Laikos

 

    -    Aktar dwar l-Appostli minn Benedittu XVI

BENEDITTU XVI

UDJENZA ĠENERALI

Pjazza San Pietru

L-Erbgħa 25 ta’ Ottubru 2006

 

Pawlu ta’ Tarsu

 

Għeżież ħuti,

 

Għalaqna r-riflessjonijiet tagħna fuq it-Tnax-il Appostlu msejħa direttament minn Ġesù tul il-ħajja tiegħu fuq din l-art. Illum nibdew nersqu eqreb lejn il-figuri ta’ persunaġġi oħra importanti tal-Knisja bikrija. Huma wkoll taw ħajjithom għall-Mulej, għall-Vanġelu u għall-Knisja. Dawn huma rġiel u anki nisa li, kif jikteb Luqa fil-Ktieb tal-Atti, “iddedikaw ħajjithom għall-isem ta’ Sidna Ġesù Kristu” (15:26).

 

L-ewwel fost dawn, imsejjaħ mill-Mulej innifsu, mill-Irxoxt, biex ikun huwa wkoll veru Appostlu, hu bla dubju ta’ xejn Pawlu ta’ Tarsu. Hu jibbrilla bħal kewkba ta’ kobor ewlieni fl-istorja tal-Knisja, u mhux biss f’dik tal-bidu. San Ġwann Kriżostmu jweġġħu bħala persunaġġ ogħla saħansitra minn ħafna anġli u arkanġli (ara Paneġierku 7,3). Dante Alighieri fid-Divina Commedia, imnebbaħ mir-rakkont ta’ Luqa fl-Atti (ara 9:15), sempliċement isejjaħlu “agħmar il-Ħtara” (Inf. 2,28), li tfisser: għodda magħżula minn Alla. Oħrajn sejħulu t-“tlettax-il Appostlu” – u tabilħaqq hu jisħaq ħafna li hu veru Appostlu, għax ġie msejjaħ mill-Irxoxt –, jew saħansitra “l-ewwel wara l-Waħdieni”. Bla dubju, wara Ġesù, huwa l-iktar persunaġġ mis-snin bikrin li għandna tagħrif fuqu. Fil-fatt, mhux biss għandna r-rakkont li jagħti Luqa fl-Atti tal-Appostli, imma wkoll grupp ta’ Ittri li ħarġu direttament minn idejh u li mingħajr intermedjarji jikxfulna l-personalità u l-ħsieb tiegħu. Luqa jgħarrafna li l-isem oriġinali tiegħu kien Sawlu (ara Atti 7:58; 8:1 eċċ.), anzi bil-Lhudi Sawl (ara Atti 9:14,17; 22:7,13; 26:14), bħas-sultan Sawl (ara Atti 13:21), u kien Lhudi tad-djaspora, billi l-belt ta’ Tarsu kienet tinsab bejn l-Anatolja u s-Sirja. Ma damx ma mar Ġerusalemm biex jistudja fil-fond il-Liġi ta’ Mosè f’riġlejn il-kbir Rabbi Gamaljel (ara Atti 22:3). Kien tgħallem ukoll sengħa komuni tal-idejn, il-ħjata tat-tined (ara Atti 18:3), li aktar tard servietu biex seta’ jkollu biex jgħix mingħajr ma jkun ta’ piż fuq il-Knejjes (ara Atti 20:34; 1 Kor 4:12; 2 Kor 12:13-14).

