Laikos

 

    -    Aktar dwar l-Appostli minn Benedittu XVI

BENEDITTU XVI

UDJENZA ĠENERALI

Pjazza San Pietru

L-Erbgħa 14 ta’ Ġunju 2006

 

Indrì, il-Protoklitu

 

Għeżież ħuti,

 

Fl-aħħar żewġ katekeżijiet tkellimna fuq il-figura ta’ San Pietru. Issa rridu, sakemm jippermettulna l-fonti, insiru nafu ftit iżjed mill-qrib ukoll lill-ħdax-il Appostlu l-ieħor. Għalhekk illum se nitkellmu fuq ħu Xmun Pietru, Sant’Indrija, huwa wkoll wieħed mit-Tnax. L-ewwel karatteristika li tolqotna f’Indrì huwa ismu: mhuwiex Lhudi, kif wieħed kien jistenna, imma Grieg, sinjal li mhux ta’ min jittraskurah ta’ ċertu ftuħ kulturali tal-familja tiegħu. Qegħdin fil-Galilija, fejn il-lingwa u l-kultura Griega huma pjuttost preżenti. Fil-listi tat-Tnax, Indrì jokkupa t-tieni post, bħalma nsibu f’Mattew (10:1-4) u f’Luqa (6:13-16), jew inkella r-raba’ post bħal f’Mark (3:13-18) u fl-Atti (1:13-14). Hu x’inhu, hu żgur kien igawdi prestiġju kbir fi ħdan l-ewwel komunitajiet Insara.

 

Ir-rabta tad-demm bejn Pietru u Indrì, kif ukoll is-sejħa komuni li għamlilhom Ġesù, joħorġu b’mod ċar fil-Vanġeli. Hawn naqraw: “Huwa u jdur ma’ xatt il-baħar tal-Galilija lemaħ żewġt aħwa, Xmun jgħidulu Pietru, u ħuh Indrì, qegħdin jixħtu x-xbiek fil-baħar, għax kienu sajjieda. U qalilhom: ‘Ejjew warajja, u nagħmilkom sajjieda tal-bnedmin’” (Mt 4:18-19; Mk 1:16-17). Mir-Raba’ Vanġelu għandna dettall ieħor importanti: qabel, Indrì kien dixxiplu ta’ Ġwanni l-Battista; u dan jurina li kien bniedem li kien qed ifittex, li kellu l-istess tama ta’ Iżrael, li ried jaf iżjed mill-qrib il-kelma tal-Mulej, ir-realtà tal-Mulej preżenti. Kien tassew bniedem ta’ fidi u ta’ tama; u lil Ġwanni l-Battista darba semgħu jxandar lil Ġesù bħala “l-ħaruf ta’ Alla” (Ġw 1:36); f’dak il-ħin hu tħarrek u, flimkien ma’ dixxiplu ieħor li ma jissemmiex b’ismu, mar wara Ġesù, Dak li Ġwanni kien sejjaħlu “ħaruf ta’ Alla”. L-evanġelista jgħidilna: huma “raw fejn kien joqgħod, u dakinhar baqgħu miegħu” (Ġw 1:37-39). Indrì hawn gawda mumenti prezzjużi ta’ intimità ma’ Ġesù. Ir-rakkont ikompli b’nota sinifikattiva: “Wieħed mit-tnejn li semgħu x’kien qal Ġwanni u marru wara Ġesù kien Indrì, ħu Xmun Pietru. L-ewwel ma għamel mar isib lil ħuh Xmun, u qallu: ‘Sibna l-Messija’ – li tfisser Kristu. U ħadu għand Ġesù” (Ġw 1:40-43), u hekk wera minnufih spirtu appostoliku xejn komuni. Għalhekk, Indrì kien l-ewwel mill-Appostli li ġie msejjaħ biex jimxi wara Ġesù. Proprju fuq din il-bażi l-liturġija tal-Knisja Biżantina tagħtih ġieħ bit-titlu ta’ Protóklitos, li jfisser appuntu “l-ewwel imsejjaħ”. U hi ħaġa ċerta li anki minħabba r-relazzjoni fraterna bejn Pietru u Indrì l-Knisja ta’ Ruma u l-Knisja ta’ Kostantinopli jħossuhom bejniethom b’mod speċjali Knejjes aħwa. Biex jagħfas fuq din ir-relazzjoni, il-predeċessur tiegħi Papa Pawlu VI, fl-1964, radd lura r-relikwa insinji ta’ Sant’Indrija, li sa dakinhar kienet miżmuma fil-Bażilika tal-Vatikan, lill-Isqof Metropolita Ortodoss tal-belt ta’ Patras fil-Greċja, fejn skont it-tradizzjoni ġie msallab l-Appostlu.

 

It-tradizzjonijiet tal-Vanġelu jfakkru b’mod partikulari isem Indrì fi tliet okkażjonijiet oħra li jlaqqgħuna ftit iktar mill-qrib ma’ dan ir-raġel. L-ewwel waħda hi dik tat-tkattir tal-ħobż fil-Galilija. F’dak il-waqt, kien Indrì li ġibed l-attenzjoni ta’ Ġesù għall-preżenza ta’ tfajjel li kellu fuqu ħames ħobżiet tax-xgħir u żewġ ħutiet: veru ftit – innota hu – għal dawk in-nies kollha li kienu miġbura f’dak il-post (ara Ġw 6:8-9). F’dan il-każ, jixraq li nisħqu fuq ir-realiżmu ta’ Indrì: hu nnota lit-tfajjel – allura kien diġà għamel il-mistoqsija: “Imma dawn x’inhuma għal daqshekk nies?” (ibid.) – u ntebaħ li l-ftit riżorsi tiegħu ma kinux biżżejjed. Imma għal Ġesù kienu biżżejjed biex jissodisfaw il-kotra ta’ persuni li ġew biex jisimgħuh. It-tieni okkażjoni kienet f’Ġerusalemm. Huma u ħerġin mill-belt, wieħed mid-dixxipli ġibed l-attenzjoni ta’ Ġesù għall-kobor tal-ħitan imponenti li fuqhom kien wieqaf it-Tempju. It-tweġiba tal-Imgħallem ħalliethom bla kliem: qal li ma kinitx sa tibqa’ ġebla fuq oħra minn dawk il-ħitan. U hemm Indrì, flimkien ma’ Pietru, Ġakbu u Ġwanni, staqsieh: “Għidilna dan meta għad jiġri u x’se jkun is-sinjal li dan kollu jkun wasal!” (Mk 13:1-4). Biex iweġibhom għal din il-mistoqsija Ġesù lissen diskors importanti fuq il-qerda ta’ Ġerusalemm u fuq it-tmiem tad-dinja, u stieden lid-dixxipli tiegħu jaqraw bir-reqqa u l-għaqal is-sinjali taż-żmien u jishru dejjem. Minn din il-ġrajja nistgħu nifhmu li ma għandniex nibżgħu nagħmlu mistoqsijiet lil Ġesù, imma fl-istess waqt irridu nkunu dejjem pronti biex nilqgħu t-tagħlim, anki sorpredenti u iebes, li hu joffrilna.

 

Fl-aħħar nett, fil-Vanġeli nsibu t-tielet inizjattiva ta’ Indrì. Ix-xenarju hu mill-ġdid Ġerusalemm, ftit qabel il-Passjoni. Għall-festa tal-Għid – jirrakkonta Ġwanni – kienu ġew fil-Belt il-qaddisa anki xi Griegi, aktarx proseliti jew nies li jibżgħu minn Alla, biex iqimu lil Alla ta’ Iżrael fil-festa l-Għid. Indrì u Filippu, iż-żewġ Appostli b’ismijiet Griegi, jagħmluha ta’ inerpreti jew medjaturi ta’ dan il-grupp ċkejken ta’ Griegi quddiem Ġesù. It-tweġiba tal-Mulej għall-mistoqsija tagħhom tidher – kif spiss naraw fil-Vanġelu ta’ Ġwanni – enigmatika, imma proprju b’dan il-mod tidher għanja fit-tifsira tagħna. Ġesù jgħid liż-żewġ dixxipli u, permezz tagħhom, lid-dinja Griega: “Waslet is-siegħa li fiha Bin il-bniedem ikun igglorifikat. Tassew tassew ngħidilkom, jekk il-ħabba tal-qamħ ma taqax fl-art u tmut, hi tibqa’ weħidha; imma jekk tmut, tagħmel ħafna frott” (12:23-24). Xi jfissru dawn il-kelmiet f’dan il-kuntest? Ġesù jrid jgħid: Iva, il-laqgħa bejni u bejn il-Griegi se sseħħ, imma mhux bħala sempliċi kollokju qasir bejni u xi persuni, imqanqlin fuq kollox mill-kurżità. Bil-mewt tiegħi, li tixbah il-ħabba tal-qamħ li taqa’ fl-art, tasal is-siegħa tal-glorifikazzjoni tiegħi. Mill-mewt tiegħi fuq is-salib joħroġ frott kbir: il-“ħabba mejta tal-qamħ” – simbolu tiegħi mislub – issir fil-qawmien ħobż tal-ħajja għad-dinja; tkun dawl għall-popli u l-kulturi. Iva, il-laqgħa mar-ruħ Griega, mad-dinja Griega, isseħħ b’din il-profondità li għaliha talludi l-ġrajja tal-ħabba tal-qamħ li tiġbed lejha l-forzi tal-art u tas-sema u ssir ħobż. Fi kliem ieħor, Ġesù qed iħabbar il-Knisja tal-Griegi, il-Knisja tad-dinja bħala frott tal-Għid tiegħu.

 

Tradizzjonijiet tassew qodma jilmħu f’Indrì, li għadda lill-Griegi din il-kelma, mhux biss l-interpretu ta’ xi Griegi fil-laqgħa tagħhom ma’ Ġesù li għadna kemm semmejna, imma jqisuh bħala appostlu tal-Griegi fis-snin wara Għid il-Ħamsin; jgħidulna li fil-bqija ta’ ħajtu hu kien ħabbar u interpretu ta’ Ġesù għad-dinja Griega. Ħuh Pietru minn Ġerusalemm jgħaddi Antjokja biex imur Ruma ħalli hemm iħaddem il-missjoni universali tiegħu; waqt li Indrì sar l-appostlu tad-dinja Griega: hekk huma jidhru kemm f’ħajjithom u kemm f’mewthom bħala tassew aħwa – fraternità li tesprimi ruħha simbolikament fir-relazzjoni speċjali li għandhom is-Sedijiet ta’ Ruma u ta’ Kostantinopli, Knejjes tassew aħwa.

 

Tradizzjoni li ġiet wara, kif aċċennajna, tirrakkonta l-mewt ta’ Indrì f’Patras, fejn hu wkoll ġarrab is-sagrifiċċju tat-tislib. Imma f’dak l-ogħla mument, f’xebh ma’ ħuh Pietru, hu talab li jiġi msammar ma’ salib differenti minn dak ta’ Ġesù. Fil-każ tiegħu dan kien salib djagonali, jiġifieri żewġ twavel jaqsmu lil xulxin f’sura ta’ ‘X’, li għalhekk issejjaħ is-“salib ta’ Sant’Indrija”. Araw x’jingħad li qal l-Appostlu f’dik l-okkażjoni, skont rakkont antik (bidu tas-seklu sitta) intitolat Il-Passjoni ta’ Indrì: “Is-sliem, o Salib, imniedi mill-ġisem ta’ Kristu u li sirt żîna għal riġlejh, bħallikieku kienu ġawhar prezzjużi. Qabel ma l-Mulej tela’ fuqek, int kont tqanqal biża’ fuq l-art. Imma issa, mogħni bi mħabba smewwija, lilek nilqgħu bħala don. Kull min jemmen, jaf, dwarek, x’hena fik, x’doni għandek merfugħa. Għalhekk jien nersaq lejk fiż-żgur u mimli ferħ, biex int ukoll tilqagħni hieni bħala dixxiplu ta’ dak li miegħek kien imdendel… O Salib hieni, li lqajt il-maestà u l-ġmiel tal-ġisem tal-Mulej! … Ħudni u ġorrni ’l bogħod mill-bnedmin u roddni lill-Imgħallem tiegħi, biex permezz tiegħek jilqagħni fi ħdanu dak li bik fdieni. Is-sliem, o Salib; iva, tassew is-sliem!”. Kif nistgħu naraw, hawn spiritwalità Nisranija l-iktar profonda, li tilmaħ fis-Salib mhux tant strument ta’ tortura imma l-mezz waħdieni tat-twaħħid sħiħ mal-Feddej, mal-Ħabba tal-qamħ li waqgħet fl-art. Minn hawn jeħtieġ li aħna nitgħallmu lezzjoni importanti ħafna: is-slaleb tagħna jiksbu valur jekk inħarsu lejhom u nilqgħuhom bħala parti mis-salib ta’ Kristu, jekk jintlaħqu mid-dija tad-dawl tiegħu. Minn dak is-Salib biss it-tbatijiet tagħna wkoll jiġu mgħollija u jiksbu s-sens veru tagħhom.

 

Għalhekk, l-Appostu Indrì jgħallimna nimxu wara Ġesù fil-pront (ara Mt 4:20; Mk 1:18), nitkellmu b’ħeġġa fuqu ma’ dawk li magħhom niltaqgħu, u fuq kollox ikollna miegħu relazzjoni ta’ familjarità vera, għax nafu wisq tajjeb li fih biss nistgħu nsibu s-sens aħħari tal-ħajja tagħna u tal-mewt tagħna.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard