sa miż-żmien tal-ewwel inkarigu diplomatiku tiegħu fin-Nunzjatura ta’ Varsavja. Il-Papa li tant tħabat biex jinnormalizza l-ħajja tal-Knisja fil-Polonja b’mod partikolari għal dak li jirrigwarda l-istruttura attwali tal-Artijiet tal-Punent u tan-Nord. Il-Papa tal-millenju tagħna, huwa ried li jkun hawn bħala pellegrin, maġemb uliedu tan-Nazzjon Pollakk. 

Wara li l-Mulej sejjaħ għandu lill-Papa Pawlu VI nħar is-sollennità tat-Trasfigurazzjoni tas-sena l-oħra, il-Kardinali għażlu lis-Suċċessur fis-26 ra’ Awissu, jum li fih il-Polonja, u speċjalment Jasna Gora, tiċċelebra s-sollennità tal-Madonna ta’ Czestochowa. L-aħbar tal-elezzjoni tal-Papa l-ġdid Ġwanni Pawlu I kienet imxandra lill-fidili mill-Isqof ta’ Czestochowa, waqt l-istess ċelebrazzjoni ta’ filgħaxija. 

X’nistà ngħid dwari, li wara pontifikat ta’ 33 jum biss ta’ Ġwanni Pawlu I, messet, b’digriet li ma jitkejjilx tal-Providenza, ix-xorti li naċċetta l-eredità u s-suċċessjoni apostolika tal-Katedra ta’ San Pietru, fis-16 ta’ Ottubru 1978? X’nistà ngħid jien, l-ewwel Papa mhux Taljan wara 455 sena? X’nistà ngħid jien Ġwanni Pawlu II, l-ewwel Papa Pollakk fl-istorja tal-Knisja? Se ngħidilkom: f’dak is-16 ta’ Ottubru, li fih il-kalendarju liturġiku tal-Knisja fil-Polonja jfakkar lil Santa Edwige, kont mort lura bil-ħsieb għas-26 ta’ Awissu, għall-Konklavi preċedenti u għal dik l-elezzjoni li kienet seħħet fis-sollennità tal-Madonna ta’ Jasna Gora. Ma kelli linqas bżonn li ngħid, kif diġa l-Predeċessuri tiegħi, li kont striħajt fuq it-talb f’riġlejn ix-xbiha ta’ Jasna Gora. Is-sejħa ta’ iben tan-nazzjon Pollakka għall-Katedra ta’ Pietru fiha rabta evidenti u qawwija ma’ dan il-post qaddis, ma’ dan is-santwarju ta’ tama kbira:  “Totus tuus”, Kont sefsift, fit-talb, bosta drabi, quddiem din ix-Xbiha. 

3. U hawn jien illum mill-ġdid magħkom ilkoll, għeżież Huti: magħkom maħbubin Konnazzjonali, miegħek Kardinal Primat tal-Polonja, mal-Episkopat kollu, li jien kont parti minnu għal iktar minn għoxrin sena bħala Isqof, arċisqof metropolita ta’ Krakovja, bħala kardinal. Tant drabi ġejna hawn, f’dan il-post qaddis, fi smigħ pastorali attent biex nisimgħu tħabbat il-qalb tal-Knisja u dik ta’ Art Twelidna fil-qalb tal-Omm. Jasna Gora, infatti, mhijiex biss destinazzjoni ta’ pellegrinaġġ għall-Pollakki ta’ art twelidna u tad-dinja kollha, imma hija s-santwarju tan-Nazzjon. Hemm bżonn nisilfu widintna lil dan il-post qaddis biex nisimgħu kif qiegħda tħabbat il-qalb tan-Nazzjon fil qalb tal-Omm. Din il-qalb, infatti, tħabbat kif nafu, bl-appuntamenti kollha tal-istorja, bil-ġrajjiet kollha tal-ħajja nazzjonali: kemm drabi, infatti, din dwiet bil-krib tat-tbatijiet storiċi tal-Polonja, imma wkoll bl-għajjat ta’ ferħ u ta’ rebħa! Wieħed jistà jikteb l-istorja tal-Polonja b’modi differenti: b’mod speċjali dik tal-aħħar sekli, wieħed jistà jinterpretaha b’muftieħ differenti Bdanakollu jekk irridu nkunu nafu kif tinterpreta din l-istorja l-qalb tal-Pollakki, hemm bżonn niġu hawn, hemm bżonn nestendu widintna għal dan is-Santwarju, hemm bżonn inħossu l-eku tal-ħajja tan-nazzjon kollu fil-qalb tal-Omm u Reġina tiegħu! U jekk din il-qalb tħabbat b’ton ta’ nkwiet, jekk jidwu fiha l-ansjetà u l-għajta għall-konversjoni u għar-rafforziment tal-koxjenza, hemm bżonn li nilqgħu din l-istedina. Din titwieled mill-imħabba materna, li kif taf hi tifforma l-proċessi storiċi fuq l-art Pollakka. 

