Aktar mill-Papa Ġwanni Pawlu II ...

QUDDIESA GĦALL-INAWGURAZZJONI TAS-SENA AKKADEMIKA
TAL-UINIVERSDITAJIET {PONTIFIĊJI RUMANI

OMELIJA TA’ ĠWANNI PAWLU II

Bażilika ta’ San Pietru – It-Tnejn, 15 ta’ Ottubru 1979

 

1. Huwa għalija mottiv ta’ ferħ sinċier li nsib ruħi hawn, illum, biex nippresiedi din il-Liturġija Ewkaristika sollenni, li tara miġburin madwar l-altar ta’ Kristu, flimkien mas-Sinjur Kardinal Prefett tas-Sagra Kongregazzjoni għall-Edukazzjoni Kattolika u mar-Retturi tal-Universitajiet u Atenej Pontifiċji Rumani, l-Għalliema, l-istudenti u l-istaff awżiljarju ta’ tali Ċentri ta’ studju.

Ninsabu hawn miġbura, għeżież uliedi, għal okkażjoni b’mod partikolari sinifikattiva: aħna feħsiebna ninawguraw b’mod uffiċjali b’din iċ-Ċelebrazzjoni is-Sena Akkademika 1979-1980. Irridu ninawgurawha taħt għajnejn Alla. Inħossu li huwa ġust li nagħmlu hekk. X’inhi, infatti, sena ġdida ta’ studju jekk mhux it-tkomplija ta’ axxensjoni ideali li, minn mogħdijiet spiss weqfin u mżerżqa, iwasslu lir-riċerkatur dejjem iktar fil-għoli. Għal għonq ll-ġnub ta’ muntanja misterjuża u affaxxinanti, li hija l-verità? Ix-xogħol iebes tal-mixja jkun impatti mis-sbuħija tal-veduiti dejjem iktar suġgestivi, li jinfetħu quddiem il-ħarsa mistagħġba.

It-tlugħ, iżda, mhux mingħajr riskji: hemm passaġġi diffiċli u rfid insidjuż, ikun hemm il-periklu ta’ ċpar mhux mistenni, ikun hemm il-possibiltà ta’ prospettivi llużorji u ta’ ostakli mhux mistennija. Il-metafora hija trasparenti: il-konkwista tal-verità hija sfida iebsa, mhux nieqsa minn inċertezzi u minn riskji. Il-persuna responsabbli, li tidħol għaliha, ma tistax ma tħossx il-bżonn li ssejjaħ fuq ix-xogħol iebes it-tjubija ta’ Alla, l-għajnuna tad-dawl tiegħu, l-intervent korroboranti tal-grazzja tiegħu.

Jekk dan jgħodd għal kull forma ta’ riċerka xjentifika, ferm iktar juri lilu nnifsu veru għall-investigazzjoni tejoloġika, li tinvolvi ruħha fil-misteru infinit ta’ Alla, imwassal lilna personalment permezz tal-kelma u l-opra tar-Redenzjoni; u juri ruħu veru wkoll għall friegħi l-oħra tal-istudji ekkleżjastiċi, li, jekk jorjentaw ruħhom lejn l-oqsma veri tar-riċerka bibblika, tax-xjenza filosofika, tal-istorja, eċċ., iwasslu għal dan il-fattur li ilkoll jingħaqdu, u jagħmel minnkom “l-ispeċjalisti” ta’ Alla u tal-misteru tas-salvazzjoni, murija lill-bniedem. Għalhekk, l-isdtudent tal-Fakultajiet ekkleżjastiċi ma jitkejjilx b’verità impersonali u kiesħa, imma bil-Jien stess ta’ Alla, li fir-Rivelazzjoni sar l-“Int” għall-bniedem u fetaħ miegħu djalogu, li fih wrieh xi aspetti tal-għana li ma titkejjilx tal-esseri tiegħu.

2. Liema se jkun, mela, l-atteġġjament ġust tal-bniedem, imsejjaħ għal kunfidenza tal-imħabba impensabbli ġejja minn Alla? Mhux diffiċli li dak li jkun iwieġeb. Dan ma jistax ikun għajr atteġġjament ta’ gratitudni profonda, magħquda ma’ umiltà sinċiera. Hija tant dgħajfa l-intelliġenza tagħna, hekk qasira l-ħajja, li dak li jirnexxilu jgħid dwar Alla għandu iktar l-apparenza ta’ tgerfix il-kliem infantili milli d-dinjità ta’ diskors ezawrjernti u konklussiv. Huma magħrufa l-kliem li bihom Santu Wistin kien stqarr l-ansjetà tiegħu meta kien lest li jitkellem dwar il-misteri divini: “Suscepi enim tractanda divina homo, spiritalia carnalis, aeterna mortalis” (“Assumejt l-impenn li nitratta ħwejjeġ divini jien li jien sempliċi bniedem, ħwejjeġ spiritwali jien li jien esseri tal-laħam, ħwejjeġ eterni jien mortali” (S. Wistin, In Io. Ev. Tr., 18,1).

Din il-konvinzjoni bażika, li biha t-tejoligu jrid jogħdos fix-xogħol tiegħu: huwa għandu jiftakar dejjem li, sa fejn jistà jgħid fir-rigward ta’ Alla, dan se jkun dejjem kliem ta’ bniedem, u allura ta’ esseri ċkejken finit, li ażżarda fl-esplorazzjoni tal-misteru bla tarf tal-Alla infinit.

Xejn sorprendenti, għalhekk, jekk ir-riżultati, li għalihom waslu il-ġenji massimi tal-Kristjaneżmu, dehru kompletament inadegwati fir-rigward tat-Terminu traxxendenti tal-indaġni tagħhom. Kien stqarr Wistin: “Deus ineffabilis est; facilius dicimus quid non sit, quam quid sit” (S. Wistin, Enarr. in Ps. 85, n. 12) u kien spjega: “Meta minn dan l-abbiss jelevana biex nieħdu n-nifs f’dak l-għoli, mhux ta’ ftit għarfien li nkunu nistgħu nafu x’mhux Alla, qabel ma nkunu nafu x’inhu” (S. Wistin, De Trin., 8,2,3). U kif ma niftakrux, għal dan il-għan, it-tweġiba ta’ San Tumas lis-segretarju fidil tiegħu, Fra’ Reginaldo da Piperno, li kien ħeġġu biex ikompli l-kompożizzjoni tas-“Summa”, interrotta wara esperjenza mistika partikolarment xokkanti. Jirreferu l-bijografi li fuq l-insistenza tal-ħabib, huwa oppona biss il-lakoniku: “ħija, ma nistax iktar: dak kollu li ktibt jidhirli tiben”. U is-“Summa” baqgħet mhux kompluta.

U l-umiltà li tagħha jagħtu eżempju hekk splendidu l-imgħallmin tat-tejoloġija, timxi pass pass ma’ gratitudni profonda. Kif ma nkunux grati meta Alla nnifsu infinit tbaxxa biex ikellem lill-bniedem bl-istess lingwa umana? Hu infatti li “kien diġa tkellem fiż-żminijiet antiki bosta drabi u b’diversi modi lil missirijietna permezz tal-profeti, dan l-aħħar, f’dawn il-jiem, kellimna permezz tal-Iben” (Lh 1,1-2). Kif nistgħu ma nkunux grati meta, b’dan il-mod, il-lingwa umana u l-ħsieb uman kienu nvistati mill-Kelma ta’ Alla u mill-Veritàà divina u ġew imsejħa biex jieħdu sehem fiha, biex jirrendu xhieda, biex iħabbtuha u wkoll jispjegawha u japprofonduha b’mod korrispondenti għall-possibiltajiet u l-esiġenzi tal-għarfien uman? Propju din hija t-tejoloġija. Propju din hija l-vokazzjoni tat-tejologu. F’isem din il-vokazzjoni illum ningħaqdu mill-ġdid biex nibdew is-sena akkademika l-ġdida, li se tiżvolġi f’dak il-bini tax-xogħol xjentifiku u didattiku, li huma l-Atenej ta’ Ruma.

3. L-umiltà hija marka ta’ kull xjenzjat li għandu relazzjoni onesta mal-verità konoxxittiva. Hi qabel kollox se tiftaħ it-triq biex tgħaddas f’ruħu l-proviżjon fundamentali, għal kull riċerka tejoloġika, li jixirqilha dan l-isem. Dan il-proviżjon fundamentali huwa l-fidi.

Ejjew nirriflettu: ir-rivelazzjoni tikkonsisi fl-inizjattiva ta’ Alla, li ltaqà b’mod personali mal-bniedem, biex jiftaħ miegħu djalogu ta’ salvazzjoni.  Kien Alla li beda d-diskors, u kien Alla li ġabu ‘l quddiem. Il-bniedem jismà u jwieġeb. It-tweġiba, però, li Alla jistenna mill-bniedem, ma tirriduċix ruħha għal valutazzjoni ntellettwalistika kiesħa ta’ kontenut astratt ta’ ideat. Alla jiltaqà mal-bniedem u jkellmu, għaliex iħobbu u jrid isalvah. It-tweġiba tal-bniedem għandha għalhekk tkun, qabel xejn, aċċettazzjoni rikonoxxenti tal-inizjattiva divina u abbandun fiduċjuż għall-qawwa li tiġi minn imħabbtu.

Li tidħol fi djalogu ma’ Alla jfisser li nħallu lilna nfusna nissaħħru u nirbħu mill-figura mdawla (“doxa”) ta’ Ġesù rivelatur u mill-imħabba (“agape”) ta’ Dak li bagħtu. U f’dan, appuntu, tikkonsisti l-fidi. Fiha l-bniedem, internament imdawwal u mħajjar minn Alla, imur ‘il hemm mil-limiti tal-għarfien purament naturali u jagħmel esperjenza tiegħu, li nkella tkunlu miċħuda. Ġesù qal: “Ħadd ma jistà jiġi għandi, jekk ma jattiraħx il-Missier li bagħatni” (Ġw 6,44). “Ħadd”, għalhekk linqas it-tejologu.

Il-bniedem, josserva San Tumas, waqt li hu “in statu viae”, jistà jilħaq xi speċi ta’ ntelliġenza tal-misteri soprannaturali, grazzi għall-użu tar-raġuni tiegħu,  imma biss sakemm din tistrieħ fuq il-pedament inkrollabbli tal-fidi, li hija parteċipazzjoni fl-għarfien stess ta’ Alla u tad-distretti beati: “Fides est in nobis ut perveniamus ad intelligendum quae credimus” (S. Tumas, In Boeth. de Trin., q. 2, a. 2, ad 7). Dan huwa l-ħsieb tat-tradizzjoni tejoloġika kollha, u hija b’mod speċjali l-pożizzjoni tal-kbir Wistin: “waqt li temmen issir kapaċi li tifhem: jekk ma temminx, qatt ma jirnexxilek tifhem… Il-fidi mela tippurifikak, sabiex ikunlek konċess li tasal għall-milja tal-inteliġenza” (S. Wistin, In Io. Ev. Tr., 36, n. 7). X’imkien ieħor josserva dwar dan l-istess għan: “Hahet namque fides oculos suos, quibus quodammodo videt verum esse quod nondum videt” (S. Wistin, Ep. 120 ad Consentium, n. 2,9) u huwa minħabba f’hekk li  “intellectui fides aditum aperit, infidelitas claudit” (S. Wistin, Ep. 137 ad Volusianum, n. 4,15).

Il-konklużjoni, li għaliha jasal l-Isqof ta’ Ippona, issir klassika: “L-intelliġenza hija l-frott tal-fidi. Mela la tfittixx li tifhem biex temmen, imma emmen biex tifhem” (S. Wistin, In Io. Ev. Tr., 29, n. 6). Hija twissija li dwarha għandu jirrifletti jkun min ikun “li jagħmel tejoloġija”; hemm infatti wkoll illum ir-riskju li tappartieni għall-ġemgħa tal-“garruli ratiocinatores” (S. Wistin, De Trin., 1,2,4) li Wistin kien jistieden għal “cogitationes suas carnales non dogmatizare” (S. Wistin, Ep. 187 ad Dardanum, n. 8, 29). L-“ubbidjenza tal-fidi” (cf. Rm 16,26) biss, li biha l-bniedem jabbanduna ruħu kollu kemm hu għal Alla b’libertà sħiħa, tistà tintroduċi għall-fehim profond u saporuż tal-veritajiet divini.