 

Għalih kien deċiżiv il-mument li fih sar jaf bil-komunità ta’ dawk li kienu jistqarru li huma dixxipli ta’ Ġesù. Mingħandhom sar jaf bi twemmin ġdid, – “triq” ġdida, kif kien jingħad – li fiċ-ċentru tiegħu kien iqiegħed mhux tant il-Liġi ta’ Alla, daqskemm il-persuna ta’ Ġesù, imsallab u rxoxt, li miegħu issa kienu qed jorbtu l-maħfra tad-dnubiet. Bħala Lhudi mħeġġeġ, għalih dan il-messaġġ ma kienx aċċettabbli, anzi kien skandaluż, u għalhekk ħassu fid-dmir li jippersegwita lid-dixxipli ta’ Kristu anki barra minn Ġerusalemm. Kien sewwasew fit-triq ta’ Damasku, fil-bidu tas-snin tletin, li Sawl, fi kliemu stess, ġie “maħtuf minn Kristu” (Fil 3:12). Waqt li Luqa jirrakkonta l-fatt b’ħafna dettalji, – fuq kif id-dawl tal-Irxoxt mess u bidel mill-qiegħ il-ħajja kollha tiegħu – hu fl-Ittri tiegħu imur dritt għall-essenzjal u ma jitkellimx fuq viżjoni biss (ara 1 Kor 9:1), imma fuq dija ta’ dawl (ara 2 Kor 4:6) u fuq kollox fuq rivelazzjoni u sejħa fil-laqgħa tiegħu mal-Irxoxt (ara Gal 1:15-16). Fil-fatt, jgħid espliċitament li hu ġie “msejjaħ biex ikun appostlu” (ara Rum 1:1; 1 Kor 1:1) jew “appostlu bir-rieda ta’ Alla” (2 Kor 1:1; Efes 1:1; Kol 1:1), bħallikieku biex jisħaq li l-konverżjoni tiegħu ma kinitx xi riżultat ta’ żvilupp ta’ ħsieb, ta’ riflessjoni, imma l-frott ta’ intervent divin, ta’ grazzja divina imprevedibbli. Minn dakinhar ’il quddiem, dak kollu li qabel kien għalih ta’ valur sar, paradossalment, fi kliemu stess, telf u knis (ara Fil 3:7-10). U minn dak il-waqt l-enerġiji kollha tiegħu poġġiehom għall-qadi esklussiv ta’ Ġesù Kristu u tal-Vanġelu tiegħu. Issa l-ħajja tiegħu kienet dik ta’ Appostlu mixtieq li “jsir kollox għal kulħadd” (1 Kor 9:22) mingħajr ebda riservi.

 

Minn hawn nistgħu nisiltu lezzjoni importanti ħafna: dak li jiswa hu li nqiegħdu fiċ-ċentru ta’ ħajjitna lil Ġesù Kristu, biex l-identità tagħna tkun immarkata essenzjalment mil-laqgħa, mill-komunjoni ma’ Kristu u mal-Kelma tiegħu. Fid-dawl tiegħu kull valur ieħor ma jintilifx imma jitnaddaf minn kull ħmieġ li seta’ nġema’. Lezzjoni oħra fundamentali li joffrilna Pawlu hi n-nifs universali li jikkaratterizza l-appostolat tiegħu. Meta ħass li kienet qawwija l-problema tal-aċċess tal-Ġentili, jiġifieri tal-pagani, għal Alla, li f’Ġesù Kristu msallab u rxoxt joffri s-salvazzjoni lill-bnedmin kollha bla eċċezzjoni, inxteħet b’ruħu u ġismu biex iħabbar dan il-Vanġelu, litteralment “aħbar tajba”, jiġifieri bxara ta’ grazzja ddestinata biex tħabbeb lill-bniedem ma’ Alla, miegħu nnifsu u mal-oħrajn. Sa mill-ewwel mument hu kien fehem li din hija realtà li ma kinitx tmiss biss lil-Lhud jew ċertu grupp ta’ nies, imma li kellha valur universali u kienet għal kulħadd, għax Alla hu Alla ta’ kulħadd. Il-punt tat-tluq għall-vjaġġi tiegħu kienet il-Knisja ta’ Antjokja tas-Sirja, fejn għall-ewwel darba l-Vanġelu ġie mxandar lill-Griegi u fejn ġie msawwar ukoll l-isem “Kristjani” (ara Atti 11:20,26), jiġifieri ta’ dawk li jemmnu fi Kristu. Minn hemm hu mmira l-ewwel għal Ċipru u mbagħad iktar minn darba għar-reġjuni tal-Asja Minuri (il-Pisidja, Ikonju, il-Galazja), imbagħad għal dawk tal-Ewropa (il-Maċedonja, il-Greċja). Iktar rilevanti kienu l-ibliet ta’ Efesu, Filippi, it-Tessalonika, Korintu, imma mingħajr ma nesa l-Berija, Ateni u Miletu.

