Aktar mill-Papa Ġwanni Pawlu II ...

PELLEGRINAĠĠ APOSTOLIKU FIL-POLONJA
(2-10 ta’ ĠUNJU 1979)

QUDDIESA QRIB IL-KAMP TAL-KONĊENTRAMENT TA’ AUSCHWITZ-BIRKENAU

OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU ĠWANNI PAWLU II

Auschwitz-Birkenau, 7 ta’ Gunju 1979

 

1. “...Din hija r-rebħa li għelbet lid-dinja: il-fidi tagħna” (1Ġw 5,4).

Il-Kliem tal-Ittra ta’ San Ġwann jiġuni f’moħħi u jippenetrawni f’qalbi, hekk kif ninsab f’dan il-post fejn seħħet rebħa partikolari tal-fidi. Dik il-fidi li twelled l-imħabba ta’ Alla u tal-proxxmu, l-unika mħabba, l-imħabba suprema li hija lesta “li tagħti ħajjitha għal ħbiebha” (Ġw 15,13; cfr. Ġw 10,11). Rebħa tal-imħabba, li l-fidi animat sal-waqtiet estremi tax-xhieda aħħarija u definittiva.

Din ir-rebħa tal-fidi u tal-imħabba kienet murija hawn f’dan il-post – minn bniedem, li ismu kien Massimiljanu Marija, kunjomu: Kolbe; ta’ professjoni (kif kien miktub dwaru fir-reġistri tal-kamp tal-konċentrament): saċerdot kattoliku; ta’ vokazjoni: iben San Franġisk; imwieled: iben ta’ genituri sempliċi, ħaddiema u devoti, nissieġa fil-viċinanzi ta’ Łódź; għall-grazzja ta’ Alla u bil-ħaqq tal-Knisja: beatu.

Rebħa ta’ fidi u mħabba, wisq iktar brillanti, minħabba li seħħet f’post mibni għaċ-ċaħda totali tal-fidi – dik f’Alla u dik fil-bniedem – u biex ikunu kkalpestati b’mod radikali mhux biss l-imħabba, imma s-sinjali kollha tad-dinjità umana.

Post mibni fuq il-mibegħda u fuq id-disprezz tal-bniedem fl-isem ta’ idejoloġija miġnuna, post mibni fuq il-krudeltà. Għalih iwassal bieb, li għadu jeżisti, li fuqu hemm imqiegħda kitba: “Arbeit macht frei”, li għandha ħoss disprezzanti, għaliex il-kontenut tagħha kien kontradittiv b’mod radikali minħabba dak li kien iseħħ ġewwa.

F’dan il-bunker tal-ġuħ, post ta’ massakru terribbli li kkawża l-mewt ta’ erbà miljun bnedmin minn diversi nazzjonijiet, Patri Massimiljanu, waqt li offra ruħu minn rajh għall-mewt biex isalva lil ħuh – li sallum il-ġurnata għadu jgħix fl-art Pollakka – wassal għal rebħa spiritwali tixbaħ lil dik ta’ Kristu stess.

Imma Patri Massimiljanu Kolbe kien l-uniku? Huwa, bla dubju, kiseb rebħa li minnufih affettwat lil sħabu priġunieri u li tagħha, għadu wkoll sallum, jinstemà l-eku fil-Knisja u fid-dinja.

Nafu, iżda, b’rebħiet simili oħra, naħseb, per eżempju, fil-mewt fil-forn krematorju ta’ kamp tal-konċentrament tal-Karmelitana Sor Benedetta tas-Salib – f’Edith Stein, studenta illustri ta’ Husserl, li saret ornament tal-filosodija Tedeska kontemporanja – dixxendenti ta’ familja Lhudija li kienet toqgħod f’Wroclaw.

Ma rridx nieqaf fuq dawn iż-żewġ kunjomijiet meta nagħmel il-mistoqsija: hu kien l-uniku? Hi kienet l-unika…? Għall-kuntrarju nistaqsi, kemm rebħiet inkisbu f’dan il-post ta’ persuni ta’ diversi stqarrijiet, idejoloġċji u bla dubju ta’ xejn mhux biss fost dawk li kienu jemmnu?

Nixtiequ nħaddnu bis-sentiment tal-qima l-iktar profonda kull waħda minn dawn ir-rebħiet, kull waħda minn dawk il-manifestazzjonijiet ta’ umanità. Fil-post li fih b’mod orribbli kienet ikkalpestata d-dinjità tal-bniedem, f’isem il-mibegħda razzjali u d-disprezz, ir-rebħa kbira finali kienet miksuba mill-fidi u mill-imħabba.

Jistà wieħed jimmeravilja ruħu li l-Papa, mwieled u edukat f’din l-art, il-Papa li wasal għas-Sedja ta’ San Pietru mid-dijoċesi li fit-territorju tagħha jinsab il-kamp ta’Auschwitz, beda l-ewwel Enċiklika tiegħu bil-kliem Redemptor Hominis u li ddedikaha fit-totalità tagħha għall-kawża tal-bniedem, għad-dinjità tal-bniedem, għet-theddid kontrieh u fl-aħħarnett għad-drittijiet inaljenabbli li b’mod hekk faċli jistgħu jiġu kkalpestati u annjentati minn bnedmin bħalu? Ma nkomplux inlibbsu l-bniedem b’libsa differenti, narmawh bl-apparat tal-vjolenza, nieqfu ninponulu l-idejoloġija li fiha d-drittijiet tal-bniedem jkunu sottomessi għall-esiġenzi tas-sistema, sottomessi għal kollox, hekk li fil-fatt ma jibqgħux jeżistu?

2. Illum ġejt hawn bħala pellegrin. Huwa fatt li ħafna drabi sibt ruħi hawn… Hafna drabi! U ħafna drabi inżilt fiċ-ċella tal-mewt ta’ Massimiljanu Kolbe u waqaft quddiem il-ħajt tal-qtil u għaddejt minn qalb ir-rovini tal-ifran krematorji ta’ Birkenau. Ma stajt x ma niġix hawn bħala Papa.

Niġi mela hawn f’dan is-santwarju speċjali, li fih twieled – nistà ngħid – il-patrun tas-seklu diffiċli tagħna, hekk bħal ma disà sekli ilu twieled taħt ix-xabla ġo Rapalla San Stanislaw, Patrun tal-Pollakki.

Imma niġi mhux biss biex inqim lill-patrun tas-seklu tagħna. Niġi biex nħares għal darb’oħra fl-għajnejn flimkien Magħkom, indipendentement minn dik li hija l-fidi Tagħkom, il-kawża tal-bniedem.

Ġejt biex nitlob flimkien magħkom ilkoll li llum ġejtu hawn – u flimkien mal-Polonja kollha – u flimkien mal-Ewropa kollha. Kristu jrid li jien, wara li sirt Suċċessur ta’ Pietru, nagħti xhieda quddiem id-dinja ta’ dak li jikkostitwixxi l-kobor tal-bniedem ta’ żmienna u l-miżerja tiegħu. Ta’ dak li huwa t-telfa tiegħu u r-rebħa tiegħu.

Allura ġejt u ninżel għarkubtejja fuq din il-Golgota tad-dinja kontemporanja, fuq dawn l-oqbra, il-biċċa l-kbira mingħajr isem, bħall-qabar il-kbira tas-Suldat mhux Magħruf. Ninżel għarkubtejja quddiem il-lapidi kollha waħda wara l-oħra u li fuqhom hemm minquxa t-tifkira tal-vittmi ta’ Birkenau b’dawn il-lingwi li ġejjin: Pollakk, Ingliż, Bulgaru, Żingaru, Ċek, Daniż, Franċiż, Grieg, Lhudi, Yiddish, Spanjol, Fjamming, Serb-Kroat, Tedesk, Norveġiż, Russu, Rumen, Ungeriż, Taljan.

B’mod speċjali nieqaf flimkien magħkom, għeżież parteċipanti f’din il-laqgħa, quddiem il-lapida bil-kitba bil-lingwa Lhudija. Din il-kitba tqanqal it-tifkira tal-Poplu, li wliedu subien u bniet kienu ddestinati għall-isterminju totali. Dan il-Poplu għandu l-oriġni tiegħu minn Abraham, li huwa missier il-fidi tagħna (cfr. Rm 4,12), kif esprima ruħu Pawlu ta’ Tarsu. Propju dan il-Poplu, li rċieva mingħand Alla l-kmandament “la toqtolx”, ipprova fuqu stess il-qies speċjali ta’ xi jfisser toqtol. Quddiem din il-lapida mhu leċtu għal ħadd li jgħaddi minn quddiemha b’indifferenza. 

Ukoll quddiem lapida oħra nagħżel li nieqaf: dik tal-lingwa Russa. Ma jien se nżid ebda kumment. Nafu dwar liema nazzjon titkellem. Nafu dwar liema kienet il-parti li kellu dan in-nazzjon fl-aħħar gwerra terribbli għal-libertà tal-popli. Quddiem din il-lapida wieħed ma jistax jgħaddi b’mod indifferenti.

Fl-aħħarnett l-aħħar lapida: dik bil-lingwa Pollakka. Huma sitta l-miljuni tal-Pollakki li tilfu ħajjithom matul it-tieni gwerra mondjali: parti minn ħamsa tan-nazzjon. Stadju ieħor tal-ġlieda sekolari ta’ dan in-nazzjon, tan-nazzjon tiegħi, għad-drittijiet tiegħu fundamentali fost il-popli tal-Ewropa. Għajta oħra għad-dritt għall-postu fuq il-mappa tal-Ewropa. Kont ieħor doloruż mal-koxjenza tal-umanità.

Għażilt tliet lapidi biss. Hemm bżonn li wieħed jieqaf quddiem kull waħda minn dawk eżistenti, u hekk se nagħmlu.

3. Auschwitz huwa tali kont mal-kuxjenza tal-umanità permezz tal-lapidi li jixhdu l-vittmi ta’ dawn il-popli li wieħed ma jistax biss iżurhom, imma hemm bżonn ukoll li jaħseb b’biżà għal din li kienet waħda mill-fruntieri tal-mibegħda.

Auschwitz huwa waħda mix-xhieda tal-gwerra. Il-gwerra ġġib magħha tkabbir sproporzjonat tal-mibegħda, tal-qerda, tal-krudeltà. U jekk dak li jkun ma jistax jinnega li din timmanifesta wkoll possibiltajiet ġodda tal-kuraġġ uman, tal-eroiżmu, tal-patrijottiżmu, jibqà madankollu  l-fatt li fiha jispikka il-kont tat-telf. Jispikka dejjem iktar, għaliex kuljum tikber il-ħila distruttiva tal-armi ivvintati mit-teknika moderna. Tal-gwerra huma responsabbli mhux biss dawk li jikkawżawha b’mod dirett, imma wkoll dawk li ma jagħmlux dak kollu possibbli biex jevitawha. U għalhekk jien għandi l-permess li nirrepeti f’dan il-post il-kliem li Pawlu VI ippronunzja quddiem l-Organizzazzjoni tal-Ġnus Magħquda: “Biżżejjed tiftakru li d-demm ta’ miljuni ta’ bnedmin u tbatijiet bla numru u li qatt ma nstemgħu bħalhom, straġi inutli u rovini formidabbli jistabilixxu l-patt li jgħaqqadhom, b’ġurament li għandu jbiddel l-istorja futura tad-dinja: mhux iktar il-gwerra, mhux iktar il-gwerra! Il-paċi, il-paċi għandha tiggwida x-xorti tal-Popli u tal-umanità kollha kemm hi!” (Paolo VI, Allocutio in Consilio Nationum Unitarum: AAS 57, 1965, p. 881).

Jekk madankollu din is-sejħa kbira ta’ Auschwitz, il-karba tal-bniedem hawn immarterizzat għandha ġġib frott għall-Ewropa ( u wkoll għad-dinja), hemm bżonn li tislet il-konsegwenzi kollha ġusti mid “Dikjarazzjoni tad-Drittijiet tal-bniedem”, bħalma ħeġġeġ li jsir Ġwanni XXIII fl-enċiklika Pacem in terris. Infatti fiha tiġi “magħrufa, fil-forma l-iktar sollenni, id-dinjità tal-persuna lill-esseri umani kollha; u għalhekk jiġi pproklamat tagħhom bħala dritt fundamentali dak li liberament ifittxu l-verità, fl-attwazzjoni tal-ġid morali u tal-ġustizzja; u d-dritt għal ħajja dinjituża, u jiġu wkoll ipproklamati drittijiet oħra marbutin ma’ dawk li aċċennajna” (Ġwanni XXIII, Pacem in Terris, IV: AAS 55 [1963], p. 295-296).

Hemm bżonn li nerġgħu lura għall-għerf tax-xwejjaħ surmast Paweł Włodkowic, Rettur tal-Università Jagellonica fi Krakovja fil-XV-il seklu, biex nassiguraw id-drittijiet tan-nazzjonijiet: għall-eżistenza, għal-libertà, għall-indipendenza, għall-kiltura propja, għall-iżvilupp onest. 

Jikteb Włodkowic: “Fejn jopera iktar il-poter milli l-imħabba, ifittxu l-interessi tagħhom u mhux dawk ta’ Ġesù Kristu, għalhekk facilment jitbegħdu min-norma tal-liġi divina… (…) Kull dritt jopponi għal min jhedded lil dawk li jridu jgħixu fil-paċi: jopponi d-dritt ċivili… u kanoniku…, id-dritt naturali, jiġifieri il-prinċipju: “Dak li trid għalik, agħmlu għall-oħrajn”. Jopponi d-dritt divin, minħabba li… fl-istabbilit “La tisraqx” tiġi pprojbita kull serqa u fl-istabbilit “La toqtolx” kull vjolenza” (Paweł Włodkowic, Saevientibus [1415], Tract. II, Solutio quaest. 4ª; cf. L. Ehrlich, Pisma Wybrane Pawła Włodkowica, Warszawa 1968, t. 1, p. 61; 58-59).

U mhux biss jopponi ruħu d-dritt, imma wkoll u, b’mod speċjali l-imħabba. Dik l-imħabba tal-proxxmu li fiha timmanifesta ruħha tittraduċi ruħha l-imħabba ta’ Alla li Kristu pproklama bħala l-kmandament tiegħu. Imma huwa wkoll il-kmandament li kull bniedem iġorr miktub f’qalbu, minqux mill-istess Ħallieq tiegħu.

Tali kmandament jikkonkretizza ruħu fir-“rispett tal-ieħor”, tal-personalità tiegħu, tal-koxjenza tiegħu; jikkonkreta ruħu fid-“djalogu mal-ieħor”, fli jkun jaf jirriċerka u jagħraf kemm tajjeb u pożittiv jistà jkun ukoll f’min għandu ideat differenti minn tagħna, ukoll f’min, in buona fede, sinċerament jiżbalja…

Qatt ma huwa leċitu għal nazzjon li jkabbar il-poter tiegħu bil-prezz tal-iskjavitù tal-ieħor, bil-prezz tal-konkwista, tal-insult, tal-isfruttament u tal-mewt!

Dawn huma l-ħsibijiet ta’ Ġwanni XXIII u ta’ Pawlu VI dwar il-paċi fid-dinja moderna. Dan il-kliem qiegħed jiġi ppronunzjat mis-suċċessur indenn tagħhom. Imma jippronunzjahom fl-istess waqt l-iben tan-Nazzjon li fl-istorja tiegħu remota u riċenti ġarrab mill-oħrajn tbatijiet multipli.

Bdanakollu ppermettuli li ma nsemmihomx b’isimhom… Ninsabu fil-post li fih nixtiequ naħsbu dwar kull poplu u dwar kull persuna bħala ħutna. U jekk f’dak li għidt kien hemm qrusa, għeżież Ħuti, ma kinitx intenzjoni tiegħi li nakkuża, imma biss li nfakkar.

Infatti qiegħed nitkellem mhux biss bir-rigward ta’ dawk li f’numru ta’ erbà miljuni ta’ vittmi mietu f’dan il-kamp enormi; qiegħed nitkellem f’isem in-nazzjonijiet kollha, li d-drittijiet tagħhom jiġu vvjolati u minsija. Dan qiegħed ngħidu għaliex għal dan jimbuttani il-ħsieb għall-verità u għall-bniedem, preżenti fina lkoll.

Għalhekk nitlob lil dawk kollha li qegħdin jisimgħuni biex jikkonċentraw ruħhom u biex jikkonċentraw il-forzi kollha tagħhom waqt li jimpenjaw ruħhom favur il-bniedem. Nitlob lil dawk kollha li qegħdin jisimgħuni bil-fidi f’Ġesù Kristu biex jinġabru fit-talb għall-paċi u għar-rikonċiljazzjoni.

Għeżież Ħuti, m’għandi xejn iktar xi ngħid.

Jiġini f’moħħi l-kliem tas-supplika:

Alla Qaddis, Alla Qawwi, Qaddis u Immortali!

Mill-pestilenza, mill-ġuħ, min-nar u mill-gwerra… u mill-gwerra, eħlisna, o Mulej.

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Emanuel Zarb