Aktar mill-Papa Ġwanni Pawlu II
...
|
KONĊELEBRAZZJONI EWKARISTIKA MAL-ISQFIJIET TAL-EWROPA
FIL-KAPPELLA SISTINA
OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU ĠWANNI PAWLU II
L-Erbgħa, 20 ta’ Ġunju 1979
Għeżież Ħuti!
1. Nesprimi ferħ kordjali
u sinċier għal din il-laqgħa tagħna. Dan huwa ferħ, b’mod speċjali għaliex
il-laqgħa qiegħda ssir fil-kwadru tas-Simposju dwar it-tema: “Iż-żgħażagħ u l-fidi”.
Niftakar is-Simposju
preċedenti, tal-1975, li fih kelli x-xorti li nieħu sehem b’mod attiv bħala
wieħed miż-żewġ kelliema. Fl-istess ħin nixtieq nesprimi l-ferħ tiegħi li llum
niltaqà magħkom, waqt li niċċelebra l-Ewkaristija Mqaddsa. Nittama li f’din
il-komunjoni, li fiha nesprimu b’mod l-iktar totali u profond l-għaqda
saċerdotali u episkopali tagħna, nirċievu dawl u qawwa ikbar tal-Ispirtu Santu
minn Kristu-Prinċep tar-Rgħajja, li bħala uniku u Etern Saċerdot huwa wkoll sors
u sies uniku ta’ din l-għaqda, li nimmanifestaw u ngħixu fil-konċelebrazzjoni
ewkaristika.
Ta’ tali dawl u qawwa
tal-Ispirtu ta’ Kristu għandna tant bżonn għad-dmirijiet kollha li joħorġu
mill-missjoni tagħna – per eżempju fil-qasam tat-tema tas-Simposju tagħkom:
iż-żgħożija – imma mhux b’mod esklussiv; il-kumpless ta’ dawk id-dmirijiet,
il-missjoni kollha tagħna, jesiġu xi grazzji partikolari sabiex inkunu nafu
niffaċċjaw b’ubbidjenza sħiha għas-sinjali taż-żminijiet, li jikkostitwixxu
il-“kairos” feddej tal-Ewropej u tal-kontinent li jirrapreżentaw u li għalih
“aħna mistiedna” bħala suċċessuri tal-Appostli, ta’ dawk l-aħbarijiet
tal-Vanġelu, li minnhom tibda l-istorja tal-Ewropa wara Kristu.
2. Il-laqgħa tagħkom – u
allura wkoll il-konċelebrazzjoni ewkaristika tallum – tgħaddas għeruqha f’dak
il-ħsieb propizju tal-Vatikan II li jfakkar lill-Isqfijiet tal-Knisja kollha l-karattru
kolleġġjali tal-ministeru minnhom eżerċitat. Preċiżament, minn tali ħsieb,
espress bl-ikbar preċiżjoni dutrinali fil-Kostituzzjoni dommatika Lumen
Gentium, toriġina serje ta’ istituzzjonijiet u inizjattivi
pastorali, li diġa llum jixhdu l-vitalità ġdida tal-Knisja u bla ebda dubju
fil-ġejjieni se jikkostitwixxu l-pedament tat-tiġdid ulterjuri tal-missjoni
feddejja, fil-varjetà tad-dimensjonijiet u tal-isferi ta’ azzjoni.
Waqt li ngħid dan, għad
għandi f’għajnejja l-assemblea meraviljuża tal-Isqfijiet tal-Knisja tal-Amerka
Latina, li kelli x-xorti ninawguraha fit-28 ta’ Jannar tas-sena kurrenti ġo
Puebla fil-Messiku. L-istess assemblea kienet frott ta’ kollaborazzjoni
sistematika tal-Konferenzi Episkopali kollha ta’ dak il-kontinent immens, li fih
attwalment tabita kważi nofs il-kattoliċi tal-globu kollu. Dawn huma episkopati
ta’ rilevanza numerika varja, biċċa minnhom tassew numerużi, bħal b’mod speċjali
dik tal-Brazil li weħedha tgħodd iktar minn 300 Isqof. Il-kollaborazzjoni
metodika tal-Konferenzi Episkopali kollha tal-Amerka Latina għandha l-appoġġ
tagħha fil-Kunsill magħruf komunement bl-isem ta’ “CELAM”, li jippermetti
lill-imsemmija Konferenzi li jerġgħu jaqraw flimkien id-dmirijiet, li
jipprospettaw għar-Rgħajja tal-Knisja f’dak il-kontinent kbir, hekk importanti
għall-ġejjieni tad-dinja.
Diġa l-istess titolu
tal-Konferenza miżmuma fi Puebla mis-27 ta’ Jannar sat-13 ta’ Frar 1979
jiddikjara dan b’mod l-iktar ċar. It-titolu kien: L-evanġelizzazzjoni
fil-present u fil-futur fl-Amerka Latina. Huwa għalhekk diġa faċli li wieħed
jintebaħ kemm kien utli fi Puebla is-suġġett providenzjali tas-sessjoni
ordinarja tas-Sinodu tal-Isqfijiet tal-1974: l-evanġelizzazzjoni.
3. F’relazzjoni ma’ tali
tema fundamentali kull Isqof tad-dinja, bħala ragħaj tal-Knisja tiegħu
partikolari, tad-dijoċesi tiegħu, setà u għandu jqis il-Knisja tiegħu mill punt
di vista tal-kontemporanjetà tagħha. U billi l-evanġelizzazzjoni tesprimi
l-missjoni tal-Knisja, tali ħarsa għandha torbot mal-imgħoddi u tiftaħ
il-prospettiva tal-futur: ilbieraħ, illum u għada. U mhux biss kull Isqof
partikolari fid-dijoċesi tiegħu, imma wkoll id-diversi komunitajiet
tal-Isqfijiet u b’mod speċjali l-Konferenzi Episkopali Nazzjonali jistgħu u
għandhom jirrendu din it-“tema muftieħ” tas-Sinodu 1974 oġġett ta’ riflessjoni
dwar is-soċjetà, li lejha għandhom responsabiltà pastorali għall-opra
tal-evanġelizzazzjoni. It-tema proposta minn Pawlu VI lis-Sinodu, madwar ħames
snin ilu, tippossiedi possibiltajiet multiformi ta’ applikazzjoni f’diversi
oqsma.
Fl-istess ħin, din it-tema
twassal biex dak li jkun jirrifletti, b’mod fundamentali, jekk din għandhiex
x’taqsam mat-twettiq tal-Konċilju nnifsu u biex twassal biex tattwa d-dutrina
tiegħu.
It-twettiq bażilari
tal-Vatikan II mhux ħaġ’oħra għajr kuxjenza ġdida tal-missjoni divina trażmessa
lill-Knisja “fost il-ġnis kollha” u “sa truf id-dinja”. It-twettiq bażilari
tal-Vatikan II mhux ħaġ’oħra għajr is-sens ġdid ta’ responsabiltà għall-Vanġelu,
għall-Kelma, għas-Sagrament, għall-opra tal-fidwa, li l-Poplu kollu ta’ Alla
għandu jassumi b’mod li huwa konformi għalih. Dmir tal-Isqfijiet huwa li
jiddirieġu dan il-proċess kbir. Hawn tinsab id-dinjità u r-rersponsabiltà
pastorali tagħhom.
4. Huwa ta’ piż kbir u ta’
mportanza fundamentali li tirrifletti dwar il-problema tal-evanġelizzazzjoni
fir-rigward tal-kontinent Ewropew. Din inqisha tema kumplessa, kimplessa b’mod
estrem. Kif mill-bqija wkoll għal kull kuntest ieħor, hemm bżonn li noħorġu
mill-analiżi tas-sitwazzjoni preżenti l-viżjoni tal-futur, għaliex tali
sitwazzjoni hija l-konsegwenza tal-passat, antik hekk bħall-Knisja u
l-kristjaneżmu kollu. Fl-analiżi jeħtieġ nilħqu kull Pajjiż individwali, kull
nazzjon individwali tal-kontinent tagħna, imma wkoll ninkludu kull sitwazzjoni
tagħhom waqt li jkollna quddiem għajnejna l-kurrenti l-kbar tal-istorja li –
speċjalment fit-tieni millenju – firdu l-Knisja u l-kristjaneżmu fil-kontinent
Ewropew.
Naħseb li attwalment, fi
żmien ta’ ekumeniżmu, huwa l-waqt li nħarsu lejn dawn il-kustjonijiet fid-dawl
tal-kriterji elaborati mill-Konċilju: inħarsu lejhom fi spirtu ta’
kollaborazzjoni fraterna mar-rappreżentanti tal-Knejjes u l-komunitajiet li
magħhom ma ngawdux l-għaqda sħiħa; u, kontemporanjament jeħtieġ inħarsu fi
spirtu ta’ responsabiltà għall-Vanġelu. U dan mhux biss fuq il-kontinent tagħna,
imma wkoll ‘il hemm minnu. L-Ewropa għadha dejjem il-benniena tal-ħsieb
krejattiv, tal-inizjattivi pastorali, tal-istrutturi organzzattivi, li l-influss
tagħhom jeċċedi l-fruntieri tagħha. Fl-istess ħin l-Ewropa bil-passat
missjunarju grandjuż tagħha tinterroga lilha nfisha fil-punti diversi
tal-“ġografija ekkleżjali” attwali tagħha u tistaqsi jekk mhijiex se ssir
kontinent missjunarju.
Teżisti mela għall-Ewropa
l-problema li fl-Evangelii
Nuntiandi ġiet definita bħala “awtoevanġelizzazzjoni”. Il-Knisja
għandha dejjem tevanġelizza lilha nfisha. L-Ewropa kattolika u nisranija għandha
bżonn tali evanġelizzazzjoni. Trid tevanġelizza lilha nfisha, Forsi fl-ebda post
ieħor bħal fil-kontinent tagħna ma jiddefinixxu lilhom infushom b’tant ċarezza
l-kurrenti taċ-ċaħda tar-reliġjon, il-kurrenti tal-“mewt ta’ Alla”,
tas-sekolariżżazzjoni pprogrammata mill-ateiżmu militanti organizzat. Is-Sinodu
tal-1974 ipprovdilna mhux ftit materjal f’dan ir-rigward.
Huwa possibbli li
neżaminaw dan kollu skont kriterji storiku-soċjali. Il-Konċilju iżda indikalna
kriterju ieħor: il-kriterju tas-“sinjali tż-żminijiet” u jiġifieri ta’ sfida
speċjali tal-Providenza ta’ Dak li huwa “is-Sid tal-mergħat” (Lq 10,2).
5. Is-sena li ġejja
niċcelebraw il-elf u ħames mitt sena mit-twelid ta’ San Benedittu, li Pawlu VI
ipproklama bħala Patrun tal-Ewropa. Jistà jkun li dan huwa l-waqt propizju għal
tali riflessjoni profonda dwar il-problema tal-“lbieraħ u llum”
tal-evanġelizzaazzjoni tal-kontinent tagħna jew pjuttost għar-riflessjoni dwar
din l-isfida tal-Providenza, li fil-kumpless storiku tagħha, għani u varjat,
jikkostitwixxi l-“illum” nisrani tal-Ewropa rigward r-responsabiltà tagħha
għall-Vanġelu, u wkoll fil-prospettiva tal-futur.
