Laikos

 

    -    Aktar dwar l-Appostli minn Benedittu XVI

BENEDITTU XVI

UDJENZA ĠENERALI

 

Pjazza San Pietru

L-Erbgħa 10 ta’ Mejju 2006

 

Is-suċċessjoni appostolika

 

Għeżież ħuti,

 

Fl-aħħar żewġ udjenzi mmeditajna fuq x’inhi t-Tradizzjoni fil-Knisja u rajna li hija l-preżenza permanenti tal-kelma u tal-ħajja ta’ Ġesù fil-poplu tiegħu. Imma l-kelma, biex tkun preżenti, teħtieġ persuna, xhud. U hekk tinbet din ir-reċiproċità: minn naħa, il-kelma għandha bżonn tal-persuna, imma, mill-oħra, il-persuna, ix-xhud, hu marbut mal-kelma fdata lilu u mhux ivvintata minnu. Din ir-reċiproċità bejn kontenut – kelma ta’ Alla, ħajja tal-Mulej – u l-persuna li tkompli miexja biha ’l quddiem hija karatteristika tal-istruttura tal-Knisja, u llum nixtiequ nimmeditaw fuq dan l-aspett personali tal-Knisja.

 

Il-Mulej dan kien nedieh billi, kif rajna, bagħat lit-Tnax, li fihom kien irrappreżentat il-Poplu futur ta’ Alla. Fil-fedeltà lejn il-mandat li rċivew mingħand il-Mulej, it-Tnax għall-bidu, wara t-Tlugħ tiegħu fis-Sema, integraw in-numru tagħhom bl-għażla ta’ Mattija flok Ġuda (ara Atti 1:15-26), u hekk ftit ftit sieħbu magħhom oħrajn fil-funzjonijiet fdati f’idejhom, biex jissoktaw il-ministeru tagħhom. L-Irxoxt innifsu jsejjaħ lil Pawlu (ara Gal 1:1), imma Pawlu, imqar jekk imsejjaħ mill-Mulej biex ikun Appostlu, jikkonfronta l-Vanġelu tiegħu mal-Vanġelu tat-Tnax (ara Gal 1:18), ifittex li jgħaddi dak li hu rċieva (ara 1 Kor 11:23; 15:3-4) u fit-tqassim tal-ħidmiet missjunarji hu msieħeb mal-Appostli, flimkien ma’ oħrajn, ngħidu aħna ma’ Barnaba (ara Gal 2:9). Bħalma li tkun appostlu jiġi minn sejħa u mandat mill-Irxoxt, hekk is-sejħa u l-mandat ta’ oħrajn iktar tard iseħħu, bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu, minn minn diġà għandu l-ministeru appostoliku. Din hija t-triq li minnha jkompli jgħaddi dan il-ministeru, li mbagħad, ibda mit-tieni ġenerazzjoni, jissejjaħ ministeru episkopali, “episcopé”.

 

Forsi nagħmlu tajjeb hawn infissru fil-qosor xi jfisser isqof. Hija l-forma fi lsienna tal-kelma Griega “epíscopos”. Din il-kelma tirreferi għal xi ħadd li għandu viżjoni mill-għoli, wieħed li jara b’qalbu. Hekk San Pietru nnifsu, fl-Ewwel Ittra tiegħu, isejjaħ lill-Mulej Ġesù “ragħaj u għassies ta’ ruħkom” (2:25). U fuq dan il-mudell tal-Mulej, li huwa l-ewwel isqof, għassies u ragħaj tal-erwieħ, is-suċċessuri tal-Appostli mbagħad ġew imsejħa isqfijiet, “epíscopoi”. U lilhom ġiet fdata l-funzjoni tal-“episcopé”. Din il-funzjoni preċiża tal-isqof kellha tevolvi ftit ftit, fl-ewwel żminijiet, sa ma ħadet il-forma – li diġà nsibu xhieda ċara tagħha f’Injazju ta’ Antjokja fil-bidu tat-tieni seklu (ara Ad Magnesios, 6,1: PG 5,668) – tal-uffiċċju tripliku ta’ isqof, presbiteru u djaknu. Huwa żvilupp li seħħ taħt it-treġija tal-Ispirtu ta’ Alla, li jgħin lill-Knisja fid-dixxerniment tax-xejriet awtentiċi tas-suċċessjoni appostolika, li dejjem komplew jingħataw definizzjoni aħjar qalb kotra ta’ esperjenzi u ta’ għamliet kariżmatiċi u ministerjali, preżenti fil-komunitajiet tal-bidu.

 

Hekk, is-suċċessjoni fil-funzjoni episkopali tidher bħala kontinwità tal-ministeru appostoliku, garanzija tal-perseveranza fit-Tradizzjoni appostolika, kelma u ħajja, fdata lilna mill-Mulej. Ir-rabta bejn il-Kulleġġ tal-Isqfijiet u l-komunità tal-bidu tal-Appostli nifhmuha qabelxejn fil-linja tal-kontinwità storika. Kif rajna, mat-Tnax jissieħbu l-ewwel Mattija, imbagħad Pawlu, imbagħad Barnaba, imbagħad oħrajn, sa ma fit-tieni u t-tielet seklu jissawwar il-ministeru tal-isqof. Għalhekk il-kontinwità tesprimi ruħha f’din il-katina storika. U fil-kontinwità tas-suċċessjoni hemm il-garanzija tal-perseveranza, fil-komunità ekkleżjali, tal-Kulleġġ appostoliku miġbur minn Kristu madwaru stess. Imma din il-kontinwità, li naraw l-ewwel fil-kontinwità storika tal-ministri, irridu nifhmuha wkoll f’sens spiritwali, għax is-suċċessjoni appostolika fil-ministeru hi meqjusa bħala post ipprivileġġjat tal-azzjoni u tat-trasmissjoni tal-Ispirtu s-Santu. Eku ċar ta’ dawn il-konvinzjonijiet għandna, ngħidu aħna, f’dan it-test li ġej minn Irinew ta’ Lyons (it-tieni nofs tat-tieni seklu): “It-tradizzjoni tal-Appostli, li tidher fid-dinja kollha, tintwera f’kull Knisja lil dawk kollha li jridu jaraw il-verità, u hekk aħna nistgħu ngħoddu l-isqfijiet magħżulin mill-Appostli fil-Knejjes u s-suċċessuri tagħhom sa żmienna… (L-Appostli) fil-fatt riedu li dawk li huma ħallew bħala suċċessuri tagħhom ikunu għalkollox perfetti u ma ssibx xi tmaqdar fihom, u għaddewlhom il-missjoni tagħhom ta’ għalliema. Jekk jifhmu tajjeb, jiksbu ġid kbir; imma jekk ifallu, iġibu ħsara kbira ħafna” (Adversus hæreses, III, 3,1: PG 7,848).

 

Imbagħad Irinew, waqt li hawn jurina din ix-xibka tas-suċċessjoni appostolika bħala garanzija tal-perseveranza fil-kelma tal-Mulej, jikkonċentra fuq dik il-Knisja “l-aktar għolja u qadima u magħrufa ma’ kulħadd” li ġiet “mibnija u mwaqqfa f’Ruma mill-Appostli l-aktar glorjużi Pietru u Pawlu”, biex jisħaq fuq l-importanza tat-Tradizzjoni tal-fidi, li fi ħdanha tasal għandna mill-Appostli permezz tas-suċċessjonijiet tal-isqfijiet. B’dan il-mod, għal Irinew u għall-Knisja universali, is-suċċessjoni episkopali tal-Knisja ta’ Ruma ssir is-sinjal, il-kriterju u l-garanzija tat-trasmissjoni li ma taqta’ qatt tal-fidi appostolika: “Ma’ din il-Knisja, minħabba l-prinċipalità partikulari tagħha (propter potiorem principalitatem), għandha taqbel kull Knisja, jiġifieri l-fidili kull fejn huma mifruxa, għax fiha t-tradizzjoni tal-Appostli dejjem baqgħet miżmuma…” (Adversus hæreses, III, 3, 2: PG 7,848). Għalhekk, is-suċċessjoni appostolika – ivverifikata skont il-komunjoni ma’ dik il-Knisja ta’ Ruma – hija l-kriterju ta’ kemm il-Knejjes partikulari huma parti mit-Tradizzjoni tal-fidi appostolika komuni, li permezz ta’ dan il-kanal setgħet tasal mill-bidu sa għandna: “B’din l-ordni u b’din is-suċċessjoni waslet sa għandna t-tradizzjoni li hi fil-Knisja ibda mill-Appostli u l-predikazzjoni tal-verità. U din hija l-prova l-aktar sħiħa li waħda u l-istess hija l-fidi ħajja tal-Appostli, li ġiet miżmuma u mgħoddija fil-verità” (ib., III, 3, 3: PG 7,851).

 

Skont dawk ix-xhieda tal-Knisja antika, l-appostoliċità tal-komunjoni ekkleżjali tikkonsisti fil-fedeltà għat-tagħlim u għall-prassi tal-Appostli, li permezz tagħhom tiġi żgurata r-rabta storika u spiritwali tal-Knisja ma’ Kristu. Is-suċċessjoni appostolika tal-ministeru episkopali hija t-triq li tiggarantixxi t-trasmissjoni fidila tax-xhieda appostolika. Dak li l-Appostli jirrappreżentaw fir-relazzjoni bejn il-Mulej Ġesù u l-Knisja tal-bidu, bl-istess mod tirrappreżentah is-suċċessjoni ministerjali fir-relazzjoni bejn il-Knisja tal-bidu u l-Knisja tal-lum. Din mhijiex sempliċiment sekwenza loġika materjali; pjuttost hija l-istrument storiku li bih jinqeda l-Ispirtu biex jagħmel preżenti lill-Mulej Ġesù, Ras tal-poplu tiegħu, permezz ta’ dawk kollha li huma ordnati għall-ministeru bit-tqegħid tal-idejn u t-talba tal-isqfijiet. Permezz tas-suċċessjoni appostolika allura huwa Kristu li jilħaq lilna: fil-kelma tal-Appostli u tas-suċċessuri tagħhom huwa hu li jkellimna; permezz ta’ dirgħajhom huwa hu li jaġixxi fis-sagramenti; fil-ħarsa tagħhom hija l-ħarsa tiegħu li tħaddanna u ġġagħalna nħossuna maħbuba, milqugħa fil-qalb ta’ Alla. U llum ukoll, bħal fil-bidu, Kristu nnifsu huwa l-veru ragħaj u għassies ta’ ruħna, li aħna nimxu warajh b’fiduċja, gratitudni u ferħ kbir.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard