Aktar mill-Papa Ġwanni Pawlu II ...

 

 

 

RIT TAT-TEĦID TAL-PUSSESS TAL-LATERAN

OMELIJA TA’ ĠWANNI PAWLU II

Il-Ħadd, 12 ta’ Novembru 1978

 

Għeżież Ħuti.

1.Wasal il-jum li fih il-Papa Ġwanni Pawlu II jiġi fil-Bażilika ta’ San Ġwann fil-Lateran biex jieħu pussess tal-Katedra ta’ Isqof ta’ Ruma. Nixtieqni ninżel għarkubbtejja f’dan il-post u nbus l-għatba ta’ dan it-tempju, li ilu għal tant sekli “għamara ta’ Alla mal-bnedmin” (Ap 21,3): Alla-Salvatur mal-poplu tal-Belt Eterna, Ruma. Flimkien ma’ dawk kollha hawn preżenti ntenni l-kliem tas-Salm: “Kemm fraħt, meta qaluli: / “Se nmorru f’Dar il-Mulej”. / U issa riġlejna jieqfu / fil-bieb tiegħek, Ġerusalem! / Ġerusalem hija mibnija / bħala belt soda u magħquda. / jitilgħuha flimkien it-tribujiet, / it-tribujiet tal-Mulej, /  skont il-liġi ta’ Iżrael, / biex ifaħħru isem il-Mulej”  (Sal 122).

Mhijiex forsi din xbiha tal-ġrajja tal-lum? Il-ġenerazzjonijiet antiki kienu jitilgħu f’dan il-post: ġenerazzjonijiet ta’ Rumani, ġenerazzjonijiet ta’ Isqfijiet ta’ Ruma, suċcessuri ta’ Pietru, u kienu jkantaw dan l-innu ta’ ferħ, li illum qiegħed intenni flimkien magħkom. Jiena ningħaqad ma’ dawn il-ġenerazzjonijiet, jien, Isqof ta’ Ruma, Ġwanni Pawlu II, ta’ oriġni Pollakka. Nieqaf fuq l-għatba ta’ dan it-tempju u nitlobkom tilqgħuni f’isem il-Mulej. Nilobkom tilqgħuni, bħal ma lqajtu matul is-sekli kollha, lill-Antenati tiegħi, hekk bħal ma lqajtu ftit ġimghat ilu, lil Ġwanni Pawlu I, tant maħbub mid-dinja kollha! Nitlobkom biex tilqgħu lili wkoll.

Il-Mulej jgħid: “Mhux intom għażiltu lili, imma jien għażilt lilkom”  (Ġw 15,16). Dan huwa dak kollu li jiena nistà ngħid; miniex hawn għax irrid jien. Il-Mulej għażilni. F’isem il-Mulej allura nitlobkom: Ilqgħuni!

2.Fl-istess ħin, nesprimi t-tislima kordjali tiegħi lil kulħadd. Insellem lis-Sinjuri Kardinali u lil Ħuti fl-Episkopat li riedu jieħdu sehem f’din iċ-ċerimonja u, b’mod partikolari, nixtieq insellem lilek, għażiż Ħija Kardinali Vigarju, Monsinjur Viciġerenti u l-Isqfijiet Awżiljarji ta’ Ruma, lilkom għeżież Saċerdoti ta’ din id-dijoċesi tiegħi; lilkom għeżież ħuti, irġiel u nisa ta’ tant Ordnijiet u Kongregazzjonijiet reliġjużi.  Nindirizza tislima rispettuża lill-Awtoritajiet Governattivi u Civili bi ħsieb rikonoxxenti għad-delegazzjonijiet li jinsabu preżenti hawn. Insellem lilkom ilkoll! U din “ilkoll” tfisser “lil kull wieħed u waħda partikolari”. Ukoll jekk ma nsejħilkomx b’isimkom wieħed wieħed u waħda waħda, nixtieq insellem lil kull wieħed u waħda, billi nsejjaħ isimkom!

Lilkom Rumani! Għal kemm sekli tmur lura din it-tislima? Din teħodkom lura għall-bidu diffiċli tal-fidi u tal-Knisja, li propju hawn, fil-kapitali tal-Imperu antik, issuperat, matul tliet sekli, il-prova tagħha tan-nar: prova ta’ ħajja. U minnha ħarget rebbieħa. Glorja lill-Martri u lill-Konfessuri! Glorja lil Ruma Qaddisa! Glorja lill-Appostli tal-Mulej! Glorja lill-katakombi u lill-Bażiliki tal-Belt Eterna!

3.Waqt li nidħol illum fil-Bażilika ta’ San Ġwann fil-Lateran, jitfaċċa quddiem għajnejja il-waqt li fih Marija tirfes l-għatba tad-dar ta’ Żakkarija biex issellem lil Eliżabbetta, omm Ġwanni. Jikteb l-Evanġelista li għal din it-tislima “it-tarbija… qbżet fil-ġuf” (Lq 1,41), U tant Santi Padri u kittieba jżidu, sa minn żminijiet remoti, li minn dak il-waqt Ġwanni rċieva l-grazzja tal-Feddej. U minħabba f’dan huwa nnifsu, kien l-ewwel wieħed li Ħabbru. Hu l-ewwel wieħed, mal-poplu kollu ta’ Iżrael. Stennieh fuq ix-xtut tal-Ġordan. U kien muri lill-poplu bil-kliem: “Hawn hu l-Ħaruf ta’ Alla, hawn hu dak li jneħħi d-dnubiet tad-dinja” (Ġw 1,29), Ħaruf ta’ Alla tfisser il-Feddej, tfisser is-Salvatur tad-dinja!

Ġustament, din il-Bażilika, iddedikata lil San Ġwann il-Battista minbarra lil San Ġwann l-Evanġelista, hija kkonsagrata lill-Feddej Imqaddees,  Donnu, li wkoll illum, hekk kif tul-is-sekli, smajna din il-vuċi tirbombja fuq ix-xtut tal-Ġordan. Il-vuċi tal-prekursur, il-vuċi tal-profeta, il-vuci tal-ħabib tal-Għarus. Hekk jgħid Ġwanni: “Huwa jikber u jien għall-kuntrarju niċċekken” (Ġw 3,30). Din l-ewwel stqarrija tal-fidi fi Kristu Salvatur kienet bħaċ-ċavetta li għalqet l-patt il-qadim, żmien ta’ stennija, u fetħet il-patt il-ġdid, żmien ta’ twettiq. Din l-ewwel stqarrija fundamentali tal-fidi fil-Ħaruf ta’ Alla li jneħħi d-dnubiet tad-dinja, kienu semgħuha diġa fuq ix-xtut tal-Ġordan l-Appostli futuri ta’ Kristu. Probabilment kien semagħha wkoll Xmun Pietru. Din għenitu biex iktar tard ixandar, fil-bidu tal-Patt il-ġdid: “Inti l-Kristu, Bin Alla l-Ħaj” (Mt 16,16).

Huwa ġust għalhekk li s-Suċċessuri ta’ Pietru jitilgħu f’dan il-post biex jirċievu, kif darba irċeviha Pietru, l-istqarrija ta’ Ġwanni: “Hawn hu l-Ħaruf ta’ Alla”, u jittrasferiha fl-era l-ġdida tal-Knisja billi jxandar: “Inti l-Kristu Bin Alla l-Ħaj”.

4. Fil-kwadru ta’ din il-laqgħa meraviljuża tal-qadim mal-ġdid, nixtieq illum, bħala l-Isqof il-ġdid ta’ Ruma, nibda l-ministeru tiegħi lejn il-Poplu ta’ Alla ta’ din il-Belt u ta’ din id-dijoċesi, li saret għall-missjoni ta’ Pietru, l-ewwel fil-familja l-kbira tal-Knisja, fil-familja tad-dijoċesijiet-aħwa. Il-kontenut essenzjali ta’ dan il-ministeru huwa l-kmandament tal-karità: dan il-kmandament li jagħmel minna, bnedmin, ħbieb ta’ Kristu: “Intom ħbiebi, jekk tagħmlu dak li nikkmandakom” (Ġw 15,14). “Bħal ma l-Missier ħabbni, hekk ukoll ħabbejtkom jien. Ibqgħu fl-imħabba tiegħi” (Ġw 15,9).

