ĊELEBRAZZJONI EWKARISTIKA
FIL-BAŻILIKA TA’ SANTA MARIA
MAGGIORE
OMELIJA Tal-QDUSIJA TIEGĦU
ĠWANNI PAWLU II
Il-Ġimgħa, 8 ta’ Diċembru 1978
1.
Waqt li għall-ewwel darba bħala
l-Isqof ta’ Ruma nirfes l-għatba
tal-Bażilika ta’ Santa Marija
Maggiore, tidher quddiem
għajnejja l-ġrajja li għext hawn,
f’dan il-post, fil-21 ta’
Novembru 1964. Kien l-għeluq
tat-tielet sessjoni tal-Konċilju
Vatikan II, wara l-proklamazzjoni
sollenni tal-Kostituzzjoni
dommatika dwar il-Knisja li
tibda bil-kliem: “Lumen
Gentium” (dawl
il-ġnus). Fl-istess jum il-Papa
Pawlu VI kien stieden lis-Santi
Padri konċiljari biex jinġabru
propju hawn, fl-iktar tempju
Marjan meqjum ta’ Ruma, biex
jesprimu l-ferħ u l-gratitudni
għall-opra mitmuma f’dak il-jum.
Il-Kostituzzjoni Lumen
Gentium hija d-dokument
ewlieni tal-Konċilju, dokument
“muftieħ” tal-Knisja ta’ żmienna,
ġebla tax-xewka tal-opra kollha
tat-tiġdid li l-Vatikan II
impenja ruħu u li tagħha ta d-direttivi.
L-aħħar
kapitolu ta’ din
il-Kostituzzjoni jġib it-titolu:
“Il-Beata Verġni Marija Omm Alla
fil-misteru ta’ Kristu u
tal-Knisja”. Pawlu VI, waqt li
f’dik l-għodwa fil-Bażilika ta’
San Pietru kien tkellem,
bil-ħsieb fiss dwar l-importanza
tad-dutrina espressa fl-aħħar
kapitolu tal-Kostituzzjoni Lumen
Gentium, sejjaħ
għall-ewwel darba lil Marija
“Omm il-Knisja”. Sejħilha hekk
b’mod sollenni, u beda jsejħilha
b’dan l-isem, b’dan it-titolu,
imma b’mod speċjali biex
jitlobha sabiex tieħu sehem
bħala Omm fil-ħajja tal-Knisja:
ta’ din il-Knisja li tul
il-Konċilju kienet fehmet b’mod
l-iktar profond in-natura propja
tagħha u l-missjoni propja
tagħha. Biex jenfasizza din l-espressjoni,
Pawlu VI, flimkien mas-Santi
Padri tal-Konċilju, kien ġie
hawn, fil-Bażilika ta’ Santa
Marij Maggiore, fejn Marija għal
tant sekli hija mdawra minn qima
u mħabba speċjali, taħt it-titlu
ta’ “Salus Populi Romani”.
2.
Waqt li nsegwi l-passi ta’ dan
il-kbir Predeċessur tiegħi, li
għalija kien tassew missier,
ukoll jien ġejt hawn. Wara l-att
sollenni fi Piazza di Spagna, li
t-tradizzjoni tagħha tmur lura
għall-1856, jien niġi hawn wara
stedina kordjali li saritli
mill-Eminentissmu Arċipriet ta’
din il-Bażilika, il-Kardinal
Confalonieri, Dekan tal-Kulleġġ
Sagru, u mill-Kaptolu kollu.
Naħseb iżda li, flimkien miegħu,
jistednuni hawn il-Predeċessuri
kollha tiegħi fil-katedra ta’
San Pietru: il-Qaddej ta’ Alla
Piju XII, il-Qaddej ta’ Alla
Piju IX; il-ġenerazzjonijiet
kollha tar-Rumani;
il-ġenerazzjonijiet kollha
tal-insara u l-Poplu kollu ta’
Alla. Huma donnhom jgħiduli: Mur,
Onora l-misteru kbir moħbi sa
mill-eternità, f’Alla nnifsu.
Mur, u agħti xhieda lil Kristu
Feddej tagħna, iben Marija! Mur,
u ħabbar dan il-waqt partikolari;
fl-istorja l-waqt ta’ bidla
tal-fidwa tal-bniedem.
Tali
punt deċciżiv fl-istorja
tal-fidwa huwa propju l-“Immakulata
Konċizzjoni”. Alla fl-imħabba
eterna tiegħu għażel sa mill-eternità
l-bniedem: għażlu f’Ibnu. Alla
għażel il-bniedem, sabiex ikun
jistà jilħaq il-milja tat-tajjeb
permezz tas-sehem f’ħajtu stess:
ħajja divina, permezz
tal-grazzja. Għażlu sa mill-eternità,
u b’mod irriversibbli. La d-dnub
oriġinali, la l-istorja kollha
tal-ħtijiet personali u tad-dnubiet
soċjali ma setgħu jiddisswadu l-Missier
etern minn dan il-pjan tiegħu ta’
mħabba. Ma setgħux jannullaw l-għażla
tagħna fl-Iben etern, Verb
konsustanzjali mal-Missier.
Għalkemm din l-għażla kellha
tieħu l-forma fl-Inkarnazzjoni,
u għalkemm l-Iben ta’ Alla kellu
jsir bniedem għall-fidwa tagħna,
propju minħabba dan il-Missier
etern għażel għalih, fost
il-bnedmin, l-Omm. Kull wieħed
minna jsir bniedem għaliex
imnissel u mwieled mill-ġuf
matern. Il-Missier etern għażel
l-istess triq għall-umanità ta’
Ibnu etern. Għażel lill-Omm
mill-poplu, li lilu għal sekli
afda b’mod partikolari l-misteri
u l-wegħdiet tiegħu. Għażilha
min-nisel ta’ David u fl-istess
ħin mill-umanità kollha.
Għażilha minn nisel irjali, imma
fl-istess ħin minn fost in-nies
foqra.
Għażilha sa mill-bidu, sa
mill-ewwel waqt tat-tmissil,
waqt li għamilha denja
tal-maternità divina, li għaliha
fiż-żmien stabbilit kellha tkun
imsejħa. Għamilha l-ewwel
werrieta tal-qdusija tal-propju
Binha. L-ewwel fost il-mifdija
minn demmu, irċevut minn
għandha, waqt li nitkellmu b’mod
uman. Irrendiha immakulata
fl-istess waqt tal-konċepiment.
Il-Knisja kollha llum
tikkuntempla l-misteru
tal-Immakulata Kunċizzjoni u
tifraħ. Dan huwa jum partikolari
taż-żmien tal-Avvent.
3. Tifraħ
b’dan il-misteru l-Knisja Rumana
u jien, bħala Isqof ġdid ta’ din
il-Knisja, qed nieħu sehem
għall-ewwel darba f’tali ferħ.
Għalhekk xtaqt daqshekk li niġi
hawn, f’dan it-tempju, fejn għal
sekli Marija ilha tiġi meqjuma
bħala “Salus Populi Romani”. Dan
it-titolu, din l-invokazzjoni ma
jgħidulniex jewwilla li l-fidwa
(“salus”) hija b’xi mod wirt
singolari tal-Poplu Ruman (“Populi
Romani”)? Mhijiex jewwilla din
il-fidwa li Kristu ġibilna u li
Kristu jġibilna b’mod kontinwu,
huwa biss? U Ommu, li propju
bħala Omm, kienet b’mod
eċċezzjonali, “iktar
eċċezzjonali” (Pawlu VI, Credo),
mifdija minnu, Binha, mhijiex
jewwila hija wkoll – minnu,
Binha – msejħa, b’mod iktar ċar,
sempliċi u qawwi fl-istess ħin,
biex tieħu sehem fil-fidwa
tal-bnedmin, tal-Poplu Ruman,
tal-umanità kollha kemm hi? Biex
twassalna lkoll għand il-Feddej.
Biex nagħtu xhieda tiegħu wkoll
mingħajr kliem, bl-imħabba biss
li fiha dak li jkun jesprimi
“il-ġenju tal-omm”. Biex tressaq
saħansitra lil dawk li jopponu
b’reżistenza maġġura, li fihom
huwa iktar diffiċli li jemmnu
fl-imħabba; li jqisu lid-dinja
bħala poligonu kbir “ta’ ġlied
kontra kulħadd” (kif esprima
ruħu wieħed mill-filosfi
tal-imgħoddi). Biex tressaq lil
kulħadd – jiġifieri kull wieħed
u waħda minna – lejn Binha. Biex
tirrivela l-primat tal-imħabba
fl-istorja tal-bniedem. Biex
tħabbar ir-rebħa finali
tal-imħabba. Ma taħsibx forsi l-Knisja
f’din ir-rebħa, meta llum
tfakkarna l-kliem tal-ktieb
tal-Ġenesi: “Dan (in-nisel
tal-mara) jgħaffeġ ras is-serp”
(cf.Ġen 3,15)?
4. “Salus Populi Romani”!
L-Isqof
il-ġdid ta’Ruma jirfes u jidħol
‘il ġewwa mit-tarġa tat-tempju
marjan tal-Belt Eterna, konxju
mill-ġlieda bejn it-tajjeb u l-ħażin,
li jippenetra l-qalb ta’ kull
bniedem, li qed jieħu sehem fl-istorja
tal-umanità u wkoll fir-ruħ
tal”poplu Ruman”. Dan huwa dak
li jgħidilna l-Konċilju f’dan
ir-rigward: “L-istorja kollha
umana hija nfatti minfuda minn
glieda tremenda kontra l-qawwwiet
tad-dlamijiet; ġlieda mibdija sa
mill-oriġni tad-dinja, li se
tibqà, bħal ma jgħid il-Mulej,
sal-aħħar jum. Imdeffes f’din
il-battalja, il-bniedem irid
jikkumbatti bla waqfien biex
ikun jistà jibqà magħqud mat-tajjeb,
linqas ma jistà jikseb l-għaqda
nterna tiegħu jekk mhux bi prezz
ta’ taħbit kbir, bl-għajnuna
tal-grazzja ta’ Alla” (Gaudium
et Spes, 37).
U
għalhekk il-Papa,
fil-bidu tas-servizz tiegħu
episkopali fil-katedra ta’ San
Pietru f’Ruma,
jixtieq jafda lill-Knisja b’mod
speċjali
lil Dik li fiha twettqet l-istupenda
u totali rebħa tat-tajjeb fuq
il-ħażin,
tal-imħabba fuq il-mibegħda,
tal-grazzja fuq id-dnub;
ta’ Dik li dwarha Pawlu VI qal
li hija, “il-bidu tad-dinja
aħjar”,
lill-Immakulata.
Jafdalha lilu nnifsu,
bħala qaddej tal-qaddejja,
u lil dawk kollha li huwa jaqdi,
u lil dawk kollha li miegħu
jaqdu.
Jafdalha il-Knisja Rumana,
bħala mpenn
u bidu tal-Knejjes kollha tad-dinja,
fl-għaqda tagħhom universali.
Jafdahomlha u joffrihomla bħal
propjetà tagħha!
“Totus tuus ego sum
et omnia mea tua sunt. Accipio.
Te in mea omnia!”:
Jien kollni tiegħek,
u dak kollu li għandi huwa
tiegħek.
Kun int il-gwida tiegħi
f’kollox.
B’dan
l-att sempliċi u fl-istess ħin
sollenni ta’ offerta l-Isqof ta’
Ruma, Ġwanni Pawlu II, jixtieq
mill-ġdid għal darb’oħra
jasserixxi s-servizz tiegħu
lill-Poplu ta’ Alla, li ma jistà
jkun xejn iktar ħlief
l-imitazzjoni umli ta’ Kristu u
ta’ Dik, li dwarha stess
stqarret: “Hawn jien il-qaddejja
tal-Mulej” (Lq 1,38).
Ħa
jkun dan l-att sinjal ta’ tama,
bħal ma jum ta’ tama huwa l-jum
tal-Immakulata Konċezzjoni fuq
l-isfond tal-jiem kollha
tal-Avvent tagħna.