Aktar mill-Papa Ġwanni Pawlu II ...

DISKORS TA’ ĠWANNI PAWLU II
LILL-ISTUDENTI TAL-VENERABBLI KULLEĠĠ INGLIŻ

Il-Ħamis, 6 ta’ Diċembru 1979

 

Ħuti u wliedi fi Kristu Ġesù.

Ġejt biex niċċelebra magħkom ir-rabà ċentinarju tal-Venerabbli Kulleġġ Inġliż, biex infakkar flimkien magħkom u mal-koċittadini f’Art Twelidkom l-erbà sekli li fihom il-fidi kattolika ingħexet hawn minn żgħażagħ li jħejju ruħhom għas-saċerdozju. Minn dan il-bini storiku fil-belt ta’ Ruma, dawn l-irġiel żgħażagħ telqu bħala saċerdoti biex jittrażmettu l-fidi lill-ġenerazzjonijiet ta’ fidili fl-Ingilterra u f’Wales.

F’din iċ-ċelebrazzjoni sagra tal-Liturġija Ewkaristika nixtieq inqim lil din il-fidi feddejja f’Ġesù Kristu u nonora lil dawk kollha li rabtu ħajjithom ma’ din il-fidi, u waqt li jżommu ħarsithom iffissata fi Kristi, l-Iben ta’ Alla, għamlu professjoni soda tal-fidi tagħhom (cf. Eb 12,2; 4,14).

Il-fidi ħajja f’Ġesù Kristu kien il-pedament sod ta’ dan il-Kulleġġ u tal-attivitajiet kollha tiegħu sa miż-żmien tat-twaqqif tiegħu, bl-opra tal-Predeċessur tiegħi Gregorju XIII, madwar l-1579. Il-predeċessuri tagħkom hawn, irġiel ta’ fidi jkomplu jispirawkom bl-eżempju ta’ ħajjithom. Din tagħkom hija wirt kbir; “martyrum candidatus exercitus” sħiħ jonora l-bidu tal-Kulleġġ tagħkom, u jħaddan seklu sħiħ miż-żmien ta’ San Ralph Sherwin fl-1591 sa San David Lewis fl-1679. Xhieda supremi tal-fidi, dawn il-Martri jkellmukom illum minn din il-kappella u minn kull rokna ta’ din id-dar. U l-istess Knisja tivvalorizza x-xhieda tagħhom u tħeġġiġkom: “waqt li tikkonsidraw ir-riżultat tal-istil ta’ ħajjithom,  imitaw il-fidi” (Lh 13,7).

U hekk, għeżież ħuti u wliedi, dan il-mument ta’ ċelebrazzjoni ferrieħa u kommemorazzjoni sollenni issir ħin ta’ riflessjoni mimlija talb u jum ta’ sfida għall-kumplament ta’ ħajjitkom.

Bħall-predeċessuri tagħkom, intom stess ġejtu msejħa biex tkunu saċerdoti ta’ Ġesù Kristu, qaddejja tal-Vanġelu tiegħu u xhieda quddiem il-poplu tagħkom tal-fidi awtentika kattolika trażmessa mill-Appostli, imxandra mill-Maġisteru tal-Knisja u mgħassa mill-martri u mill-konfessuri taż-żminijiet kollha. Bil-kelma u bl-eżempju intom imsejħa biex tagħtu x-xhieda kattolika tagħkom f’dan il-post tal-istorja. Alla jsejħilkom hawn u issa, fiċ-ċirkustanzi attwali tal-Knisja u tad-dinja. Kristu u l-Knisja tiegħu iħeġġukom mela biex tilqgħu l-isfida ta’ din is-siegħa, mhux biss ibbażata fuq il-ħila ndividwali tagħkom jew fuq is-sempliċi għaqal uman, imma għall-qawwa tal-Vanġelu. Bil-kliem ta’ San Pawl intom għandkom taħfnu t-tarka tal-fidi, l-elmu tal-fidwa u x-xabla tal-Ispirtu, jiġifieri l-kelma ta’ Alla (cf. Ef 5,16-17). Ix-xhieda tagħkom individwali u kollettiva tal-fidi tistà tkun fundamentali bħal dik mogħtija mill-Martri tagħkom: xhieda mogħtija lill-Knisja universali, xhieda li tirbaħ persuni oħra għal Kristu, xhieda li ma ċċedix meta – bħal ma jiddikjara Ġesù fil-Vanġelu – tinżel ix-xita, ifuru x-xmajjar, jonfħu l-irjieħ u d-dar tinqered (cf. Mt 7,27).

