Laikos

 

    -    Aktar dwar l-Appostli minn Benedittu XVI

BENEDITTU XVI

UDJENZA ĠENERALI

Awla Pawlu VI

L-Erbgħa 7 ta’ Frar 2007

 

Akwila u Prixxilla

 

Għeżież ħuti,

 

Nagħmlu pass ġdid f’din l-ispeċi ta’ gallerija ta’ ritratti tal-ewwel xhieda tal-fidi Nisranija, li bdejna xi ġimgħat ilu, u llum għandna quddiemna koppja miżżewġa. Dawn huma Prixxilla u Akwila, li nsibuhom fl-orbita tal-għadd ta’ kollaboraturi li jduru madwar l-Appostlu Pawlu, li diġà kont semmejthom fil-qosor l-Erbgħa li għadda. Skont it-tagħrif li għandna, din il-koppja miżżewġa kellha rwol attiv ħafna fiż-żmien tal-oriġni ta’ wara l-Għid li għexet il-Knisja.

 

L-ismijiet Akwila u Prixxilla huma Latini, imma r-raġel u l-mara li jġorruhom huma ta’ nisel Lhudi. Imma tal-inqas Akwila ġeografikament kien ġej mid-djaspora tal-Anatolja ta’ fuq, li tagħti għal fuq il-Baħar l-Iswed – fit-Turkija tal-lum –, waqt li Prixxilla, li isimha xi drabi nsibuh imqassar Priska, aktarx kienet Lhudija minn Ruma (ara Atti 18:2). Żgur li kien minn Ruma li huma waslu Korintu, fejn Pawlu ltaqa’ magħhom fil-bidu tas-snin 50; hemm hu ngħaqad magħhom għax, kif jirrakkuntalna Luqa, kellhom l-istess mestier tax-xogħol tat-tined kbar jew żgħar għall-użu fid-djar, u huma saħansitra laqgħuh fid-dar tagħhom (ara Ati 18:3). Ir-raġuni tal-wasla tagħhom Korintu kienet id-deċiżjoni tal-Imperatur Klawdju li jkeċċi minn Ruma lil-Lhud residenti fil-belt. L-istoriku Ruman Żvetonju fuq din il-ġrajja jgħidilna li kien keċċa lil-Lhud għax “kienu qed iqajmu għagħa kbir minħabba ċertu Krestu” (ara “Ħajjiet tat-tnax-il Ċesri, Klawdju”, 25). Jidher li ma kienx jafu sewwa l-isem – flok Kristu jikteb “Krestu” – u kellu biss idea mħawda ħafna ta’ dak li kien seħħ. Hu x’inhu, kien inqala’ xi tilwim fi ħdan il-komunità Lhudija dwar jekk Ġesù kienx il-Messija. U dawn il-problemi kienu għall-Imperatur ir-raġuni biex sempliċiment ibarri lil-Lhud kollha minn Ruma. Nosservaw li l-koppja kienet ħaddnet il-fidi Nisranija diġà f’Ruma fis-snin 40, u issa kienu sabu f’Pawlu xi ħadd li mhux biss kien jaqsam magħhom din il-fidi – li Ġesù huwa l-Mibgħut ta’ Alla – imma li kien ukoll appostlu, imsejjaħ personalment minn Kristu Rxoxt. Għalhekk, l-ewwel laqgħa seħħet f’Korintu, fejn laqgħuh f’darhom u ħadmu flimkien fix-xogħol tat-tined.

 

Imbagħad iktar tard, huma marru l-Asja Minuri, f’Efesu. Hemm kellhom parti deċiżiva fit-tkomplija tal-formazzjoni Nisranija tal-Lhudi minn Lixandra Apollu, li tkellimna dwaru l-Erbgħa li għadda. Billi hu l-fidi Nisranija kien jafha biss fuq fuq, “Prixxilla u Akwila semgħuh; ħaduh magħhom u fissrulu t-Triq ta’ Alla iktar bir-reqqa” (Atti 18:26). Meta f’Efesu l-Appostlu Pawlu kiteb l-Ewwel Ittra tiegħu lill-Korintin, flimkien mat-tislijiet tiegħu jibgħat espliċitament ukoll dawk ta’ “Akwila u Priska u l-knisja li tiltaqa’ f’darhom” (16:19). U hekk insiru nafu bir-rwol importantissmu li din il-koppja kellha fi ħdan il-Knisja bikrija: jiġifieri dak li tilqa’ f’darha l-grupp ta’ Nsara lokali, meta kienu jinġemgħu biex jisimgħu l-Kelma ta’ Alla u biex jiċċelebraw l-Ewkaristija. Hija sewwasew dik l-għamla ta’ ġemgħa li bil-Grieg tissejjaħ “ekklesìa” il-kelma Latina hi “ecclesia”, dik tagħna “knisja” – li tfisser miġemgħa, assemblea, laqgħa. Fid-dar ta’ Akwila u Prixxilla, allura, tiltaqa’ l-Knisja, il-miġemgħa ta’ Kristu, li hawn tiċċelebra l-Misteri mqaddsa. U hekk nistgħu naraw sewwasew titwieled ir-realtà tal-Knisja fid-djar ta’ dawk li jemmnu. Fil-fatt, l-Insara sa xi s-seklu III ma kellhomx imkejjen tagħhom tal-kult: dawn kienu, l-ewwel, is-sinagogi Lhud, sakemm is-simbjosi tal-bidu bejn it-Testment il-Qadim u l-Ġdid inħallet u l-Knisja tal-Ġentili kellha tfittex identità għaliha, dejjem b’għeruqha mniżżla sew fit-Testment il-Qadim. Imbagħad, wara din il-“qasma”, l-Insara bdew jiltaqgħu fid-djar, li allura saru “Knisja”, U fl-aħħar, fis-seklu III, twieldu l-binijiet veri u proprji tal-kult Nisrani. Imma hawn, fl-ewwel nofs tas-seklu I u fis-seklu II, id-djar tal-Insara saru huma l-“knisja”. Kif għidt, kienu jaqraw flimkien l-Iskrittura Mqaddsa u jiċċelebraw l-Ewkaristija. Hekk seħħ, ngħidu aħna, f’Korintu, fejn Pawlu jsemmi lil ċertu “Gaju li laqa’ mhux biss lili, imma l-knisja kollha” (Rum 16:23), jew f’Laodiċija, fejn il-komunità nġabret fid-dar ta’ ċerta Ninfa (ara Kol 4:15), jew f’Kolossi, fejn il-laqgħa saret fid-dar ta’ ċertu Arkippu (ara Film 2).

 

Meta reġgħu lura Ruma, Akwila u Prixxilla komplew jiżvolġu din il-funzjoni prezzjuża ħafna anki fil-kapitali tal-Imperu. Fil-fatt Pawlu, meta kiteb lir-Rumani, bagħat din it-tislija preċiża: “Selluli għal Priska u Akwila, li ħadmu miegħi fi Kristu Ġesù, għax huma wkoll issugraw ħajjithom għalija biex isalvawni; u mhux jien biss għandi għax nirringrazzjahom iżda wkoll il-knejjes kollha tal-Ġentili; inselli wkoll għall-knisja li tiltaqa’ f’darhom” (Rum 16:3-5). X’eloġju tal-għaġeb għal dawn iż-żewġ miżżewġin insibu f’dawn il-kelmiet! U nisġu ħadd inqas mill-Appostlu Pawlu. Fihom hu jagħraf b’mod espliċitu żewġ kollaboraturi veri u importanti tal-appostolat tiegħu. Ir-riferiment għall-fatt li ssugraw ħajjithom għalih norbtuh aktarx mal-interventi favurih matul xi żmien tiegħu l-ħabs, forsi f’Efesu stess (ara Atti 19:23; 1 Kor 15:32; 2 Kor 1:8-9). U l-fatt li mal-gratitudni tiegħu Pawlu jsieħeb saħansitra dik tal-Knejjes kollha tal-Ġentili, imqar jekk din l-espressjoni forsi nqisuha pjuttost iperbolika, iħallina naħsbu fl-effett wiesa’ tal-azzjoni tagħhom u, f’kull każ, l-influwenza tagħhom b’riżq il-Vanġelu.

 

It-tradizzjoni aġjografika li ġiet wara tat importanza għalkollox partikulari lil Prixxilla, imqar jekk tibqa’ l-problema tal-identifikazzjoni tagħha ma’ Prixxilla oħra martri. Hu x’inhu, hawn Ruma għandna knisja ddedikata lil Santa Priska fuq l-Aventino u anki l-Katakombi ta’ Prixxilla fuq il-Via Salaria. B’dan il-mod tibqa’ ħajja l-memorja ta’ mara, li żgur kienet persuna attiva u ta’ valur kbir fl-istorja tal-Kristjaneżmu Ruman. Ħaġa waħda hi ċerta: flimkien mal-gratitudni ta’ dawk l-ewwel Knejjes, li dwarhom jitkellem San Pawl, għandu jkun hemm ukoll dik tagħna, għax grazzi għall-fidi u għall-impenn appostoliku ta’ fidili lajċi, ta’ familji, ta’ koppji miżżewġa bħal Prixxilla u Akwila, il-Kristjaneżmu wasal sa żmienna. Seta’ jikber mhux biss grazzi għall-Appostli li ħabbruh. Biex għeruqu jaqbdu fl-art tal-poplu, biex seta’ jiżviluppa b’mod ħaj, kien meħtieġ it-tħabrik ta’ dawn il-familji, ta’ dawn il-miżżewġin, ta’ dawn il-komunitajiet Insara, ta’ fidili lajċi li offrew l-“humus” biex il-fidi setgħet tikber. U dejjem, hekk biss tikber il-Knisja. B’mod partikulari, din il-koppja turina kemm hi importanti l-azzjoni tal-miżżewġin Insara. Meta huma mwieżna mill-fidi u minn spiritwalità b’saħħitha, isir naturali għalihom l-impenn kuraġġjuż għall-Knisja u fil-Knisja. Il-ħajja komuni tagħhom ta’ kuljum titwessa’ u b’xi mod tilħaq l-ogħla quċċata tagħha meta jagħmlu tagħhom ukoll responsabbiltà komuni b’riżq il-Ġisem mistiku ta’ Kristu, imqar jekk tkun ta’ parti ċkejkna minnu. Hekk seħħ fl-ewwel ġenerazzjoni u hekk jibqa’ jseħħ ta’ spiss.

 

Lezzjoni oħra li ma għandniex inwarrbu u li nistgħu nieħdu mill-eżempju tagħhom hija din: kull dar tista’ tinbidel fi knisja ċkejkna. Mhux biss fis-sens li fiha għandha ssaltan l-imħabba tipika Nisranija magħmula minn altruwiżmu u mill-għożża ta’ xulxin, imma iżjed u iżjed fis-sens li l-ħajja kollha tal-familja, imsejsa fuq il-fidi, hi msejħa ddur madwar is-saltna waħdanija ta’ Ġesù Kristu. Mhux ta’ b’xejn fl-Ittra lill-Efesin Pawlu jqabbel ir-relazzjoni fiż-żwieġ mal-komunjoni tal-għerusija li hemm bejn Kristu u l-Knisja (ara Efes 5:25-33). Anzi, nistgħu ngħidu li l-Appostlu indirettament qed jimmudella l-ħajja tal-Knisja kollha fuq dik tal-familja. U l-Knisja, fir-realtà, hija l-familja ta’ Alla. Għalhekk ejjew inweġġħu lil Akwila u Prixxilla bħala xempji ta’ ħajja konjugali responsabbilment impenjata għall-qadi tal-komunità Nisranija kollha. U nsibu fihom il-mudell tal-Knisja, familja ta’ Alla għaż-żminijiet kollha.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard