Aktar mill-Papa Ġwanni Pawlu II ...

 

PELLEGRINAĠĠ APOSTOLIKU FIL-POLONJA
(2-10 ta’ ĠUNJU 1979)

QUDDIESA

OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU ĠWANNI PAWLU II

Pjazza tar-Rebħa f’Varsavja
Is-Sibt, 2 ta’ Ġunju 1979

 

Maħbubin Konazzjonali!
Għeżież Ħuti!
Parteċipanti fis-Sagrifiċċju Ewkaristiku li illum qed ikun iċcelebrat ġewwa Varsavja fil-Pjazza tar-Rebħa!

1. Flimkien magħkom nixtieq inkanta innu ta’ tifħir lill-Providenza Divina li ppermettietli li nsib ruħi hawn fl-ilbies ta’ pellegrin.

Nafu li Pawlu VI, li ħalliena milux, wara tant sekli xtaq bil-kbir li jirfes l-art Polakka, u b’mod partikolari f’Jasna Gora ((Chiaromonte). Sa l-aħħar ta’ ħajtu huwa żamm f’qalbu din ix-xewqa u flimkien miegħu niżlet fil-qabar. U hekk hu li aħna nħossu li din ix-xewqa – msejsa b’mod qawwi u profond, tant li tissupera l-arkata ta’ pontifikat – qiegħda titwettaq illum u b’mod diffiċilment prevedibbli. Mela niżżu ħajr lill-Providenza Divina talli tat lil Pawlu VI xewqa hekk qawwija. Niżżuha ħajr għal dak l-istil ta’ Papa pellegrin li huwa sawwar bil-Konċilju Vatikan II. Meta infatti l-Knisja kollha ntebħet mill-ġdid li hija Poplu ta’ Alla, Poplu li qiegħed jieħu sehem fil-missjoni ta’ Kristu, Poplu li b’din il-missjoni jaqsam l-istorja, Poplu “pellegrin”, il-Papa ma setax iktar jibqà “priġunier tal-Vatikan”. Kellu jerġà jsir il-Pietru pellegrin, bħal dak l-ewwel wieħed li minn Ġerusalem, waqt li qasam Antijokja, wasal Ruma biex jagħti xħieda għal Kristu, u jissiġillaha b’demmu.

Illum ingħatali li nwettaq din ix-xewqa tal-mejjet Papa Pawlu VI f’nofskom, maħbubin Uliedi ta’ Art Twelidi. Infatti meta – minħabba pjanijiet inskrutabbli tal-Providenza Divina, wara l-mewt ta’ Pawlu VI u wara il-pontifikat qasir li dam biss ftit ġimgħat tal-Predeċessu dirett tiegħi Ġwanni Pawlu I – sfajt imsejjaħ, bil-voti tal-Kardinali, mill-Katedra ta’ San Stanislaw fi Krakovja għal dik ta’ San Pietru f’Ruma, fhimt minnufih li kien dmir tiegħi li nwettaq dik ix-xewqa, li Pawlu VI ma kienx setà jwettaq fil-millenju tal-Magħmudija tal-Polonja.

Il-pellegrinaġġ tiegħi f’Art Twelidi, fis-sena li fiha l-Knisja fil-Polonja tiċċelebra id-disà ċentinarju tal-mewt ta’ San Stanislaw, mhuwiex forsi sinjal speċjali tal-pellegrinaġġ Pollakk tagħna fl-istorja tal-Knisja, mhux biss għal għonq it-toroq ta’ Art Twelidna, imma wkoll għal għonq dawk tal-Ewropa u tad-dinja? Inħalli hawn fil-ġemb persunti, xejn inqas għandi flimkien magħkom ilkoll nagħmel il-mistoqsija rigward il-mottiv li għalih propju fl-1978 (wara tant sekli ta’ tradizzjoni soda sewwa f’dan il-qasam) ġie msejjaħ għall-katedra ta’ San Pietru iben in-Nazzjon Pollakk, tal-art Pollakka. Minn Pietru, bħal ma mill-Appopstli l-oħra, Kristu esiġa li jkunu tiegħu “xhieda f’Ġerusalem, fil-Ġudea u s-Samarija kollha u sa truf l-art” (At 1,8). B’riferenza mela għal dan il-kliem ta’ Kristu m’għandniex jewwilla dritt li naħsbu li l-Polonja saret fi żminijietna, art ta’ xhieda b’mod partikolari responsabbli?

Mhux propju minn hawn – minn Varsavja u wkoll minn Gniezno, minn Jasna Gora, minn Krakovja, minn dan l-itinerarju storiku kollu li bosta drabi tul ħajti wettaqt, u f’dawn il-jiem naħtaf l-okkażjoni li nerġà mwettqu mill-ġdid - hemm bżonn li nħabbar lil Kristu b'umiltà singolari, imma wkoll b’konvinzjoni? Li propju hawn, f’din l-art hemm bżonn li niġi, fuq dan l-itinerarju, biex naqra mill-ġdid ix-xhieda tas-Salib tiegħu u tal-Qawmien mill-Imwiet tiegħu? Imma, jekk naċċettaw dak kollu li f’dan il-waqt issugrajt niddikjara kemm dmirijiet u obbligi kbar jitqanqlu! Aħna kapaċi?

2. Ingħatali llum, fl-ewwel stadju tal-pellegrinaġġ papali tiegħi fil-Polonja, li niċċelebra s-Sagrifiċċju Ewkaristiku f’Varsavja fil-Pjazza tar-Rebħa. Il-liturġija tas-Sibt filgħaxija, vġili tal-Pentekoste, teħodna fiċ-Ċenaklu ta’ Ġerusalem li fih l-Appostli – miġburin madwar Marija, Omm Kristu – irċivew fil-jum ta’ wara, l-Ispirtu Santu. Irċivew l-Ispirtu li Kristu, permezz tas-Salib, kiseb għalihom, sabiex bil-qawwa ta’ dan l-ispirtu setgħu iwettqu l-mandat tiegħu. “Morru mela u għallmu lin-nazzjonijiet kollha, waqt li tgħammduhom fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu Santu, waqt li tgħallmuhom josservaw dak kollu li amartilkom” (Mt 28,19-20). B’dan il-kliem il-Mulej Kristu, qabel ma ħalla d-dinja, ittrażmetta lill-Appostli l-aħħar rakkomandazzjoni tiegħu, il-“mandat missjunarju” tiegħu. U żied: “Hekk hu, jiena magħkom il-jiem kollha, sal-aħħar tad-dinja” (Mt 28,20).

Huwa sewwa li l-pellegrinaġġ tiegħi fil-Polonja, fl-anniversarju tad-IX ċentinarju tal-martirju ta’ San Stanislaw, ħabat fil-perijodu tal-Pentekoste, u fis-Sollennità tat-Trinità Qaddisa, B’dan il-mod nistà, waqt li nwettaq ix-xewqa postuma ta’ Pawlu VI, ngħix mill-ġdid għal darb’oħra il-millenju tal-Magħmudija tal-art Pollakka u nonqox il-ġublew ta’ San Stanislaw ta’ din is-sena f’dan il-millenju, li minnha bdiet l-istorja tan-Nazzjon u tal-Knisja. Propju s-sollennità ta’ Pentekoste u tat-Trinità Qaddisa iressquna lejn dan il-bidu. Fl-Appostli, li jirċievu l-Ispirtu Santu fil-jum tal-Pentekoste, diġa b’xi mod preżenti b’mod spiritwali s-suċċessuri kollha tagħhom, l-Isqfijiet kollha, ukoll dawk li lilhom kien mistenni diġa minn elf sena li jħabbru l-Vanġelu fl-art Pollakka. Ukoll dan Stanislaw ta’ Szczepanów, li ħallas bid-demm il-missjoni tiegħu fuq il-katedra ta’ Krakovja madwar disà sekli ilu.

U f’dawn l-Appostli – u madwarhom – fil-jum ta’ Pentekoste, hemm miġburin mhux biss ir-rappreżentanti tal-popli u ta’ dawk il-lingwi, li jsemmi l-ktieb tal-“Atti tal-Appostli”. Diġa f’dak iż-żmien kien hemm madwarhom miġburin diversi popli u nazzjonijiet li, permezz tad-dawl tal-Vanġelu u l-qawwa tal-Ispirtu Santu, jidħlu fil-Knisja f’epoki differenti u f’sekli differenti. Il-jum tal-Pentekoste huwa l-jum tat-twelid tal-fidi u tal-Knisja ukoll fl-art tagħna Pollakka. Dan huwa l-bidu tal-aħbar ta’ ħwejjeġ kbar tal-Mulej, ukoll fil-lingwa Pollakka tagħna. Dan huwa l-bidu tal-Kristjaneżmu ukoll fil-ħajja tan-nazzjon tagħna, fl-istorja tagħna, fil-kultura tagħna, fil-provi tagħna.

3. a) Il-Knisja ġabet il-Kristu lill-Polonja, jiġifieri l-muftieħ għall-fehim ta’ dik ir-realtà kbira u fundamentali li huwa l-bniedem. Ma tistax infatti tifhem il-bniedem għal kollox mingħajr Kristu. Jew pjuttost il-bniedem mhuwiex kapaċi jifhem lilu nnifsu għal kollox mingħajr Kristu. Ma jistax jifhem la min hu, la liema hija l-vera dinjità tiegħu, linqas liema hija l-vokazzjoni tiegħu, linqas id-destin finali. Ma jistax jifhem dan kollu mingħajr Kristu.

U għalhekk ma jistax iwarrab lil Kristu mill-istorja tal-bniedem fi kwalunkwè parti tal-globu, u minn kwalunkwè lonġitudni u latitudni ġejografika. L-esklużjoni ta’ Kristu mill-istorja tal-bniedem huwa att kontra l-bniedem. Mingħajru mhux possibli li nifhmu l-istorja tal-Polonja, u b’mod speċjali l-istorja tal-bnedmin li għaddew u jgħaddu minn din id-dinja. Storja tal-bnedmin. L-istorja tan-Nazzjon hija fuq kollox storja tal-bnedmin. U l-istorja ta’ kull bniedem tiżvolġi f’Ġesù Kristu. Fih issir storja tas-salvazzjoni.

L-istorja tan-Nazzjon jistħoqqilha valutazzjoni adegwata skont il-kontribut li hija ġabet fl-iżvilupp tal-bniedem u tal-umanità, lill-intellett, lill-qalb, lill-kuxjenza. Dan huwa l-kurrent l-iktar profond tal-kultura. U huwa s-sosten l-iktar solidu tagħha. Il-mudullun tagħha, il-qawwa tagħha. Mhuwiex possibbli li tifhem u tivvaluta, mingħajr Kristu,  il-kontribut tan-nazzjon Pollakk għall-iżvilupp tal-bniedem u tal-umanità tiegħu fl-imgħoddi u l-kontribut tiegħu wkoll tal-lum; “din ix-xwejħa balluta kibret hekk u l-ebda riħ ma jqaċċatha, għaliex l-għeruq tagħha huma Kristu” (Piotr Skarga, Kazania seimowe IV, Biblioteca Narodowa, I, 70, p. 92). Hemm bżonn nimxu fuq il-passi ta’ dak li (jew pjuttost min) kien Kristu, tul il-ġenerazzjonijiet, għal ulied din l-art. U dan mhux biss għal dawk li emmnu b’mod miftuħ fih u li pprofessaw bil-fidi tal-Knisja, imma wkoll għal dawk li kienu b’mod miftuħ imbegħda, barra mill-Knisja. Għal dawk li ddubitaw jew opponewha.

b) Jekk inhu ġust li dak li jkun jifhem l-istorja ta’ nazzjon permezz tal-bniedem, kull bniedem ta’ din in-nazzjon, allura fl-istess ħin ma jistax jifhem lill-bniedem ‘l barra minn din il-komunità li hija n-nazzjon. Hija ħaġa naturali li hija mhijiex l-unika komunità, madankollu hija komunità partikolari, forsi l-iktar waħda marbuta b’mod intimu mal-familja, l-iktar importanti għall-istorja spiritwali tal-bniedem. Mela mhuwiex possibbli tifhem mingħajr Kristu l-istorja tan-Nazzjon Pollakk – ta’ din il-komunità millenarja kbira – li b’mod hekk profond tiddeċiedi dwari u dwar kull wieħed u waħda minna. Jekk nirrifjiutaw dan il-muftieħ għall-fehim tan-Nazzjon tagħna, nesponu ruħna għal ekwivoku sustanzjali. Ma nibqgħux nifhmu mbagħad lilna nfusna. Huwa mpossibbli tifhem mingħajr Kristu dan in-Nazzjon mill-passat hekk splendidu u fl-istess ħin hekk diffiċli b’mod terribbli. Mhuwiex possibbli nifhmu din il-belt, Varsavja, kapitali tal-Polonja, li fl-1944 iddeċidiet għal battalja mhux ugwali mal-agressur, għal battalja li fiha ġiet abbandunata mill-qawwiet allejati, għal battalja li fiha ġiet mirduma taħt it-terrapien tagħha stess, jekk ma tiftakarx li taħt l-istess terrapien kien hemm ukoll Kristu Salvatur bis-salib tiegħu, li jinsab quddiem il-Knisja fi Krakowskie Przedmiescie. Huwa mpossibbli tifhem l-istorja tal-Polonja minn Stanislaw fi Skarka, sa Massimiljanu Kolbe f’ Oswiecim, jekk ma tapplikalhomx mill-ġdid dak il-kriterju uniku u fundamentali li jwassal għall-isem ta’ Ġesù Kristu.

Il-millennju tal-Magħmudija tal-Polonja li tiegħu San Stanislaw huwa l-ewwel frott – il-millenju ta’ Kristu fil-jiem tagħna tal-bieraħ u tal-lum – huwa l-mottiv ewlieni tal-pellegrinaġġ tiegħi, tat-talba ta’ ringrazzjament tiegħi flimkien magħkom ilkoll, għeżież Konnazzjonali, li lilkom Ġesù Kristu ma jiqafx jgħallem il-kawża kbira tal-bniedem; flimkien magħkom, li għalikom Ġesù Kristu ma jiqafx ikun ktieb dejjem miftuħ dwar il-bniedem, dwar id-dinjità tiegħu, dwar id-drittijiet tiegħu u dwar id-drittijiet tan-Nazzjon.

Illum, f’din il-Pjazza tar-Rebħa, fil-kapitsli tal-Polonja, nitlob, permezz tat-talba kbira ewkaristika flimkien magħkom ilkoll, li Kristu ma jiqafx ikun għalina ktieb miftuħ tal-ħajja għall-futur. Għall-għada pollakka tagħna.

4. Ninsabu quddiem il-qabar tas-Suldat Mhux Magħruf. Fl-istorja tal-Polonja – antika u kontemporanja – dan il-qabar għandu sies u raġun li jkun speċjali. F’kemm postijiet ta’ art twelidna waqà dak is-suldat! F’kemm postijiet tal-Ewropa tad-dinja huwa għajjat b’mewtu li ma jistax ikun hemm Ewropa ġusta mingħajr l-indipendenza tal-Polonja, minquxa fuq il-mappa tagħha! Fuq kemm kampijiet tal-battalja dak is-suldat xehed dwar id-drittijiet tal-bniedem, skolpiti b’mod profond fid-drittijiet invjolabbli tal-poplu, waqt li waqà għal-“libertà tagħna u tagħkom”! “Fejn huma l-Għeżież Oqbra, o Polonja? Fejn mhumiex! Int taf aħjar minn kulħadd u Alla fis-sema jaf” (Artur Oppman, Pacierz za zmarlych).

L-istorja ta’ Art Twelidna miktuba permezz tal-qabar tas-Suldat mhux Magħruf!

Nixtieq ninxteħet għarkubbtejja maġemb dan il-qabar biex inqim kull żerriegħa li waqt li taqà fl-art u waqt li tmut fiha tagħti l-frott. Tkun din iż-żerriegħa tad-demm tas-suldat mxerred fuq il-kamp tal-battalja jew is-sagrifiċċju tal-martirju fil-kampijiet tal-konċentrament jew fil-ħabsijiet. Tkun iż-żerriegħa tax-xogħol iebes ta’ kuljum, bil-għaraq tal-ġbin, fir-rabà, fil-ħwienet tax-xogħol, fil-minjieri, fil-fonderiji u fil-fabbriki. Tkun iż-żerriegħa tal-imħabba tal-ġenituri li ma jirrifjutawx li jagħtu l-ħajja lill-bniedem ġdid u li jassumu l-impenn kollu edukattiv. Tkun din iż-żerriegħa tax-xogħol krejattiv fl-universitajiet, fl-istituti superjuri, fil-bibbjoteki, fl-arsenali tal-kultura nazzjonali. Tkun iż-żerriegħa tat-talb, tas-servizz lill-morda, lill-batuti, lill-abbandunati: “dak kollu li jikkostitwixxi l-Polonja”.

Dan kollu f’idejn Omm Alla; f’riġlejn is-salib fuq il-Kalvarju, u fiċ-Ċenaklu tal-Pentekoste!

Dan kollu: L-istorja ta’ Art Twelidna magħġuna għal millenju ta’ suċċessjoni tal-ġenerazzjonijiet – ukoll dik preżenti u futura – minn kull iben u bint għalkemm anonimi u mhux magħrufa bħal dak is-Suldat mhux Magħruf, li quddiem il-qabar tiegħu ninsabu bħalissa...

Dan kollu: ukoll l-istorja tal-popli li għexu magħna u fostna, bħal dawk li għal mijiet ta’ eluf mietu bejn il-ħitan tal-għetto ta’ Varsavja.

Dan kollu nħaddan bil-ħsieb u bil-qalb f’din l-Ewkaristija u ninkludihom f’dan l-uniku santissmu Sagrifiċċju ta’ Kristu, fil-Pjazza tar-Rebħa.

U ngħajjat, jien iben din l-art Pollakka u fl-istess ħin jien, Ġwanni Pawlu II Papa, ngħajjat minn qiegħ dan il-millenju, ngħajjat lejlet il-Pentekoste: Jinżel l-Ispirtu tiegħek!

Jinżel l-Ispirtu tiegħek!

U jġedded il-wiċċ tal-art.

Ta’ din l-Art! Amen.

 

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Emanuel Zarb