L-aħħar għaxriet ta’ snin ikkonfermaw u għamlu iktar qawwija tali għaqda bejn in-Nazzjon Pollakka u r-Reġina tiegħu. Quddiem il-Verġni ta’ Czestochowa kienet ippronunzjata l-konsagrazzjoni tal-Polonja lill-Qalb Immakulata ta’Marija, it-8 ta’ Settembru 1946. Għaxar snin wara, ġew imġedda ġo Jasna Gora l-wegħdiet tar-Re Jan Kazimierz, fit-tliet mitt anniversarju minn meta hu, wara perijodu ta’ “dilluvju” (l-invażjoni tal-Iżvediżi fis-seklu XVII) ipproklama lill-Omm Alla Reġina tar-renju Pollakk. F’dak l-anniversarju bdiet in-novena l-kbira ta’ disà snin, bi tħejjija għall-millenju tal-Magħmudija tal-Polonja. U fl-aħħarnett fl-istess sena tal-millenju, fit-3 ta’ Mejju 1966, hawn f’dan il-post, kien ippronunzjat mill-Primat tal-Polonja l-att tas-servitù totali lill-Omm Alla, għal-libertà tal-Knisja fil-Polonja u fid-dinja kollha. Dan l-att storiku kien ippronunzjat hawn, quddiem Pawlu VI, assenti fil-ġisem, imma preżenti fl-ispirtu, bħala xhieda ta’ dik il-fidi qawwija u ħajja, li jistennew u jesiġu żminijietna. L-att jitkellem dwar is-“servitù” u jaħbi fih paradoss simili għall-kliem tal-Vanġelu li skontu hemm bżonn li nitilfu ħajjitna biex nerġgħu nsibuha (cf. Mt 10,39). L-imħabba nfatti tikkostitwixxi t-twettiq tal-libertà, imma fl-istess ħin, “l-appartenenza”, jiġifieri l-“fatt li ma nkunux liberi”, jagħmel parti mill-assenza tagħha. Però dan il-“ma nkunux liberi” fl-imħabba ma jiġix interpretat bħala skjavitù, imma bħala affermazzjoni ta’ libertà u bħala t-twettiq tagħha. L-att ta’ konsagrazzjoni fl-iskjavitù jindika mela dipendenza singolari għal fiduċja bla limiti. F’dan is-sens l-iskjavitù (in-non-libertà), tesprimi l-milja tal-libertà, bl-istess mod li l-Vanġelu jitkellem dwar il-bżonn tat-telf tal-ħajja biex dak li jkun jerġà jsibha fil-milja tagħha. 

Il-kliem ta’ tali att, ippronunzjat bl-ilsien tal-esperjenzi storiċi tal-Polonja, tat-tbatijiet tagħha u wkoll tar-rebħiet tagħha, għandhom interess propju f’dan il-waqt tal-ħajja tal-Knisja u tad-dinja, wara l-għeluq tal-Konċilju Vatikan II li – kif inhu b’mod ġust insostnu – fetaħ era ġdida. Dan beda epoka tal-għarfien approfondit tal-bniedem, tal-“ferħ u t-tamiet tiegħu kif ukoll tad-dwejjaq u t-taqtigħ il-qalb tiegħu”, kif jiddikjara l-ewwel kliem tal-Kostituzzjoni pastorali Gaudium et Spes. Il-Knisja konxja mid-dinjità kbira tagħha u mill-vokazzjoni manifika tagħha fi Kristu, tixtieq tmur tiltaqà mal-bniedem. Il-Knisja tixtieq twieġeb għall-interrogattivi eterni u fl-istess ħin dejjem attwali tal-qlub u tal-istorja umana, u għalhekk twettaq tul il-Konċilju opra ta’ għarfien approfondit tagħha nfisha, tan-natura propja, tal-missjoni propja, tad-dmirijiet propji. Fit- 3 ta’ Mejju 1966 l-Episkopat Pollakk iżid ma’ din l-opra fundamentali tal-Konċilju l-att propju ta’ Jasna Gora: il-konsagrazzjoni lill-Omm Alla għal-libertà tal-Knisja fid-dinja u fil-Polonja. Din hija karba li titlaq mill-qalb u mir-rieda: karba tal-esseri nisrani kollu u tal-komunità għad-dritt sħiħ li jħabbar il-messaġġ feddej: karba li trid issir effikaċi b’mod universali billi tgħaddas għeruqha fl-epoka preżenti u f’dik futura. Kollox permezz ta’ Marija! Din hija l-interpretazzjoni awtentika tal-preżenza ta’ Omm Alla fil-Misteru ta’ Kristu u tal-Knisja, kif jipproklama l-kapitolu VIII tal-Kostituzzjoni Lumen Gentium. Tali nterpretazzjoni tikkorrispondi mat-tradizzjoni tal-qaddisin, bħal Bernard ta’ Kjaravalle, Grignion de Montfort, Massimiljanu Kolbe. 

4. Il-Papa Pawlu VI aċċetta dan l-att ta’ konsagrazzjoni bħala frott taċ-ċelebrazzjoni tal-millenju Pollakk ta’ Jasna Gora, kif tixħed il-bolla tiegħu, li tinsab ħdejn ix-xbiha tal-Madonna s-Sewda ta’ Czestochowa. Illum is-Suċċessur indehen tiegħu, waqt li jinsab f’Jasna Gora, jixtieq iġeddu fil-jum ta’ wara l-Pentekoste, propju waqt li l-Polonja kollha tiċċelebra l-festa ta’ Omm il-Knisja. 

Għall-ewwel darba il-Papa qiegħed jiffesteġġja din is-sollennità waqt li jesprimi flimkien magħkom, Meqjumin u Għeżież Ħuti, ir-rikonoxxenza lill-kbir Predeċessur tiegħu li, sa miż-żminijiet tal-Konċilju, beda jsejjaħ lil Marija bit-titlu ta; Omm il-Knisja. 

Dan it-titlu jippermettilna nippenetraw fil-misteru kollu ta’ Marija mill-waqt tal-Immakulata Konċezzjoni, permezz tal-Annunzjazzjoni, il-Viżitazzjoni u t-Twelid ta’ Ġesù f’Betlem, sa fuq il-Kalvarju. Dan jippermetti lilna lkoll li nsibu ruħna mill-ġdid – bħal ma jfakkar il-qari tallum – fiċ-Ċenaklu, fejn l-Appostli flimkien ma’ Marija, Omm Ġesù, jipperseveraw fit-talb, waqt li jistennew, wara t-tlugħ tal-Mulej fis-sema, it-twettiq tal-wegħda, jiġifieri l-miġja tal-Ispirtu Santu, sabiex tkun tistà titwieled il-Knisja! Fit-twelid tal-Knisja tieħu sehem b’mod speċjali Dik li lilha nafu t-twelid ta’ Kristu. Il-Knisja, mwielda darba waħda fiċ-Ċenaklu tal-Pentekoste, tkompli titwieled f’kull ċenaklu ta’ talb. Titwieled biex issir ommna spiritwali b’xebħ tal-Omm tal-Verb Etern. Titwieled biex tirrivela l-karatteristiċi u l-qawwa ta’ dik il-maternità – maternità ta’ Omm Alla – li grazzi għaliha nistgħu “nissejħu wlied Alla u hekk aħna realment” (1Ġw 3,1). Difatti, il- paternità santissima ta’ Alla, fl-ekonomija feddejja tagħha, inqdiet bil-maternità verġinali tal-qaddejja umli tagħha, biex twettaq f’ulied il-bniedem l-opra tal-awtur divin. 

Għeżież Konnazionali, meqjumin u maħbubun Ħuti fl-Episkopat, Rgħajja tal-Knisja fil-Polonja,  Illustrissmi Mistednin u Intom fidili lkoll, ippermettu li, bħala Suċċessur ta’ San Pietru, illum hawn preżenti magħkom, nafda l-Knisja kollha lil Omm Kristu, bl-istess fidi ħajja, bl-istess tama erojka, li bihom għamilna fil-jum memorabbli tat-3 ta’ Mejju tal-millenju Pollakk. 

Ippermettu li jien inġib hawn, bħal ma għamilt żmien ilu fil-Bażilika Rumana ta’ Santa Maria Maggiore, u mbagħad fil-Messiku fis-Santwarju ta’ Guadalupe, il-misteri tal-qlub, id-duluri u t-tbatijiet u fl-aħħarnett it-tamiet u l-istennija ta’ dan l-aħħar għeluq tas-seklu XX tal-era Kristjana. 

Ippermettu li nafda dan kollu lil Marija. 
Ippermettu li nafdahulha b’mod ġdid u sollenni.
Jiena bniedem ta’ fiduċja kbira.
Tgħallimt inkun hekk hawn. 

 

ATT TA’ KONSAGRAZZJONI LILL-MADONNA

 

5. “Kbira Omm Alla magħmul Bniedem, Verġni Santissima, Sidtna ta’ Jasna Gora...”. 

B’dan il-kliem l-Isqfijiet Pollakki daru lejk tant drabi f’Jasna Gora, waqt li ġabulek f’qalbhom l-esperjenzi u l-pieni, il-ferħ u n-niket, u fuq kollox il-fidi, it-tama u l-imħabba tal-konnazzjonali tagħhom. 

Huwa leċitu għalija li llum nibda bl-istess kliem l-att il-ġdid ta’ konsagrazzjoni lil Sidtna ta’ Jasna Gora, li jitwieled mill-istess fidi, tama u mħabba, mit-tradizzjoni tal-poplu tagħna, u li fih ħadt sehem tant snin, u kontemporanjament jitwieled mid-dmirijiet ġodda li grazzi lilek, o Marija, ġew afdati lili, bniedem indenn u fl-istess ħin ibnek adottiv. 

Tant kien jgħidli l-kliem li Ibnek Uniġenitu, Ġesù Kristu, Feddej tal-bniedem, indirizza mill-għoli tas-Salib waqt li indika lil Ġwanni, appostlu u evanġelista: “Mara, hawn hu ibnek” (Ġw 19, 26). F’dan il-kliem insib dejjem insikat il-post għal kull bniedem u għalija. 

Illum, bil-pjanijiet bla qies tal-Providenza Divina, preżenti hawn f’Jasna Gora, f’ArtTwelidi terrena, il-Polonja, nixtieq nikkonferma qabel xejn l-atti ta’ konsagrazzjoni u ta’ fiduċja, li fil-waqtiet differenti – ħafna drabi u f’forom differenti – kienu ppronunzjati mill-Kardinal Primat u mill-Episkopat Pollakk. B’mod partikolari nixtieq nikkonferma u nġedded l-att ta’ konsagrazzjoni ppronunzjat f’Jasna Gora fit-3 ta’ Mejju 1966, fl-okkażjoni tal-millenju tal-Polonja; b’dan l-att l-Isqfijiet Pollakki, waqt li rregalaw ruħhom lilek, Omm Alla, “fl-iskjavitù ta’ mħabba materna tiegħek” riedu jaqdu l-kawża l-kbira tal-libertà tal-Knisja mhux biss f’Art Twelidhom, imma fid-dinja kollha. Xi snin wara, fis-17 ta’ Ġunju 1976, huma kkonsagraw lilek l-umanità kollha, in-nazzjonijiet u l-popli kollha tad-dinja kontemporanja, lil ħuthom ġirien fil-fidi, fil-lingwa u x-xorti komuni tal-istorja, waqt li estendew din il-konsagrazzjoni sal-iktar limiti bogħod tal-imħabba, kif tesiġih Qalbek: Qalb ta’ Omm li tħaddan lil kulħadd, wieħed u kollha, kullimkien u dejjem. 

Nixtieq illum, waqt li nasal Jasna Gora bħala l-ewwel Papa-pellegrin, inġedded dan il-patrimonju ta’ fiduċja, ta’ konsagrazzjoni u ta’ tama, li hawn b’tant impetu kien akkumulat minn Ħuti fl-Episkopat u mill-Konnazzjonali tiegħi. 

U għalhekk nafdalek, O Omm il-Knisja, il-problemi kollha ta’ din il-Knisja: il-missjoni kollha tagħha, is-servizz kollu tagħha, waqt li wasal biex jagħlaq it-tieni millenju tal-istorja tal-kristjaneżmu fuq l-art. 

Għarusa tal-Ispirtu Santu u Tronn tal-Għerf! Lill-interċessjoni tiegħek nafu l-viżjoni tal-għaġeb u l-programm ta’ tiġdid tal-Knisja fl-epoka tagħna, li sabet l-espressjoni tagħha fit-tagħlim tal-Konċilju Vatikan II. Agħmel li din il-viżjoni u dan il-programm aħna nagħmluh oġġett tal-aġir tagħna, tas-servizz tagħna, tat-tagħlim tagħna, tal-pastorali tagħna, tal-apostolat tagħna – fl-istess verità, sempliċità u qawwa, li  bihom għarrafna l-Ispirtu Santu fis-servizz umli tagħna - . Agħmel li l-Knisja kollha tirrestawra, billi tixrob minn dan is-sors ġdid ta’ għarfien tal-propja natura u missjoni tagħha, mhux minn “ilmijiet” oħra barranin u ivvalenati (cf. Ġer 8, 14). 

Għinna, f’dan l-isforz kbir li qegħdin inwettqu biex niltaqgħu b’mod dejjem iktar matur ma’ ħutna fil-fidi, li magħhom jgħaqqduna tant ħwejjeġ, għalkemm għad hemm xi ħaġa li tifridna. Agħmel li, permezz tal-meżżi kollha tal-għarfien, tar-rispett reċiproku, tal-imħabba, tal-kollaborazzjoni komuni fl-oqsma differenti, inkunu nistgħu niskopru gradwalment il-pjan divin ta’ dik l-għaqda li fiha jeħtieġ li nidħlu aħna u nintroduċu lil kulħadd, sabiex l-unika mergħa ta’ Kristu tingħaraf u tgħix l-għaqda tagħha fuq l-art. O Omm tal-għaqda, urina dejjem it-toroq li jwassluna fiha! 

Ippermettilna, fil-ġejjieni, li niltaqgħu mal-bnedmin kollha u mal-popli kollha, li fuq it-toroq differenti tar-reliġjonijiet ifittxu lil Alla u jridu jaqduh. Għin lilna lkoll biex inħabbru lil Kristu u biex nirrivelaw “il-qawwa u l-għerf divin” (1 Kor 1, 24) moħbija fis-salib. Int, li kont l-ewwel li rrivelajtu f’Betlem mhux biss lir-rgħajja sempliċi u fidili, imma wkoll lill-għorrief mill-pajjiżi mbieghda, Omm tal-Parir it-Tajjeb! Indikalna dejjem kif għandna naqdu lill-bniedem, l-umanità f’kull nazzjon, kif inwassluha fit-triq tas-salvazzjoni. Kif nipptoreġu l-ġustizzja u l-paċi fid-dinja kontinwament mhedda minn diversi partijiet. Kemm nixtieq b’mod ħaj, fl-okkażjoni ta’ din il-laqgħa tallum, nafdalek dawn il-problemi diffiċli kollha tas-soċjetà, tas-sistemi u tal-istati, problemi li ma jistgħux jiġu solvuti bl-odju, il-gwerra u l-awtodistruzzjoni, imma biss bil-paċi, bil-ġustizzja, bir-rispett tad-drittijiet tal-bnedmin u tan-nazzjonijiet. 

O Omm il-Knisja! Agħmel li l-Knisja tgawdi l-libertà u l-paċi fit-twettiq tal-missjoni feddejja tagħha, u li għal dan il-għan issir matura b’maturità ġdida ta’ fidi u ta’ għaqda nterna! Għinna nirbħu l-oppożizzjonijiet u d-diffikultajiet! Għinna biex niskopru s-sempliċità kollha u d-dinjità tal-vokazzjoni nisranija! Agħmel li ma jonqsux “il-ħaddiema fl-għalqa tad-dwieli tal-Mulej”. Qaddes il-familji! Għasses fuq ruħ iż-żgħażagħ u fuq qalb it-tfal! Għin biex jintgħeleb it-theddid morali kbir li jolqot l-ambjenti fundamentali tal-ħajja u tal-imħabba. Ikseb għalina l-grazzja li niġġeddu kontinwament, permezzi tas-sbuħija kollha tax-xhieda mogħtija lis-Salib u lill-Qawmien mill-Imwiet ta’ Ibnek. 

Kermm problemi xtaqt, o Omm, nippreżentalek f’din il-laqgħa, waqt li nelenkahom waħda waħda. Nafdahom kollha lilek, għaliex inti tafhom aħjar minna u tieħu ħsiebhom kollha. 

Dan nagħmlu fil-post tal-konsagrazzjoni l-kbira, li minnha titħaddan mhux biss il-Polonja, imma l-Knisja kollha fid-dimensjonijiet tal-pajjiżi u tal-kontinenti: il-Knisja kollha f’Qalbek materna. 

Il-Knisja kollha, li tagħha jien l-ewwel qaddej, noffrilek u nafdalek hawn, b’fiduċja mmensa o Omm. Amen.

 

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Emanuel Zarb