Laikos

 

BENEDITTU XVI

UDJENZA ĠENERALI

Pjazza San Pietru

L-Erbgħa 29 ta’ Marzu 2006

Id-don tal-“Komunjoni”

 

Għeżież ħuti,

 

Permezz tal-ministeru appostoliku tagħha, il-Knisja, komunità miġmugħa mill-Iben ta’ Alla li sar bniedem, tgħix mal-medda tas-snin tibni u xxettel il-komunjoni fi Kristu u fl-Ispirtu, li għaliha kulħadd hu msejjaħ u li fiha lkoll jistgħu jagħmlu esperjenza tas-salvazzjoni mogħtija mill-Missier. Fil-fatt, it-Tnax – kif jgħid il-Papa Klement, it-tielet Suċċessur ta’ Pietru, fi tmiem l-ewwel seklu – ħadu ħsieb li jkollhom suċċessuri tagħhom (ara 1 Klem 42:4), biex il-missjoni fdata f’idejhom tibqa’ għaddejja wara mewthom. Matul is-sekli l-Knisja, strutturata b’mod organiku taħt it-treġija tar-Ragħajja leġittimi tagħha, hekk issoktat tgħix fid-dinja bħala misteru ta’ komunjoni, li fiha b’xi mod hi riflessa l-istess komunjoni Trinitarja, il-misteru ta’ Alla nnifsu.

 

Diġà l-Appostlu Pawlu jsemmi din l-għajn l-aktar għolja tat-Trinità, meta jawgura lill-Insara tiegħu: “Il-grazzja ta’ Sidna Ġesù Kristu, l-imħabba ta’ Alla u l-għaqda fl-Ispirtu s-Santu jkunu magħkom ilkoll” (2 Kor 13:13). Dawn il-kelmiet, li aktarx huma eku tal-kult tal-Knisja li kienet għadha titwieled, juru kif id-don b’xejn tal-imħabba tal-Missier f’Ġesù Kristu jitwettaq u jesprimi ruħu fil-komunjoni li jġib l-Ispirtu s-Santu. Din l-interpretazzjoni, imsejsa fuq il-paralleliżmu strett li t-test joħloq bejn it-tliet ġenittivi (“il-grazzja ta’ Sidna Ġesù Kristu… l-imħabba ta’ Alla… u l-għaqda fl-Ispirtu s-Santu”), tippreżentalna l-“komunjoni” bħala don speċifiku tal-Ispirtu, frott tal-imħabba mogħtija minn Alla l-Missier u tal-grazzja offruta mill-Mulej Ġesù.

 

Madankollu, il-kuntest immedjat, ikkaratterizzat mill-insistenza fuq il-komunjoni fraterna, jorjentana biex fil-“koinonía tal-Ispirtu nilmħu mhux biss il-“parteċipazzjoni” fil-ħajja divina kważi b’mod individwali, kulħadd għalih, imma anki b’mod loġiku l-“komunjoni” bejn dawk li jemmnu, li l-Ispirtu nnifsu jqanqal bħala l-ħallieq u l-aġent prinċipali tagħha (ara Fil 2:1). Nistgħu nistqarru li grazzja, imħabba u komunjoni, li hawn huma attribwiti rispettivament lil Kristu, lill-Missier u lill-Ispirtu, huma aspetti differenti tal-azzjoni waħda divina għas-salvazzjoni tagħna, azzjoni li toħloq lill-Knisja u tagħmel mill-Knisja – kif jgħid San Ċiprijanu fit-tielet seklu – “poplu ta’ Alla miġbur flimkien fl-għaqda tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu” (De Orat. Dom., 23: PL 4,536, ikkwotat f’Lumen gentium, 4).

 

