Laikos

 

    -    Aktar dwar l-Appostli minn Benedittu XVI

BENEDITTU XVI

UDJENZA ĠENERALI

Awla Pawlu VI

L-Erbgħa 23 ta’ Awwissu 2006

 

Ġwanni, il-veġġent ta’ Patmos

 

Għeżież ħuti,

 

Fl-aħħar katekeżi konna bdejna nimmeditaw il-figura tal-Appostlu Ġwanni. Konna fittixna sa minn qabel li naraw kemm nistgħu nkunu nafu fuq ħajtu. Imbagħad, fit-tieni katekeżi, konna mmeditajna l-kontenut ċentrali tal-Vanġelu tiegħu, tal-Ittri tiegħu: il-karità, l-imħabba. U llum ukoll għadna ffukati fuq il-figura ta’ Ġwanni, din id-darba biex nikkunsidraw il-Veġġent tal-Apokalissi. U nagħmlu dritt osservazzjoni: filwaqt li la r-Raba’ Vanġelu u lanqas l-Ittri attribwiti lill-Appostlu ma jġibu qatt ismu, l-Apokalissi erba’ darbiet jagħmel riferiment għal isem Ġwanni (ara 1:1,4,9; 22:8). Huwa ċar li l-Awtur, minn banda, ma kellu ebda raġuni biex jaħbi ismu u, mill-oħra, kien jaf li l-ewwel qarrejja tiegħu setgħu jidentifikawh bi preċiżjoni. Barra minn hekk nafu li, diġà sa mit-tielet seklu, l-istudjużi kienu jiddibattu fuq il-vera identità anagrafika ta’ Ġwanni tal-Apokalissi. Bir-raġun kollu nistgħu anki nsejħulu “l-Veġġent ta’ Patmos”, għax il-figura tiegħu hi marbuta mal-isem ta’ din il-gżira fil-Baħar Eġew, fejn, skont l-istess xhieda awtobijografika tiegħu, hu sab ruħu meħud “minħabba l-Kelma ta’ Alla u x-xhieda ta’ Ġesù” (Apok 1:9). Proprju f’Patmos, “merfugħ fl-Ispirtu f’jum il-Mulej” (Apok 1:10), Ġwanni kellu viżjonijiet grandjużi u sema’ messaġġi straordinarji, li ħallew effett mhux żgħir fuq l-istorja tal-Knisja u fuq il-kultura Nisranija kollha. Ngħidu aħna, mit-titlu tal-ktieb tiegħu – Apokalissi, Rivelazzjoni – daħlu fil-lingwaġġ tagħna l-kelmiet “apokalissi, apokalittiku”, li jevokaw, anki jekk mhux b’mod tajjeb, l-idea ta’ katastrofi imminenti.

 

Il-ktieb nifhmuh fl-isfond tal-esperjenza drammatika tas-seba’ Knejjes tal-Asja (Efesu, Żmirna, Pergamu, Tjatira, Sardi, Filadelfja, Laodiċea), li f’tarf l-ewwel seklu kellhom iħabbtu wiċċhom ma’ diffikultajiet mhux żgħar – persekuzzjonijiet u tensjonijiet anki interni – fix-xhieda tagħhom għal Kristu. Lilhom jindirizza Ġwanni b’sensibbiltà pastorali kbira għall-Insara ppersegwitati, li hu jożortahom biex jibqgħu sħaħ fil-fidi u ma jidentifikawx ruħhom mad-dinja pagana, hekk b’saħħitha. L-oġġett tiegħu huwa bla dubju li, ibda mill-mewt u l-qawmien ta’ Kristu, jikxef it-tifsira tal-istorja umana. Fil-fatt, l-ewwel viżjoni fundamentali ta’ Ġwanni hi tal-figura tal-Ħaruf, li hu maqtul imma jidher wieqaf fuq riġlejh (ara Apok 5:6), f’nofs it-tron fejn diġà hemm bilqiegħda Alla nnifsu. B’dan, Ġwanni qabelxejn irid jgħidilna żewġ affarijiet: l-ewwel li Ġesù, imqar jekk maqtul b’att ta’ vjolenza, flok jaqa’ mal-art, paradossalment jinsab wieqaf sod fuq riġlejh, għax bil-qawmien tiegħu hu rebaħ darba għal dejjem fuq il-mewt; il-ħaġa l-oħra hi li l-istess Ġesù, għax miet u rxoxta, issa għandu sehem sħiħ fis-setgħa regali u salvifika tal-Missier. Din hi l-viżjoni fundamentali. Ġesù, l-Iben ta’ Alla, f’din l-art hu l-Ħaruf innoċenti, midrub, maqtul. Madankollu hu jinsab wieqaf, fuq riġlejh, quddiem it-tron ta’ Alla u għandu sehem fil-qawwa divina. Hu għandu f’idejh l-istorja tad-dinja. U hekk il-Veġġent irid jgħidilna: afdaw f’Ġesù, la tibżgħux mill-qawwiet li jeħduha kontrikom, mill-persekuzzjonijiet! Il-Ħaruf mirġuħ u maqtul issa hu rebbieħ! Imxu wara Ġesù l-Ħaruf, intelqu f’idejn Ġesù, idħlu fit-triq tiegħu! Imqar jekk f’din id-dinja hu biss Ħaruf li jidher dgħajjef, imma hu r-rebbieħ!

 

Waħda mill-viżjonijiet ewlenin tal-Apokalissi għandha bħala oġġett tagħha lil dan il-Ħaruf qed jiftaħ ktieb, li qabel kien magħluq b’seba’ siġilli li ħadd ma kellu l-ħila jiftaħ. Ġwanni saħansitra hu ppreżentat qed jibki, għax ma nstab ħadd denn li jiftaħ il-ktieb u jaqra minnu (ara Apok 5:4). L-istorja nibqgħu ma nifhmuhiex għalkollox. Ħadd ma jista’ jaqraha. Forsi dan l-ilfiq ta’ Ġwanni quddiem il-misteru tal-istorja hekk mudlama jesprimi l-fixla li kienu fiha l-Knejjes tal-Asja minħabba s-skiet ta’ Alla quddiem il-persekuzzjonijiet li għalihom kienu esposti f’dak iż-żmien. Hi fixla li fiha jista’ jidher rifless ħafna t-taħwid fil-moħħ tagħna quddiem id-diffikultajiet serji, l-inkomprensjonijiet u l-ostilità kbira li mqar illum il-Knisja qed iġġarrab f’diversi partijiet tad-dinja. Huma tbatijiet li l-Knisja żgur ma jistħoqqilhiex, l-istess kif Ġesù nnifsu ma stħaqqlux jgħaddi mis-sagrifiċċju li ġarrab. Imma dawn juru kemm il-kefrija tal-bniedem, meta jħalli l-ħażen jagħmih, u kemm id-direzzjoni ogħla li jagħti Alla lill-ġrajjiet tagħna. Għalhekk, il-Ħaruf maqtul biss jista’ jiftaħ is-siġilli tal-ktieb u juri x’hemm fih, jagħti sens lil din l-istorja li minn barra spiss tidher assurda. Hu biss jista’ jislet minnha indikazzjonijiet u tagħlim għall-ħajja tal-Insara, li għalihom ir-rebħa tiegħu fuq il-mewt fiha l-aħbar u l-garanzija tar-rebħa li huma wkoll bla dubju għad jiksbu. Huwa dan il-faraġ li jipprova joffri l-lingwaġġ kollu mimli immaġinazzjoni qawwija li jinqeda bih Ġwanni.

 

Fil-qalba tal-viżjonijiet li jagħtina l-Apokalissi hemm ukoll dawk sinifikattivi ħafna tal-Mara li tiled Iben, u dik kumplimentari tad-Dragun imwaddab mis-sema, imma li xorta għad għandu saħħa kbira. Din il-Mara tirrappreżenta lil Marija, Omm il-Feddej, imma fl-istess waqt tirrappreżenta lill-Knisja kollha, il-Poplu ta’ Alla ta’ kull żmien, il-Knisja li fiż-żminijiet kollha, b’uġigħ kbir, tiled lil Kristu dejjem mill-ġdid. U hi dejjem mhedda mill-qawwa tad-Dragun. Tidher bla għandha ħadd min jiddefendiha, dgħajfa. Imma filwaqt li hi mhedda, ippersegwitata mid-Dragun, hi wkoll imħarsa mill-faraġ ta’ Alla. U din il-Mara fl-aħħar toħroġ rebbieħa. Id-Dragun ma jirbaħx. Araw il-profezija kbira ta’ dan il-ktieb, li timliena bit-tama! Il-Mara li tbati fl-istorja, il-Knisja li hi ppersegwitata fl-aħħar tidher bħala l-Għarusa kollha ġmiel, figura ta’ Ġerusalemm il-ġdida fejn ma għadx hemm iżjed dmugħ u lanqas biki, xbieha tad-dinja mibdula, tad-dinja ġdida li d-dawl tagħha hu Alla nnifsu, li l-musbieħ tagħha hu l-Ħaruf.

 

Għal din ir-raġuni l-Apokalissi ta’ Ġwanni, imqar jekk miżgħud b’riferimenti kontinwi għal tbatijiet, tiġrib u biki – il-wiċċ mudlam tal-istorja –, daqshekk ieħor hu spiss mimli b’għanjiet ta’ tifħir, li jirrappreżentaw kważi l-wiċċ imdawwal tal-istorja. Hekk, ngħidu aħna, naqraw dwar kotra bla tarf ta’ nies, li tgħanni kważi tgħajjat: “Hallelujah! Għax ħa s-saltna l-Mulej, Alla tagħna li jista’ kollox. Nifirħu u nithennew u nagħtuh glorja, għax wasal it-tieġ tal-Ħaruf, u l-Għarusa tiegħu ħejjiet ruħha” (Apok 19:6-7). Ninsabu hawn quddiem il-paradoss tipiku Nisrani, li t-tbatija qatt ma jaraha bħala l-aħħar kelma, imma bħala punt ta’ passaġġ lejn l-hena, anzi, hi stess hi diġà misterjożament mgħaddsa fil-ferħ li joħroġ mit-tama. Proprju għalhekk Ġwanni, il-Veġġent ta’ Patmos, jista’ jagħlaq il-ktieb tiegħu b’xewqa aħħarija, mimlija bi stennija anzjuża. Hu jitlob li sseħħ il-miġja definittiva tal-Mulej: “Ejja, Mulej Ġesù!” (Apok 22:20). Hi waħda mit-talbiet ċentrali tal-Knisja tal-bidu, miġjuba wkoll  minn San Pawl fil-forma Aramajka: Marana tha. U din it-talba: “Mulej tagħna, ejja” (1 Kor 16:22) għandha bosta dimensjonijiet. Naturalment hi qabelxejn stennija tar-rebħa definittiva tal-Mulej, ta’ Ġerusalemm il-ġdida, tal-Mulej li jiġi biex jibdel id-dinja. Imma, fl-istess waqt, hi wkoll talba Ewkaristika: “Ejja issa, Ġesù!”. U Ġesù jiġi, jantiċipa din il-wasla definittiva tiegħu. Hekk bil-ferħ ngħidu fl-istess ħin: “Ejja issa u ejja darba għal dejjem!”. Din it-talba għandha wkoll it-tielet tifsira: “Diġà ġejt, Mulej! Aħna żguri mill-preżenza tiegħek fostna. Hija esperjenza li thennina. Imma ejja darba għal dejjem!”. U hekk, ma’ San Pawl, mal-Veġġent ta’ Patmos, mal-Insara tal-bidu, nitolbu aħna wkoll: “Ejja, Ġesù! Ejja u ibdel lil din id-dinja! Ejja diġà mil-lum ħa jirbaħ is-sliem!”. Amen!

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard