Aktar mill-Papa Ġwanni Pawlu II ...

VIŻTA PASTORALI FIL-VENETO

QUDDIESA

OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU ĠWANNI PAWLU II

Canale d'Agordo, 26 ta’ Awissu 1979

 

Ġħeżież Ħuti ta’ Canale d’Agordo!

Jien tassew kuntent illum li ninsab fostkom, fl-anniversarju tal-elevazzjoni għall-Pontifikat Suprem tal-konċittadin tagħkom, il-wisq maħbub u qatt minsi Papa Ġwanni Pawlu I. Imma jien ukoll imqanqal b’mod profond. Infatti lkoll għadna niftakru b’emozzjoni mhix mimsusa – u b’mod speċjali l-Papa li qiegħed ikellimkom u l-Kardinali li ħadu sehem f’dak il-Konklavi li dam biss ftit iktar minn jum – ilkoll niftakru l-fenomenu straordinarju li kienu l-elezzjoni, il-pontifikat, il-mewt ta’ dak il-Papa; ilkoll nikkonservaw fil-qalb il-figura u t-tbissima; ilkoll naqqaxna f’ruħna t-tifkira tat-tagħlim, li huwa mmultiplika b’żelu nstankabbli u l-arti pastorali l-iktar sabiħa fit-tlieta u tletin jiem qosra tal-ministeru tiegħu universali; u lkoll għadna nħossu f’qalbna is-sorpriża u x-xokk tat-tmiem tiegħu mhux mistenni, li f’salt wieħed ħadu lill-Knisja u lid-dinja, waqt li temm pontifikat li diġa kien rebaħ il-qlub kollha. Il-Mulej irregalhulna bħal biex jurina x-xbiha tar-Ragħaj it-Tajjeb, li hu dejjem għamel minn kollox biex iwettaq billi jsegwi d-duttrina u l-eżempji tal-mudell għażiż u Mgħallem tiegħu, il-Papa San Girgor il-Kbir; u fit-teħid minn ħarsitna, imma żgur li mhux minn imħabbitna, ried jagħtina lezzjoni kbira ta’ abbandun u ta’ fiduċja fih biss, li jiggwida u jmexxi l-Knisja biex tbiddel lill-bnedmin u fil-kontinwazzjoni kultant ma tiftiehemx tal-ġrajjiet terreni.

Fit-tifkira ta’ dak il-passaġġ hekk mgħaġgel u tant xokkanti, xtaqt li niġi fostkom, fit-tmiem eżatt ta’ sena minn meta l-figura ta’ Ġwanni Pawlu I dehret għall-ewwel darba fil-Loġġa tal-Bażilika Vatikana. Jien imqanqal, nirrepeti, li ninsab hawn, fir-raħal dolomitiku mbissem fejn hu ra d-dawl, f’familja sempliċi u ħaddiema li wieħed jistà eżattament iqisha bħala l-emblema tal-familji nsara tajbin ta’ dawn il-widien muntanjużi; imqanqal li niċċelebra l-Misteri Mqaddsa hawn, fejn huwa ħass il-vokazzjoni għas-saċerdozzju,waqt li segwa l-eżempju taċ-ċittadini tagħkom numerużi li tul is-sekli aċċettaw is-sejħa divina; hawn fejn huwa rċieva l-Magħmudija mqaddsa u l-Griżma, hawn fejn iċcelebra għall-ewwel darba l-Quddiesa Mqaddsa, fit-8 ta’ Lulju 1935, u fejn irritorna  mill-ġdid bħala Isqof ta’ Vittorio Veneto, bħala Patrijarka ta’ Venezia u Kardinal tal-Knisja Qaddisa Rumana. U nieħu gost niftakar li hawn ried jerġà jiġi lura, fi Frar tas-sena l-oħra, ftit xhur qabel l-elevazzjoni tiegħu għall-katedra ta’ Pietru, biex jippriedka lilkom Missjoni qasira bi tħejjija għall-Għid.

U hawn huwa għadu f’nofsna, illum. Iva, Għeżież Ħuti ta’ Canale d’Agordo. Huwa qiegħed hawn: bit-tagħlim tiegħu, bl-eżempju tiegħu, bit-tbissima tiegħu.