L-idea tal-komunjoni bħala sehem fil-ħajja Trinitarja hi mdawla b’intensità partikulari fil-Vanġelu ta’ Ġwanni, fejn il-komunjoni ta’ mħabba li torbot l-Iben mal-Missier u mal-bnedmin hija fl-istess waqt il-mudell u l-għajn tal-komunjoni bejn l-aħwa, li għandha tgħaqqad id-dixxipli bejniethom: “Ħobbu lil xulxin, kif ħabbejtkom jien” (Ġw 15:12; ara 13:34). “Ħa jkunu ħaġa waħda, bħalma aħna ħaġa waħda” (Ġw 17:21,22). Għalhekk, komunjoni tal-bnedmin ma’ Alla Trinità u komunjoni tal-bnedmin bejniethom. Tul il-pellegrinaġġ tiegħu fuq din l-art, id-dixxiplu, permezz tal-komunjoni mal-Iben, jista’ diġà jipparteċipa fil-ħajja divina tiegħu u tal-Missier: “L-għaqda tagħna tkun mal-Missier u ma’ Ibnu Ġesù Kristu” (1 Ġw 1:3). Din il-ħajja ta’ komunjoni ma’ Alla u bejnietna hija l-għan proprju tax-xandir tal-Vanġelu, l-għan tal-konverżjoni għall-Kristjaneżmu: “Qegħdin inxandrulkom dak li aħna rajna u smajna, biex intom tissieħbu magħna, u l-għaqda tagħna tkun mal-Missier u ma’ Ibnu Ġesù Kristu” (1 Ġw 1:2). Għalhekk, din il-komunjoni doppja ma’ Alla u bejnietna hi inseparabbli. Fejn titkisser il-komunjoni ma’ Alla, li hi komunjoni mal-Missier, mal-Iben u mal-Ispirtu s-Santu, jitkissru wkoll l-għeruq u l-għajn tal-komunjoni bejnietna. U fejn ma ngħixux il-komunjoni bejnietna, lanqas il-komunjoni ma’ Alla Trinità ma tibqa’ ħajja u vera, kif smajna.

 

Issa ejja nagħmlu pass ieħor. Il-komunjoni – frott tal-Ispirtu s-Santu – titrejjaq bil-Ħobż Ewkaristiku (ara 1 Kor 10:16-17) u tesprimi ruħha fir-relazzjonijiet fraterni, f’għamla ta’ antiċipazzjoni tad-dinja li għad trid tiġi. Fl-Ewkaristija Ġesù jitmagħna, ixerikna miegħu, mal-Missier, mal-Ispirtu s-Santu u bejnietna, u din ix-xibka ta’ għaqda li tħaddan id-dinja hija antiċipazzjoni, f’dan iż-żmien tagħna, tad-dinja futura. Proprju hekk, billi tkun antiċipazzjoni tad-dinja futura, il-komunjoni ssir don anki b’konsegwenzi reali ħafna, taqlagħna mis-solitudni tagħna, mill-għeluq tagħna fina nfusna, u tagħtina sehem fl-imħabba li tgħaqqadna ma’ Alla u bejnietna. Faċli nifhmu kemm hu kbir dan id-don, jekk sempliċiment naħsbu fit-tifrik u fil-ġlied li qed jifnu r-relazzjonijiet bejn l-individwi, il-gruppi u l-popli sħaħ. U jekk ma jkunx hemm id-don tal-għaqda fl-Ispirtu s-Santu, it-tifrik tal-umanità jkun inevitabbli. Il-“komunjoni” hija tassew l-aħbar it-tajba, ir-rimedju li l-Mulej tana kontra s-solitudni li llum qed thedded lil kulħadd, id-don prezzjuż li jġagħalna nħossuna milqugħin u maħbubin f’Alla, fl-għaqda tal-Poplu tiegħu miġbur f’isem it-Trinità; hija d-dawl li lill-Knisja juriha mdawla bħala sinjal merfugħ fost il-popli: “Jekk ngħidu li aħna mseħbin miegħu imma nimxu fid-dlam, inkunu qegħdin nigdbu u ma nagħmlux il-verità. Iżda jekk nimxu fid-dawl, kif inhu fid-dawl hu stess, aħna nissieħbu flimkien” (1 Ġw 1:6s). U hekk il-Knisja, minkejja d-dgħufijiet umani kollha li jagħmlu parti mill-fiżjonomija storika tagħha, tidher bħala ħlejqa mill-isbaħ ta’ mħabba, magħmula biex lil Kristu tqarrbu lejn kull bniedem li jrid tassew jiltaqa’ miegħu, sal-aħħar taż-żmien. U fil-Knisja l-Mulej jibqa’ dejjem kontemporanju magħna. L-Iskrittura mhijiex ħaġa tal-imgħoddi. Il-Mulej ma jitkellimx fil-passat imma jitkellem fil-preżent, jitkellem magħna llum, idawwalna, jurina t-triq tal-ħajja, jagħtina l-komunjoni u hekk iħejjina u jiftħilna qalbna għas-sliem.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard