Laikos

 

BENEDITTU XVI

UDJENZA ĠENERALI

 

Pjazza San Pietru

L-Erbgħa 26 ta’ April 2006

 

Il-komunjoni fiż-żmien: it-Tradizzjoni

 

Għeżież ħuti,

 

Grazzi tal-imħabba tagħkom! Fis-serje ġdida ta’ katekeżi, li bdejna ftit taż-żmien ilu, qed nippruvaw nifhmu l-pjan oriġinali li kellu l-Mulej għall-Knisja, biex hekk nifhmu aħjar ukoll aħna fejn qegħdin, il-ħajja Nisranija tagħna, fil-komunjoni kbira tal-Knisja. Sa issa fhimna li l-komunjoni ekkleżjali hi mqanqla u mwieżna mill-Ispirtu s-Santu, imħarsa u mseddqa mill-ministeru appostoliku. U din il-komunjoni, li aħna nsejħulha Knisja, ma titwessax biss għal dawk kollha li jemmnu fi żmien partikulari tal-istorja, imma tħaddan ukoll iż-żminijiet u l-ġenerazzjonijiet kollha. Allura għandna hawn universalità doppja: l-universalità sinkronika – aħna magħqudin bħala nies ta’ fidi fil-partijiet kollha tad-dinja – u anki universalità hekk imsejħa dijakronika, jiġifieri: iż-żminijiet kollha huma tagħna, anki dawk in-nies li fl-imgħoddi kienu jemmnu u dawk li fil-futur għad jemmnu, isawru flimkien magħna komunjoni waħda kbira. L-Ispirtu jidher bħala l-garanti tal-preżenza attiva tal-misteru fl-istorja, dak li jiżgura li din titwettaq matul is-sekli. Grazzi għall-Paraklitu l-esperjenza tal-Irxoxt, li għamlet il-komunità appostolika fil-fjur tal-Knisja, tista’ dejjem tingħax mill-ġenerazzjonijiet li jiġu wara, għax hi mgħoddija u mwettqa fil-fidi, fil-qima u fil-komunjoni tal-Poplu ta’ Alla, pellegrin fiż-żmien. U hekk aħna llum, fiż-żmien tal-Għid, qed ngħixu l-laqgħa mal-Irxoxt, mhux biss bħala ħaġa tal-imgħoddi, imma fil-komunjoni preżenti tal-fidi, tal-liturġija, tal-ħajja tal-Knisja. F’din it-trasmissjoni tal-ġid tas-salvazzjoni, li tagħmel mill-komunità Nisranija t-twettiq permanenti, bil-qawwa tal-Ispirtu, tal-komunjoni tal-bidu, tikkonsisti t-Tradizzjoni appostolika tal-Knisja. Din tissejjaħ hekk għax nibtet mix-xhieda tal-Appostli u tal-komunità tad-dixxipli fiż-żminijiet tal-bidu, ġiet mgħoddija taħt id-dawl tal-Ispirtu s-Santu fil-kitbiet tat-Testment il-Ġdid u fil-ħajja sagramentali, fil-ħajja tal-fidi, u lejha – lejn din it-Tradizzjoni, li hi r-realtà kollha dejjem attwali tad-don ta’ Ġesù – il-Knisja kontinwament iddur bħala l-fundament u n-norma tagħha permezz tas-suċċessjoni li ma taqta’ xejn tal-ministeru appostoliku.

 

Ġesù, meta kien għadu fil-ħajja storika tiegħu, illimita l-missjoni tiegħu għad-dar ta’ Iżrael, imma diġà tana x’nifhmu li d-don kien maħsub mhux biss għall-poplu ta’ Iżrael, imma għad-dinja kollha u għaż-żminijiet kollha. Imbagħad l-Irxoxt jafda espliċitament lill-Appostli (ara Lq 6:13) il-ħidma li jagħmlu dixxipli mill-ġnus kollha, biex hekk jiggarantixxu l-preżenza tiegħu u l-għajnuna tiegħu sal-aħħar taż-żminijiet (ara Mt 28:19s). L-universaliżmu tas-salvazzjoni jitlob ukoll li t-tifkira ħajja tal-Għid tiġi ċċelebrata mingħajr waqfien fl-istorja sa ma Kristu jerġa’ jiġi fil-glorja (ara 1 Kor 11:26). Min se jwettaq il-preżenza salvifika tal-Mulej Ġesù permezz tal-ministeru tal-Appostli – kapijiet ta’ Iżrael eskatoloġiku (ara Mt 19:28) – u permezz tal-ħajja kollha tal-poplu tal-Patt il-ġdid? It-tweġiba hi ċara: l-Ispirtu s-Santu. L-Atti tal-Appostli – f’kontinwità mat-tfassil tal-Vanġelu ta’ Luqa – jippreżentaw b’mod ħaj il-mod kif infirxu u daħlu ġo xulxin l-Ispirtu, il-mibgħutin ta’ Kristu u l-komunità miġmugħa minnhom. Grazzi għall-azzjoni tal-Paraklitu, l-Appostli u s-suċċessuri tagħhom jistgħu jwettqu fiż-żmien il-missjoni li rċivew mill-Irxoxt: “Intom xhud ta’ dan. U jiena, araw, nibgħat fuqkom lil dak li wiegħed Missieri…” (Lq 24:48s). “Imma meta jiġi fuqkom l-Ispirtu s-Santu, intom tirċievu l-qawwa, u tkunu xhieda tiegħi f’Ġerusalemm, fil-Lhudija kollha u s-Samarija u sa truf l-art” (Atti 1:8). U din il-wegħda, għall-bidu ma titwemminx, twettqet diġà fi żmien l-Appostli: “U ta’ dan kollu hawn xhieda aħna flimkien mal-Ispirtu s-Santu li Alla ta lil dawk li jobduh” (Atti 5:32).