 

Fl-appostolat ta’ Pawlu ma kellhomx jonqsu d-diffikultajiet, li hu affronta bil-kuraġġ għall-imħabba ta’ Kristu. Hu stess ifakkar kif aġixxa “fit-taħbit… fil-ħabsijiet… fis-swat… bosta drabi wiċċ imb wiċċ mal-mewt…: tliet darbiet tawni s-swat bil-virgi; darb’oħra ħaġġruni. Tliet darbiet rajt l-għarqa…; għamilt safar bla għadd; sibt ruħi f’perikli ta’ xmajjar, perikli mill-ħallelin, perikli min-nies ta’ ġensi, perikli mill-pagani, perikli fl-ibliet, perikli fid-deżert, perikli fil-baħar, perikli mill-aħwa qarrieqa. Taħbit u xogħol iebes; kemm-il darba kelli ngħaddi sahriet bla rqad, bil-ġuħ u bil-għatx; kemm-il darba kelli ngħaddi fis-sawm, fil-ksieħ u fl-għera! U, biex ma nsemmix ħwejjeġ oħra, dak il-ħafna ġej u sejjer tan-nies ta’ kuljum għandi, u l-ħsieb tal-knejjes kollha!” (2 Kor 11:23-28). Minn silta tal-Ittra lir-Rumani (ara 15:24,28) toħroġ il-fehma tiegħu li jasal anki sa Spanja, fit-tarf nett tad-dinja tal-Punent, biex iħabbar il-Vanġelu kullimkien, sat-trufijiet tal-art magħrufa f’dak iż-żmien. Kif tista’ ma tammirahx bniedem hekk? Kif ma rroddux ħajr lill-Mulej li tana Appostlu ta’ din l-istatura? Huwa ċar li ma kienx se jkun possibbli għalih jaffronta sitwazzjonijiet hekk ibsin u xi drabi ta’ qtigħ il-qalb, kieku ma kellux raġuni ta’ valur assolut, li quddiemha seta’ jħoss li xejn ma seta’ jillimitah jew iċedih. Għal Pawlu, din ir-raġuni, nafu, hi Ġesù Kristu, li dwaru jikteb: “L-imħabba ta’ Kristu ġġegħelna… biex dawk li jgħixu ma jgħixux għalihom infushom, imma għal dak li miet u rxoxta għalihom” (2 Kor 5:14-15), għalina, għal kulħadd.

 

Fil-fatt, l-Appostlu kellu jagħti l-ogħla xhieda tad-demm taħt l-Imperatur Neruni hawn f’Ruma, fejn għandna miżmuma u meqjuma l-fdalijiet ta’ ġismu. Hekk kiteb dwaru Klement ta’ Ruma, predeċessur tiegħi f’din is-Sede Appostolika fl-aħħar snin tas-seklu wieħed: “Minħabba l-għira u t-tilwim Pawlu kellu jurina kif tikseb il-premju tas-sabar… Wara li pprietka l-ġustizzja lid-dinja kollha, u wara li wasal sat-trufijiet l-aktar imbiegħda tal-Punent, ġarrab il-martirju quddiem il-mexxejja; hekk ħalla din l-art u wasal fl-imkien qaddis, u b’dan sar l-ogħla xempju ta’ perseveranza” (Lill-Korintin 5). Il-Mulej jgħinna nqiegħdu fil-prattika l-eżortazzjoni li ħallielna l-Appostlu fl-Ittri tiegħu: “Ixbhu lili bħalma jien nixbah lil Kristu” (1 Kor 11:1).

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard