Aktar mill-Papa Ġwanni Pawlu II ...

VJAĠĠ APOSTOLIKU Fl-ISTATI UNITI TAL-AMERIKA

QUDDIESA FL-INĦAWI TAL-LIVING HISTORY FARMS

OMELIJ TAL-QDUSIJA TIEGĦU ĠWANNI PAWLU II

Des Moines – IL-Ħamis, 4 ta’ Ottubru 1979

 

Għeżież Ħuti fi Kristu.

Hawn, fil-qalba tal-Amerka rurali, f’nofs l-għelieqi fertili u ġenerużi fi żmien il-ħsad, jiena niġi biex niċċelebra l-Ewkaristija.

Ladarba ninsab f’nofskom f’dan il-perijodu tal-ħsad awtunnali dak il-kliem li hu mtenni kull darba li jinġabru l-fidili għall-Quddiesa jidhruli partikularment f’posthom: “Imbierek int, Mulej, Alla tal-univers; mit-tjubija tiegħek irċivejna dan il-ħobż. Frott tal-art u xogħol il-bniedem”.

Ladarba kont dejjem qrib in-natura, ippermettuli li llum inkellimkom dwar l-agrikoltura, l-art u dwar dak li l-art u x-xogħol tal-bniedem ipproduċew.

1. L-art hija don li Alla għamel għall-umanità sa mill-bidu taż-żminijiet, Dan huwa don ta’ Alla, mogħti mill-imħabba tal-ħallieq bħala mezz ta’ sosten għall-ħajja li huwa kien ħalaq. Imma l-art mhijiex biss don ta’ Alla; hija hi wkoll responsabiltà għall-bniedem. Il-bniedem maħluq huwa stess mit-trab tal-art (Ġen 3,7), kien iddisenjat padrun (Ġen 1,26).

Bi skop li tagħti frott l-art kellha tiddependi mill-ġenjalità u l-ħila, mill-għaraq u mit-tbatija tal-bniedem li lilu Alla kien fdaha. Hekk l-ikel li kellu jsostni l-ħajja fuq l-art riedu Alla b’mod li jirriżulta l-għaqda ta’ dak li Alla ta u x-xogħol uman għamel.

Lill-propjetarji kollha tal-ażjenda u lill-ħaddiema tal-art jien nixtieq ngħid: il-Knisja għandha stima mmensa tax-xogħol tagħkom. L-istess Ġesù Kristu wera l-konsiderazzjoni tiegħu għax-xogħol agrikolu meta ddeskriva lil Alla, Missieru, bħala “sid il-mergħa” biex isostni u jitma l-ħajja. Intom twettqu l-kmandament mogħti minn Alla sa mill-bidu: “Imlew l-art u aħkmuha” A (Ġen 1,28) Hawn fil-qalb agrikola tal-Amerka, il-widien u l-għoljiet kienu miksija bil-qamħ, l-imrieħel u l-ifrat immultiplikaw bosta drabi. Permezz ta’ xogħol iebes intom sirtu sidien tal-art u l-art baxxiet rasha quddiemkom.

Minħabba l-abbundanza u l-fertilità li l-attrezzaturi agrikoli moderni pprovdew, intom tagħtu ikel lill-miljuni ta’ persuni li b’mod dirett ma jaħdmux l-art, imma li jgħixu grazzi għall-prodotti tagħkom. Waqt li niftakar dan, nagħmel tiegħi l-kliem tal-Predeċessur meqjum tiegħi Pawlu VI: “Id-dinjità ta’ dawk li jaħdmu l-art u ta’ dawk kollha li huma mpenjati, f’livelli differenti, fir-riċerka u fl-azzjoni fil-kamp tal-iżvilupp agrikolu, għandha tkun magħrufa u promossa bla mistrieħ” (Pawlu VI, Nuntius ad “World Food Conference”, 9 ta’ Novembru 1974, 4).

Liema huma l-atteġġjamenti tal-bniedem fil-konfront tal-art? Bħal dejjem ninħtieġu nwieġbu billi nispiraw ruħna minn Ġesù, għaliex, kif jgħidilna San Pawl, “għandu jkollkom fikom l-istess sentimenti li kienu ta’ Ġesù Kristu” (Fil 2,5).

Fil-ħajja ta’ Ġesù nsibu fehim tassew lejn dak li jirrigwarda l-art. Fit-tagħlim tiegħu huwa rrifera għall-“għasafar tal-arja” (Mt 6,26), għall-“ġilji tal-għelieqi” (Mt 7,17). Imbagħad tkellem dwar iż-żerriegħ li mar jiżrà (Mt 13,4) u rrifera għall-Missier tiegħu Ċelesti bħala “sid il-mergħa” (Ġw 15,1)u dwaru qal li hu r-Ragħaj it-Tajjeb (Ġw 10,14). Din il-viċinanza lejn in-natura, dawn ir-riferimenti spontanji għall-ħolqien bħala rigal ta’ Alla, hekk bħal barka tax-xogħol domestiku, element karatteristiku, ukoll fi żmienna, ta’ kull razzett, kienu waqtiet li għamlu parti mill-ħajja ta’ Ġesù. Għalhekk nistedinkom biex tagħmlu iva li l-azzjonijiet tagħkom ikunu jixbħu lil dawk ta’ Ġesù Kristu.

2. Tliet burdati b’mod partikolari jiġu l-ewwel fil-ħajja rurali: fl-ewwel post il-gratitudni. Niftakru l-ewwel kliem ta’ Ġesù fil-Vanġelu li għadna kemm smajna: kliem ta’ gratitudni lil Missieru Divin: “Missier, Mulej tas-sema u l-art, lilek noffru it-tifħir”. Jalla jkun dan is-sentiment tagħkom. Kuljum il-bidwi jiġi mwassal biex jiftakar li hu jiddependi minn Alla. Mis-sema tiġi x-xita, ir-riħ, il-glorja tax-xemx. Dawn jiġu mingħajr ma l-bidwi jordnahom jew jikkontrollahom. Il-bidwi jħejji l-art, iqiegħed iż-żerriegħa, jikkultiva l-ħsad. Imma huwa Alla li jkabbar kollox. Huwa biss hu s-sors tal-ħajja. Ukoll id-diżastri naturali, bħas-silġ u n-nixfa, l-uragani jew id-dilluvji jfakkru lill-bniedem tal-għelieqi dwar id-dipendenza tiegħu fuq Alla. Kien dan l-għarfien bla ebda dubju li ta bidu għall-oriġni tal-ewwel pellegrinaġġi fl-era sa ma ġiet stabbilita l-festa li intom issejħu  t- “Thanksgiving” (ringrazzjament). Wara kull ħsad, u jistà jkun li dan seħħ hawn ukoll din is-sena, il-bidwi jgħolli t-talb tiegħu waqt li jagħmel tiegħu l-kliem ta’ Ġesù waqt li jgħid: “Missier, Mulej tas-sema u l-art, noffrilek it-tifħir tiegħi”.

Fit-tieni post l-art għandha tkun ittrattata bil-galbu għaliex għandha tkun fruttuża għal ġenerazzjonijiet sħaħ. Intom li tgħixu f’dan iċ-ċentru tal-Amerika tafu l-elementi ta’din l-art: il-wiċċ hekk għani bil-minerali, il-klima favorevoli, il-ħsad tajjeb, l-ilma frisk u l-arja mimlija saħħa li ddawwarkom. Intom id-diżpożituri ta’ wħud mill-ikbar riżorsi li Alla ta lid-dinja. Għalhekk ikkonservawha sewwa din l-art sabiex ulied uliedkom u l-ġenerazzjonijiet li għad jiġu jkunu jistgħu jirtuha hekk għanja kif intom sibtuha. Imma ftakru wkoll li l-vokazzjoni tagħkom hija l-art. Waqt li huwa minnu li l-agrikoltura llum tistà tagħti biss mezzi ta’ sustinenza lill-ħaddiem, il-kalma u l-kwiet li hawn isaltnu jkunu dejjem ġid ikbar li mhumiex dawk miksuba minn impriża li tinsab hemm biss għas-sempliċi profit. Permezz tal-agrikoltura intom tikkollaboraw flimkien mal-Ħallieq għas-sosten tal-ħajja fid-dinja.

Fit-tielet post nixtieq inkellimkom rigward il-ġenerożità, ġenerożità li titnissel mill-fatt li Alla ddestina l-art u dak kollu li hemm fiha għall-użu tal-bnedmin u l-popli kollha, u għaldaqstant il-ġid maħluq għandu skont kriterju ekwu jiċċirkola fost kulħadd, billi tkun gwida l-ġustizzja u billi tkun issekondata l-karità (Gaudium et Spes, 69).

Intom li intom bdiewa intom dispożituri ta’ rigal li ġej minn Alla u għandu jinfirex ma’ l-umanità kollha. Intom tinsabu fil-kondizzjoni potenzjali li tipprovdu l-ikel lil miljuni ta’ persuni li m’għandhomx x’jieklu u allura tistgħu tgħinu biex teħilsu lid-dinja mill-ġuħ.

Nindirizzalkom l-istess mistoqsija magħmula ħames snin ilu minn Pawlu VI: …jekk il-potenzjal tan-natura huwa mmens, jekk dak li huwa d-dominju tal-ġenju uman fuq l-univers donnu llimitat, x’inhu dak li spiss jintilef?... għajr dik il-ġenerożità, dik l-ansjetà li hija stimolata mill-viżjoni tat-tbatijiet u tal-miżerji tal-foqra, mhijiex forsi l-konvinzjoni profonda li l-familja kollha kemm hi tbati meta wieħed mill-membri tagħha jinsab fil-faqar estrem? (Pawlu VI, Nuntius ad “World Food Conference”, 9 ta’ Novembru 1974, 9).

Tiftakru meta Ġesù ra l-folla mġewħa miġbura madwar l-għolja: X’kienet it-tweġiba? Huwa ma llimitax ruħu għall-espressjoni tiegħu tal-ħniena. Amar lid-dixxipli tiegħu: “Agħtuhom intom stess x’jieklu” (Mt 14,16). Jewwilla mhux illum ukoll bl-istess kliem idur fuqna, fuqna li ngħixu fis-seklu għoxrin, fuqna li għandna l-mezzi kollha meħtieġa biex nitimgħu lil dawk li jbatu l-ġuħ fid-dinja?

Ejjew inwieġbu b’mod ġeneruż għal dak il-kmandament ta’ Alla, billi naqsmu l-frott tax-xogħol tagħna, billi naqsmu mal-oħrajn l-esperjenzi li ksibna, billi nagħmlu lilna nfusna promuturi ta’ żvilupp agrikolu kullimkien u billi niddefendu d-dritt għax-xogħol tal-popolazzjonijiet rurali sabiex kull persuna jkun jistà jkollha d-dritt għal impjieg utli.

Il-bdiewa jipprovdu l-ħobż għall-umanità kollha, imma huwa biss Kristu l-ħobż tal-ħajja. Huwa biss jistà jissodisfa l-ġuħ profond tad-dinja. Bħal ma jgħid Santu Wistin (S. Wistin, Confessiones, 1): “Qlubna m’għandhomx kwiet sakemm ma jistriħux fik”. Waqt li niftakru l-ġuħ fiżiku ta’ miljuni ta’ ħutna tal-kontinenti kollha, f’din l-Azzjoni Ewkaristika niftakru li l-agħar ġuħ huwa dak li jbejjet fl-iktar profond tar-ruħ umana. Lil dawk kollha li jagħrfu dan il-ġuħ Ġesù jgħid: Ejjew għandi intom ilkoll li intom għajjenin u li ssibu l-ħajja tqila u jiena nserraħkom.

Ħuti fi Kristu: ejjew nisimgħu dan il-kliem b’qalbna kollha. Dan huwa ndirizzat lil kull wieħed u waħda minna. Lil dawk li jaħdmu l-art, lil dawk li jiksbu benefiċċji minn xogħlhom, lil kull raġel u mara Ġesù jgħid: “Ejja għandi… u jiena nserrħek”. Ukoll jekk il-ġuħ fiżiku tad-dinja jkun imxebbà, ukoll jekk kull min għandu l-ġuħ jistà jkun imxebbà kemm permezz ta’ xogħlu kif ukoll permezz tal-ġenerożità tal-oħrajn, il-ġuħ l-iktar profond tal-bniedem ikompli jeżisti.

Ftakarna fl-ittra ta’ San Pawl lill-Galatin: “Dak li jgħodd huwa dak li wieħed maħluq mill-ġdid”. Kristu biss jistà joħloq mill-ġdid u dan il-ħolqien ġdid isib il-bidu tiegħu biss fis-Salib u fil-Qawmien mill-Imwiet, Fi Kristu biss  kull ħolqien hija restawrata l-ordni tiegħu. Għalhekk jiena ngħid: ejjew ilkoll għand Kristu. Huwa hu l-ħobż tal-ħajja. Ejjew għand Kristu u qatt ma jkollkom iktar ġuħ.

Ġibu magħkom għand Kristu il-prodotti ta’ jdejkom, il-frott tal-art. Fuq dan l-altar dawn ir-rigali jinbidlu fl-Ewkaristija tal-Mulej.

Ġibu magħkom l-impenn tagħkom li jirrendi l-art fruttuża, ix-xogħol u t-tbatijiet tagħkom. Fuq dan l-altar, bis-saħħa tal-ħajja, tal-mewt u tal-Qawmien mill-Imwiet ta’ Kristu, kull attività umana tiġi mqaddsa, innobilitata u imprezzjożità. Ġibu magħkom il-foqra, il-morda, l-emarġinti u dawk bil-ġuħ; dawk li huma għajjiena u li jsibu l-ħajja tqila. Fuq dan l-altar huma jsibu rinfreskar u l-madmad jidher ħafif għalihom u t-toqol ħafif.

U fuq kollox ġibu l-familji tagħkom u ddedikawhom lil Kristu,sabiex ikunu jistgħu jkomplu jkunu komunità li taħdem, tgħix u tħobb, fejn in-natura hija rrispettata, fejn il-piżijiet huma maqsumin  u fejn Alla huwa mfaħħar bi gratitudni.


 

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Emanuel Zarb