Aktar mill-Papa Ġwanni Pawlu II ...

VJAĠĠ APOSTOLIKU FL-ISTATI UNITI Tal-AMERIKA

QUDDIESA FIL-«LOGAN CIRCLE» TA’ PHILADELPHIA

OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU ĠWANNI PAWLU II

Filadelfia – L-Erbgħa, 3 ta’ Ottubru 1979

 

Għeżież ħuti tal-Knisja li hija ġo Filadelfia.                       

1. Huwa pjaċir kbir għalija li niċċelebra l-Ewkaristija magħkom illum. Ninsabu lkoll miġburin flimkien f’komunità waħda, poplu wieħed fil-grazzja u fil-paċi ta’ Alla Missierna u ta’ Sidna Ġesù Kristu; ninsabu miġburin fil-kumpanija tal-Ispirtu Santu. Inġbarna flimkien biex nipproklamaw il-Vanġelu fil-qawwa kollha tiegħu, għaliex is-Sagriċċju Ewkaristiku huwa quċċata u approvazzjoni tal-proklamazzjoni tagħna.

Kristu miet, Kristu qam mill-imwiet, Kristu jrid jerġà jiġi! Minn dan l-altar tas-Sagrifiċċju, hekk hu li jitlà innu ta’ tifħir lil Alla permezz ta’ Kristu. Aħna li nappartienu lil Kristu aħna lkoll parti minn dan l-innu, minn dan is-sagrifiċċju ta’ tifħir. Is-sagrifiċċju tal-Kalvarju jiġi mġedded fuq dan l-altar, u jsir ukoll l-offertà tagħna, offertà għall-ħajjin u għall-mejtin, għall-Knisja universali.

Magħqudin fil-karità ta’ Kristu, aħna lkoll ħaġa waħda f’dan is-Sagrificcju: il-Kardinal Arċisqof li huwa msejjaħ biex imexxi din il-Knisja fuq il-mogħdija tal-verità u tal-imħabba, l-Isqfijiet awżiljarji tiegħu u l-kleru dijoċeżan u reliġjuż, li qegħdin jieħdu sehem mal-Isqfijiet fil-predikazzjoni tal-kelma, ir-reliġjużi, irġiel u nisa, li permezz tal-konsagrazzjoni ta’ ħajjithom juru lid-dinja xi jfisser li tkun fidil għall-messaġġ tal-Bejatitudni, il-missirijiet u l-ommijiet, bil-missjoni kbira tagħhom li jqawwu l-Knisja fl-imħabba; kull kategorija tal-lajkat bid-dmir speċjali tiegħu li jrid iwettaq fil-missjoni tal-evanġelizzazzjoni u tas-salvazzjoni propja tal-Knisja. Dan is-Sagrifiċċju offrut illum ġewwa Filadelfia huwa l-espressjoni tat-talba tagħna komunitarja. F’għaqda ma’ Ġesù Kristu ngħollu s-supplika tagħna għall-Knisja universali għall-ġid ta’ sħabna kollha, u illum, b’mod speċjali, għall-protezzjoni tal-valuri umani u nsara kollha li jikkostitwixxu l-wirt ta’ din id-dinja, ta’ din l-art, ta’ dan ir-reġġjun u ta’ din il-belt.

2. Filadelfia hija l-belt tad-Dikjarazzjoni tal-Indipendenza, dak id-dokument rilevanti li jiġbor fih proklama sollenni tal-ugwaljanza tal-esseri umani kollha mogħnija mill-Ħallieq tagħhom bi drittijiet sikuri u inaljenabbli u t-tiftix tal-kuntentizza, li tesprimi “fiduċja soda fil-protezzjoni tal-Providenza divina”. Dawn huma l-prinċipji morali qawwijin ifformulati minn Missirijietkom Fundaturi u assikurati għal dejjem fl-istorja tagħkom. Fil-valuri umani u ċivili li hemm miġburin fl-ispirtu ta’ din id-Dikjarazzjoni jingħarfu b’mod faċli konnessjonijiet qawwija ma’ valuri reliġjużi u nsara fundamentali. Ukoll sentiment reliġjuż jifforma parti minn dan il-wirt. Il-Qanpiena tal-Libertà, li jiena ammirajt f’okkażoni oħra, iġgib il-kliem tal-Bibbja: “Xandru l-liberazzjoni fil-pajjiż” (Lv 25,10). Din it-tradizzjoni titfà sfida nobbli lill-ġenerazzjonijiet kollha futuri tal-Amerika: “Nazzjoni imqiegħed taħt il-protezzjoni ta’ Alla, indiviżibbli, b’libertà u ġustizzja għal kulħadd”.

3. Bħala ċittadini, għandkom tisfurzaw lilkom infuskom biex iżżommu dawn il-valuri umani, li tifhmuhom aħjar u li tiċċaraw il-konsegwenzi fuq il-komunità kollha, kif ukoll il-kontribut denn tagħhom lid-dinja. Bħala Nsara, għandkom tqawwu dawn il-valuri umani u tkompluhom billi tqabbluhom mal-messaġġ tal-Vanġelu, b’dan il-mod tistgħu tiskopru it-tifsir tagħhom l-iktar profond, u hekk tkunu tistgħu b’mod iktar sħiħ tindirizzaw id-dmirijiet u l-obbligi tagħkom fir-rigward tal-esseri umani sħabkom, li magħhom intom marbutin minn destin komuni. Hu xinhu, għalina li nafu lil Ġesù Kristu, il-valuri umani u nsara mhuma xejn iktar għajr iż-żewġ aspetti tal-istess realtà: ir-realtà tal-bniedem, mifdi minn Kristu u msejjaħ għall-milja tal-ħajja eterna.

Fl-ewwel Ittra Enċiklika tiegħi spjegajt din il-verità mportanti: “Kristu, Redentur tad-dinja, huwa Dak li ppenetra b’mod uniku u irrepetibbli, fil-misteru tal-bniedem u daħal f’”qalbu”. Ġustament, mela, il-Konċilju Vatikan II jgħallem: “Fir-realtà, fil-misteru tal-Verb inkarnat biss isib id-dawl il-misteru tal-bniedem. Adam, infatti, l-ewwel bniedem, kien il-figura ta’ dak futur (Rm 5,14), u jiġifieri ta’ Kristu Sidna. Kristu, li huwa l-Adam il-ġdid, propju billi rrivela l-misteru tal-Missier u ta’ Mħabbtu, żvela wkoll għal kollox il-bniedem għall-bniedem u wrieh l-vokazzjoni l-iktar għolja tiegħu” (Ġwanni Pawlu II, Redemptor Hominis, 8).

Hu mela f’Ġesù Kristu li kull raġel, mara u wild hu msejjaħ biex isib it-tweġiba għall-mistoqsijiet dwar il-valuri li jispiraw ir-relazzjonijiet personali u soċjali tiegħu.

4. Kif jistà mela nisrani, ispirat u ggwidat mill-misteru tal-Inkarnazzjoni u r-Redenzjoni ta’ Kristu, jqawwi l-valuri tiegħu u dawk li huma inklużi fil-wirt ta’ dan in-Nazzjon? It-tweġiba għal din id-domanda biex inkunu estensivi trid tkun twila. Ippermettuli, mela, li nmiss biss il-punti l-iktar importanti. Dawn il-valuri jiġu msaħħa: meta l-poter u l-awtorità jkunu eżerċitati b’rispett sħiħ tad-drittijiet fundamentali kollha tal-persuna umana, li d-dinjità tagħha  hija d-dinjità ta’ min ġie maħluq  xbiha u xebħ ta’ Alla (cf. Ġen 1,26); meta l-libertà hija asċċettata mhux b’mod assolut u għaliha nfisha, imma bħala don li jippermetti d-donazzjoni tiegħu u is-servizz għall-oħrajn; meta l-familja tkun protetta u msaħħa; meta l-unità tagħha tkun ippreservata; u meta jkun magħruf u onorat l-irwol tagħha ta’ ċellula fundamentali tas-soċjetà. Il-valuri umani-nsara jiġu nkuraġġiti meta jiġi prodott kull sforz sabiex ħadd ebda wild, f’ebda parti tad-dinja, ma jiffaċċja l-mewt minħabba n-nuqqas ta’ ikel, jew jiffaċċja l-iżvujtar tal-possibiltajiet intellettwali u fiżiċi tiegħu minħabba insuffiċjenza ta’ alimentazzjoni, jew ikollu jġorr għal ħajtu kollha is-sinjali taċ-ċaħda. Il-valuri umani-nsara jittrijunfaw meta tiġi kkoreġuta kwalunkwè sistema li tippermetti l-isfruttament ta’ kull esseri uman, meta fost in-nies tas-servizzi pubbliċi tiġi nkuraġġita l-integrità u l-onestà; meta min jamministra l-ġustizzja jkun leali u imparzjali; meta jsir użu responsabbli tar-riżorsi naturali li jkunu assenjati għall-vantaġġ ta’ kulħadd; meta l-ambjent ikun priservat intatt għall-ġenerazzjonijiet futuri. Il-valuri umani-nsara jittrijonfaw meta jissottomettu d-deċiżjonijiet politiċi u ekonomiċi għad-dinjità tal-bniedem, meta dawn jittieħdu biex jaqdu l-bniedem: kull persuna maħluqa minn Alla, kull ħuna u oħtna mifdija minn Kristu.

5. Fakkart id-Dikjarazzjoni tal-Indipendenza u l-Qanpiena tal-Libertà, żewġ monumenti li jeżemplifikaw l-ispirtu ta’ libertà li fuqha twaqqaf dan il-Pajjiż. L-attakkament tagħkom mal-libertà jagħmel parti mill-wirt tagħkom. Meta l-Qanpiena tal-Libertà daqqet għall-ewwel darba fl-1776, kienet biex tħabbar il-libertà tan-Nazzjon tagħkom, il-bidu tar-riċerka ta’ destin indipendenti komuni minn kwalunkwè theddid barrani. Dan tal-libertà huwa l-prinċipju suprem fl-ordinament politiku u soċjali, fir-rapporti bejn il-Gvern u l-poplu, fir-rapporti interpersonali. Barra minn dan, il-ħajja tal-bniedem hija migħuxa wkoll f’ordni ieħor ta’ realtà: f’dak li jinvesti ir-rapport tiegħu ma’ dak li huwa oġġettivament veru u moralment tajjeb. Il-libertà hekk takkwista sinifikat iktar profond meta tkun referita għall-persuna umana. Tirrigwarda l-ewwelnett lir-relazzjoni tal-bniedem miegħu nnifsu. Kull persuna umana, iddotata bir-raġuni, tkun libera meta tkun padruna tal-azzjonijiet propji tagħha, meta tkun tistà tippreferi dak il-ġid li huwa konformi mar-raġuni, u mela mad-dinjità umana propja tagħha.

Il-libertà ma tistà qatt tittollera xi offiża kontra d-drittijiet tal-oħrajn, u wieħed mid-drittijiet fundamentali tal-bniedem huwa d-dritt li jadura lil Alla. Fid-Dikjarazzjoni dwar il-libertà reliġjuża, il-Konċilju Vatikan II stabilixxa li “l-esiġenza tal-libertà fil-konvivenza  umana tirrigwarda b’mod speċjali l-valuri tal-ispirtu, u fl-ewwel post l-eżerċizzju liberu tar-reliġjon fis-soċjetà… U sabiex il-libertà reliġjuża, li l-bnedmin jesiġu li jwettqu d-dmir li jqimu lil Alla, jirrigwarda l-immunità mit-theddid fis-soċjetà ċivili, fit-twettiq tad-dmir li jirrendi l-kult lil Alla, jirrigwarda l-immunità tat-theddid fis-soċjetà ċivili, din tħalli ntatta d-duttrina tradizzjonali kattolika dwar id-dmir morali tal-individwi u tas-soċjetà lejn il-vera reliġjon u l-unika Knisja ta’ Kristu” (Dignitatis Humanae, 1).

6. Kristu nnifsu għaqqad il-libertà mal-għarfien tal-verità. “Agħrfu l-verità u l-verità teħliskom” (Ġw 8,32). Fl-ewwel Enċiklika tiegħi, f’dan ir-rigward, ktibt: “Dan il-kliem jiġbor fih esiġenza fundamentali u fl-istess ħin twissija; l-esiġenza ta’ rapport onest fir-rigward tal-verità, bħala kondizzjoi ta’ libertà awtentika; u t-twissija, ukoll, sabiex tkun evitata kwalunkwè libertà apparenti. Kull libertà superfiċċjali u unilaterali, kull libertà li ma tippenetrax il-verità kollha dwar il-bniedem u dwar id-dinja” (Ġwanni Pawlu II, Redemptor Hominis, 12).

Il-libertà mela ma tistax tkun mifhuma jekk mhux f’relazzjoni mal-verità rivelata minn Ġesù Kristu, u proposta mill-Knisja tiegħu. Lanqas ma tistà tittieħed bħala skuża għall-anarkija morali, għaliex ordni morali għandha tibqà marbuta mal-verità. San Pietru, fl-ewwel ittra tiegħu, jgħid” “Ġibu ruħkom ta. Bnedmin liberi, billi ma tinqdewx bil-libertà bħala velu biex tgħattu l-ħjiena” (1Pt 2,16). Ebda libertà ma tistà teżisti meta tkun imdawra kontra l-bniedem f’dak li huwa hu, jew kontra l-bniedem fir-relazzjoni tiegħu mal-oħrajn u ma’ Alla.

Dan huwa b’mod partikolari rilevanti meta wieħed iqis l-isfera tas-sesswalità umana. Hawn bħal f’kull qasam ieħor, ma jistax ikun hemm libertà vera mingħajr rispett lejn il-verità relattiva għas-sesswalità umana u għaż-żwieġ. Fis-soċjetà tallum naraw tant kurrenti ta’ ħsieb li jġibu diżordni u tant laxkezza rigward il-viżjoni nisranija tas-sesswalità li kollha għandhom ħaġa waħda komuni: ir-rikurrenza għall-kunċett tal-libertà biex jiġġustifikaw kull imġieba li mhix iktar f’armonija mal-veru ordni morali u mat-tagħlim tal-Knisja. In-normi morali mhumiex ostaklu għal-libertà tal-persuna jew tal-koppja; bil-maqlub, dawn jeżistu preċiżament għal dik il-libertà, mill-waqt li huma huma mogħtija biex jassikuraw l-użu rett tal-libertà. Kull min jirrifjuta li jaċċetta dawn in-normi jew li jaġixxi f’konformità ma’ dawn, kull min ifittex li jeħles lilu nnifsu jew lilha nnifisha minn dawn in-normi, mhuwiex tassew liberu. Libera hija minflok il-persuna li tirregola l-imġieba propja skont l-esiġenzi tal-ġid oġġettiv. Dak li għidt hawn jirrigwarda s-solidarjetà tal-moralità konjugali, imma japplika ruħu b’raġumi ugwali għas-saċerdoti fejn jidħlu l-obbligi tasċ-ċelibat Il-koeżjoni tal-libertà u etika għandha barra minn dan il-konsegwenzi tagħha fit-tiftix tal-ġid komuni fis-soċjetà u għall-indipendenza nazzjonali li l-Qanpiena tal-Libertà ħabbret madwar żewġ sekli ilu.

7. Il-liġi divina hija l-uniku kejl tal-libertà umana u ingħatat lilna fil-Vanġelu ta’ Kristu, il-Vanġelu tar-Redenzjoni. Imma l-fedeltà għal dan il-Vanġelu tar-Redenzjoni ma tkun qatt possibbli mingħajr l-azzjoni tal-Ispirtu Santu. Huwa l-Ispirtu Santu li jipproteġi l-messaġġ li jagħti l-ħajja afdat lill-Knisja. Huwa l-Ispirtu Santu li jassikura t-trażmissjoni fidila tal-Vanġelu fil-ħajja tagħna lkoll. Huwa bl-azzjoni tal-Ispirtu Santu li l-Knisja kibret jum wara jum f’saltna: saltna ta’ verità u ta’ ħajja, saltna ta’ qdusija u ta’ grazzja, saltna universali ta’ ġustizzja, imħabba u paċi.

Illum, mela, ġejna quddiem il-Missier biex noffrulu s-supliki u x-xewqat ta’ qlubna, biex noffrulu tifħir u radd il-ħajr. Qegħdin nagħmlu dan mill-belt ta’ Filadelfia għall-Knisja universali u għad-dinja. Qegħdin nagħmlu dan bħala “familjari ta’ Alla” (Ef 2,19) f’għaqda mas-Sagrifiċċju ta’ Kristu Ġesù, il-ġebla tax-xewka tagħna, għall-glorja tat-Trinità Mqaddsa. Amen.

 

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Emanuel Zarb