Laikos

 

    -    Aktar dwar l-Appostli minn Benedittu XVI

BENEDITTU XVI

UDJENZA ĠENERALI

Awla Pawlu VI

L-Erbgħa 13 ta’ Diċembru 2006

 

Timotju u Titu

 

Għeżież ħuti,

 

Wara li tkellimna fit-tul fuq l-Appostlu kbir Pawlu, ejjew illum inħarsu lejn l-eqreb żewġ kollaboraturi tiegħu: Timotju u Titu. Lilhom huma indirizzati t-tliet Ittri tradizzjonalment attribwiti lil Pawlu, tnejn minnhom lil Timotju u waħda lil Titu.

 

Timotju hu isem Grieg u jfisser “li jweġġaħ lil Alla”. Waqt li Luqa fl-Atti jsemmih sitt darbiet, Pawlu fl-ittri tiegħu jirreferi għalih sbatax-il darba (barra minn hekk, insibuh darba fl-Ittra lil-Lhud). Nifhmu li f’għajnejn Pawlu kien igawdi kunsiderazzjoni kbira, imqar jekk Luqa ma jirrakkuntalniex kulma għandu x’jaqsam miegħu. Fil-fatt, l-Appostlu inkarigah b’missjonijiet importanti u ra fih kważi alter ego, kif jirriżulta mill-eloġju kbir li jagħmillu fl-Ittra lill-Filippin: “’Il ħadd ma għandi bħalu (isópsychon) li minn qalbu jieħu ħsiebkom sewwa” (2:20).

 

Timotju twieled Listra (xi 200km fil-Majjistral ta’ Tarsu) minn omm Lhudija u missier pagan (ara Atti 16:1). Il-fatt li l-omm kienet daħlet fi żwieġ imħallat u ma għamlitx iċ-ċirkonċiżjoni lil binha jġagħalna naħsbu li Timotju kiber f’familja mhux strettament osservanti, anki jekk insibu li sa minn ċkunitu kien jaf l-Iskrittura (ara 2 Tim 3:15). Waslilna l-isem tal-omm, Ewniki, u anki dak tan-nanna, Lojd (ara 2 Tim 1:5). Meta Pawlu mar Listra għall-bidu tat-tieni vjaġġ missjunarju tiegħu, għażel lil Timotju bħala sieħeb, għax “hu kellu fama tajba mal-aħwa ta’ Listra u Ikonju” (Atti 16:2), imma għamillu ċ-ċirkonċiżjoni “minħabba l-Lhud ta’ dawk l-inħawi” (Atti 16:3). Flimkien ma’ Pawlu u Sila, Timotju qasam l-Asja Minuri sa Troas, mnejn mar il-Maċedonja. Aħna mgħarrfa wkoll li f’Filippi, fejn Pawlu u Sila kienu involuti fl-akkuża li kisru l-paċi pubblika u ġew mixħuta l-ħabs talli ħaduha kontra l-isfruttament ta’ tfajla mġagħla taqra x-xorti minn xi individwi bla skrupli (ara Atti 16:16-40), Timotju ħelisha. Meta mbagħad Pawlu kellu jmur Ateni, Timotju laħqu f’dik il-belt u minn hemm ġie mibgħut għand il-Knisja żagħżugħa ta’ Tessolonika biex jieħu ħbarha u biex iwettaqha fil-fidi (ara 1 Tess 3:1-2). Imbagħad reġa’ ngħaqad mal-Appostlu f’Korintu, fejn wassallu aħbarijiet tajba fuq it-Tessalonkin u ħadem id f’id miegħu fl-evanġelizzazzjoni ta’ dik il-belt (ara 2 Kor 1:19).

 

Lil Timotju nerġgħu nsibuh Efesu fit-tielet vjaġġ missjunarju ta’ Pawlu. Minn hemm aktarx l-Appostlu kiteb lil Filemon u lill-Filippin, u fiż-żewġ ittri Timotju jidher bħala wieħed mill-awturi (ara Film 1; Fil 1:1). Minn Efesu Pawlu jibagħtu l-Maċedonja flimkien ma’ ċertu Erastu (ara Atti 19:22) u mbagħad anki Korintu bl-inkarigu li jwasslilhom ittra, li fiha rrakkomanda lill-Korintin biex jilqgħuh kif imiss (ara 1 Kor 4:17; 16:10-11). Nerġgħu nsibuh mill-ġdid bħala awtur ma’ Pawlu tat-Tieni Ittra lill-Korintin, u meta minn Korintu Pawlu jikteb l-Ittra lir-Rumani hu jiġbor, flimkien ma’ dawk tal-oħrajn, it-tislijiet ta’ Timotju (ara Rum 16:21). Minn Korintu d-dixxiplu jerġa’ jitlaq biex imur Troas fuq ix-xatt Asjatiku tal-Baħar Eġew u hemm jistenna lill-Appostlu li kien sejjer Ġerusalemm biex jagħlaq it-tielet vjaġġ missjunarju tiegħu (ara Atti 20:4). Minn dak il-mument fuq il-bijografija ta’ Timotju l-għejun qodma ma jagħtuna xejn iżjed ħlief aċċenn fl-Ittra lil-Lhud, fejn naqraw: “Ngħarrafkom li ħuna Timotju ġie meħlus. Jekk ikun hawn fil-ħin, ikun miegħi meta narakom” (13:23). Biex nagħlqu, nistgħu ngħidu li l-figura ta’ Timotju tispikka bħala dik ta’ ragħaj ta’ importanza kbira. Skont l-Istorja ekkleżjastika ta’ Ewsebju, Timotju kien l-ewwel Isqof ta’ Efesu (ara 3:4). Xi relikwi tiegħu sa mill-1239 jinsabu l-Italja fil-Katidral ta’ Termoli fil-Molise, mnejn inġabu minn Kostantinopli.

 

Imbagħad dwar il-figura l-oħra ta’ Titu, li ismu hu ta’ oriġni Latina, nafu li twieled Grieg, jiġifieri pagan (ara Gal 2:3). Pawlu ħadu miegħu Ġerusalemm għall-hekk imsejjaħ Konċilju appostoliku, li fih ġiet aċċettata solennement il-predikazzjoni lill-pagani tal-Vanġelu ħieles mill-kundizzjonamenti tal-liġi ta’ Mosè. Fl-Ittra indirizzata lilu, l-Appostlu jfaħħru u jsejjaħlu “ibni veru fil-fidi tagħna lkoll” (Tit 1:4). Wara t-tluq ta’ Timotju minn Korintu, Pawlu bagħat lil Titu bil-missjoni li jerġa’ jwassal lil dik il-komunità fuq tagħha għall-ubbidjenza. Titu reġa’ ġab il-paċi bejn il-Knisja ta’ Korintu u l-Appostlu, li lilha kitbilha hekk: “Imma Alla, li jfarraġ lill-umli, farraġna bil-wasla ta’ Titu. Mhux biss bil-wasla ta’ dan, iżda wkoll bil-faraġ li bih tfarraġ hu stess minħabba fikom; qalilna bix-xewqa tagħkom, bil-biki tagħkom, biż-żelu tagħkom għalija… Barra minn dan il-faraġ, fraħna aktar minħabba l-ferħ ta’ Titu, għaliex ilkoll kemm intom ferraħtulu qalbu” (2 Kor 7:6-7,13). F’Korintu Titu mbagħad reġa’ ntbagħat minn Pawlu – li jsejjaħlu “sieħbi u ħaddiem miegħi għalikom” (2 Kor 8:23) – biex jorganizza l-għeluq tal-ġabriet għall-Insara ta’ Ġerusalemm (ara 2 Kor 8:6). Tagħrif ieħor jaslilna mill-Ittri Pastorali li jsejħulu Isqof ta’ Kreta (ara Tit 1:5), mnejn fuq stedina ta’ Pawlu wasal sa ħdejn l-Appostlu f’Nikopoli f’Epiru (ara Tit 3:12). Wara mar ukoll id-Dalmazja (ara 2 Tim 4:10). Ma għandniex iktar tagħrif fuq fejn mar iżjed Titu u fuq mewtu.

 

Biex nagħlqu, jekk inħarsu lejn dawn iż-żewġ figuri ta’ Timotju u ta’ Titu flimkien, nintebħu b’xi fatti sinifikattivi ħafna. L-aktar importanti hu li Pawlu nqeda b’kollaboraturi fit-twettiq tal-missjonijiet tiegħu. Hu jibqa’ bla dubju ta’ xejn l-Appostlu per eċċellenza, fundatur u ragħaj ta’ ħafna Knejjes. Joħroġ ċar ukoll li hu ma għamilx kollox waħdu, imma kien iserraħ fuq persuni ta’ fiduċja li kienu jaqsmu fit-taħbit u r-responsabbiltajiet tiegħu. Osservazzjoni oħra hi dwar id-disponibbiltà ta’ dawn il-kollaboraturi. L-għejun li jikkonċernaw lil Timotju u lil Titu jixħtu dawl tajjeb fuq il-prontezza tagħhom biex iwettqu dmirijiet varji, li spiss kienu jikkonsistu f’li jirrappreżentaw lil Pawlu anki f’okkażjonijiet xejn faċli. F’kelma waħda, huma jgħallmuna naqdu l-Vanġelu b’ġenerożità, għax nafu li dan hu servizz lill-Knisja nfisha. Nilqgħu fl-aħħar nett ir-rakkomandazzjoni li l-Appostlu Pawlu jagħmel lil Titu fl-ittra indirizzata lilu: “Din hi kelma żgura; u jiena rridek tisħaq fuq dawn il-ħwejjeġ, sabiex dawk li jemmnu f’Alla jieħdu ħsieb li jkunu minn tal-ewwel fl-opri tajba. Dan hu sabiħ u fejjiedi għall-bnedmin” (Tit 3:8). Permezz tal-impenn konkret tagħna irridu u nistgħu niskopru l-verità ta’ dawn il-kelmiet, u proprju f’dan iż-żmien tal-Avvent inkunu aħna wkoll għonja fl-opri tajba u hekk niftħu l-bibien tad-dinja għal Kristu, il-Feddej tagħna.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard