Aktar mill-Papa Ġwanni Pawlu II
...
PELLEGRINAĠĠ
APOSTOLIKU FIT-TURKIJA
QUDDIESA
OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU
ĠWANN PAWLU II
Efesu
Il-Ġimgħa, 30 ta’ Novembru 1979
1. B’qalb imfawra b’kommozzjoni
profonda, nibda nitkellem f’din il-liturġija sollenni, li tarana hawn miġbura
madwar il-Mejda ewkaristika biex niċċelebraw, fid-dawl ta’ Kristu Redentur,
it-tifkira glorjuża tas-Santissma Ommu. Ir-ruħ hija ddominata mill-ħsieb li,
propju f’din il-belt, il-Knisja miġbura f’Konċilju – it-tielet ekumeniku –
għarfet b’mod uffiċċjali lil Maria it-titlu ta’ “Theotokos”, ġa attribwit lilha
mill-poplu nisrani, imma minn xi żmien ikkuntestat f’xi ambjenti, immexxija
b’mod speċjali minn Nestorju. Il-ġublew, li bih il-popolazzjoni ta’ Efesu
laqgħet, f’dik l-imbegħda sena 431, lis-Santi Padri li kienu ħarġu mis-sala
tal-Konċilju fejn kienet ġiet iddikjarata mill-ġdid il-fidi tal-Knisja, li
nfirxet bil-għaġġla f’kull parti tad-dinja nisranija u ma qatgħetx tidwi
mal-ġenerazzjonijiet suċċessivi, li matul il-korsa tas-sekli komplew iduru bi
mpuls fiduċjuż lejn Marija, bħala Dik li tat il-ħajja lill-Iben ta’ Alla.
Aħna wkoll, illum, bl-istess
impuls filjali u bl-istess fiduċja qawwija, niġru għand il-Verġni Mqaddsa, waqt
li fiha nsellmu lill-“Omm Alla” u waqt li lilha nafdaw ix-xorti tal-Knisja,
suġġetta f’dawn iż-żminijiet għal provi b’mod singulari iebsin u nsidjużi, imma
mbuttata wkoll mill-azzjoni tal-Ispirtu f’mixjiet miftuħa għat-tamiet l-iktar
promettenti.
2. “Omm Alla”. Waqt li, illum,
intennu dan it-terminu mimli misteru, inmorru mill-ġdid b’moħħna fil-waqt
indeskrivibbli tal-Inkarnazzjoni u niddikjaraw mal-Knisja kollha li l-Verġni
saret Omm Alla minħabba li ġġenerat skont l-umanità Iben, li personalment kien
il-Verb ta’ Alla. Liema abbiss ta’ indulġenza jinfetaħ quddiemna!
Għar-ruħ ħassieba titfaċċa
spontanjament mistoqsija: għaliex il-Verb ipprefera li jitwieled minn mara (Gal 4,4),
pjuttost milli jinżel mis-sema b’ġisem diġa ta’ adult, magħġun minn idejn Alla
(cf. Ġen 2,7)? Ma kinitx tkun, din, triq iktar denja tiegħu? Iktar
adegwata għall-missjoni tiegħu ta’ Mgħallem u ta’ Salvatur tal-umanità? Nafu li,
fl-ewwel sekli b’mod speċjali, mhux ftit insara (għalliema, injostiċi, eċċ.)
kienu jippreferu li l-affarijiet marru b’dan il-mod. Il-Verb, minflok, żamm
it-triq l-oħra. Għaliex??
It-tweġiba tipproponilna ruħha
bis-sempliċità ċara u konvinċenti tal-opri ta’ Alla. Kristu ried ikun rimja
awtentika (Iż 11,1) tan-nisel li kien ġie biex isalva. Ried li
r-redenzjoni tiffjorixxi bħal mill-ġewwieni tal-umanità, bħal xi ħaġa tiegħu.
Kristu ried jgħin lill-bniedem mhux bħala barrani imma bħala ħuh, billi jsir
f’kollox jixbaħ lilu, minbarra d-dnub (cf. Eb 4,15). Għal dan ried omm u
sabha f’Marija. Il-missjoni fundamentali tat-Tfajla ta’ Nażżaret kienet mela,
dik li tkun il-mezz tal-għaqda tas-Salvatur mal-ġeneru uman.
Fl-istorja tas-salvazzjoni,
madankollu, l-azzjoni ta’ Alla ma tiżvolġix ruħha ‘il fuq minn ras il-bnedmin.
Alla ma nponiex is-salvazzjoni. Linqas ma nponiha lil Marija. Fl-Annunzjazzjoni
huwa dar lejha b’mod personali, talab ir-rieda tagħha u stenna tweġiba li toħroġ
mill-fidi tagħha. Is-Santi Padri qabdu b’mod perfett dan l-aspett, waqt li
ndikaw li “il-Beata Marija, Dik li welldet waqt li emmnet, ikkonċepixxiet waqt
li emmnet” (S. Wistin, Sermo 215, 4; S. Iljun il-Kbir, Sermo I in Nativitate,
1; eċċ.) u dan enfasizza wkoll il-Konċilju Vatikan II, waqt li argumenta li
l-Verġni “għall-aħbar tal-Anġlu laqgħet f’qalbha u f’ġisimha l-Verb ta’ Alla” (Lumen
Gentium, 53).
Il-“fiat” tal-Annunnzjazzjoni
inawgura, b’dan il-mod, il-patt il-ġdid bejn Alla u l-krejatura: waqt li
jinkorpora lil Ġesù ma’ nisilna skont in-natura, jinkorpora lil Marija miegħu
skont il-grazzja. Ir-rabta bejn Alla u l-umanità, maqtugħa permezz tad-dnub,
issa tiġi riġinerata b’mod feliċi.
3. Il-kunsens totali u bla
kundizzjoni tal-“qaddejja tal-Mulej” (Lq 1,38) għall-pjan ta’ Alla kien,
mela, aċċettazzjoni libera u konxja. Marija aċċettat li ssir l-Omm tal-Messija,
li ġie “biex isalva l-poplu tiegħu mid-dnub” (Mt 1,21; cf. Lq 1,31).
Dan mhuwiex sempliċi kunsens għat-twelid ta’ Ġesù, imma aċettazzjoni
responsabbli ta’ partiċipazzjoni fl-opra tas-salvazzjoni, li huwa ġie biex
iwettaq. Il-kliem tal-“Magnificat” joffri konferma ċara ta’ dan l-għarfien
luċidu: “Ħa ħsieb Iżrael, qaddej tiegħu – Marija tgħid – għax ftakar fil-ħniena
tiegħu, kif kien wiegħed lil missirijietna, b’risq Abraham u nislu għal dejjem”
(Lq 1,54-55).
Waqt li lissnet il-“fiat” tagħha,
Marija ma ssirx biss l-Omm tal-Kristu storiku; il-ġest tagħha jimponiha bħala
l-Omm tal-Kristu totali. “Ommna il-Knisja”. “Mill-waqt tal-“fiat” – josserva San
Anselmu – “Marija bdiet iġġorna kollha fi ħdanha” Minħabba dan “il-milied
tal-Kap huwa wkoll il-milied tal-Ġisem”, jissentenza San Iljun il-Kbir.
Sant’Efrem għandu, min-naħa tiegħu, espressjoni tassew sabiħa f’dan ir-rigward:
Marija, huwa jgħid, hija l-art li fiha ġiet miżrugħa l-Knisja”.
Fil-fatt, Fil-waqt li fih
il-Verġni ssir Omm tal-Verb inkarnat, il-Knisja issib ruħha ffurmata b’mod
sigriet, imma b’mod ġerminali perfett, fl-essenza tagħha ta’ ġisem mistiku:
infatti huma preżenti r-Redentur u l-ewwel waħda fost il-mifdijin. Minn issa ‘l
hemm l-inkorporazzjoni ma’ Kristu timplika rapport filjali mhux biss mal-Missier
ċelesti, imma wkoll ma’ Marija, l-Omm terrena tal-Iben ta’ Alla.
4. Kull omm tittrażmetti lil
uliedha ix-xebħ propju: ukoll bejn Marija u l-Knisja hemm rapport ta’ xebħ
profond. Mrija hija l-figura ideali, il-personifikazzjoni, il-mudell tal-Knisja.
Fiha jitwettaq il-passaġġ mill-poplu ta’ Alla l-qadim għal dak ġdid, minn Iżrael
għall-Knisja. Hija hi l-ewwel fost l-umli u l-foqra, li baqgħu fidili, li
jistennew ir-redenzjoni; u hi għadha l-ewwel fost il-mifdija li, b’umiltà u
ubbidjenza, jilqgħu l-miġja tar-Redentur. It-tejoloġija Orjentali insistiet
ħafna dwar il-“katharsis” li jopera f’Marija fil-waqt tal-Annunzjazzjoni;
biżżejjed hawn infakkru l-parafrasi kommoventi li jagħmel l-Isqof Ortodoss
Gregorio Palamas fl-omelija tiegħu: “Inti diġa qaddisa u mimlija bil-grazzja, o
Verġni, jgħid l-Anġlu lil Marija. Imma l-Ispirtu Santu se jiġi mill-ġdid fik,
waqt li jħejjik permezz ta’ żieda tal-grazzja għall-misteru divin” (Gregorio
Palamas, Omelia sull’Annunziazione: PG 151,178).
Bir-raġun, għalhekk, fil-Liturġija
li biha l-Knisja Orjentali tiċċelebra it-tifħir tal-Verġni, għandu post
prominenti il-kantiku li oħt Mosè, Marija, tgħolli fil-passaġġ tal-Baħar
l-Aħmar, kważi biex tindika li l-Madonna kienet l-ewwel waħda li qasmet il-baħar
tad-dnub quddiem nett tal-poplu ġdid ta’ Alla, meħlus minn Kristu.
Marija hija l-frott bikri u
x-xbiha l-iktar perfetta tal-Knisja: “portio maxima, portio optima, portio
praecipua, portio electissima” (Ruperti, In Apocalisse, I, VII, c. 72).
“Assoċjata mal-bnedmin kollha fil-bżonn tas-salvazzjoni”, jipproklama mill-ġdid
il-Vatikan II, hija ġiet mifdija “B’mod iktar sublimi bis-saħħa tal-merti ta’
Binha” (Lumen Gentium, 53). Marija, għalhekk, tinsab quddiem kull kredent
bħala l-krejatura kollha pura, kollha sbejħa, kollha qaddisa, kapaċi li “tkun
Knisja” kif ebda krejatura oħra qatt tistà tkun hawn isfel.
5. Illum, aħna wkoll, inħarsu lejn
Marija b’fantasija ta’ mħabba ta’ wlied bħala l-mudell tagħna.
Inħarsu lejha biex nitgħallmu
mill-eżempju tagħha ħalli nibnu l-Knisja. Għal dan il-għan nafu li għandna,
qabel kollox, nikbru taħt il-gwida tagħha fl-eżerċizzu tal-fidi. Marija għexet
il-fidi tagħha f’impenn ta’ approfondiment kontinwu u ta’ sejbien prpgressiv,
waqt li għaddiet minn waqtiet diffiċli ta’ dlam, diġa mill-bidu (cf. Mt 1,18ss.),
li hija għelbet grazzi għal atteġġjament responsabbli ta’ smigħ u ta’ ubbidjenza
fil-konfront tal-Kelma ta’ Alla. Aħna wkoll għandna nwettqu kull sforz biex
napprofondixxu u nikkunsolidaw il-fidi tagħna “billi nisimgħu, nilqgħu, inxandru,
inqimu l-Kelma ta’ Alla, waqt li niskrutinizzaw fid-dawl tagħha s-sinjali
taż-żminijiet u waqt li ninterpretaw u ngħixu l-ġrajjiet tal-istorja” (Pawlu
VI, Marialis
Cultus, 17).
Marija tinsab quddiemna bħala
eżempju ta’ tama kuraġġuża u ta’ karità operanti: hija mxiet fit-tama, waqt li
għaddiet bi prontezza ħelwa mit-tama Lhudija għat-tama nisranija, u attwat l-karità
billi laqgħet fiha l-esiġenzi sad-don l-iktar sħiħ u sal-ikbar sagrifiċċju.
Fuq l-eżempju tagħha, aħna wkoll
irridu nibqgħu sodi fit-tama ukoll meta sħab tempestuż jinġemà fuq il-Knisja, li
bħal vapur tavanza fost il-mewġ, mhux rari kuntrarji, tal-ġrajjiet umani: aħna
wkoll jeħtieġ nikbru fil-karità billi nikkultivaw l-umiltà, il-faqar, fix-xewqa
li ngħinu, fil-ħila tas-smigħ u tal-ubbidjenza, b’sapport għal dak li
għallmitna hi bix-xhieda ta’ ħajjitha kollha.
6. Ta’ ħaġa waħda, b’mod speċjali,
aħna rridu llum nassumu l-impenn f’riġlejn din l-Omm komuni tagħna: aħna
nimpennjaw ruħna li nmexxu ‘l quddiem, b’kull enerġija tagħna u b’atteġġjament
ta’ disponibiltà totali għas-suġġerimenti tal-Ispirtu, il-mixja lejn l-għaqda
sħiħa tal-insara kollha.
Taħt għajnejha materni aħna lesti
li nagħrfu it-tortijiet reċiproċi tagħna, l-egoiżmi tagħna, it-tnikkir tagħna:
hija ġġenerat Iben uniku, aħna sfortunatament qegħdin nippreżentawh maqsum. Dan
huwa fatt li joħolqilna skonfort u piena: l-iskonfort u l-piena li dwarhom
esprima ruħu l-Predeċessur tiegħi ta’ tifkira meqjuma, il-Papa Pawlu VI,
fil-kliem inizjali tal-“Breve” li, bi qbil totali mat-“Tomos” ippublikat
bl-istess ħin mill-Patrijarka ekumneniku Atenagora I, neħħa mit-tifkira
tal-Knisja u ddestina biex jintesew is-sentenzi ta’ skomunika reċiproka
mgħoddijin, ħafna żmien ilu, f’Kostantinopli: “Ambulate in dilectione, sicut et
Christus dilexit nos: haec hortatoria verba Apostoli gentium (Ef 5,2)
nobis, qui e Salvatoris nomine christiani appellamur, observantur nosque
permovent, praesertim hac aetate, quae vehementius impellit, ut dilatentur
spatia caritatis (Paelu VI, Ambulate in dilectione, 7 ta’ Diċembru 1965:
AAS 58 [1966] 40).
Imxejna ħafna minn dak il-jum;
passi oħrajn, bdanakollu, għad jonqos xi jsir. Ejjew nafdaw lil Marija
l-intenzjoni sinċiera li ma nsibux paċi sakemm l-għan tagħna ma jkunx intlaħaq
b’mod feliċi. Donni qiegħed nismà minn xuftejha l-kliem tal-Appostlu: “M’għandux
ikun hemm piki, għira, animożità, tqasqis, insinwazzjonijiet, suppervja u
diżordni” (2Kor 12,20). Ejjew nilqgħu b’qalb miftuħa din it-twissija
materna u nitolbuha li tkun qribna biex tiggwidana, b’id ħelwa u soda, fit-toroq
tal-fehim fratern sħiħ u dejjiemi. Hekk titwettaq il-wegħda suprema, imħabbra
minn Binha fil-waqt li fih kien se jxerred demmu għall-fidwa tagħna: “Kif int,
Missier, int fija u jiena fik,, ħalli li huma wkoll ikunu fina ħaġa waħda,
sabiex id-dinja temmen li inti bgħattni” (Ġw 17,21).
Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Emanuel Zarb
|