Il-missjoni tagħna hija
dejjem u kullimkien indirizzatha lejn il-futur. Kemm lejn il-futur li dwaru aħna
ċerti fil-fidi; il-futur eskatoloġiku; kif ukoll lejn il-futur, li dwaru nistgħu
nkunu umanament inċerti. Naħsbu dwar dawk li ġew l-ewwel fuq il-kontinent
Ewropew bħala ħabbara tal-Bxara t-Tajba, bħal Pietru u Pawlu. Naħsbu dwar dawk
li, tul l-istorja tal-Ewropa, wittew it-toroq lejn il-popli, bħal Wistin u
Bonifaċju, jew l-aħwa ta’ Tessalonika: Ċitillu u Metodju. Linqas huma ma kienu
ċerti mill-futur uman tal-missjoni tagħhom u saħansitra ta’xortihom. Iktar
qawwija minn din l-inċertezza umana kienu l-fidi u t-tama. Iktar qawwija kienet
l-imħabba ta’ Kristu li “mbuttathom” (cf. 2Kor 5,14). F’tali fidi, tama u
karità wera ruhu l-Ispirtu operanti. Huwa meħtieġ li aħna wkoll insiru strumenti
ħelwa u effikaċi tal-azzjoni tiegħu fl-epoka tagħna.
6. It-tema tas-Simposju
tagħkom hija: “Iż-żgħażagħ u l-fidi”. Huwa sewwa li hija hekk. Naħseb li din
hija organikament u profondament imdaħħla fit-tema l-kbira ta’ riflessjoni
tal-Knisja postkonċiljari kollha, li fit-tul ma tistax titbiegħed mill-attenzjoni
tagħna, it-tema tal-evanġelizzazzjoni. Jekk naħsbu dwar l-evanġelizzazzjoni
fit-termini tal-futur, jeħtieġ li ndawru l-menti tagħna lejn iż-żgħażagħ;
irridu niltaqgħu magħhom bl-intellett, bil-qlub, bil-karattri taż-żgħażagħ. Din
hija t-tema magħżula, li permezz tagħha naslu għall-problema globali.
Il-bdil tal-esperjenzi u
s-suġġerimenti tagħkom għandu jkun wiesà, ma jistax jibqà “partikolari”. Kull
prattika ta’ kolleġġjalità sservi l-kawża tal-universalità tal-Knisja. Intom
ukoll, għeżież Ħuti, permezz ta’ din il-prattika tal-kollaborazzjoni kolleġġjali
li tifforma s-Simposju tagħkom, għandkom, biex ngħidu hekk, “twessgħu l-ispazji
tal-imħabba” (S. Wistin, De Ep.Ioan. ad Parthos, X, 5: PL 35,2060). Tali
twessigħ ma jbiegħed qatt mir-responsabiltà afdatha b’mod dirett lil kull wieħed
minna, anzi dan jirrendiha iktar akuta. Jeħtieġ li l-Isqfijiet u l-Konferenzi
Episkopali ta’ kull Pajjiż u nazzjon tal-Ewropa jgħixu l-interessi tal-Pajjiżi u
n-nazzjonijiet kollha tal-kontinent tagħna. U dawk li fostkom huma nieqsa jkunu
– ikolli ngħid – preżenti b’mod iktar intens. Jeħtieġ nelaboraw metodi speċjali,
effikaċi biex “nagħmlu preżenti b’mod qawwi” lil dawk li huma “nieqsa”. In-nuqqas
tagħhom ma jistax ikun mgħoddi taħt silenzju jew ikun ġġustifikat b’postijiet
komuni.
Ftakru li kif għal dan is-Simposju
qegħdin jieħdu sehem, permezz tar-rappreżentanti tagħhom, il-Konferenzi
Episkopali kollha tal-Ewropa, hekk ukoll madwar dan l-altar huma, fil-komunjoni
ewkaristika tal-imħabba, tas-sagrifiċċju u tat-talb, l-Episkopati kollha, l-Isqfijiet
kollha. U b’ċertu mod huma maġġorment preżenti dawk li mhumiex hawn, dawk li
hawn ma setgħux ikunu preżenti.
Permezz ta’ Kulħadd
il-Knisja, bħala l-poplu ta’ Alla tal-kontinent kollu tagħna, “telabora”
fl-għaqda ma’ Kristu-Prinċep tar-Rgħajja, ma’ Kristu-Etern Saċerdot, il-futur
nisrani tagħha. Amen.
Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Emanuel Zarb
|