 

Mela huwa l-istess Spirtu li, bit-tqegħid tal-idejn u t-talb tal-Appostli, jikkonsagra u jibgħat lill-missjunarji ġodda tal-Vanġelu (hekk, ngħidu aħna, f’Atti 13:3s u 1 Tim 4:14). Interessanti nosservaw li, waqt li f’xi siltiet jingħad li Pawlu jagħżel il-presbiteri għall-Knejjes (ara Atti 14:23), band’oħra jingħad li huwa l-Ispirtu li jagħżel ir-ragħajja tal-merħla (ara Atti 20:28). Għalhekk l-azzjoni tal-Ispirtu u dik ta’ Pawlu jidher li huma għalkollox imdaħħla f’xulxin. Fis-siegħa tad-deċiżjonijiet solenni għall-ħajja tal-Knisja, l-Ispirtu hu preżenti biex imexxiha. Din il-preżenza-gwida tal-Ispirtu s-Santu tinħass partikularment fil-Konċilju ta’ Ġerusalemm, li fil-kliem tal-għeluq tiegħu tidwi l-istqarrija: “Għax lill-Ispirtu s-Santu u lilna dehrilna…” (Atti 15:28); il-Knisja tikber u timxi ’l quddiem “bil-biża’ tal-Mulej, u tiżdied fl-għadd bl-għajnuna tal-Ispirtu s-Santu” (Atti 9:31). Dan it-twettiq permanenti tal-preżenza attiva tal-Mulej Ġesù fil-poplu tiegħu, imwettqa mill-Ispirtu s-Santu u espressa fil-Knisja permezz tal-ministeru appostoliku u l-komunjoni fraterna, huwa dak li f’sens teoloġiku nifhmu bit-terminu Tradizzjoni: din mhijiex is-sempliċi trasmissjoni materjali ta’ dak li fil-bidu ġie mogħti lill-Appostli, imma l-preżenza effikaċi tal-Mulej Ġesù, mislub u rxoxt, li ssieħeb u tmexxi fl-Ispirtu lill-komunità miġmugħa minnu.

 

It-Tradizzjoni hija l-komunjoni tal-fidili madwar ir-Ragħajja leġittimi matul l-istorja, komunjoni li l-Ispirtu s-Santu jseddaq billi jiżgura r-rabta bejn l-esperjenza tal-fidi appostolika, li għexet il-komunità tad-dixxipli tal-bidu, u l-esperjenza attwali ta’ Kristu fil-Knisja tiegħu. Fi kliem ieħor, it-Tradizzjoni hija l-kontinwità organika tal-Knisja, Tempju qaddis ta’ Alla l-Missier, mibni fuq il-pedamenti tal-Appostli u li jżomm sħiħ fuq il-ġebla tax-xewka, Kristu, permezz tal-ħidma tal-Ispirtu li jagħtih il-ħajja: “Għalhekk ma għadkomx aktar barranin u frustieri, imma intom ċittadini flimkien mal-qaddisin u nies tad-dar ta’ Alla, mibnija lkoll fuq is-sisien tal-appostli u tal-profeti, fejn Kristu hu l-ġebla tax-xewka. Fih il-bini kollu jintrabat sewwa, jitla’ f’tempju qaddis fil-Mulej; fih, intom ukoll fl-Ispirtu, tinbnew flimkien f’dar fejn jgħammar Alla” (Efes 2:19-22). Grazzi għat-Tradizzjoni, iggarantita mill-ministeru tal-Appostli u tas-suċċessuri tagħhom, l-ilma tal-ħajja li nixxa mill-kustat ta’ Kristu u d-demm tiegħu li jagħti s-saħħa jilħqu lill-bnedmin ta’ kull żmien. Hekk, it-Tradizzjoni hija l-preżenza permanenti tal-Feddej li jiġi jiltaqa’ magħna, jifdina u jqaddisna fl-Ispirtu permezz tal-ministeru tal-Knisja tiegħu, għall-glorja tal-Missier.

 

Biex nagħlqu u nerġgħu niġbru kollox, nistgħu għalhekk ngħidu li t-Tradizzjoni mhijiex trasmissjoni ta’ oġġetti jew ta’ kliem, ġabra ta’ ħwejjeġ mejta. It-Tradizzjoni hi x-xmara ħajja li tgħaqqadna mal-bidu, ix-xmara ħajja li fiha l-bidu dejjem hu preżenti. Ix-xmara kbira li twassalna għall-port tal-eternità. U ladarba hu hekk, f’din ix-xmara ħajja titwettaq dejjem mill-ġdid il-kelma tal-Mulej, li smajna fil-bidu minn fuq fomm il-lettur: “U ara, jiena magħkom dejjem, sal-aħħar taż-żmien” (Mt 28:20).

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard