 |

MESSAĠĠ TAL-QDUSIJA TIEGĦU
FRANĠISKU
GĦALL-XXXV JUM DINJI
TAŻ-ŻGĦAŻAGĦ
2020
“Żagħżugħ, qiegħed ngħidlek,
qum!”
(ara
Lq 7:14)
Għeżież żgħażagħ,
F’Ottubru 2018, bis-Sinodu
tal-Isqfijiet fuq it-tema
Iż-żgħażagħ, il-fidi u
d-dixxerniment vokazzjonali,
il-Knisja bdiet proċess ta’
riflessjoni fuq il-qagħda
tagħkom fid-dinja tal-lum, fuq
it-tiftixa tagħkom għal sens u
għal proġett fil-ħajja, fuq
ir-relazzjoni tagħkom ma’ Alla.
F’Jannar 2019, iltqajt ma’
mijiet ta’ eluf ta’ sħabkom
mid-dinja kollha, miġbura
fil-Panamá
għall-Jum Dinji taż-Żgħażagħ.
Ġrajjiet ta’ din l-għamla –
Sinodu u JDŻ – jesprimu
dimensjoni essenzjali
tal-Knisja: li “nimxu flimkien”.
F’din il-mixja, kull darba li
nagħmlu kisba importanti, Alla u
l-istess ħajja jisfidawna biex
nerġgħu nitilqu. Intom
iż-żgħażagħ esperti f’dan!
Tħobbu tivvjaġġaw, tħabbtu
wiċċkom ma’ postijiet u wċuħ li
ma tkunux rajtuhom qabel, tgħixu
esperjenzi ġodda. Għalhekk
għażilt bħala destinazzjoni
tal-pellegrinaġġ
interkontinentali tagħkom li
jmiss, fl-2022, il-belt ta’
Lisbona, kapitali tal-Portugall.
Minn hemm, fis-sekli ħmistax u
sittax, ħafna żgħażagħ, fosthom
tant missjunarji, telqu lejn
artijiet mhux magħrufa, anki
biex jaqsmu l-esperjenza tagħhom
ta’ Ġesù ma’ popli u ġnus oħra.
It-tema tal-JDŻ ta’ Lisbona se
tkun: “Marija qamet u marret
tħaffef” (Lq 1:39). Fis-sentejn
ta’ qabel, ħsibt li nirrifletti
flimkien magħkom fuq żewġ testi
bibliċi oħra: “Żagħżugħ, qiegħed
ngħidlek, qum!” (ara Lq 7:14),
fl-2020, u “Qum! Jiena nagħmlek
xhud tad-dehra li fiha rajtni”
(ara Atti 26:16), fl-2021.
Kif tistgħu taraw, il-verb
komuni għat-tliet temi hu qum.
Din l-espressjoni tassumi wkoll
is-sinifikat ta’ qawmien
mill-ġdid, qawmien għall-ħajja.
Huwa verb li nsibuh ħafna
fl-Eżortazzjoni Christus
vivit (Kristu jgħix!), li
ddedikajtilkom wara s-Sinodu
tal-2018 u li, flimkien
mad-Dokument finali, il-Knisja
qed toffrilkom bħala fanal biex
idawwal il-mogħdijiet tal-ħajja
tagħkom. Nittama b’qalbi kollha
li l-mixja li se twassalkom
Lisbona ġġib fil-Knisja kollha
impenn qawwi għat-twettiq ta’
dawn iż-żewġ dokumenti, u
torjenta l-missjoni
tal-animaturi tal-pastorali
maż-żgħażagħ.
Ngħaddu issa għat-tema tagħna
ta’ din is-sena: Żagħżugħ,
qiegħed ngħidlek, qum! (ara
Lq 7:14). Diġà kkwotajt dan
il-versett tal-Vanġelu fil-Christus
vivit: “Jekk tħossok tlift
il-ħeġġa ta’ ġo fik, il-ħolm,
l-entużjażmu, it-tama u
l-ġenerożità, quddiemek għandek
lil Ġesù, l-istess kif deher
quddiem l-iben mejjet ta’ dik
l-armla, u bil-qawwa kollha
tiegħu ta’ Rxoxt il-Mulej qed
isejjaħlek: ‘Żagħżugħ, qiegħed
ngħidlek, qum!’” (n. 20).
Din is-silta tirrakkontalna kif
Ġesù, meta daħal fil-belt ta’
Najn, fil-Galilija, jaħbat ma’
korteo funebri għad-difna ta’
żagħżugħ, iben uniku ta’ omm
armla. Ġesù, milqut min-niket
kiefer ta’ din il-mara, iwettaq
il-miraklu li jqajjem
għall-ħajja lil binha. Imma
l-miraklu jasal wara sekwenza
ta’ atteġġjamenti u ġesti: “Kif
raha l-Mulej tħassarha.
‘Tibkix’, qalilha. Resaq, u mess
it-tebut. Dawk li kienu qegħdin
jerfgħuh waqfu” (Lq 7:13-14).
Nieqfu u nimmeditaw fuq xi wħud
minn dawn il-ġesti u kelmiet
tal-Mulej.
Jilmaħ in-niket u l-mewt
Ġesù jixħet fuq din
il-purċissjoni funebri ħarsa
attenta u mhux distratta. Minn
qalb il-folla jilmaħ il-wiċċ ta’
mara fi tbatija liema bħalha.
Il-ħarsa tiegħu toħloq
il-laqgħa, għajn ta’ ħajja
ġdida. Ma tantx hemm bżonn ta’
kliem.
U l-ħarsa tiegħi, kif inhi?
Inħares b’għajnejn attenti, jew
bħal meta nqalleb malajr l-eluf
ta’ ritratti fuq il-mowbajl
tiegħi jew il-profili soċjali?
Kemm drabi llum jiġrilna li
naraw b’għajnejna stess tant
ġrajjiet, imma mingħajr qatt
ngħixuhom b’mod dirett! Kultant
l-ewwel reazzjoni tagħna hi li
nirrekordjaw ix-xena
bil-mowbajl, aktarx mingħajr ma
nħarsu tassew f’għajnejn
il-persuni involuti.
Madwarna, imma xi kultant anki
ġo fina, niltaqgħu ma’
realtajiet tal-mewt: fiżika,
spiritwali, emottiva, soċjali.
Nintebħu bihom, jew sempliċiment
inbatu l-konsegwenzi tagħhom?
Hemm xi ħaġa li nistgħu nagħmlu
biex nerġgħu nġibu l-ħajja?
Jiġuni f’moħħi tant
sitwazzjonijiet negattivi li
jgħixu sħabna tal-istess età.
Hemm min, ngħidu aħna, jilgħab
kollox fuq illum, u jqiegħed lil
ħajtu fil-periklu b’esperjenzi
estremi. Mill-banda l-oħra,
żgħażagħ oħra huma “mejta” għax
tilfu t-tama. Waħda tfajla
qaltli: “Fost sħabi nara li
tilfu l-ispinta biex jirriskjaw,
il-kuraġġ li jqumu”. B’xorti
ħażina anki fost iż-żgħażagħ qed
tixtered id-dipressjoni, li f’xi
każijiet tista’ twassal
saħansitra għat-tentazzjoni li
jneħħu ħajjithom. Kemm
sitwazzjonijiet fejn issaltan
l-apatija, fejn jintilfu
fl-abbiss tal-biża’ u
tar-rimors! Kemm żgħażagħ jibku
mingħajr ħadd jisma’ l-karba
tar-ruħ tagħhom! Madwarhom ħafna
drabi ħarsiet mitlufa,
indifferenti, ta’ min forsi
jgawdi l-happy hour
tiegħu waqt li jżomm bogħod
minnhom.
Hemm min jgħaddiha
fis-superfiċjalità, jaħseb li hu
ħaj meta minn ġewwa hu mejjet
(ara Apok 3:1). Nistgħu nsibu
ruħna ta’ għoxrin sena nkaxkru
warajna ħajja li tniżżilna ’l
isfel, u mhux terfagħna
għad-dinjità tagħna. Kollox
jirriduċi ruħu għal ħajja li
tfittex xi gratifikazzjoni: ftit
tad-divertiment, farka
attenzjoni u mħabba mill-oħrajn…
Hemm ukoll narċisiżmu diġitali
li xtered sew, li jinfluwenza
kemm liż-żgħażagħ u kemm
lill-adulti. Hemm ħafna li
jgħixu hekk! Xi wħud fosthom
forsi belgħu l-arja ta’
madwarhom fejn hemm
il-materjaliżmu ta’ min jaħseb
biss kif ħa jagħmel il-flus u
jirranġa, bħallikieku dawn kienu
l-uniċi skopijiet tal-ħajja.
Fil-verità, dan kollu bilfors se
jwassalhom li jgħixu b’mod
żbaljat, f’apatija, imxebbgħin
mill-ħajja, li naqra naqra
jixħithom f’bir bla qiegħ.
L-atteġġjamenti negattivi
jistgħu jiġu mqanqla wkoll
mill-fallimenti personali, meta
xi ħaġa li kienet għal qalbhom,
li għaliha kienu impenjaw
ruħhom, ma għadhiex taħdem jew
ma twassalx għar-riżultati li
ttamaw fihom. Dan jista’ jiġri
fil-qasam skolastiku, jew
bl-ambizzjonijiet fl-isport,
artistiċi… It-tmiem ta’ “ħolma”
jista’ jġagħalna nħossuna mejta.
Imma l-fallimenti jagħmlu parti
mill-ħajja ta’ kull bniedem, u
xi drabi jistgħu jkunu wkoll
grazzja! Spiss xi ħaġa li konna
naħsbu li tagħmilna ferħanin
tinkixef li hi illużjoni, idolu.
L-idoli jippretendu kollox minna
u jagħmluna lsiera, imma ma
jagħtuna xejn lura. U fl-aħħar
jitfarrku, u jħallu biss irmied
u duħħan. F’dan is-sens
il-fallimenti, jekk iwasslu
għat-tiġrif tal-idoli, huma xi
ħaġa tajba, anki jekk iġagħluna
nbatu.
Nistgħu nkomplu nsemmu
kundizzjonijiet oħra ta’ mewt
fiżika jew morali li żagħżugħ
jista’ jsib ruħu fihom,
bħad-dipendenzi, l-atti
kriminali, il-miżerja, mara
gravi… Imma nħalli f’idejkom
biex tirriflettu personalment u
ssiru konxji ta’ dak li kkawża
“mewt” fikom jew f’xi ħadd qrib
tagħkom, fil-preżent jew
fil-passat. Fl-istess waqt,
ftakru li dak iż-żagħżugħ
tal-Vanġelu, li kien miet
tassew, reġa’ beda jgħix għax
ħares lejh Xi Ħadd li riedu
jgħix. Dan jista’ jiġri
mill-ġdid illum u ta’ kuljum.
Jitħassar
L-Iskrittura Mqaddsa spiss
tirrakkonta kif iħossu min
iħalli tmissu “sa fil-ġewwieni”
t-tbatija tal-oħrajn. Ġesù
jitqanqal, u dan iġagħlu jħossu
parti mir-realtà tal-ieħor.
Jitgħabba bil-miżerja tal-ieħor.
L-uġigħ ta’ qalb ta’ dik l-omm
isir l-uġigħ ta’ qalbu. Il-mewt
ta’ dak l-iben issir il-mewt
tiegħu.
F’tant okkażjonijiet intom
iż-żgħażagħ turu li tafu
tikkom-patixxu. Biżżejjed
tara kemm minnkom jingħataw
b’ġenerożità meta ċ-ċirkustanzi
jitolbu dan minnhom. Ma jkunx
hemm diżastru, terremot,
għargħar li ma jarawx ġemgħat
ta’ voluntiera żgħażagħ
disponibbli biex jagħtu daqqa
t’id. Anki l-mobilitazzjonijiet
kbar ta’ żgħażagħ li jridu
jiddefendu l-ħolqien huma xhieda
tal-ħila tagħkom li tisimgħu
l-karba tal-art.
Għeżież żgħażagħ, tħallux lil
min jisirqilkom din
is-sensibbiltà! Jalla tagħtu
dejjem widen għall-karba ta’ min
qed ibati; ħallu jqanqlukom lil
dawk li qed jibku u jmutu
fid-dinja tal-lum. “Ċerti
realtajiet tal-ħajja jidhru biss
bl-għajnejn maħsula mid-dmugħ”
(Christus vivit, 76).
Jekk tagħrfu tibku ma’ min
jibki, tkunu tassew ferħana.
Tant minn sħabkom m’għandhomx
l-opportunitajiet, iġarrbu
vjolenzi, persekuzzjonijiet.
Ħallu l-ġrieħi tagħhom isiru
tagħkom, u tkunu qed ixxerrdu
t-tama f’din id-dinja. Tkunu
tistgħu tgħidu lil ħukom, lil
oħtkom: “Qum, m’intix waħdek”, u
ddewqu li Alla l-Missier iħobbna
u Ġesù huwa d-driegħ tiegħu
miftuħ biex jerfagħna mill-ġdid.
Jersaq u “jmiss”
Ġesù jwaqqaf il-korteo funebri. Jersaq
qrib, isir proxxmu. Il-qrubija
timbuttana biex immorru lil hemm
u ssir ġest kuraġġjuż biex
l-ieħor jista’
jgħix. Ġest profetiku. Hija l-id
ta’ Ġesù, il-Ħaj, li jmissna
biex jagħtina l-ħajja. Imissna
biex isawwab l-Ispirtu s-Santu
fil-ġisem mejjet taż-żagħżugħ u
jerġa’ jagħti l-ħajja
lill-funzjonijiet vitali tiegħu.
Dik l-id ta’ Ġesù tinfed
fir-realtà ta’ tbatija u qtigħ
il-qalb. Huwa d-Divin li
jmissna, li jgħaddi wkoll
mill-imħabba umana awtentika u
jiftaħ spazji li ma konna qatt
ħsibna fihom qabel, ta’ libertà,
dinjità, tama, ħajja ġdida u
sħiħa. L-effikaċja ta’ dan
il-ġest ta’ Ġesù ma nistgħux
inkejluha. Hu jfakkarna li anki
sinjal ta’ qrubija, sempliċi
imma konkret, jista’ jqajjem
qawwiet ta’ qawmien.
Iva, anki intom iż-żgħażagħ
tistgħu tersqu qrib
tar-realtajiet ta’ niket u ta’
mewt li tiltaqgħu magħhom,
tistgħu tmissuhom u ġġibu
l-ħajja bħalma għamel Ġesù. Dan
hu possibbli, grazzi
għall-Ispirtu s-Santu, jekk
l-ewwel tkunu intom li ħallejtu
mħabbtu tmisskom, jekk il-qalb
tagħkom tħalli trattabha
l-esperjenza tat-tjieba tiegħu
lejkom. Hekk imbagħad, jekk
tħossu ġewwa fikom il-ħlewwa
qawwija ta’ Alla għal kull
ħlejqa ħajja, speċjalment
għall-aħwa mġewħa, bil-għatx,
morda, għarwiena, fil-ħabs, hekk
tkunu tistgħu tersqu qrib kif
jagħmel hu, tmissu bħalu, u
tgħaddu l-ħajja tiegħu lil
ħbiebkom li huma mejta minn
ġewwa, li qed ibatu jew tilfu
l-fidi u t-tama.
“Żagħżugħ, qiegħed ngħidlek,
qum!”
Il-Vanġelu ma jsemmihx l-isem
ta’ dak iż-żagħżugħ imqajjem
minn Ġesù f’Najn. Din hi stedina
lill-qarrej biex isir ħaġa waħda
miegħu. Ġesù qed ikellem lilek,
lili, lil kull wieħed u waħda
minna, u jgħidilna: “Qum!”. Nafu
tajjeb li anki aħna l-Insara
nċedu u dejjem għandna bżonn
inqumu mill-ġdid. Huwa biss min
ma jimxix li ma jaqa’ qatt, imma
dan lanqas jimxi ’l quddiem.
Għalhekk hemm bżonn nagħrfu
x’kien l-intervent ta’ Kristu u
nagħmlu att ta’ fidi f’Alla.
L-ewwel pass hu li naċċettaw li
nqumu mill-ġdid. Il-ħajja ġdida
li hu jagħtina hi tajba u
jixirqilha li ngħixuha, għax sa
tkun imwieżna minn Dak li
jseħibna anki fil-futur mingħajr
qatt jitlaqna waħidna, jgħinna
ngħixu din il-ħajja tagħna b’mod
denn u għammiel.
Huwa tabilħaqq ħolqien ġdid,
twelid ġdid. Mhuwiex xi
kundizzjonament psikoloġiku.
Aktarx, fil-mumenti ta’
diffikultà, ħafna minnkom smajtu
lilkom infuskom ittennu
l-kelmiet “maġiċi” li llum saru
moda u għandhom isolvu kollox:
“Trid temmen fik innifsek”,
“Trid issib ir-riżorsi ġewwa
fik”, “Trid tkun konxju
mill-enerġija pożittiva li
għandek fik”… Imma dawn kollha
huma sempliċi kliem u għal min
hu tassew “mejjet minn ġewwa”
mhux ħa jaħdmu. Il-kelma ta’
Kristu hi ta’ profondità oħra,
hi infinitament superjuri. Hija
kelma divina u ħallieqa, li
waħidha tista’ trodd il-ħajja
hemm fejn kienet intfiet.
Il-ħajja ġdida “ta’ mqajmin
mill-mewt”
Iż-żagħżugħ, jgħid il-Vanġelu,
“beda jitkellem” (Lq 7:15).
L-ewwel reazzjoni ta’ persuna li
ntmesset u ntradditilha l-ħajja
minn Kristu hi li tesprimi
ruħha, turi bla biża’ u bla
kumplessi dak li hemm fiha,
il-personalità tagħha, ix-xewqat
tagħha, il-bżonnijiet tagħha,
il-ħolmiet tagħha. Forsi qabel,
dan ma kienet għadha qatt
m’għamlitu, kienet konvinta li
ħadd ma jista’ jifhimha.
Titkellem ifisser ukoll tidħol
f’relazzjoni mal-oħrajn. Meta
nkunu “mejta” ningħalqu fina
nfusna, ir-relazzjonijiet tagħna
jitfarrku, jew isiru
superfiċjali, foloz, ipokriti.
Meta Ġesù jroddilna l-ħajja,
“jagħtina” lill-oħrajn (ara v.
15).
Illum spiss hemm “konnessjoni”
imma mhux komunikazzjoni. L-użu
tal-mezzi elettroniċi, jekk ma
jkunx ibbilanċjat, jista’
jżommna dejjem imwaħħlin ma’
skrin. B’dan il-messaġġ nixtieq
anki nniedi, flimkien magħkom
iż-żgħażagħ, l-isfida ta’ bidla
kulturali, ibda minn dak
il-“Qum!” ta’ Ġesù. F’kultura li
tixtieq liż-żgħażagħ iżolati u
mgħawġa ’l isfel f’dinjiet
virtwali, ejjew inxerrdu din
il-kelma ta’ Ġesù: “Qum!”. Hija
stedina biex ninfetħu għal
realtà li tmur sew lil hemm
mill-virtwali. Dan ma jfissirx
li nistkerrhu t-teknoloġija,
imma li nużawha bħala mezz u
mhux bħala fini. “Qum” ifisser
ukoll “oħlom”, “irriskja”,
“ħabrek biex tibdel id-dinja”,
erġa’ kebbes ix-xewqat tiegħek,
ikkontempla s-sema, l-istilel,
id-dinja ta’ madwarek. “Qum u
sir dak li int!”. Grazzi għal
dan il-messaġġ, tant uċuħ
mitfija ta’ żgħażagħ madwarna
jerġgħu jieħdu l-lewn tagħhom u
jsiru ħafna isbaħ minn kull
realtà virtwali.
Għax, jekk int tagħti ħajtek, xi
ħadd ħa jilqagħha. Wieħed
żagħżugħ qal: “Tqum minn fuq
is-sufan jekk tara xi ħaġa
sabiħa u tiddeċiedi li tagħmilha
int ukoll”. Dak li hu sabiħ
iqanqal passjoni. U jekk
żagħżugħ jappassjona ruħu għal
xi ħaġa, jew aħjar, għal Xi
Ħadd, fl-aħħar iqum u jibda
jagħmel ħwejjeġ kbar; minn
mejjet kif kien, jista’ jsir
xhud ta’ Kristu u jagħti ħajtu
għalih.
Għeżież żgħażagħ, liema huma
l-passjonijiet u l-ħolmiet
tagħkom? Ħalluhom jixirfu, u
permezz tagħhom ipproponu
lid-dinja, lill-Knisja, lil
żgħażagħ oħra, xi ħaġa sabiħa
fil-qasam spiritwali, artistiku,
soċjali. Intennilkom fi lsien
art twelidi:
hagan lìo!
Ħallu lil min jismagħkom!
Żagħżugħ ieħor smajtu jgħid:
“Kieku Ġesù kien wieħed li moħħu
biss fl-affarijiet tiegħu, bin
l-armla ma kienx iqum”.
Il-qawmien taż-żagħżugħ reġa’
ħaddnu ma’ ommu. F’din l-omm
nistgħu nilmħu lil Marija, l-Omm
tagħna, li lilha nafdaw
iż-żgħażagħ kollha tad-dinja.
Fiha nistgħu nagħrfu wkoll
lill-Knisja, li trid tilqa’
bil-ħlewwa lil kull żagħżugħ u
żagħżugħa, ħadd eskluż.
Nitolbuha mela lil Marija
għall-Knisja, biex tkun dejjem
omm ta’ wliedha li jinsabu
fil-mewt, qed jibku u jitolbu li
jerġgħu jitwieldu mill-ġdid.
Għal kull wieħed u waħda minn
uliedha li jmut, tmut ukoll
il-Knisja, u għal kull iben jew
bint li jqum, anki hi tqum.
Jiena nbierek il-mixja tagħkom.
U intom, jekk jogħġobkom,
tinsewx titolbu għalija.
Ruma, San
Ġwann
Lateran, 11
ta’ Frar
2020,
Tifkira tal-Verġni Mqaddsa
Marija ta’
Lourdes
FRANĠISKU
miġjuba mit-Taljan għall-Malti
minn Francesco Pio Attard
|