Aktar mill-Papa Ġwanni Pawlu II ...

SOLENNITÀ TAL-ĠISEM U D-DEMM IMQADDSA TA’ KRISTU

OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU ĠWANNI PAWLU II 

Bażilika ta’ San Ġwann Lateran
 Il-Ħadd, 17 ta’ Ġunju 1979

 

Għeżież Ħuti! 

1. Illum qasir se jkun il-kliem tiegħi. Minflok illum se titkellem għalina l-istess festa, l-Ewkaristija stess fil-milja tal-espressjoni liturġika tagħha.

Hawn aħna, lesti biex niċċelebraw fuq iz-zuntier tal-Bażilika ta’ San Ġwann Lateran, mill-katedra tal-Isqof ta’ Ruma, is-Sagrifiċċju Mqaddes biex imbagħad nipproċedu, fit-tmiem, fi proċessjoni, lejn il-Bażilika ta’ Santa Marija Maggiore fuq l-Esquilino.

B’dan il-mod irridu nqegħdu flimkien, f’att liturġiku wieħed, il-kult tas-Sagrifiċċju u l-kult tal-adorazzjoni, hekk kif titlobhom minna s-sollennità tallum u t-tradizzjoni sekolari tal-Knisja.

2. Nixtiequ nħabbru lill-Belt u lid-Dinja l-Ewkaristija, jiġifieri l-Gratitudni. Dan is-Sagrament huwa s-sinjal tal-gratitudni tal-ħolqien kollu għaż-żjara tal-Ħallieq. Dan is-Sagrament huwa s-sinjal tal-gratitudni tal-bniedem għaliex il-Ħallieq sar krejatura; għaliex l-Alla sar Bniedem, għaliex “ħa fuqu l-ġisem uman tal-Ġenitriċi Verġni Immakulata”, biex jgħolli mill-ġdid lilna l-bnedmin lill-Missier; biex jagħmel minna wlied Alla.

Nixtiequ mela nħabbru u nkantaw bil-fomm, u ferm iktar nistqarru bi qlubna umani, il-gratitudni għas-Sagrament tal-Ġisem u tad-Demm ta’ Alla, li permezz tiegħu nistaħjew irwieħna u nġeddu qlubna umani.

3. Nixtiequ nħabbru lill-Belt u lid-Dinja l-Ewkaristija bħala s-sinjal tal-patt li Alla kkonkluda b’mod irriversibbli mal-bniedem permezz tal-Ġisem u d-Demm ta’ Ibnu.

Dan il-Ġisem kien espost għall-passjoni u l-mewt. Huwa qasam ix-xorti terrestri tal-bniedem wara d-dnub tan-nisel. Dan id-Demm ixxerred biex jissiġilla l-patt il-ġdid ta’ Alla mal-bniedem: il-patt tal-grazzja u tal-imħabba, il-patt tas-saħħa u tal-verità. Aħna parteċipi ta’ dan il-patt ferm iktar milli kien il-Poplu ta’ Alla tal-Liġi l-qadima. Illum mela rridu nagħtu xhieda quddiem il-bnedmin kollha.

Madankollu għall-bnedmin kollha Alla sar bniedem. Għal kulħadd Kristu miet u rxoxta. Ilkoll, fl-aħħarnett, ġejna mistiedna għall-festa tal-eternità. U hawn fuq l-art il-Mulej Alla jistieden lil kull wieħed u waħda waqt li jgħidilna: “Ħudu u kulu… Ħudu u ixorbu!... sabiex ma tiqfux fit-triq!”.

4. Fl-aħħarnett nixtiequ lill-Belt u lid-Dinja nħabbru l-Ewkaristija bħala sinjal tal-adorazzjoni li tixraq lil Alla biss. Kemm huwa tal-għaġeb Alla tagħna! Dak li ebda ntellett mhu kapaċi jħaddan u jadura bil-qies tal-qdusija tiegħu. Dak li ebda qalb mhi kapaċi tħobb bil-qies tal-imħabba tiegħu

Kemm hu tal-għaġeb meta jrid li nħaddnuh, li nħobbuh u li nadurawh, skont id-dimensjoni umana tal-fidi tagħna, taħt l-ispeċi tal-Ħobż u tal-Inbid!

5. Aċċetta, Kristu Ewkaristiku, din l-espressjoni tal-adorazzjoni u tal-imħabba, li l-Knisja tagħtik permezz tal-ministeru tal-Isqof ta’ Ruma, suċċessur ta’ San Pietru. Tkun adurat b’tifkira tal-Predeċessuri kollha tiegħi, li adurawk quddiem l-għajnejn tal-Belt u tad-Dinja.

Fi tmiem il-liturġija tallum tirċevik minn idejna fuq iz-zuntier tat-tempju tiegħek, Ommok Imqaddsa li lilek Iben Etern tal-Missier, tatek il-ġisem uman: “Ave, verum corpus, / natum ex Maria Virgine. / Vere passum immolatum / in cruce nobis praegustatum / mortis in examine!” (Is-sliem, o veru Ras, imwieled mill-Verġni Marija, li tassew batejt u kont offrut fuq is-Salib għall-umanità, tkun minna gawdut meta tasal il-prova tal-mewt!).

Amen.

 

 

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Emanuel Zarb