1. Qabel kollox huwa jkellimna dwar imħabbtu kbira, tassew soda lejn il-Knisja Mqaddsa. Fit-tieni qari tal-Quddiesa smajna li San Pawl, waqt li fassal programm għall-Efesin programm sublimi ta’ mħabba konjugali, jikteb: “Kristu ħabb lill-Knisja u għaliha ta lilu nnifsu, biex jirrendiha qaddisa, u jnaddafha permezz tal-ħasil tal-ilma akkumpanjat mill-kelma, sabiex iressaqha quddiemu din il-Knisja, sabiħa, bla tebgħa, bla tikmix, bla għajb, u b’xejn minn dan, imma qaddisa u bla tmaqdir minn ħadd” (Ef 5,25ss.). Mela, meta nismà dan il-kliem, ħsiebi jmur għal dak il-waqt li fih, fil-majjestà tal-Kappella Sistina, fit-tħabbir lid-dinja, b’leħen luċidu u ċar, tal-programm pontifikali tiegħu, Papa Luciani kien qal: “”Aħna nqiegħdu lilna nfusna b’mod sħiħ, bil-qawwiet kollha tagħna fiżiċi u spiritwali, għas-servizz tal-missjoni universali tal-Knisja” (Giovanni Paolo I, Allocutio, 27 agosto 1978: Insegnamenti di Giovanni Paolo I, p. 14).

Il-Knisja! Huwa kien tgħallem iħobbha hawn, f’nofs il-muntanji tiegħu, kien raha bħala x-xbiha fil-familja tiegħu, kien semà l-leħen mill-katekiżmu tal-Kappillan, kienet pinġithielu l-linfa profonda tal-ħajja sagramentali li kienet titwettaq fil-parroċċa tiegħu. Tħobb lill-Knisja, taqdi lill-Knisja kien il-programm kostanti ta’ ħajtu. Mill-ġdid f’dak ir-Radjumessaġġ lid-dinja huwa kien qal bi kliem, li llum idoqqulna tassew profetiċi: “Il-Knisja mimlija ammirazzjoni u mifruxa b’mod amorevoli lejn il-konkwisti umani, feħsiebha iżda li tissalvagwarda d-dinja, għatxana għall-ħajja u għall-imħabba, mit-theddid li jiddominaha… F’dan il-waqt sollenni, aħna beħsiebna nikkonsagraw dak kollu li aħna u li nistgħu għal dan l-iskop suprem, sal-aħħar nifs, konxji mill-imkarigu li Kristu nnifsu afdalna” (Ivi).

Bħala Kappillan, bħala Isqof, bħala Patrijarka, bħala Papa, huwa qatt ma għamel  ħaġ’oħra għajr dan: iddedika lilu nnifsu kollu kemm hu lill-Knisja, sal-aħħar nifs: il-mewt ħaditu hekk, bħal fil- fil-platea ta’ servizz bla rqad tassew u propju; huwa għex hekk, u hekk miet, waqt li ddedika ruħu kollu kemm hu għall-Knisja b’sempliċità diżarmanti, imma wkoll b’sodizza nkrollabli, li ma kellhiex biżgħat għaliex imsejsa fuq iċ-ċarezza tal-fidi tiegħu u fuq il-wegħda ndefettibbli, magħmula minn Kristu lil Pietru u lis-Suċċessuri tiegħu.

2. U hawn insibu punt ieħor ta’ referenza, struttura sostenatriċi oħra ta’ ħajtu u tal-pontifikat tiegħu; l-imħabba lejn Kristu l-Mulej. Il-Papa Ġwanni Pawlu I kien il-ħabbar ta’ Ġesù Kristu, Redentur u mgħallem tal-bnedmin, billi għex l-ideal diġa ndikat minn San Pawl: “Kull wieħed għandu jqis lilu nnifsu ministru ta’ Kristu u amministratur tal-misteri ta’ Alla” (1Kor 4,1). L-intenzjoni tiegħu kien esprimija b’mod ċar fl-udjenza ġenerali tat-13 ta’ Settembru, meta tkellem dwar il-fidi: “Meta l-imsejken Papa, meta l-Isqfijiet, is-saċerdoti ixerrdu d-duttrina, m’jagħmlu xejn iktar milli jgħinu lil Kristu. Din mhix duttrina tagħna, din hija dik ta’Kristu; hemm bżonn li aħna ngħassuha u nippreżentawha biss” (Giovanni Paolo I, Allocutio, 13 settembre 1978: Insegnamenti di Giovanni Paolo I, p. 66).

Il-verità, it-tagħlim, il-kelma ta; Kristu ma jinbidlux, ukoll jekk jesiġu li jkunu ppreżentati f’kull kantuniera tal-istorja b’mod li jirnexxilha tinftiehem mill-mentalità u mill-kultura tal-waqt: hija ċertezza li ma tinbidilx, ukoll jekk jinbidlu l-bnedmin u ż-żminijiet u wkoll jekk minn dawn ma tiġix mifhuma jew forsi tiġi miċħuda. Hija għadha u dejjem l-atteġġjament irremovibbli ta’ Ġesù li – kif jgħid il-Vanġelu ta’ dan il-Ħadd – la naqqas u lanqas bidel xejn mit-tagħlim tiegħu dwar l-Ewkaristija, ukoll quddiem l-abbandun kważi totali tas-semmiegħa tiegħu u tal-istess dixxipli, u anzi poġġa lill-Appostli quddiem ultimatum sever ta’ deċiżjoni, ta’ għażla suprema: “Forsi intom ukoll tridu tmorru?” (Ġw 6,67).

Fit-tweġiba ta’ Pietru nagħrfu l-atteġġjament tal-ħajja kollha, sat-tmiem, ta’ Ġwanni Pawlu I: “Mulej għand min tridna nmorru? Int għandek il-kelma tal-ħajja ta’ dejjem; u aħna emminna u għarafna li int il-Qaddis ta’ Alla” (Ġw 6,68ss.). Il-fidi tiegħu, l-imħabba tiegħu lejn Ġesù verament “wettqu” lilna lkoll, ħutu, b’tagħlim l-iktar għoli u koerenti ta’ abbandun għall-protezzjoni omnipotenti tal-Mulej Ġesù: “Waqt li żammejna idna f’dik ta’ Kristu, waqt li serraħna miegħu, tlajna aħna wkoll għat-tmun ta’ dan il-vapur, li huwa l-Knisja; hija hi stabbli u sikura; minkejja li f’nofs it-tempesta, għaliex għandha magħha  l-preżenza konfortatriċi u dominatriċi tal-Iben ta’ Alla” (Insegnamenti di Giovanni Paolo I, p. 13), kif diġa ħabbar fil-bidu tal-pontifikat. U ma tali programm żamm ruħu fidil, fuq il-gwida tat-tagħlim tal-Imgħallem u predeċessur maħbub tiegħu San Girgor il-Kbir, meta nvoka quddiem id-dinja x-xbiha, twajba u nkuraġġanti, tar-Ragħaj divin: “Tgħallmu minni, li jien ta’ qalb tajba u umli” (Mt 11,29). U hekk hu jibqà minqux għal dejjem ġewwa qlubna. 

3. Imma Ġesù li għex għall-Missier, u li ġie biex jagħmel ir-rieda tal-Missier (cf. Mt 6,10;12,50;26,42;Ġw 4,34;5,30;6,38), ippropona lill-bniedem ix-xbiha tal-Missier, li jaħseb fina u jħobbna b’imħabbtu eterna.  Hawn insibu wkoll silta oħra mill-figura u l-missjoni tal-Papa Albino Luciani; l-imħabba lejn Alla Missier. B’sentiment ta’ fidi ugwali, huwa ħabbar ukoll b’enerġija straordinarja l-imħabba tal-Missier ċelesti lejn il-bnedmin. Bħal Ġozwè quddiem Iżrael, skont l-ewwel qari tal-Quddiesa mqaddsa, huwa fakkar b’mod enerġiku ir-realtà kbira u xokkanti tal-imħabba ta’ Alla għall-poplu tiegħu, għas-sbuħija stupenda tal-elezzjoni għall-filjolanza divina, waqt li qanqal bħal f’dik l-okkażjoni tkexkixa appassjonata ta’ tweġiba min-naħa tal-Knisja kollha: “Aħna wkoll irridu naqdu lill-Mulej, għaliex huwa hu Alla tagħna” (Ġż 24,18).

