Aktar mill-Papa Ġwanni Pawlu II ...

PELLEGRINAĠĠ APOSTOLIKU FIT-TURKIJA

QUDDIESA FIL-KATIDRAL
TAL-ISPIRTU SANTU F’ISTANBUL

OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU ĠWANNI PAWLU II

Il-Ħamis, 29 ta’ Novembru 1979

 

Għeżież ħuti fil-Mulej.

“Il-paċi lil ħuti u l-karità u l-fidi min-naħa ta’ Alla l-Missier u tal-Mulej Ġesù Kristu” (cf. Ef 6,23). Dan l-awgurju tal-Appostlu Pawlu lill-insara ta’ Efesu huwa l-istess li nindirizzalkom.

Nindirizza minnufih lill-Patriarka ekumeniku, il-Qdusija Tiegħu Dimitrios I, u lill-Patriarka Armen, il-Bejatitudni Tiegħu Shnorhk Kalustian, meqjuma ħuti, li riedu jingħaqdu f’din iċ-ċelebrazzjoni u hekk jonoraw lilna u lill-komunità lokali kollha. Nesprimilhom il-gratitudni profonda tiegħi.

1. Insellmilkom b’mod kordjali, ħuti u wlied il-Knisja Kattolika, isqfijiet, saċerdoti, reliġjużi irġiel u nisa, fidili lajċi. Li tappartienu lid-diversi komunitajiet u lid-diversi riti kattoliċi tall-belt. Insellem ukoll, permezz tagħkom, lill-kattoliċi kollha ta’ dan il-Pajjiż kbir. Niżżikom ħajr għal-laqgħa tagħkom ta’ ħbiberija u filjali, kif ukoll għall-ferħ li qegħdin tatuni. Irrid ugwalment nindirizza ir-ringrazzjamenti ħajjin tiegħi lil dawk kollha li għamlu possibbli dan il-vjaġġ u, b’mod partikolari, lill-Awtoritajiet ta’ dan il-Pajjiż, li laqgħuni b’tant kortesija. Il-laqgħa tiegħi magħkom, ħuti fil-Mulej, timlieni b’ferħ immens. Napprezza l-preżenza attiva tagħkom f’din il-belt storika, splendida, għanja b’tant xhieda nisranija ammirevoli. U kif tistà tinsa li l-punti essenzjali tal-fidi tagħna sabu l-formulazzjoni dommatika fil-Konċilji ekumeniċi miżmuma f’din il-belt jew fil-bliet viċini, li isimhom iġibu l-isem: Niċea, Kostantinopli, Efesu, Kalċedonja? Kif tistà ma tfakkarx b’emozzjoni s-Santi Padri tal-Knejjes tal-Orjent, Rgħajja u Dutturi, mwielda f’dan ir-reġġjun jew li eżerċitaw apostolat inkomparabbli, waqt li ħallewlna kitbiet imdawla li llum huma ikel u referenza għall-Knisja kollha, fil-Punent kif ukoll fil-Lvant? Naħseb b’mod speċjali f’San Ġwann Krisostmu, Isqof ta’ Kostantinopli, li l-kuraġġ tiegħu, iċ-ċarezza, il-profondità, l-elokwenza għamluh il-mudell tar-ragħaj u tal-predikatur. Naħseb dwar din il-ħajja kollha kontemplattiva li ffjorixxiet hawnhekk matul is-sekli, għall-iskola tal-għalliema spiritwali, naħseb fil-fedeltà fil-fidi permezz ta’ tant provi. Għeżież ħuti rġiel u nisa, illum tirtu b’xi mod dan it-teżor u dawn l-eżempji li għandhom jiffjorixxu f’ruħkom. Jien kuntent narakom tipprofessaw din il-fidi b’konvinzjoni, b’perseveranza, bi spirtu ta’ sagrifiċċju. Fid-diversi oqsma u b’diversi modi, intom tirrendu servizz apprezzat lill-Knisja u lil dan il-Pajjiż. Kemm jekk toperaw b’mod dirett fil-qasam ekkleżjali kif ukoll jekk intom impenjati f’attivitajiet kulturali iktar ġenerali, jew fl-edukazzjoni taż-żgħażagħ, jew fl-opri ta’ karità, tridu tesprimu l-fidi tagħkom waqt li dejjem taqdu lill-bniedem, maħluq xbiha u xebħ ta’ Alla (cf. Ġen 1,26-27), u waqt li tikkontribwixxu biex tibnu l-Knisja ta’ Alla, mibnija fuq is-sies tal-Appostli u fuq il-ġebla tax-xewka li huwa Kristu (cf. Ef 2,20).

2. Ħuti, xtaqt niċċelebra magħkom din il-liturġija, b’mod speċjali f’din iċ-ċirkustanza ferrieħa tal-festa tal-Appostlu Sant’Andrea. Andrea kien imsejjaħ l-ewwel wieħed biex isegwi lil Ġesù. “Ejja u ara” kien qallu l-Mulej (Ġw 1,39). U Andrea telaq warajh, segwieh u għammar “għandu dakinhar”. U mhux biss “dakinhar”; segwieh tul ħajtu kollha; rah iwettaq il-mirakli, ifejjaq il-morda, jaħfer id-dnubiet, jagħti d-dawl lill-għomja, iqajjem il-mejtin; sar jaf bil-passjoni doloruża tiegħu u b’mewtu, u rah irxuxtat. U kompla jemmen fih, sax-xhieda finali tal-martirju.

Iċ-ċelebrazzjoni tal-festa ta’ qaddis tfakkarna fil-vokazzjoni partikolari tagħna għall-qdusija. San Pietru, ħu Andrea, ifakkarna b’mod stimolanti fl-ittra tiegħu miktuba appuntu lill-insara tal-Asja Minuri: “Bi xbiha tal-Qaddis li sejħilkom, siru qaddisin intom ukoll fil-kondotta kollha tagħkom” (1Pt 1,15).

Il-vokazzjoni nisranija hija sublimi u esiġenti, u tkun irrejalizzabbli għalina kemm-il darba l-Ispirtu ta’ Alla ma jtiniex id-dawl biex nifhmu u l-qawwa meħtieġa biex naġixxu. Imma Kristu assigurana wkoll dwar l-għajnuna tiegħu: “Hawn, jiena magħkom il-jiem kollha, sa tmiem id-dinja” (Mt 28,20).

Iva, il-vokazzjoni nisranija hija vokazzjoni għall-perfezzjoni, biex nibnu l-ġisem ta’ Kristu “sakemm naslu lkoll għall-għaqda tal-fidi u tal-għarfien ta’ Bin Alla, għall-istat ta’ bniedem perfett, fil-qies li jixraq lill-maturità sħiħa ta’ Kristu” (Ef 4,13). Sħaħ fil-fidi, nistgħu nikbru bil-modi kollha “waqt li ngħixu skont il-verità fil-karità” (Ef 4,15).

3. Nifirxu issa l-meditazzjoni tagħna għall-misteru tal-Knisja. Sant’Andrea, l-ewwel imsejjaħ, Patrun tal-Knisja ta’ Kostantinopli, u ħu San Pietru, il-mexxej tal-Appostli, fundatur flimkien ma’ San Pawl tal-Knisja ta’ Ruma u l-ewwel Isqof tagħha. Minn banda, dan il-fatt ifakkarna d-dramm tal-kristjaneżmu. Il-firda bejn il-Lvant u l-Punent, imma jfakkarna wkoll r-realtà profonda tal-komujoni eżistenti, minkejja kull differenza, bejn iż-żewġ Knejjes.

Kemm imissna niżżu ħajr lill-Mulej li wassal biex iqumu, ma’ tul l-aħħar għaxriet ta’ snin, pijunieri mdawla u bennejja nstankabbli tal-għaqda, bħall-Patrijarka Athenagoras, ta’ tifkira meqjuma, u l-predeċessuri kbar tiegħi.  Papa Ġwanni XXIII – li tiegħu din il-belt u din il-Knisja jippriservaw b’unur it-tifkira – u Papa Pawlu VI li ġie hawn biex jiltaqà magħkom qabli! L-azzjoni tagħhom kienet fertili għall-ħajja tal-Knisja u għar-riċerka tal-għaqda sħiħa bejn il-Knejjes tagħna, li jistrieħu fuq l-unika ġebla tax-xewka li hi Kristu u huma mibnija fuq is-sies tal-Appostli, Il-kuntatti dejjem iktar intensi ta’ dawn l-aħħar snin wasslu biex nerġgħu niskopru l-fraternità bejn iż-żewġ Knejjes tagħna u r-realtà ta’ komunjoni waħda, ukoll jekk mhix perfetta, bejniethom. L-Ispirtu ta’ Alla wriena wkoll b’mod dejjem iktar ċar l-esiġenza li jimponielna li nwettqu l-għaqda sħiħa biex nirrendu xhieda iktar effikaċi għal żmienna.

Iż-żjara tiegħi lill-Patrijarka ekumeniku u l-pellegrinbaġġ tiegħi f’Efesu, fejn Marija kienet ipproklamata “Theotokos”, Omm Alla, għandha bħala skop li taqdi – safejn nistà u safejn jippermetti dan il-Mulej – din il-kawża qaddisa. Niżżi ħajr lill-Providenza li mexxiet il-passi tiegħi sa dan il-post.

Ninsabu lejlet il-ftuħ tad-djalogu tejoloġiku bejn il-Knisja kattolika u l-Knisja Ortodossa fit-totalità tiegħu. Din hija fażi oħra mportanti tal-proċess lejn l-għaqda. Dan id-djalogu se jkun imsejjaħ, nibdew minn dak li għandna komuni, biex jidentifika, jaffronta u jsolvi d-diffikultajiet kollha li għadhom iżommu lura l-għaqda sħiħa. Għada se nkun preżenti għaċ-ċelebrazzjoni tal-festa ta’ Sant’Andrea fil-knisja tal-Patrijarkat ekumeniku. Ma nistgħux nikkonċelebraw. Hawn hu s-sinjal doloruż tal-ħsara kkawżata mill-firda fil-Knisja unika ta’ Kristu. Imma, grazzi lil Alla, niċċelebraw issa flimkien, minn xi snin, il-festa tal-patruni tal-Knejjes tagħna, bħala rahan u rieda effettiva tal-konċelebrazzjoni sħiħa: f’Ruma niċċelebraw l-festa tal-Qaddisin Pietru u Pawlu fil-preżenza ta’ delegazzjoni ortodossa, u fil-Patriarkat ekumeniku tkun iċċelebrata  l-festa ta’ Sant’Andrea ma’ preżenza kattolika.

Il-komunjoni fit-talb se tmexxina lejn il-komunjoni sħiħa fl-Ewkaristija. Nissogra nittama li dan il-jun huwa fil-qrib. Personalment, dan nawgurah viċin tassew. Forsi mhux diġa għandna komuni l-istess fidi ewkaristika u d-diversi sagramenti, bis-saħħa tas-suċċessjoni apostolika? Ejjew nawguraw li l-komunjoni totali tagħna fil-fidi, b’mod speċjali fil-qasam ekkleżjoloġiku, tippermetti mill-iktar fis din il-“communicatio in sacris” sħiħa. Diġa il-Predeċessur meqjum tiegħi, il-Papa Pawlu VI, kien xtaq jara dan il-jum. Bħall-Patrijarka Athenagoras I: u hekk kien esprima ruħu meta tkellem dwar dan tal-aħħar dlonk wara mewtu: “Huwa kien dejjem jiġbor fil-qosor is-sentimenti tiegħu f’tama waħda u suprema: dik li jkun jistà “jixrob fl-istess kalċi” magħna, jiġifieri li jkun jistà jiċċelebra flimkien is-sagrifiċċju ewkaristiku, sinteżi u kuruna tal-identifikazzjoni ekkleżjali komuni ma’ Kristu. Aħna wkoll tant xtaqnieh dan! Issa din ix-xewqa mhix mitmuma trid tibqà l-wirt tiegħu u l-impenn tagħna” (Pawlu VI, Angelus, 19 ta’ Lulju 1972). Waqt li min-naħa tiegħi nerġà naqbad tali wirt, naqsam b’mod imħeġġeġ din ix-xewqa, li ż-żmien u l-progressi fl-għaqda ma jagħmlu xejn għajr iħeġġu mill-ġdid.