O Belt Eterna, o Huti Rġiel u Nisa, o ċittadini Rumani! L-Isqof il-ġdid tagħkom jixtieq b’mod speċjali li nibqgħu fl-imħabba ta’ Kristu, u li din l-imħabba tkun dejjem iktar qawwija mid-dgħufijiet tagħna. Huwa jgħinna biex nimmudellaw il-wiċċ spiritwali tal-Komunità tagħna, għaliex quddiem din l-imħabba jgħibu l-mibegħda, l-għira, kull malizzja u perversità, fl-affarijiet il-kbar kif ukoll fiż-żgħar, fil-kwistjonijiet soċjali kif ukoll f’dawk interpersonali. Jalla l-imħabba tkun iktar qawwija! B’liema ferħ, u fl-istess ħin b’liema rikonoxxenza segwejt f’dawn l-aħħar jiem l-episodji numerużi (it-televiżjoni ġabithomli qrib) li fihom, minħabba n-nuqqas ta’ ħaddiema fl-isptarijiet, tant nies joffru lilhom infushom bħala volontarji, kbar u b’mod partikolari żgħażagħ, biex bi premura jaqdu lill-morda. Jekk inhi valida r-riċerka tal-ġustizzja fil-ħajja professjonali, daqstant u iktar għandha tkun ħajja l-imħabba soċjali. Nixtieq għalhekk, għad-dijoċesi ġdida tiegħi, għal Ruma, din l-imħabba li l-Kristu ried għad-dixxipli tiegħu.

L-imħabba tibni; l-imħabba biss tibni!

Il-mibegħda teqred. Il-mibegħda ma tibni xejn. Tistà biss tiddisintegra. Tistà tiddiżorganizza l-ħajja soċjali; tistà l-iktar l-iktar, tagħmel pressjoni fuq d-dgħajfa, mingħajr iżda ma tibni xejn.

Għal Ruma, għad-dijoċesi l-ġdida tiegħi, u fl-istess ħin għall-Knisja kollha u għad-dinja, nixtieq imħabba u ġustizzja. Ġustizzja u mħabba, sabiex inkunu nistgħu nibnu.

Fir-rigward ta’ dan il-bini, illum jgħallimna (fit-tieni qari) San Pawl, l-istess bħal ma għallem żmien ilu lill-insara ta’ Efesu, meta kien kiteb: “[Kristu] ħatar uħud bħala appostli, oħrajn bħala profeti, oħrajn bħala evanġelisti, oħrajn bħala rgħajja u għalliema…sabiex jinbena l-Ġisem ta’ Kristu” (Ef 4,11.12). U jien, waqt li nkompli dan il-ħsieb fid-dawl tal-Konċilju Vatikan II u waqt li nirreferi b’mod partikolari għad-Digriet dwar l-Apostolat tal-Lajċi, inżid li Kristu qiegħed isejħilna, sabiex insiru missirijiet, ommijiet ta’ familja, ulied subien u bniet, tobba, inġiniera, avukati, tekniċi, xjenzjati, edukaturi, studenti, tfal tal-iskola, u l-bqija!  Kull wieħed għandu postu u dmiru fil-bini tal-ġid komuni tal-bnedmin. Wieħed jistà jibni bi bnedmin ħajjin. Fil-bidu tas-servizz veskovili tiegħi, nitlob lil kull wieħed u waħda minnkom biex issibu u tiddefenixxu postkom fl-opra ta’ dan il-bini.

Nerġà nitlob lilkom cittadini kollha Rumani, mingħajr eċċezzjoni, lilkom li llum tinsabu hawn preżenti u lil dawk kollha li lilhom tasal il-vuċi tal-Isqof il-ġdid tagħkom: Morru bl-ispirtu fuq ix-xtajta tal-Ġordan, hemm fejn kien jgħallem Ġwanni Battista: Gwanni, patrun appuntu ta’ din il-Bażilika, kattidral ta’ Ruma. Erġgħu isimgħu għal darb’oħra dak li huwa kien qal, waqt li indika lil Kristu:”Hawn hu l-Ħaruf ta’ Alla. Hawn hu dak li jneħħi d-dnubiet tad-dinja”.

Hawn hu s-Salvatur!

Emmnu fih b’fidi mġedda, b’fidi hekk ferventi bħal dik tal-ewwel insara Rumani, li hawn ippreservaw tul tliet sekli ta’ provi u persekuzzjonijiet.

Emmnu b’fidi mġedda, hekk bħal ma hija meħtieġa għalina, insara tat-tieni millenju li wasal biex jintemm, fi Kristu, Salvatur tad dinja! Amen.

 

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Emanuel Zarb