Propju bis-saħħa tal-fatt li aħna mlibbsa bl-armatura ta’ Alla u aħna radikati fil-fidi, aħna nħossu b’qawwa kbira l-preżenza tal-Mulej u l-qawwa tal-poter tiegħu, lesti li nxandru il-misteru kollu tal-Vanġelu u nirrendu xhieda, fil-kontinwità tal-ġenerazzjoni preżenti, għall-milja tal-verità kattolika.

Din hija l-ewwel parti tal-isfida tagħkom tallum: li tkunu xhieda tal-fidi. Intom imsejħa minn kristu u se tkunu mibgħuta mill-Knisja tiegħu, għal missjoni ekkleżjali, biex tagħtu xhieda għall-fidi f’postijiet li forsi fihom qatt ma ħlomtu li tmorru, b’mod li qatt ma ħsibtu, imma l-ftuħ, il-prontezza u l-kalma huma kemm tgħallimtu mill-istorja tal-Kulleġġ tagħkom, u b’mod partikolari mill-ħajja tal-Martri tagħkom. U llum f’din il-Liturġija, Iżaija jindirizza lil kull wieħed minnkom iż-żgħażagħ l-eżortazzjoni profetika tiegħu: “afdaw fil-Mulej dejjem, għaliex il-Mulej huwa blata eterna”  26,4). Jiena nirripetilkom dan il-kliem: Afdaw fil-Mulej, afdaw fil-Mulej biex tkunu tistgħu twettqu l-irwol tagħkom ta’ xhieda tal-fidi, tal-fidi f’Ġesù Kristu.

Huwa wkoll xieraq li nosservaw li bl-istess mod intom imsejħin biex tkunu xhieda f’din il-ġenerazzjoni tal-vitalità taż-żgħożija tal-Knisja, biex tagħtu xhieda tal-qawwa u tal-effiċjenza tal-grazzja ta’ Kristu li jaħtaf il-qlub taż-żgħażagħ tallum. Id-dinja għandha bżonn ta’ provi konkreti li Kristu jistà jattira lejh il-ġenerazzjoni preżenti. U intom jeħtieġ turu li fhimtu s-sinifikat tal-ħajja permezz tal-imħabba ta’ Kristu u tas-sejħa tiegħu. Intom imsejħa biex tkunu xhieda tal-fatt li, fost l-elf u waħda attrazzjonijiet u għażliet tad-dinja moderna, intom kontu “maħtufa” minn Kristu, sal-punt li tiċħdu l-bqija kollha, biex tkunu tistgħu issiru kumpanji u dixxipli; biex tkunu tistgħu tħaddnu l-missjoni tiegħu u b’mod aħħari, is-Salib tiegħu; u biex tistgħu tagħrfu l-qawwa tal-Qawmoen mill-Imwiet tiegħu.

Il-konsiderazzjoni li tkunu xhieda tal-qawwa tal-grazzja ta’ Kristu twassalna naturalment għal xi ħaġa li tinsab fil-quċċata tal-essenza vera tagħna: il-libertà tagħna. Permezz tal-eżerċizzju biss ta’ tali libertà – rigal ta’ Alla lilna – aħna nistgħu b’mod adegwat inwieġbu għall-istedina tiegħu, għas-sejħa tal-grazzja tiegħu, għall-imħabba li huwa joffrilna. Għal kull wieħed minnkom l-isfida tal-preżent hija din:  li tagħtu qalbkom u r-rieda tagħkom lil Kristu taħt l-azzjoni tal-Ispirtu Santu, tagħtu lilkom infuskom b’mod liberu u totali u bla ma taqtgħu lil Kristu. Sidna Ġesù jitlob it-tweġiba tal-libertà tagħkom, l-offerta tal-libertà tagħkom. U l-kliem tas-Salm jippermettulkom li tirrepetu: “Lesta hija qalbi, o Alla, lesta hija qalbi” (Sal 57,8).

Għeżież ħuti u wliedi: intom mela msejħin biex tagħtu xhieda tal-fidi kattolika tagħkom fil-purità kollha tagħha; intom imsejħin biex tixhdu r-rebħa tal-imħabba ta’ Kristu, mhux bħala qawwa astratta imma li tilħaq ħajjitkom u tikkonsagra l-libertà nfisha tagħkom. Għalikom ilkoll dan huwa mument infatti ta’ fidi kbira. Hu li beda fikom din l-opra tajba – li beda l-opra tajba ta’ dan il-Kulleġġ erbà mitt sena ilu – huwa  sikurament kapaċi li jwassalha għat-twettiq (cf. Fil 1,6) bil-qawwa tal-Ispirtu Santu, għall-glorja ta’ ismu, ad unur tal-Vanġelu tiegħu u għall-ġid tal-Knisja kollha.

Marija, is-Sultana tal-Martri, il-Verġni Fidila, li tinsab maġemb il-Martri tagħkom u tal-predeċessuri kollha tagħkom, takkumpanja kull wieħed minnkom, sabiex ix-xhieda tagħkom tkun waħda awtentika fil-fidi u fil-qdusija. Hija tassistikom fl-irwol tagħkom ta’ dixxipli veri ta’ Binha, membri fidili tal-Knisja, studenti bieżla tal-Konċilju Vatikan II u tal-Konċilji kollha preċedenti. B’mod speċjali nirrakkomanda għall-interċessjoni tagħha x-xhieda tal-verità u tal-imħabba li intom imsejħin biex tagħtu lil ħutkom l-Anglikani, fid-djalogu providenzjali – li għandu jkun sostnut bit-talb u bil-penitenza – dirett għar-restawrazzjoni tal-għaqda sħiħa f’Ġesù Kristu u fil-Knisja tiegħu.

U hekk, ankrati fil-fidi u mpenjati għall-qdusija tal-ħajja, ħarsu ‘l quddiem b’fiduċja ferrieħa għall-istaġun il-ġdid tal-Kulleġġ tagħkom. Sagrifiċċju u ġenerożità, talb u studju, umiltà u dixxiplina jkollhom irwol fil-futur tagħkom, bħal ma kellhom għall-imgħoddi. Numru bla għadd ta’ rġiel, nisa u tfal se jħarsu lejkom biex jiskopru lil Kristu. Mill-profondità tal-esseri tagħhom huma se jduru lejkom bil-kliem tal-Vanġelu: “Irridu naraw lil Ġesù” (Ġw 12,21). Bħall-Appostlu Filippu intom tridu turu lil Ġesù lid-dinja – Ġesù u ħadd iktar – għaliex ma teżisti ebda salvazzjoni f’xi isem ieħor (cf. At 4,12). Mill-bqija intom tistgħu b’mod ċar taraw li x-xorti ta’ art twelidkom hija marbuta mas-suċċess tal-missjoni ta’ din l-istituzzjoni. Il-kontribut li intom se tagħtu lid-dinja jiddependi mill-mod li bih intom se tagħtu xhieda għall-fidi u għall-qawwa tal-grazzja ta’ Kristu f’ħajjitkom.

Maħbubin ħuti, uliedi u ħbiebi: wara erbà mitt sena dan il-Kulleġġ għadu, għall-grazzja ta’ Alla, attiv bħal ma kien fl-imgħoddi, u dak li jirrapreżenta huwa ferm iktar minn qatt qabel sinifikattiv. U se jkompli jkun hekk, post li intom se tkomplu tqiegħdu fil-prattika dak li Ġesù nnifsu kkmandakom meta qal: Ippridkaw il-Vanġelu tiegħi. Xandru Kelmti. Ġeddu s-Sagrifiċċju tiegħi, Kunu xhieda tiegħi. Ibqgħu f’imħabbti, illum u dejjem.

Amen.

 

Migjub mit-Taljan għall-Malti minn Emanuel Zarb