Aktar mill-Papa Ġwanni Pawlu II
...
|
PELLEGRINAĠĠ APOSTOLIKU
Fil-POLONJA
(2-10 ta’ ĠUNJU 1979)
QUDDIESA GĦALL-PELLEGRINI
TAS-SLESJA
OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU
ĠWANNI PAWLU II
Czestochowa, 5 ta’ Gunju 1979
1. Nixtieq minn Jasna Gora noffri vot speċjali lis-santwarju ta’
Santa Edwige fi Trzebnica
fl-inħawi ta’ Wrocław. U dan
nagħmlu għal raġuni partikolari.
Il-Providenza Divina,
fil-pjanijiet li ma jitkejlux
tagħha, għażlet il-jum tas-16
ta’ Ottubru tal-1978 bħala jum
ta’ bidla f’ħajti. Fis-16 ta’
Ottubru il-Knisja fil-Polonja
tiffesteġġja lil Santa Edwige u
għalhekk inħossni fi dmir
partikolari li noffri llum
lill-Knisja fil-Polonja dan
il-vot lill-Qaddisa li, barra
milli hi l-patruna
tar-rikonċiljazzjoni
għan-nazzjonijiet ġirien, hija
wkoll il-patruna tal-jum
tal-elezzjoni tal-ewwel Pollakk
għall-katedra ta’ Pietru. Se
nqiegħed b’mod dirett dan il-vot
f’idejn il-pellegrini kollha, li
llum f’numru hekk elevat ġew
f’Jasna Gora mill-Bassa Slesia
kollha. Nitlobkom li tieħdu,
wara r-ritorn tagħkom lejn
l-artijiet tagħkom, dan il-vot
tal-Papa lis-santwarju ta’
Trzebnica, li saret l-art ta’
twelidu l-ġdida tal-elezzjoni.
Dan iwettaq b’dan il-mod
l-istorja twila tal-ġrajjiet
umani u tal-opri tal-Providenza
Divina, marbutin ma dak il-post
u mal-art kollha tagħkom.
2. Santa Edvige, mart Enriku tad-dinastija tal-Piast, imsejjaħ
id-Daqni, kien ġej mill-familja
Bavariża tal-Andeks. Din daħlet
fl-istorja ta’ Art Twelidna u,
b’mod indirett, f’dik tal-Ewropa
kollha fis-seklu XIII bħala
l-“mara perfetta” (Pr 31,10) li
dwarha titkellem l-Iskrittura
Mqaddsa. Fil-memorja tagħna
hija b’mod partikolari minquxa
l-ġrajja, li tagħha kien
protagonist binha, il-Prinċep
Enriku id-Devot. Kien hu li
offra reżistenza valida
lill-invażjoni tat-Tartari,
invażjoni li fl-1241 għaddiet
tul il-Polonja u li kienet ġiet
mil-Lvant, mill-Asja, u waqfet
biss fis-Slesia fl-inħawi ta’
Legnica. Enriku d-Devot safa
maqtul, huwa veru, fuq il-kamp
tal-battalja, imma t-Tartari
kellhom jirtiraw, u qatt iktar
ma waslu daqshekk qrib
tal-Punent, bl-attakki tagħhom.
Wara l-erojku iben kien hemm
ommu, li kienet timlieh
bil-kuraġġ u kienet
irrakkomandat lill-Kristu
Msallab il-battalja ta’ Legnica.
Qalbha ħallset bil-mewt ta’
binha għall-paċi u s-sikurezza
tal-artijiet sudditi tagħha, kif
ukoll ta’ dawk ġirien u
tal-Ewropa kollha tal-Punent.
Matul dawn il-ġrajjiet Edwige kienet diġa armla, u billi kienet
armla ikkonsagrat il-bqija ta’
ħajjitha b’mod esklussiv lil
Alla, billi daħlet fl-abbazija
ta’ Trzebnica minnha mwaqqfa.
Hawn temmet ukoll ħajjitha
qaddisa fl-1243.
Il-kanonizzazzjoni seħħet
fl-1267. Din id-data hija ferm
qrib għal dik
tal-kanonizzazzjoni ta’ San
Stanislaw, li seħħet fl-1253,
il-qaddis li l-Knisja
fil-Polonja ilha tqim għal sekli
bħala l-Patrun ewlieni.
F’din is-sena, għad-disà ċentinarju tal-martirju tiegħu fi Krakovja
fi Skalka, nixtieq - bħala
l-ewwel Papa wild in-nazzjon
Pollakk, diġa suċċessur ta’ San
Stanislaw fuq il-katedra ta’
Krakovja, u issa elett
għall-katedra ta’ San Pietru
f’jum Santa Edwige – nibgħat
lis-santwarju ta’ Trzebnica dan
il-vot li jimmarka stadju ieħor
fl-istorja partikolari, li fiha
lkoll qegħdin nieħdu sehem.
3. Ma’ dan il-vot ngħaqqad awguri speċjali lil dawk kollha li
qegħdin jieħdu sehem f’din
l-Ewkaristija Mqaddsa, li llum
qiegħed niċċelebra f’Jasna Gora.
Il-qaddisin li llum hawn qegħdin
infakkru quddiem Is-Sinjura
Tagħna ta’ Jasna Gora,
joffrulna, matul is-sekli,
xhieda ta’ għaqda bejn
il-konnazzjonali u ta’
rikonċiljazzjoni bejn
in-nazzjonijiet. Nixtieq nawgura
propju din l-għaqda u din
ir-rikonċiljazzjoni. U għal dan
nitlob b’ħeġġa kbira.
L-għaqda tgħaddas għeruqha fil-ħajja tan-nazzjon, bħal ma
għaddsithom fil-perijodu storiku
diffiċli għall-Polonja permezz
ta’ San Stanislaw, propju meta
l-ħajja umana f’diversi livelli
twieġeb għall-esiġenzi
tal-ġustizzja u tal-imħabba.
Il-familja tikkostitwixxi
l-ewwel fost dawn il-livelli. U
jien, għeżież Konnazzjonali,
nixtieq illum nitlob magħkom
għal għaqda tal-familji Pollakki
kollha. Din l-għaqda għandha
l-oriġni tagħha fis-sagrament
taż-żwieġ, f’dawk il-wegħdi
sollenni li bihom ir-raġel u
l-mara jingħaqdu flimkien għal
ħajjithom kollha, waqt li jtennu
s-sagramentali “ma nabbandunak
qatt sal-mewt”. Din l-għaqda
toħroġ mill-imħabba u
mill-fiduċja mutwa, u huma frott
u premju l-imħabba u l-fiduċja
tal-ulied lejn il-ġenituri.
Gwaj, jekk din tonqos jew
tiddisintegra bejn
il-miżżewġin jew bejn
il-ġenituri u l-ilied! Konxji
mid-deni li ġġib magħha
d-disintegrazzjoni tal-familja,
illum nitolbu, sabiex ma jseħħx
dak li jistà jeqred l-għaqda,
sabiex il-familja tibqà vera
sede tal-ġustizzja u
tal-imħabba”.
Ta’ ġustizzja u mħabba simili għandu bżonn in-nazzjon, jekk itid
ikun magħqud internament, jekk
irid jikkostitwixxi għaqda
ndissolubli. U għalkemm huwa
mpossibbli tqabbel in-Nazzjon –
din is-soċjetà magħmula minn
miljuni ta’ persuni – mal-familja
– l-iżgħar komuinità, kif dak li
jkun jaf, tas-soċjetà umana –
madankollu l-għaqda tiddependi
mill-ġustizzja, li tissodisfa l-bżonnijiet
u tiggarantixxi d-drittijiet u
d-dmirijiet ta’ kull membru tan-Nazzjon.
Hekk ma tħallix jitnisslu
diskordanzi u kuntrasti minħabba
d-differenzi li jġibu magħhom l-privileġġi
evidenti għal uħud u d-diskriminazzjoni
għall-oħrajn. Mill-istorja ta’
Art Twelidna nafu kemm huwa
diffiċli dan id-dmir; xejn inqas
ma nistgħux naħarbu mill-isforz
kbir li jittenta jibni l-għaqda
ġusta, bejn ulied l-istess Art.
Dan għandu jkun akkumpanjat
mill-imħabba lejn din l-Art,
imħabba għall-kultura tagħha,
imħabba lejn l-istorja tagħha,
imħabba lejn il-valuri speċifiċi
li jiddeċiedu postha fil-familja
kbira tan-nazzjonijiet; imħabba,
fl-aħħarnett,
għall-konnazzjonali, bnedmin li
jitkellmu l-istess lingwa u huma
responsabbli għall-kawża komuni
li tissejjaħ “Art Twelidna”.
Waqt li llum nitlob flimkien magħkom għall-għaqda nterna
tan-Nazzjon, li tiegħu – b’mod
speċjali fit-tlettax u
l-erbatax-il seklu – sar Patrun
tiegħ San Stanislaw, nixtieq
nirrakkomanda lill-Omm Alla
f’Jasna Gora r-rikonċiljazzjoni
bejn in-nazzjonijiet, li tagħhom
naraw medjatriċi fil-figura ta’
Santa Edwige. Bħala
l-kondizzjoni tal-għaqda nterna
fl-isfera ta’ kull soċjetà jew
komunità, kemm nazzjonali kif
ukoll familjari, hija r-rispett
tad-drittijiet ta’ kull membru,
hekk ukoll il-kondizzjoni
tar-rikonċiljazzjoni bejn
in-nazzjonijiet hija l-għarfien
u r-rispett tad-dritt ta’ kull
nazzjon. Dan huwa b’mod
speċjali tad-dritt tal-eżistenza
u tal-awtodeċiżjoni, dritt
għall-kultura propja u
għall-iżvilupp multiformi. Nafu
sewwa dwar l-istorja ta’ art
twelidna, kemm qamet
l-infrazzjoni, il-vjolazzjoni u
n-negazzjoni ta’ dawk
id-drittijiet inaljenabbli. U
allura b’impetu ikbar ejjew
nitolbu għal rikonċiljazzjoni
dejjiema bejn in-nazzjonijiet
tal-Ewropa u tad-dinja. Jalla
din tkun il-frott tal-għarfien u
tar-rispett rejali
tad-drittijiet ta’ kull
Nazzjon.
4. Il-Knisja tixtieq tqiegħed lilha nfisha għas-servizz tal-għaqda
bejn il-bnedmin, tixtieq
tqiegħed lilha nfisha
għas-servizz
tar-rikonċiljazzjoni bejn
in-nazzjonijiet. Dan jappartieni
għall-missjoni tagħha feddejja.
Ejjew kontinwament niftħu
ħsibijietna u qlubna lejn dik
il-paċi, li dwarha Sidna Ġesù
tant drabi kellem lill-Appostli,
kemm qabel il-Passjoni kif ukoll
wara l-Qawmien mill-Imwiet:
“Inħallilkom il-paċi, nagħtikom
il-paċi tiegħi” (Gv 14,27).
Jalla dan il-Papa li illum qiegħed jitkellem hawn mill-quċċata ta.
Jasna Gora, iservi b’mod
effikaċi l-kawża tal-għaqda u
tar-rikonċiljazzjoni fid-dinja
kontemporanja. Qatt tonqsu li
tissapportjawh f’dan, bit-talb
tagħkom fl-art kollha Pollakka
Miġjub mit-Taljan għall-Malti
minn Emanuel Zarb
|