Aktar mill-Papa Ġwanni Pawlu II ...


 

VJAĠĠ APOSTOLIKU FL- IRLANDA

QUDDIESA MQADDSA FI DROGHEDA

OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU ĠWANNI PAWLU II

Dublin, 29 ta’ Settembrue 1979

 

Għeżież Ħuti f Ġesù Kristu.

1. Wara t-tislima lill-art Irlandiża illum mal-wasla tiegħi f’Dublin, inwettaq l-ewwel vjaġġ tiegħi, fl-art Irlandiża, hawn f’dan il-post, Drogheda. Iġġibni hawn il-karba ta’ tant sekli.

Nasal hawn bħala pellegrin tal-fidi. Nasal ukoll bħala Suċċessur ta’ Pietru, li Kristu afdalu l-ħsieb speċjali tal-Knisja universali. Nixtieq inżur b’mod speċjali dawk il-postijiet fl-Irlanda, li fihom il-qawwa ta’ Alla u l-azzjoni tal-Ispirtu Santu wrew ruħhom b’mod speċjali. Se nfittex qabel kollox dawk il-postijiet li jġibu fihom is-sinjal tal-“bidu”; u “bidu” huwa marbut mal-“ikun l-ewwel”, mal-primat, Tali post fl-art Irlandiża huwa Armagh, għal sekli is-Sedja Episkopali tal-Primat tal-Irlanda.

Il-Primat huwa dak li għandu l-ewwel post fost l-Isqfijiet, Rgħajja tal-Poplu ta’ Alla f’din l-art. Dan il-Primat huwa marbut mal-“bidu” tal-fidi u tal-Knisja f’dan il-pajjiż. Irrid ngħid, huwa marbut mal-wirt ta’ San Patrizju, patrun tal-Irlanda.

Minn hawn ix-xewqa li nagħmel dan l-ewwel vjaġġ tiegħi fl-Irlanda vjaġġ lejn il-“bidu”, lejn il-post tal-primat. Il-Knisja hija mibnija fit-totalità tagħha fuq is-sisien tal-Appostli u tal-Profeti, billi Ġesù Kristu kien huwa stess il-ġebla tax-xewka (cf. Ef 2,20). Imma f’kull art u nazzjon il-Knisja għandha l-ġebla partikolari propja tal-pedament. Huwa għalhekk għal dan il-pedament hawn fis-Sedja Primazjali ta’ Armagh, li lejha għall-ewwel darba niddirieġi l-passi tiegħi ta’ pellegrin. Is-Sedja ta’ Armagh hija Sedja primazjali għaliex hija s-Sedja ta’ San Patrizju. L-Arċisqof ta’ Armagh huwa l-Primat tal-Irlanda kollha illum għaliex huwa il-Comharba Pádraig, is-suċċessur ta’ San Patrizju, l-ewwel Isqof ta’ Armagh.

2. Waqt li jinsab għall-ewwel darba fuq art Irlandiża, fuq l-art ta’ Armagh, is-Suċċessur ta’ Pietru ma jistax jonqos li jfakkar l-ewwel miġja hawn, iktar minn elf u ħames mitt sena ilu, ta’ San Patrizju. Sa mill-jiem li kien qattà bħala ragħaj ċkejken fi Slemish, sal-mewt tiegħu f’Saul, Patrizju kien xhud ta’ Ġesù Kristu. Jgħidu li, mhux bogħod minn dan il-post, fuq l-għolja ta’ Slane, huwa kebbes għall-ewwel darba fl-Irlanda n-nar tal-Għid, sabiex id-dawl ta’ Kristu jiddi fuq l-Irlanda kollha u jgħaqqad il-poplu kollu tagħha fl-imħabba tal-uniku Ġesù Kristu. Dan huwa għalija mottiv ta’ ferħ kbir li ninsab hawn illum magħkom, quddiem l-għolja ta’ Slane, u nxandar dan l-istess Ġesù Kristu, il-Verb Inkarnat ta’ Alla, is-Salvatur tad-Dinja. Huwa hu l-Mulej tal-istorja, id-dawl tad-dinja, it-tama tal-futur tal-ġeneru uman kollu. Bil-kliem tal-Liturġija paskwali, iċċelebrat għall-ewwel darba fl-Irlanda minn San Patrizju fuq l-għolja ta’ Slane, insellmu llum lil Kristu: huwa hu  l-Alfa u l-Omega, il-bidu u t-tmiem ta’ kollox, Iż-żminijiet u s-sekli kollha jappartienu lilu. Lilu tkun il-glorja għal dejjem. “Lumen Christi: Deo gratias”! Id-dawl ta’ Kristu: Niżżu ħajr lil Alla! Jalla d-dawl ta’ Kristu, id-dawl tal-fidi jkompli jdawwal lill-Irlanda, Jalla ebda dlam ma qatt jitfih  .

Sabiex ikun fidil, sal-mewt, fid-dawl ta’ Kristu, talab San Patrizju għalih innifsu Sabiex il-poplu Irlandiż jibqà dejjem fidil għad-dawl ta’ Kristu, talab bla jaqtà għall-Irlandiżi. Kiteb fl-istqarrijiet tiegħu: “Alla qatt ma jippermetti li jiġrili li nitlef il-poplu li hu reġ1 rebaħ fl-iktar partijiet imbegħda tad-dinja. Nitlob lil Alla li jagħtini perseveranza u li jindenja ruħu li jagħmel li jien inkun xhud fidil tiegħu sal-aħħar ta’ ħajti għal Alla… Sa miż-żmien li sirt nafu f’żgħożiti, l-imħabba ta’ Alla u l-biżà tiegħu kibru fija u s’issa, bis-saħħa tal-grazzja ta’ Alla, ikkonservajt il-fidi” (S. Patrizju, Confessione, 44,58).

3. “Ikkonservajt il-fidi”. Din kienet l-ambizzjoni tal-Irlandiżi tul il-korsa tas-sekli. Fil-persekuzzjoni u fil-faqar, fil-karestija u fl-eżilju, intom ikkonservajtu l-fidi. Għal ħafna dan fisser il-martirju. Hawn fi Drogheda, fejn huma meqjuma r-relikwi tiegħu, nixtieq insemmi martri Irlandiż, San Oliver Plunkett, li għall-kanoniżazzjoni tiegħu fis-Sena Mqaddsa 1975, kelli l-pjaċir li nassisti, bħala Kardinal ta’ Krakovja, fuq stedina ta’ ħabib tiegħi, il-mibki Kardinal Conway. San Oliver Plunkett, Primat tal-Irlanda għal tnax-il sena, jibqà eżempju eminenti tal-imħabba ta’ Kristu għall-bnedmin kollha. Bħala Isqof, ippriedka messaġġ ta’ maħfra u ta’ paċi. Infatti huwa kien id-difensur tal-maħqurin u l-promutur tal-ġustizzja, li qatt ma għaddiet fuq il-vjolenza. Lill-bnedmin vjolenti, il-kelma tiegħu kienet il-kelma tal-Appostlu Pietru: “Tpattux deni b’deni, lanqas azzjoni ħażina b’azzjoni ħażina” (1Pt 3,9). Martri tal-fidi, huwa ssiġilla bil-mewt l-istess messaġġ ta’ rikonċiljazzjoni, li kien ippriedka tul ħajtu. F’qalbu ma kienx hemm risentiment għaliex il-qawwa tiegħu kienet l-imħabba ta’ Ġesù, l-imħabba tar-Ragħaj it-Tajjeb, li jagħti ħajtu għall-merħla tiegħu. Kliemu fil-punt tal-mewt kien kliem ta’ maħfra għall-għedewwa kollha tiegħu.

4. Fidi u fedeltà huma s-sinjali distintivi tal-Knisja fl-Irlanda, Knisja tal-Martri, Knisja ta’ xhieda;’ Knisja ta’ fidi erojka u ta’ fedeltà erojka. Dawn huma s-sinjali storiċi li jindikaw t-traċċi tal-fidi fuq l-art Irlandiża. Il-Vanġelu u l-Knisja xeħtu għeruq profondi fir-ruħ tal-poplu Irlandiż. Is-Sedja ta’ Armagh, is-Sedja ta’ Patrizju, hija l-post li jippermetti li naraw tali traċċi u li nindunaw b’tali għeruq. Dan huwa l-post li fih huwa possibbli li niltaqgħu u li minnu nindirizzaw lil dawk id-dijoċesijiet l-oħra u fidili, li l-popli tagħhom batew tant minħabba l-ġrajjiet tal-aħħar għaxar snin: Down u Connor, Rerry, Dromore, Clogher, Kilmore.

Matul il-perijodu ta’ tħejjija għall-vjaġġ tiegħi fl-Irlanda, apprezzajt b’mod speċjali l-istedina tal-Primat tal-Irlanda kollha biex inżur il-Katidral tiegħu f’Armagh, B’mod speċjali sinifikattiv kien ukoll il-fatt li l-istedina tal-Primat kienet milqugħa u mtennija mir-rappreżentanti tal-Knisja Irlandiża u mill-kapijiet u l-membri ta’ Knejjes oħra, inklużi bosta oħrajn mill-Irlanda ta’ Fuq, Jiena grat b’mod pertikulari għal dawn l-istediniet kollha.

Dawn l-istediniet juru l-satt li l-Konċilju Vatikan II qiegħed iwassal il-frott tiegħu u li aħna niltaqgħu mal-kollegi kristjani ta’ Knejjes oħra, bħal ma persuni li flimkien jistqarru lil Ġesù Kristu, bħala l-Mulej, u li jersqu lejn xulxin fir-riċerka tal-għaqda u tax-xhieda komuni.

Dan l-att tassew fratern u ekumeniku min-naħa tar-rappreżentanti tal-Knejjes hu wkoll xhieda li l-ġrajjiet traġiċi, li jseħħ fl-Irlanda ta’ Fuq, m’għandhomx is-sors tagħhom fil-fatt li jappartienu huma għall-Knejjes u Stqarrijiet differenti. Minkejja dan li jtenni ruħu tant spiss quddiem l-opinjoni mondjali, din mhix gwerra tar-reliġjon, ta’ lotta bejn Kattoliċi u Protestanti. Bil-maqlub, il-Kattoliċi u l-Protestanti, bħala persuni li jistqarru lil Kristu, waqt li jisiltu ispirazzjoni mill-fidi u mill-Vanġelu, ifittxu li jersqu lejn xulxin fl-għaqda u fil-paċi, Meta huma jiftakru l-ikbar Kmandament ta’ Kristu, il-kmandament tal-imħabba, ma jistgħux jaġixxu b’mod differenti.

5. Imma l-Kristjaneżmu ma jordnalniex nagħlqu għajnejna għall-problemi diffiċli tal-bnedmin. Huwa ma jippermettilniex li nittraskuraw u nirrifjutaw li naraw sitwazzjonijiet soċjali jew internazzjonali nġusti. Dak li l-Kristjaneżmu jipprojbixxi huwa l-appell f’tali sitwazzjonijiet għat-toroq tal-mibegħda, għall-assassinju ta’ persuni ndifiżi, għall-metodi tat-terroriżmu. Ippermettuli li ngħid ukoll: il-Kristjaneżmu jinkludi u jagħraf il-lotta nobbli u ġusta għall-ġustizzja, imma l-Kristjaneżmu huwa b’mod deċiż kuntrarju għal kull att iddestinat biex iħeġġeg il-mibegħda u biex jippromwovi jew jipprovoka l-vjolenza, u l-lotta għall-kawża tal-“lotta”. Il-kmandament “la toqtolx” għandu jobbliga l-kuxjenza tal-umanità, jekk ma rridux li tirrepeti ruħha t-traġedja terribbli u d-destin ta’ Kajjin.

6. Għal din ir-raġuni qistu konvenjenti li niġi hawn qabel ma nmur l-Amerka, fejn nittama li nwassal indirizz fl-Organizzazzzjoni tal-Ġnus Magħquda dwar dawn l-istess problem tal-paċi u tal-gwerra, tal-ġustizzja u tad-drittijiet umani. Iddeċidejna flimkien, il-Kardinal Primat u jien, li jkun aħjar għalija li niġi hawn, fi Dtrogheda, u li minn hawn inkun onorajt il-“bidu” tal-fidi u lill-primat f’art twelidkom; u li minn hawn inkun irriflettejt flimkien magħkom, quddiem Alla, quddiem l-istorja nisranija brillanti tagħkom, dwar din il-problema estremament urġenti, dwar il-problema tal-paċi u tar-rikonċiljazzjoni  .

Hemm bżonn li nfittxu, b’mod speċjali, fejn huma l-kawżi ta’ din il-lotta drammatika. Hemm bżonn li nsejħu b’isimhom dawn is-sistemi u dawn l-ideoloġiji li huma responsabbli għal din il-lotta. Hemm bżonn ukoll li nirriflettu jekk l-ideoloġija tar-rivoluzzjoni tagħmilx il-veru ġid tal-poplu tagħkom, il-veru ġid tal-bniedem. Huwiex possibbli tibni l-ġid ta’ individwi u ta’ popli fuq il-mibegħda, fuq il-gwerra? Huwiex ġust li timbotta l-ġenerazzjonijiet żgħażagħ fil-fossa tal-fratriċidju? Mhuwiex jewwilla meħtieġ li nfittxu soluzzjonijiet differenti għall-problemi tagħna? Il-lotta fratriċidja ma tirrendilniex iktar urġenti r-riċerka bil-qawwiet kollha tagħna għal soluzzjonijiet paċifiċi? Tali huma l-kwistjonijiet li jien se niddiskuti fi ftit jiem oħra quddiem l-Assemblea tal-Ġnus Magħquda. Hwn illum, f’din l-għażiża art Irlandiża, li minnha telqu qabli tant nies lejn l-Amerka, nixtieq niddiskutihom magħkom.

7. Il-messaġġ tiegħi lilkom illum ma jistax ikun differenti minn dak li San Patrizju u San Oliver Plunkett ħabbrulkom. Jien nippridka dak li huma ppridkaw: Kristu, li huwa l-“Prinċep tal-Paċi” ( 9,5); li rrikonċiljana ma’ Alla u fl-istess ħin ma’ xulxin (cf.2Kor 5,18); li huwa s-sors ta’ kull għaqda.

Il-qari jkellimna dwar Ġesù, bħala “ir-Ragħaj it-Tajjeb”, li l-unika xewqa tiegħu hija li jiġbor lil kulħadd f’merħla waħda. Jiena ġejt għandkom f’ismu, f’isem Ġesù Kristu, li miet biex “jgħaqqad flimkien l-ulied li kienu tferrxu” (Ġw 11,52). Din hija l-missjoni tiegħi, dan huwa l-messaġġ tiegħi lilkom: Ġesù Kristu li huwa l-paċi tagħna. Kristu “huwa l-paċi tagħna” (Ef 2,11). Illum u dejjem huwa jtennilna: “Nagħtikom il-paċi tiegħi, inħallilkom il-paċi tiegħi” (Ġ w 14,27).  Qatt, qabel, fl-istorja tal-ġeneru uman ma tkellmu daqshekk dwar il-paċi u b’tant ħeġġa sejħu l-paċi, daqskemm fi żminna. 

L-indipendenza kull ma tmur tikber tal-popli u tan-Nazzjonijiet tissenjalizza kważi lil kulħadd talinqas bħala prinċipju l-ideal ta’fraternità umana universali. L-istituzzjonijiet internazzjonali l-kbar jiddibattu l-koeżistenza paċifika tal-umanità. L-opinjoni pubblika qiegħda kull ma tmur tagħraf iktar l-assurdità tal-gwerra bħala mezz biex issolvi d-diskriminazzjonijiet, Il-paċi qiegħda dejjem iktar tidher bħala l-kondizzjoni meħtieġa għar-relazzjonijiet fraterni bejn in-Nazzjonijiet u fost il-popli. Il-paċi qiegħda dejjem iktar tidher b’mod iktar ċar bħala l-unika triq għall-ġustizzja; il-paċi hija minnha nfiha opra tal-ġustizzja. Imma mill-ġdid, ripetutament, hija partikular osservat bħal ma l-paċi hija mhedda u meqruda. Għaliex allura l-konvinzjonijiet tagħna mhux dejjem huma fi qbil mal-imġieba tagħna u mal-atteġġjamenti tagħna?

U kif inhu li mhux dejjem aħna lesti li nwarrbu l-ġlied kollu ta’ ħajjitna?

8. Il-paċi hija r-riżultat ta’ bosta atteġġjamenti u realtajiet konverġenti, hija l-prodott ta’ fatti morali, ta’ prinċipji etiċi bbażati fuq il-messaġġ tal-Vanġelu u minnu msaħħin.

Fl-ewwel post irrid hawn insemmi l-ġustizzja. Fil-messaġġ tiegħu għall-Jum Mondjali tal-Paċi tal-1971, il-meqjum Predeċessur tiegħi, dak il-Pellegrin tal-Paċi li kien Pawlu VI, qal: “Il-Paċi vera għandha tkun imsejsa fuq il-ġustizzja, fuq is-sens tad-dinjità intanġibbli umana, fuq l-għarfien ta’ ugwaljanza inkanċellabbli u feliċi fost il-bnedmin, fuq id-domma bażilari tal-fraternità umana. Jiġifieri tar-rispett, tal-imħabba dovuta lejn kull bniedem, għaliex bniedem”. Min-naħa tiegħi jiena sostnejt dan il-messaġġ fil-Messiku u fil-Polonja. Nerġà nsostnih mill-ġdid hawn fl-Irlanda. Kull esseri uman għandu drittijiet inaljenabbli li għandhom ikunu rrispettati. Kull komunità umana, etnika, storika, kulturali jew reliġjuża għandha drittijiet li għandhom jiġu rrispettati.

Il-paċi tkun mhedda kull darba li wieħed minn dawn id-drittijiet jiġi miksur. Il-liġi morali, għassiesa tad-drittijiet umani, protettriċi tad-dinjità umana, ma tistax titwarrab fil-ġemb minn xi persuna jew grupp, linqas mill-istess Stat, għall-ebda mottiv, linqas għas-sikurezza jew fl-interessi tal-liġi jew tal-ordni. Il-liġi ta’ Alla hija mħallef ‘il fuq minn kull raġuni tal-Istat, Sakemm jeżistu l-inġustizzji u kwalunkwè setturi li jmissu d-dinjità tal-persuna umana, kemm fil-kamp politiku, soċjali jew ekonomiku, kif ukoll fl-isfera kulturali jew reliġjuża, ma tistax teżisti paċi vera. Għandhom ikunu ndividwati l-kawżi tad-diżugwaljanzi permezz ta’ valutazzjoni kuraġġuża u oġġettiva, u għandhom ikunu eliminati, b’mod li kull persuna tkun tista tiżviluppa lilha nfisha u tikber skont il-qies sħiħ tal-propja umanità.

9. Fit-tieni post, il-paċi ma tistax tkun stabbilità permezz tal-vjolenza, il-paċi ma tistà qatt tiffjorixxi fi klima ta’ terror, ta’ intimidazzjoni u ta’ mewt. Huwa Ġesù stess li jgħid: “Dawk kollha li jitfgħu jdejhom fuq ix-xabla imutu bix-xabla” (Mt 26,52). Din hija l-kelma ta’ Alla, u jħeġġeġ lill-ġenerazzjoni ta’ bnedmin vjolenti biex iwarrbu din il-mibegħda u l-vjolenza u biex jikkonvertu.

Inżid illum leħni ma’ dak ta’ Pawlu VI u tal-Predeċessuri l-oħra tiegħi, mal-ilħna tal-mexxejja reliġjużi tagħkom, mal-ilħna tal-irġiel u n-nisa kollha li jirraġunaw, u nipproklama, bil-konvinzjoni tal-fidi tiegħi fi Kristu u bil-kuxjenza tal-missjoni tiegħi, li l-vjolenza hija ħażina, li l-vjolenza hija inaċċettabbli bħala soluzjoni tal-problemi, li l-vjolenza mhix denja tal-bniedem. Il-vjolenza hija gidba, minħabba li tmur kontra l-veriità tal-fidi tagħna, il-verità tal-umanità tagħna. Il-vjolenza teqred dak li hija trid tiddefendi, għaliex teqred it-tessut reali tas-soċjetà. Jiena nitlob magħkom sabiex is-sens morali u l-konvinċiment nisrani tal-irġiel u n-nisa Irlandiżi jkunu jistgħu li ma jaslu qatt li jkunu mdallma u maqtugħa mill-gidba tal-vjolenza sabiex ħadd ma jkun jistà jsejjaħ l-assassinju b’isem ieħor li mhuwiex assassinju, sabiex  lill-ispirat tal-vjolenza ma nkunu qatt nistgħu nagħtuh l-kwalifika tal-loġika inevitabbli jew ta’ ritaljazzjoni meħtieġa. Ejjew niftakru li l-kelma tibqà għal dejjem: “Dawk kollha li jixħtu jdejhom fuq ix-xabla jmutu bix-xabla”.

10.Hemm kelma oħra li għandha tagħmel parti mill-vokabiularju ta’ kull nisrani, b’mod speċjali meta jittellgħu barrieri ta’ mibegħda u suspett. Din il-kelma ddoqq rikonċiljazzjoni. “Jekk mela tippreżenta l-offerta tiegħek fuq l-artal u hemm tiftakar li ħuk għandu xi ħaġa kontra tiegħek, ħalli d-don tiegħek quddiem l-altar u mur l-ewwel irranġa ma’ ħuk imbagħad erġà lura biex toffri d-don tiegħek” (Mt 5,23-24). Dan il-kmandament ta’ Ġesù huwa iktar b’saħħtu minn kwalunkwè barriera li l-inkompetenza jew il-malizzja umana tistà tibni. Ukoll meta l-fidi tagħna fit-tjubija fundamentali ta’ kull esseri uman tiġi xxukkjata jew imdgħajfa, ukoll jekk il-konvinzjonijiet u l-atteġġjamenti sostnuti fit-tul iwebbsu qlubna, hemm sors qawwi li hu iktar b’saħħtu minn kull delużjoni, qrusa jew suspett definit, u dik il-qawwa hija Ġesù Kristu, li ġab fid-dinja maħfra u rikonċiljazzjoni.

Nagħmel appell lil dawk kollha li qegħdin jisimgħuni, lil dawk kollha li huma qalbhom maqtugħa wara l-bosta snin ta’ konflitti, vjolenza u aljenazzjoni, sabiex huma jippruvaw dak li jidher impossibbli: itemmu dak li huwa ntollerabbli. Jiena nqim il-bosta sforzi li saru minn irġiel u nisa innumerevoli fl-Irlanda ta’ Fuq biex jimxu l-mogħdija tar-rikonċiljazzjoni u tal-paċi. Il-kuraġġ, il-paċenzja, it-tama ndomitabbli f’irġiel u nisa ta’ paċi li dawlu d-dlam ta’ dawn is-snin ta’ prova. L-ispirtu ta’ maħfra nisranija muri mill-ħafna, li batew f’persunthom jew fl-għeżież tagħhom, ispira lill-multitudni. Fis-snin li ġejjin meta l-kliem tal-mibegħda u l-fatti tal-vjolenza jkunu ntesew, ikun il-kliem ta’ mħabba u l-atti ta’ paċi u ta’maħfra li jibqgħu miftakra. Ikunu dnwn li jispiraw lill-ġenerazzjonijiet futuri.

Lilkom ilkoll li qegħdin tisimgħuni ngħidilkom: temmnux fil-vjolenza, la tappoġġjawx il-vjolenza. Mhijiex din it-triq nisranija. Mhijiex it-triq tal-Knisja kattolika, Emmnu fil-paċi, fil-maħfra u fl-imħabba: dawn infatti huma ta’ Kristu.

Il-komunitajiet li huma magħqudin flimkien minħabba l-aċċettazzjoni tal-messaġġ suprem ta’ mħabba ta’ Ġesù, espress fil-paċi u fir-riokonċiljazzjoni u fir-rifjut tagħhom ta’ kull vjolenza jikkostitwixxu qawwa irreżistibbli biex iwettqu dak li ħafna waslu biex jaċċettaw bħala impossibbli u ddestinat li jibqà tali.

11. Issa nixtieq nindirizza lil dawk l-irġiel u nisa kollha impenjati fil-vjolenza. Nagħmel appell lilkom, bil-lingwaġġ ta’ karba mqanqla. Għarkupptejja nitlobkom biex titbegħdu mill-mogħdijiet tal-vjolenza u terġgħu lura fit-toroq tal-paċi. Intom tistgħu tipproklamaw ukoll li qegħdin tfittxu l-ġustizzja. Jien ukoll nemmen fil-ġustizzja u qed infittex il-ġustizzja. Imma l-vjolenza iddewwem biss il-jum tal-ġustizzja. Il-vjolenza teqred l-opra tal-ġustizzja. Iktar vjolenza fl-Irlanda titraxxina biss f’qerda l-art li intom tipprofessaw li tħobbu u l-valuri li intom issostnu li tikkultivaw. F’isem Alla nitlobkom: erġgħu lura lejn Kristu, li miet sabiex il-bnedmin ikunu jistgħu jgħixu fil-maħfra u fil-paċi. Huwa qiegħed jistenniekom, waqt li jixtieq li kull wieħed minnkom jiġi għandu, hekk li jkun jistà jgħid lil kull wieħed minnkom: dnubietek maħfura; mur bis-sliem.

12. Nagħmel appell liż-żgħażagħ li jistgħu jkunu iktar maħtufin minn organizzazzjonijiet impenjati fil-vjolenza. Jiena ngħidilkom, bl-imħabba kollha li għandi għalikom, bil-fiduċja kollha li għandi fiż-żgħażagħ: tisimgħux l-ilħna li jitkellmu bil-lingwaġġ tal-mibegħda, tal-vendetta, tar-ritaljazzjoni. La ssegwu ebda gwida li twassalkom fit-triqat li jsawbu l-mewt. Ħobbu l-ħajja, irrispettaw il-ħajja, fikom u fl-oħrajn. Qiegħdu lilkom infuskom għas-servizz tal-ħajja, mhux tal-mewt. La temmnux li l-kuraġġ u l-qawwa jkunu ppruvati mill-qtil u mill-qerda. Il-veru kuraġġ jikkonsisti fil-ħidma għall-paċi. Il-vera qawwa tikkonsisti fl-għaqda tagħkom maz-żgħażagħ u maż-żgħażagħ tal-generazzjoni tagħkom kullimkien biex tibnu soċjetà ġusta, umana u nisranija, permezz tat-toroq tal-paċi. Il-vjolenza hija l-għadu tal-ġustizzja, Il-paċi biss tistà twassal għall-vera ġustizzja.

Għeżież żgħażagħ tiegħi; jekk inħtaftu mit-toroq tal-vjolenza, ukoll jekk wettaqtu atti ta’ vjolenza, erġgħu lura lejn Kristu, li d-don tiegħu ta’ addijo lid-dinja kien il-paċi. Jekk terġgħu lura lejn Kristu biss, issibu paċi għall-kuxjenzi mħawdin tagħkom, u serenità għal irwieħkom bla sabar.

U lilkom Missirijiet u Ommijiet nġħidilkom: għallmu lil uliedkom x’għandhom jagħmlu biex jaħfru, irrendu djarkom postijiet ta’ mħabba u ta’ maħfra; biddlu triqatkom u l-viċinati tagħkom f’ċentri ta’ paċi u ta’ rikonċiljazzjoni. Ikun delitt kontra ż-żgħażagħ u l-futur tagħhom li tippermettu li wkoll iben wieħed jikber biss bl-esperjenza tal-vjolenza u tal-mibegħda.

13. Issa nixtieq indur fuq dawk li jinsabu f’pożizzjoni ta’ gwida, fuq dawk kollha li jistgħu jinfluwenzaw l-opinjoni pubblika, fuq dawk il-membri kollha tal-partiti politiċi u fuq dawk kollha li jappoġġjawhom. Lilkom ngħidilkom: La taħsbux li tittradixxu lill-Komunità tagħkom meta tfittxu li tifhmu u trrispettaw u li taċċettaw lil dawk ta’ tradizzjoni differenti. Servu mill-aħjar li tistgħu it-tradizzjoni propja, waqt li taħdmu mal-oħrajn għar-rikonċiljazzjoni. Kull waħda mill-Komunitajiet storiċi fl-Irlanda tistà biss tweġġà lilha nfisha billi tfittex li tweġġà lill-oħra. Il-vjolenza kontinwa tistà biss tikkomprometti dak kollu li huwa l-iktar prezzjuż fit-tradizzjonijiet u fl-aspirazzjonijiet taż-żewġ komunitajiet”.

Jalla ħadd minn dawk li jinteressaw ruħhom fl-Irlanda ma jkollu ebda illużjoni dwar in-natura u t-theddida tal-vjolenza politika. L-ideoloġija u l-metodi tal-vjolenza saru problema internazzjonali ta’ gravità maġġura. Iktar ma ddum il-vjolenza fl-Irlanda, iktar jikber il-periklu li din l-art għażiża tistà ssir iktar tejatru għat-terroriżmu internazzjonali.

14. Lil dawk kollha li jġorru r-responsabiltajiet politiċi fl-affari tal-Irlanda, nixtieq inkellem bl-istess urġenza u ntensità, li bihom kellimt lill-bnedmin tal-vjolenza. La tikkawżawx linqas taċċettaw linqas tittolleraw kondizzjonijiet li joffru skuża jew ġustifikazzjoni għall-bnedmin tal-vjolenza. Dawk li jirrikorru għall-vjolenza dejjem isostnu li l-vjolenza biss twassal għall-bidla. Huma jiddikjaraw li l-azzoni politika ma tistax twettaq il-ġustizzja. Intom Politiċi jeħtieg li tippruvawlhom li għandhom żball. Intom jeħtieġ turuhom li teżisti triq paċifika, politika lejn il-ġustizzja. Hemm bżonn turuhom li l-paċi twettaq l-opri tal-ġustizzja, waqt li l-vjolenza dan ma tagħmlux.

Inħeġġeġ lilkom li intom imsejħa għad-dmir nobbli tal-politika biex ikollkom il-kuraġġ tiffaċċjaw ir-responsabiltajiet tagħkom, biex tkunu gwidi fil-kawża tal-paċi, tar-rikonċiljazzjoni u tal-ġustizzja. Jekk il-politiċi ma jiddeċidux u ma jaġixxux għal bidla ġusta, allura il-kamp huwa miftuħ għall-bnedmin tal-vjolenza. Il-vjolenza tiffjorixxi meta jkun hemm il-vojt politiku u rifjut ta’ mossa politika. Pawlu VI, waqt li kiteb lill-Kardinal Conway f’Marzu 1972, qallu: “Kull wieħed għandu jagħmel il-parti tiegħu. L-ostakli li jeżistu fit-triq tal-ġustizzja jiġu mwarrba: ostakli bħan-nuqqas ta’ ugwaljanza ċivili, id-diskriminazzjoni soċjali u politika, u n-nuqqas ta’ qbil bejn individwi u bejn gruppi. Hemm bżonn li jkun hemm rispett mutwu u kostanti għall-oħrajn; għall-persuni tagħhom, għad-drittijiet tagħhom u għall-aspirazzjonijiet leġittimi tagħhom”. Illum qiegħed nagħmel tiegħi dan il-kliem tal-Predeċessur meqjum tiegħi.

15. Ġejt fi Drogħeda għal missjoni kbira ta’ paċi u ta’ rikonċiljazzjoni. Ġejt bħala pellegrin ta’ paċi, tal-paċi ta’ Kristu. Lill-Kattoliċi, lill-Protestanti, il-messaġġ huwa tal-paċi u tal-imħabba. Jalla ebda Protestant Irlandiż ma jrid jaħseb li l-Papa huwa għadu, periklu jew theddida. Ix-xewqa tiegħu iżda hija li l-Protestanti jaraw fija ħabib u ħuhom fi Kristu. Titilfux il-fiduċja li din iż-żjara tiegħi tistà tkun fertili u li dan leħni jistà jkun mismugħ. U wkoll jekk ma jkunx mismugħ, jixhed l-istorja li f’waqt diffiċli fl-esperjenza tal-poplu Irlandiż l-Isqof ta’ Ruma medd riġlu fuq artkom, li hu kien magħkom u talab magħkom għall-paċi u għar-rikonċiljazzjoni, għar-rebħa tal-ġustizzja u tal-imħabba fuq il-mibegħda u fuq il-vjolenza. Iva, din ix-xhieda tagħna fl-aħħar tinbidel f’talba, talba li tiġi mill-qalb għall-paċi tal-popli li jgħixu fuq din l-art, paċi għall-poplu kollu tal-Irlanda.

Jalla din it-talba ħerqana għall-paċi tinfed b’mod l-iktar imdawwal fil-kuxjenzi kollha, tippurifikhom u taħfinhom.

Kristu, Prinċep tal-Paċi; Marija, Omm il-Paċi, Reġina tal-Irlanda; San Patrizju, San Oliver, u intom ilkoll, Qaddisin tal-Irlanda; jien, flimkien ma dawk kollha li jingħaqdu miegħi, nitlobkom! Ħudu ħsieb l-Irlanda, Ipproteġu lill-umanità. Amen.

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Emanuel Zarb