Aktar mill-Papa Ġwanni Pawlu II ...

QUDDIESA GĦALL-MORDA TAD-DAR TAL-KURA
"REGINA APOSTOLORUM" TA’ ALBANO

OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU ĠWANNI PAWLU II

It-Tnejn, 3 ta’ Settembru 1979

 

Hawn jien f’nofskom, għeżież Ħuti, li għalihom il-mard irriserva, bil-provi tant iebsin tiegħu, għaqda iktar intima ma’ Kristu sofferenti. Insellmilkom b’imħabba paterna, niżżikom ħajr tal-istedina lili magħmula, u b’mod speċjali għal kemm tafu ssofru u toffru għas-salvazzjoni ta’ tant erwieħ.

1. “Illum twettqet din l-Iskrittura li intom smajtuha b’widnejkom” (Lq 4,21). B’dan il-kliem divin, il-Mulej Ġesù fis-Sinagoga ta’ Nażżaret, iwettaq u jattwalizza l-Iskritturi u s-Salvazzjoni, fihom miġbura.

L-eżortazzjoni wkoll ta’ San Pawl lill-abitanti ta’ Tessalonika, minna mismugħa fl-ewwel qari ta’ din il-liturġija mqaddsa, timbuttana biex inqisu ż-żmien tat-tama, mhux bħall-pagani li m’għandhomx tali konsolazzjoni (1Ts 4,13), imma bħala ż-żmien ta’ Alla, illum ta’ Alla, jiġifieri ż-“żmien qasir” (cf.1Kor 7,29) irriservat għalina biex nattwaw s-salvazzjoni. 

Tali salvazzjoni ma tikkonsistix f’realtà astratta jew f’sistema filosofika, imma hija Persuna: hija Ġesù stess, li kien mibgħut mill-Missier biex iwettaq l-opra tal-liberazzjoni ta’ dawk li huma, skont is-silta tal-profeta Iżaija issa mxandra mill-Vanġelu (cf.Lq 4,18-19; 61,1-2) “foqra”, “ippersegwitati”, “priġunieri” u  “morda”, waqt li jissuperaw għal tali skop provi u ċaħdiet f’art twelidhom u barra minnha, waqt li jiffaċċjaw il-passjoni u l-mewt.

2. Żmien ipprivileġġjat ta’ Alla u speċjalment dak li fih nisimgħu u nilqgħu b’fidi l-kelma divina, li “tippenetra fl-intimu… u tfittex is-sentimenti u l-ħsibijiet tal-qalb” (Lh 4,12) u allura tinkarna ruħha fina’ imma hija wkoll ugwalment dik li titwettaq fis-sinjal sagramentali, u b’mod speċjali fl-Ewkaristija, li qegħdin inħejju biex naqsmu flimkien f’din il-Quddiesa mqaddsa,  li fiha ż-żmien ta’ Alla huwa puntwalizzat mill-binomju ndissolubli tal-mewt u l-qawmien mill-imwiet. Fis-sagrifiċċju ewkaristiku infatti titwettaq fina, b’mod tal-għaġeb, il-ġrajja feddejja, iż-żmien tas-salvazzjoni, li jinvolvi għal kollox kemm il-ħajja ndividwali, kif ukoll dik komunitarja tagħna lkoll. Fiha sseħħ konverżjoni personali permezz tal-għaqda ma’ Kristu vittma, u fl-istess ħin konverżjoni komunitarja, espressa fil-bidla tal-maħfra u tal-paċi fost dawk preżenti.

F’dan ir-rigward, San Girgor il-Kbir, Predeċessur meqjum tiegħi, li llum niċcelebraw it-tifkira tiegħu, f’xi testi famużi, jiddefinixxi tajjeb ħafna dawn iż-żewġ waqtiet li jitwettqu fis-sagrifiċċju ewkaristiku. Isostni l-kbir Duttur tal-Knisja: “Kristu jkun tassew għalina ostja ta’ rikonċiljazzjoni ma’ Alla, jekk nagħmlu li nistgħu biex insiru ostji aħna stess”; u fir-rigward tad-dimensjoni komunitarja tal-Quddiesa mqaddsa iġegħlna nitolbu u nagħtu l-maħfra u jirrikonċiljana mal-aħwa, jgħid: “Alla ma jirċevix l-offertà, jekk l-ewwel ma jwarrabx in-nuqqas ta’ ftehim nill-qalb”” (cf. S. Gregorio Magno, Dialogorum Libri, capp. 58 e 60).

3. Hawn huma, għeżież Ħuti, xi sempliċi riflessjonijiet dwar iż-żminijiet u l-modi tas-salvazzjoni, offruti lilna mill-qari tas-siltiet bibbliċi ta’ din il-Quddiesa. Komplu mpenjaw ruħkom għal twettiq dejjem magħruf ta’ dawn it-temi kbar tal-fidi tagħna. Fil-waqtiet li fihom tistgħu tħossu d-dgħufija umana, li takkumpanja l-marda, ftakru l-esperjenza meraviljuża li kellu San Pawl, li,  imnikket minħabba x-“xewka f’ġismu”, kien imsabbar mill-Mulej b’dan il-kliem: “Hija biżżejjed għalik il-grazzja tiegħi, għaliex il-qawwa tiegħi turi ruħha fid-dgħufija” (2Kor 12,9).

Min-naħa tiegħi, nassikurakom li, jekk norbot ħafna fuq l-għajnuna spiritwali tal-morda kollha, ferm iktar nafda fuqkom, fuq it-talb tagħkom, fuq il-valur tat-tbatijiet tagħkom, għaliex intom magħqudin mal-kariżma tal-vokazzjoni ta’ ħajja kkonsagrata kollha kemm hi lil Alla l-għana inegwaljabbli tal-marda tagħkom, b’mod li kull waħda minnkom tistà tgħid verament: “Adimpleo”. Nitlobkom għalhekk: komplu għinu b’tali mod lill-Knisja, u edifikawha bis-sagrifiċċji moħbijin tagħkom, bil-koperazzjoni misterjuża u doloruża tagħkom; komplu għinu l-umanità, sabiex tilħaq dak il-fejqan intern, li huwa sinonimu ta’ serenità u paċi tar-ruħ, li mingħajru xejn ma jkunu jiswew is-saħħa fiżika u kull ġid terren ieħor.

Tassistikom f’dan l-isforz komuni l-Verġni Santissma minkom imsejħa taħt it-tutlu ta’ “Regina Apostolorum” u jinfirex dejjem fuqkom l-ispirtu mbierek tal-Fundatur tagħkom, Don Giacomo Alberione, li mill-qalb apostolika tiegħu nibtet din id-Dar ta’ kura u ta assistenza nisranija providenzjali. Amen!

 

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Emanuel Zarb