4. Naf li intom ukoll, kattoliċi ta’ din il-belt u tat-Turkija kollha, intom konxji tal-importanza li għandha r-riċerka tal-għaqda sħiħa fost l-insara. Naf li titolbu u taħdmu f’dan is-sens u li għandkom kuntatti fraterni mal-Knisja ortodossa u mal-knejjes insara l-oħra ta’ beltkom u ta’ Pajjiżkom. Jiena tassew rikonoxxenti lejkom. Naf ukoll li tfittxu rapport ta’ ħbiberija mal-oħrajn li jemmnu li jsejħu u jqimu l-isem tal-Alla uniku, u li intom ċittadini attivi u lejali ta’ dan il-Pajjiż fejn intom minoranza. Għal dan ninkuraġġikom b’qalbi kollha.

Jalla Alla jberikkom! Jalla jbierek il-komunitajiet tagħkom, il-familji tagħkom, il-persuni tagħkom, b’mod speċjali dawk li qegħdin ibatu u li għalihom għandi intenzjoni partikolari. U jalla jtikom dak kollu li jkollkom bżonn biex tirrendulu, fil-ħajja, xhieda dejjem iktar fidila.

5. U issa, għeżież ħuti, nistedinkom biex titolbu b’ħeġġa, matul dan is-sagrifiċċju ewkaristiku, għall-komunjoni sħiħa tal-Knejjes tagħna. Il-progress tal-għaqda jissejjes fuq l-isforzi tagħna, fuq ir-riċerki tejoloġiċi tagħna, fuq it-tentattivi ripetuti tagħna, u b’mod speċjali fuq il-karità mutwa tagħna: imma fl-istess ħin hija grazzja tal-Mulej.

Ejjew nitolbuh b’ħerqa kbira li jwitti l-ostakli li ttardjaw sallum il-mixja lejn l-għaqda sħiħa. Ejjew nitolbuh bil-ħerqa biex jagħti, lil dawk kollha li jikkollaboraw għar-rijavviċinament, l-Ispirtu Santu tiegħu li jiggwidahom lejn il-verità sħiħa, ikabbar lilhom il-karità, jirrendihom bla sabar li jilħqu l-għaqda. Itolbuh sabiex aħna, rgħajja tal-Knejjes-aħwa, inkunu l-aħjar strumenti tal-pjan tiegħu, aħna li l-Providenza għażlitna, f’din is-siegħa tal-istorja, biex inmexxu dawn il-Knejjes, jiġifieri biex naqdu kif irid il-Mulej, u hekk naqdu l-unika Knisja li hija Ġismu. Tul il-kors tat-tieni millenju, il-Knejjes tagħna donnhom bħal sabu posthom fil-firda tagħhom. Hawn li t-tielet millenju tal-Kristjaneżmu jinsab fuq l-għatba. Jalla s-sebħ ta’ dan il-millenju ġdid jisbaħ fuq Knisja li reġgħet sabet l-għaqda sħiħa, biex tixhed aħjar, f’nofs it-tensjonijiet ħorox tad-dinja, l-imħabba traxxendenti ta’ Alla, murija fl-Iben Ġesù Kristu.

Alla biss jaf iż-żminijiet u l-waqtiet. Min-naħa tagħna, nishru u nitolbu, bit-tama, mal-Verġni Marija, l-Omm ta’ Alla, li qatt ma taqtà tishar fuq il-Knisja ta’ Binha, bħal ma sahret fuq l-Appostli. Amen.

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Emanuel Zarb