Benedettu XVI

UDJENZA ĠENERALI

Castel Gandolfo
L-Erbgħa, 29 ta’ Awwissu 2012

 

Il-Martirju ta’ San Ġwann il-Battista

Għeżież ħuti,

F’dan l-aħħar Erbgħa tax-xahar ta’ Awwissu nagħmlu t-Tifkira liturġika tal-martirju ta’ San Ġwann il-Battista, il-Prekursur ta’ Ġesù. Fil-Kalendarju Ruman, hu l-uniku qaddis li t-twelid u l-mewt tiegħu, permezz tal-martirju, huma  ċċelebrati fl-istess jum (f’dan il-każ, l-24 ta’ Ġunju). It-Tifkira tal-lum tmur lura lejn id-dedikazzjoni ta’ kripta f’Sebaste, is-Samarija, fejn rasu ilha meqjuma hemmhekk minn nofs is-seklu erbgħa. Aktar ‘il quddiem, id-devozzjoni nfirxet ukoll f’Ġerusalemm, kemm fil-Knejjes tal-Lvant u kemm f’Ruma, bit-titlu tal-Qtugħ ir-Ras ta’ San Ġwann il-Battista. Fil-Martiroloġija tal-Knisja ta’ Ruma, hemm referenza għat-tieni skoperta tar-relikwa prezzjuża,  meħuda, għall-okkażjoni, fil-Knisja ta’ San Silvestru f’Campo Marzio, f’Ruma.

Dawn ir-referenzi qosra jgħinuna nifhmu kemm il-venerazzjoni lejn Ġwanni l-Battista hija antika u għandha għeruq fondi. Ix-xogħol tiegħu fir-relazzjoni ma’ Ġesù tidher ċara ħafna fil-Vanġeli. San Luqa, b’mod partikulari, jirrakkonta t-twelid tiegħu, il-ħajja tiegħu fix-xagħri selvaġġ u l-predikazzjoni tegħu, waqt li fil-Vanġelu tal-lum, San Mark jgħidilna fuq il-mewt drammatika tiegħu. Ġwanni l-Battista beda l-predikazzjoni tiegħu taħt l-Imperatur Tiberju madwar is-snin 27-28 W.K., u l-istedina ambigwa tiegħu li biha indirizza lil dawk li nġabru biex jisimgħuh, kienet il-mod kif hu pprepara t-triq biex jilqa’ lill-Mulej, biex iwitti l-mogħdijiet mgħawġa tal-ħajja tagħhom permezz ta’ konverżjoni radikali tal-qalb (ara Lq 3:4).

Madanakollu, Ġwanni l-Battista ma llimitax lilu nnifsu biex jgħallem l-indiema u l-konverżjoni. Minflok, waqt li għaraf lil Ġesù bħala l-Ħaruf t’Alla li ġie biex ineħħi d-dnubiet tad-dinja (Ġw 1:29), hu kellu l-umiltà profonda li jqis lil Ġesù bħala l-Unika Wieħed mibgħut minn Alla, waqt li jinġibed lura ħalli hu jieħu t-tmexxija f’idejh, u jkun mismugħ u l-poplu jimxi warajh. Bħala l-aħħar azzjoni tiegħu, il-Battista xehed b’demmu għall-fedeltà tiegħu lejn il-kmandamenti ta’ Alla, mingħajr ma jċedi jew imur lura minn kelmtu, waqt li jwettaq il-missjoni tiegħu sal-aħħar nett. Fid-disa’ seklu, il-Venerabbli Beda jgħid, f’waħda mill-Omeliji tiegħu: “San Ġwann ta ħajtu għal [Kristu]. Hu ma kienx ordnat li jiċħad lil Ġesù Kristu, imma kien ordnat biex iżomm is-skiet quddiem il-verità” (ara L-Omelija 23: CCL 122, 354). U hu ma żammx is-skiet fuq il-verità u allura miet għal Kristu li hu l-Verità. Preċiżament, għall-imħabba tal-verità hu ma tgħawwiġx għall-kompromessi u ma beżax li jindirizza bi kliem qawwi lil kull min tbiegħed mill-mogħdija ta’ Alla.

Aħna naraw din il-figura kbira, din il-forza fil-Passjoni, tirreżisti lil min hu setgħan. U naħsbu: x’welled lil din il-ħajja, għal din l-interjorità tant qawwija, tant sewwa, tant konsistenti, mgħoddija kompletament lil Alla filli jipprepara t-triq għal Ġesù? It-tweġiba hija sempliċi: kienet imwielda mir-relazzjoni ma’ Alla, mit-talb, li kienet il-ħajta li mexxietu tul l-eżistenza kollha tiegħu. Ġwanni kien l-għotja divina li għaliha l-ġenituri tiegħu Żakkarija u Eliżabetta kienu ilhom jitolbu għal tant snin (ara Lq 1:13); għotja, umanament impossibbli li tittama għaliha, għaliex it-tnejn li huma kienu avvanzati fiż-żmien u Eliżabetta ma setax ikollha tfal (ħawlija) (ara Lq 1:7); madanakollu xejn mhu impossibbli għal Alla (ara Lq 1:36). It-tħabbira ta’ dan it-twelid saret eżattament fil-post tat-talb, fit-tempju ta’ Ġerusalemm, eżatt meta Żakkarija kellu l-privileġġ kbir li jidħol fl-iktar post imqaddes fit-tempju biex joffri l-inċens lill-Mulej (ara Lq 1:8-20). It-twelid ta’ Ġwanni l-Battista kien ukoll immarkat bit-talb: il-Benedictus, l-innu ta’ ferħ, tifħir u ringrazzjament li Żakkarija għolla lejn il-Mulej u li aħna nirreċitawh kull filgħodu fil-Lawdi, li jfaħħar l-azzjonijiet ta’ Alla fl-istorja u li profetikament jindika l-missjoni tat-tifel tiegħu Ġwanni: li jmur qabel l-Iben ta’ Alla magħmul laħam biex jippreparalu t-triq (ara Lq 1:67-79).

L-eżistenza kollha tal-Prekursur ta’ Ġesù kienet mogħnija bir-relazzjoni ma’ Alla, partikularment matul iż-żmien li hu għadda fir-reġjuni tad-deżert (ara Lq 1:80). Ir-reġjuni tad-deżert huma mkejjen ta’ tentazzjoni imma huma wkoll il-postijiet fejn il-bniedem jakkwista s-sens tal-faqar tiegħu għaliex meta jkun nieqes mill-għajnuna u s-sigurtà materjali, hu jifhem li l-unika referenza żgura hu Alla nnifsu. Ġwanni l-Battista, madanakollu, mhux biss bniedem ta’ talb, f’kuntatt permanenti ma’ Alla, imma hu wkoll wieħed li jmexxina f’din ir-relazzjoni. L-Evanġelista Luqa, meta jfakkarna fit-talba li Ġesù għallem lill-appostli, il-Missierna,  jinnota li t-talba kienet fformulata mid-dixxipli b’dawn il-kelmiet: “Mulej, għallimna nitolbu, kif Ġwanni għallem lid-dixxipli tiegħu” (ara. Lq 11:1).

Għeżież ħuti, li niċċelebraw il-martirju ta’ San Ġwann Battista, ifakkarna wkoll, lilna li aħna l-Insara tal-lum, li bl-imħabba għal Kristu, għal kliemu u għall-Verità tiegħu, aħna ma nistgħux nitgħawġu għall-kompromessi. Il-Verità hi Verità; m’hemmx kompromessi. Il-ħajja Nisranija titlob, biex ngħidu hekk, il-“martirju” tal-fedeltà ta’ kuljum lejn il-Vanġelu, il-kuraġġ, iġifieri, li nħallu lil Kristu jikber fina u li nħalluh ikun l-Uniku Wieħed li jmexxilna l-ħsibijiet tagħna u l-azzjonijiet tagħna. Madanakollu, dan jista’ jiġri fil-ħajja tagħna jekk aħna jkollna relazzjoni soda ma’ Alla. It-talb mhux ħin mitluf, ma jiħux ħin mill-attivitajiet tagħna, lanqas mill-attivitajiet appostoliċi tagħna, imma eżattament il-verità hi bil-maqlub: jekk aħna kapaċi li jkollna ħajja fidila ta’ talb, kostanti u ta’ fiduċja, Alla nnifsu jagħtina l-abbiltà u l-qawwa li ngħixu ferħanin u sereni, biex negħlbu d-diffikultajiet u biex nixhdu bil-kuraġġ għalih. San Ġwann il-Battista jinterċedi għalina, biex aħna dejjem inkunu nistgħu nżommu lil Alla fl-ewwel post fil-ħajja tagħna. Grazzi.


Lill-gruppi speċjali:

Noffri merħba sabiħa lill-pellegrini u l-viżitaturi kollha li jitkellmu bl-Ingliż, speċjalment dawk mill-Ingilterra, mill-Indonesja, mill-Ġappun u minn Malta. Illum il-Knisja qiegħda tiċċelebra l-Martirju ta’ San Ġwann il-Battista. Ġwanni, li niċċelebraw it-twelid tiegħu fl-24 ta’ Ġunju, ta lilu nnifsu totalment lil Kristu, billi pprepara t-triq permezz tal-predikazzjoni għall-indiema, billi mexxa lill-oħrajn lejh meta wasal, u billi ta lilu nnifsu bħala l-ogħla sagrifiċċju. Għeżież ħbieb, jalla nixmu wara l-eżempju ta’ Ġwanni billi nħallu lil Kristu jippenetra kull parti tal-ħajjiet tagħna ħalli bil-qawwa kollha nxandruh lid-dinja. Alla jbierek lil kull wieħed u waħda minnkom!

Fl-aħħar ngħaddi ħsieb liż-żgħażagħ, lill-morda u lill-miżżewġin ġodda. Jalla r-radikaliżmu tal-fidi u l-ħajja ta’ San Ġwann l-Battista tispirakom bħala persuni li temmnu.  Għeżież żgħażagħ, uru fil-beraħ fil-kuntesti kollha li intom tappertjenu lil Kristu u lill-Knisja; għeżież morda, serrħu fuq il-qawwa tat-talb biex jitħaffew it-tbatijiet tagħkom; u intom, għeżież miżżewġin ġodda, dejjem poġġu lill-Mulej Ġesù fiċ-ċentru tal-familja tagħkom.  

Lill-2,600 Franċiż u Franċiża li jservu fuq l-artal:

Għeżież Ħuti, insellmilkom b’affezzjoni, għeżież persuni li taqdu fuq l-artal, li ġejtu minn Franza fil-pellegrinaġġ nazzjonali tagħkom lejn Ruma, u anke lill-Isqof Breton, lill-isqfijiet l-oħra preżenti u lil dak li akkompanjaw lil dan il-grupp kbir. Għeżież żgħażagħ, is-servizz li intom taqdu bil-fedeltà jħallikom tkunu viċin ta’ Ġesù Kristu fl-Ewkaristija. Intom għandkom il-privileġġ enormi li tkunu viċin l-altar u viċin il-Mulej. Kunu  konxji tal-importanza ta’ dan is-servizz lill-Knisja u lilkom infuskom. Jalla dan is-servizz jagħtikom l-opportunità li tiżviluppaw ħbiberija, relazzjoni personal ma’ Ġesù. Tibżgħux tikkomunikaw ma’ dawk ta’ madwarkom il-ferħ li tirċievu mill-preżenza tiegħu! Jalla l-ħajja kollha tagħkom tkun tiddi bil-ferħ ta’ din il-qrubija mal-Mulej Ġesù! U jekk ġurnata waħda, tisimgħu s-sejħa tiegħu biex timxu warajh fit-triq tas-saċerdozju jew tal-ħajja reliġjuża, wieġbu għaliha b’ġenerożità! Nixtiqilkom pellegrinaġġ tajjeb lejn l-oqbra tal-Appostli Pietru u Pawlu. Grazzi aħfna. Nawguralkom pellegrinaġġ sabiħ. Alla jberikkom.