Ruħu kienet irrivelat ruħha kollha, f’dan is-sens, sa mill-ewwel udjenza, meta, waqt li tkellem dwar id-dmir li nkunu twajba, kien enfasizza: “Quddiem Alla, il-pożizzjoni ġusta li hija dik ta’ Abraham, li kien qal: “Jien biss trab u rmied quddiemek, o Mulej!” Hemm bżonn li nħossuna żgħar quddiem Alla” (Giovanni Paolo I, Allocutio, 6 settembre 1978: Insegnamenti di Giovanni Paolo I, p. 49). Hawn insibu l-kwintessenza tat-tagħlim evanġeliku, kif kien propost minn Ġesù u mifhum mill-Qaddisin, li fihom il-paternità ta’ Alla tqanqal l-eki l-iktar profondi tar-ruħ: naħsbu dwar San Franġisk ta’ Assisi, dwar santa Tereża ta’Liseux.

Ġwanni Pawlu I fakkar b’qawwa mhux tas-soltu l-imħabba ta’ Alla għalina, ħolqien tiegħu, waqt li qabbilha, fuq il-linja l-kbira tal-profetiżmu tal-antik testment (veterotestamentarju), mhux bfss mal-imħabba ta’ missier, imma wkoll mal-ħlewwa ta’ omm lejn uliedha: dan għamlu fl-Angelus tal-10 ta’ Settembru b’dan il-kliem li tant laqat lill-opinjoni pubblika: “Min-naħa ta’ Alla aħna oġġett ta’ mħabba intramontabbli. Nafu: Hu dejjem għandu għajnejh fuqna, ukoll meta donnu li jkun il-lejl” (Giovanni Paolo I, Allocutio habita occasione Angelus, 10 settembre 1978: Insegnamenti di Giovanni Paolo I, p. 61).

U fl-udjenza ġenerali tal-10 ta’ Settembru:  “Alla għandu tant ħlewwa magħna, iktar ħlewwa minn dik li omm għandha lejn uliedha, bħal ma jgħid Iżaija” (Giovanni Paolo I, Allocutio in Audientia Generali habita, 10 settembre 1978: Insegnamenti di Giovanni Paolo I, p. 65; cf. ukoll Allocutio in Audientia Generali habita, 27 settembre 1978: Insegnamenti di Giovanni Paolo I, p. 95). Minħabba dan is-sens inkrollabbli ta’ Alla, dak li jkun jifhem kif il-Predeċessur tiegħi kien għamel bħala oġġett ewlieni tal-katekeżi tiegħu ta’ nhar ta’ Erbgħa propju l-virtujiet tejologali, li huma tali għaliex jaħbu minn Alla u tiegħu huma don mhux maħluq u mħeġġeġ fina fil-magħmudija. U dwar it-tagħlim tal-karità, il-virtù tejologali li għandha lil Alla bħala sors u prinċipju, bħala mudell u bħala premju, u li ma tinżel qatt iktar, għalqet il-paġna terrena ta’ Ġwanni Pawlu I, jew aħjar, infetħet għal dejjem, fil-wiċċ imb wiċċ etern ma’ Alla, li hu tant ħabb u għallimna nħobbu.

Għeżież Ħuti ta’ Canale d’Agordo!

It-tagħlim tal-Papa Luciani, kompaeżan tagħkom, jinsab b’mod partikolari f’din ir-realtà li fakkartkom; imħabba lejn il-Knisja, imħabba lejn Kristu, imħabba lejn Alla. Dawn huma l-veritajiet il-kbar tal-kristjaneżmu, li huwa kiseb hawn, f’nofskom, sa minn sempliċi tfajjel, bħala adoloxxent imdorri fil-faqar u fl-axxetika, u bħala żagħżugħ miftuħ għas-sejħa ta’ Alla. Dawn saħħew ħajtu ta’ saċerdot u ta’ Isqof sa ma fakkarhom lid-dinja kollha bil-qawwa persważiva impareġġabli tal-ministeru personalissmu tiegħu.

Kunu fidili lejn wirt hekk sempliċi, imma hekk kbir! Nindirizza lill-familji li jiffurmaw in-nisġa sustanzjali ta' dawn l-artijiet imbierka minn Alla: kunu fidili lejn it-tradizzjonijiet insara, komplu daħħluhom f’qalb uliedkom, biex jieħdu n-nifs fihom bħala f’element sekondarju naturali, biex jagħtu xhieda f’ħajjithom, f’xogħolhom, fil-professjoni. Iddistingwu ruħkom dejjem għall-imħabba lejn il-Knisja, lil Ġesù Kristu, lil Alla!

U nirrepetih liż-żgħażagħ, tama ta’ għada, tant għeżież għal qalbi; nittama b’ħeġġa kbira li f’nofskom ikomplu jinwaru l-vokazzjonijiet saċerdotali u reliġjużi, skont l-eeżempji rċevuti; nirrepetih lill-emigranti, li jfittxu barra art twelidhom, imma b’qalbhom għadhom qrib l-għeżież muntanji fejn twieldu, futur iktar sikur għalihom u għall-familji tagħhom; ngħidu lill-ħaddiema u għall-għeżież ħuti kollha, rġiel u nisa, li qegħdin jisimgħuni. Hawn biss, fl-adeżjoni fidila ma’ Alla li jħobbna, li kellimna permezz ta’ Ibnu, u jiggwidana u jsostnina permezz tal-Knisja, aħna nistgħu nsibu dik in-nobiltà, dik  ir-rettitudni, dak il-kobor li ebda ħadd ieħor fid-dinja ma jistà jagħtina Minn hawn titnissel il-prerogattiva vera tal-poplu Taljan, minn hawn intom tinkarnaw hekk tajjeb il-karattri u l-virtujiet u hawn biss tistà tkun iggarantita l-konjtinwità ta’ dak il-patrimonju spiritwali, li ta lill-Patrija u lill-Knisja figuri tant nobbli u kbar, bħal ma kien għad-dinja kollha bniedem u Papa bħal Ġwanni Pawlu I.

Ħassejt id-dmir li għandi niġi sa hawn propju biex infakkar lilkom, abitanti ta’ Canale d’Agordi, u lil Bellunesi kollha, kif ukoll lill-poplu Taljan kollu, is-sbuħija u l-kobor tal-vokazzjoni nisranija tagħkom. Dan għamiltu bħala kontinwatur tal-missjoni tal-Predeċessur tiegħi, li beda sena ilu bħal sebħ mimli tama. Bħal ma ktibt fl-ewwel Emċiklika tiegħi Redemptor Hominis, “diġa fis-26 ta’ Awissu 1978, meta hu ddikjara lis-Sagru Kulleġġ li ried jissejjaħ Ġwanni Pawlu – binomju ta’ dan it-tip kien bla preċedent fl-istorja tal-Papat – jien għaraft fih awspiċju ċar tal-grazzja fuq il-pontifikat il-ġdid.

Meta wieħed iqis li dak il-pontifikat dam biss tlieta u tletin jum, imiss lili mhux biss li nkomplih, imma sa ċertu punt li nerġà naqbdu mill-istess punt tat-tluq” (Giovanni Paolo II, Redemptor Hominis, 2: AAS 71 [1979] 259).

Il-preżenza tiegħi hawn, ma tgħidx biss l-imħabba tiegħi sinċiera għalikom, imma hija s-sinjal ukoll pubbliku u sollenni ta’ dan l-impenn tuegħi u rrid nixhed quddiem id-dinja li l-missjoni u l-apostolat tal-Predeċessur tiegħi jkomplu jibbrillaw bħala dawl ċarissmu fil-Knisja, bi preżenza li l-mewt ma setgħetx tkisser. Anzi hija tatha spinta u kontinwità li ma tintefa qatt.

 

Miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Emanuel Zarb