4. Hemm it-tieni vantaġġ, li jitnissel għat-tejologu mill-umiltà: din tikkostitwixxi l-ħamrija li fuqha taqbad u tinbet il-fjura tat-talb. Kif tistà, infatti, jitlob b’aċċenti sinċieri spirtu supperv? U t-talb huwa ndispensabbli biex tikber fil-fidi. Dan fakkru l-Konċilju Vatikan II meta fil-Kostituzzjoni Dei Verbum indika li, biex tipprovdi l-approvazzjoni tal-fidi lir-Rivelazzjoni divina “hija meħtieġa l-grazzja ta’ Alla li tostakola u tgħin”, hija meħtieġa l-għajnuna tal-Ispirtu Santu, “li jqanqal il-qalb u jindirizzaha lil Alla, jiftaħ l-għajnejn tal-menti, u jagħti lil kulħadd il-ħlewwa fil-kunsens u fit-twemmin għall-verità” (Dei Verbum, 5).

Element essenzjali tal-impenn tejoloġiku għandu, mela, jkun magħruf fid-dedikazzjkoni għat-talb: talb umli  u kostanti biss jistà jitlob it-tiswib ta’ dawk id-dwal interni, li jiggwidaw il-menti lejn l-iskoperta tal-verità. “Deus semper idem, noverim me noverim te”, kien jitlob Wistin fis-“Soliloqui” (S. Wistin, Soliloquia, 2,1,1), U fl-espożizzjonijiet kateketiċi tiegħu ma kienx jgħejja jistieden lis-semmiegħa tiegħu biex jitolbu ħalli jiksbu d-dawl, u dawl isejjaħ hu stess fil-waqtiet tad-dlam: “Alla Missierna li tħeġġiġna biex nitolbuk u li tagħtina dak li nitolbuk… ismagħni li nirtogħod f’dawn id-dlamijiet u newwilli l-leminija. Agħmel li nara d-dawl tiegħek. Erġà sejjaħli lura mill-iżbalji u agħmel li, taħt it-tmexxija tiegħek, nerġà nidħol fija u fik. Amen” (Ivi, 2,6,9; cf. Ivi, 1,1,2-6).

U kif nistà ma nsemmix hawn it-talba famuża, li San Anselmu qiegħed fil-bidu tal-“prologu” tiegħu? Din hija talba tant sempliċi u sabiħa li fuqha wieħed jistà jibni mudell ta’ invokazzjoni għal kull min iħejji ruħu biex “jistudja lil Alla”. “Alla, għallimni infittxek u nurik lili li qed infittxek, ladarba jien la nistà nfittxek u linqas insibek jekk int stess ma turix ruħek” (S. Anselmu, Proslog., 1).

Impenn tejoloġiku awtentiku – ejjrew ngħiduha b’sinċerità – la jistà jibda linqas jintemm jekk mhux għarkubbtejna, talinqas fis-sigriet taċ-ċella nterna, fejn hu possibbli “naduraw lill-Missier fl-ispirtu u l-verità” (cf. Ġw 4,23).

5. L-umiltà tissuġġerixxi, fl-aħħarnett, lit-tejologu l-atteġġjament ġust fil-konfront tal-Knisja. Huwa jaf li lilha kienet fdatha l-“Kelma”, sabiex ixxandarha lid-dinja, billi tapplikaha għal kull epoka u billi tirrendiha hekk tassew attwali. Dan jafu u jifraħ.

Għal dan ma jaħsibhiex darbtejn li jtenni flimkien ma’ Origene: “Min-naħa tiegħi, l-aspirazzjoni tiegħi hija li nkun verament ekkleżjastiku” (Origene, In LucamOmelia 16), li nkun jiġifieri f’komunjoni assoluta ta’ ħsieb, ta’ sentiment, ta’ ħajja mal-Knisja, li fiha Kristu jirrendi ruħu kontemporanju għall-ġenerazzjonijiet umani ndividwali. Ta’ veru “homo ecclesiasticus”, huwa jħobb għalhekk l-imgħoddi tal-Knisja, jimmedita l-istorja, iqim u jesplora t-Tradizzjoni. Ma jħallix ruħu, iżda, jingħalaq f’kult nostalġiku ta’ espressjonijiet storiċi partikolari u aċċidentali, billi jaf sewwa li l-Knisja hija misteru ħaj u miexja, taħt il-gwida tal-Ispirtu. Fl-istess ħin, huwa jirrifjuta proposti ta’ ksur radikali ma’ dak li kien, għall-mit affaxxinanti ta’ bidu ġdid: huwa jemmen li Kristu huwa dejjem preżenti fil-Knisja tiegħu, illum bħall-bieraħ, biex ikompli ħajtu, mhux biex jerġà jibdiha.

Is-“sensus Ecclesiae” barra minn dan, li huwa fih rinvigorat u viġilanti mill-umiltà, iżommu f’atteġġjament kostanti ta’ smigħ quddiem il-leħen tal-Maġisteru, li huwa jaċċetta b’mod grazzjuż bħala garanti, għar-rieda ta’ Kristu, tal-verità feddejja. U fis-smigħ huwa jibqà quddiem l-ilħna li jaslulu mill-Poplu kollu ta’ Alla, dejjem lest li jilqà, fil-kelma għarfa tal-istudjuż kif ukoll f’dik sempliċi, imma forsi xejn inqas profonda, tal-fidil komuni, diwi lluminanti tal-Verb etern li “sar bniedem u ġie jgħammar fostna”  (Ġw 1,14).

6. Hawn huma, ħuti u għeżież uliedi, xi spunti ta’ riflessjoni għal dan il-bidu tas-sena skolastika u akkademika. Narakom hawn miġburin madwar ir-relikwi ta’ San Pietru li lilu Kristu qal: “Inti Pietru u fuq din il-blata se nibni l-Knisja tiegħi” (Mt 16,18). Bħala Isqof tagħkom, Isqof ta’ Ruma u fl-istess ħin Suċċessur ta’ San Pietru, nixtieq nindirizzalkom ilkoll appell imħeġġeġ sabiex tieħdu sehem f’dan il-bini tal-Knisja li tieħu l-bidu tagħha mingħand Kristu nnifsu. Dan l-appell nindirizzah kemm lill-Professuri u lill-għalliema, kif ukoll lill-istudenti kollha ta’ kull wieħed mill-Atenej Rumani. Ix-xogħol li se tidħlu għalih flimkien huwa bħal laboratorju kbir tal-missjoni tal-Knisja tal-epoka tagħna. Dan għandu jagħti l-frott mhux biss illum, imma wkoll fil-futur. Ħafna jiddependi mir-riżultati li hawn tiksbu. Dawn għandhom isiru l-ħmira tal-fidi u tal-ħajja nisranija ta’ tant bnedmin fid-diversi postijiet tad-dinja. Intom infatti ġejtu hawn f’din il-Katedra, tafu sewwa li huwa dmir partikolari tagħha dak li tgħaqqad lill-ulied Alla fuq l-art, fil-Verità u fl-Imħabba, mid-diversi postijiet, nazzjonijiet, pajjiżi u kontinenti.

Nirrakkomanda l-laqgħa tagħkom mal-Verità u mal-Imħabba divina lill-Patrun tal-jum preżenti, lil dik tal-“kbira” Tereża ta’ Ġesù li, l-ewwel fost in-nisa, immeritat it-titlu ta’ Duttur tal-Knisja. Fuq kollox insejjaħ fuqkom il-protezzjoni kostanti ta’ Dik li l-Knisja ssellem bħala “Sedes Sapientiae”. L-ansjetà materna tagħha takkumpanja l-passi tagħkom u, waqt li tiggwidakom biex tiskopru aspetti ġodda tal-misteru appassjonanti ta’ Kristu tgħinkom tikbru fl-imħabba għalih. “Si cognovimus, amemus”, għaliex – m’għandniex ninsewh – “cognitio sine caritate non salvos facit”: “għarfien nieqes mill-imħabba ma jsalvaniex” (S. Wistin, In 1 Ep. Io. Tr., 2, n. 8).

 

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Emanuel Zarb