Laikos

 

    -    Aktar dwar l-Appostli minn Benedittu XVI

BENEDITTU XVI

UDJENZA ĠENERALI

 

Pjazza San Pietru

L-Erbgħa 5 ta’ April 2006

 

Is-servizz tal-komunjoni

 

Għeżież ħuti,

 

Fis-serje ġdida ta’ katekeżi, li bdejna ftit tal-ġimgħat ilu, nixtiequ nħarsu lejn il-bidu tal-Knisja, biex nifhmu l-pjan oriġinali ta’ Ġesù, u hekk nifhmu l-essenza tal-Knisja, li tibqa’ sħiħa tul iż-żminijiet li jinbidlu. U hekk nixtiequ nifhmu wkoll ir-raġuni ta’ dak li aħna fil-Knisja u kif għandna nħabirku biex dan ngħixuh fil-bidu ta’ millennju Nisrani ġdid.

 

Meta nħarsu lejn il-Knisja li kienet għadha titwieled, nistgħu niskopru fiha żewġ aspetti: l-ewwel aspett jinkixef b’mod qawwi minn San Irinew ta’ Lyons, martri u teologu kbir ta’ tmiem it-tieni seklu, l-ewwel wieħed li tana teoloġija xi ftit jew wisq sistematika. San Irinew jikteb hekk: “Fejn hemm il-Knisja, hemm ukoll l-Ispirtu ta’ Alla; u fejn hemm l-Ispirtu ta’ Alla, hemm ukoll il-Knisja u kull grazzja; għax l-Ispirtu hu verità” (Adversus hæreses, III, 24, 1: PG 7,966). Għalhekk teżisti rabta qawwija bejn l-Ispirtu s-Santu u l-Knisja. L-Ispirtu s-Santu jibni lill-Knisja u jagħtiha l-verità, isawwab – kif jgħid San Pawl – l-imħabba fil-qalb ta’ kull min jemmen (ara Rum 5:5). Imma mbagħad hemm it-tieni aspett. Din ir-rabta qawwija mal-Ispirtu ma tħassarx l-umanità tagħna bid-dgħufija kollha tagħha, u hekk il-komunità tad-dixxipli sa mill-bidu tagħha tara mhux biss il-ferħ tal-Ispirtu s-Santu, il-grazzja tal-verità u tal-imħabba, imma anki t-tiġrib, magħmul qabelxejn mill-kuntrasti dwar il-veritajiet tal-fidi, bit-tiċrit tal-komunjoni li joħroġ bħala konsegwenza tagħhom. Kif il-komunjoni tal-imħabba teżisti sa mill-bidu u tibqa’ sal-aħħar (ara 1 Ġw 1:1ss), hekk b’xorti ħażina sa mill-bidu tindiehes ukoll il-firda. Ma għandniex għax nistagħġbu li din teżisti llum ukoll: “Dawn ħarġu minn fostna”, tgħid l-Ewwel Ittra ta’ Ġwanni, “imma ma kinux minn tagħna; li kieku kienu minn tagħna kienu jibqgħu magħna. Għalhekk kien jeħtieġ li jkun magħruf li mhux kulħadd kien magħna” (2:19). Għalhekk dejjem hemm il-periklu, fil-ġrajjiet tad-dinja u anki fid-dgħufijiet tal-Knisja, li nitilfu l-fidi, u hekk ukoll li nitilfu l-imħabba u l-fraternità. Għaldaqstant hu dmir preċiż ta’ min jemmen fil-Knisja tal-imħabba u jrid jgħix fiha, li jagħraf ukoll dan il-periklu u jaċċetta li mhijiex possibbli mbagħad il-komunjoni ma’ min tbiegħed mit-tagħlim tas-salvazzjoni (ara 2 Ġw 9-11).

 

Li l-Knisja tal-bidu kienet taf tajjeb b’dawn it-tensjonijiet li jista’ jkun hemm fl-esperjenza tal-komunjoni turih tajjeb l-Ewwel Ittra ta’ Ġwanni: ma hemmx leħen fit-Testment il-Ġdid li jogħla b’aktar qawwa biex juri r-realtà u d-dmir tal-imħabba tal-aħwa bejn l-Insara; imma l-istess leħen jindirizza b’severità drastika lill-avversarji, li kienu membri tal-komunità u issa m’għadhomx iżjed. Il-Knisja tal-imħabba hija wkoll il-Knisja tal-verità, mifhuma qabelxejn bħala fedeltà lejn il-Vanġelu fdat minn Sidna Ġesù lil dawk li kienu tiegħu. Il-fraternità Nisranija titwieled mill-fatt li l-Ispirtu tal-verità għamilna wlied l-istess Missier: “Dawk kollha li jmexxihom l-Ispirtu ta’ Alla huma wlied Alla” (Rum 8:14). Imma l-familja ta’ wlied Alla, biex tgħix fl-għaqda u fis-sliem, għandha bżonn ta’ min iħarisha fil-verità u jmexxiha b’dixxerniment għaref u awtorevoli: dan hu dak li hu msejjaħ iwettaq il-ministeru tal-Appostli. U hawn niġu għal punt importanti. Il-Knisja hi kollha kemm hi tal-Ispirtu, imma għandha struttura, is-suċċessjoni appostolika, li għandha r-responsabbiltà li tiggarantixxi li l-Knisja tibqa’ fil-verità mogħtija minn Kristu, mnejn tiġi wkoll il-ħila li tħobb.

 

L-ewwel ġabra fil-qosor li nsibu fl-Atti tesprimi b’qawwa kbira dawn il-valuri kollha fil-ħajja tal-Knisja li kienet għadha qed titwieled: “U kienu jżommu sħiħ fit-tagħlim tal-appostli u fl-għaqda ta’ bejniethom (koinonìa), fil-qsim tal-ħobż u fit-talb” (Atti 2:42). Il-komunjoni titwieled mill-fidi mqanqla mill-predikazzjoni appostolika, hi mitmugħa mill-qsim tal-ħobż u mit-talb, u tesprimi ruħha fl-imħabba tal-aħwa u fil-qadi. Ninsabu quddiem id-deskrizzjoni tal-komunjoni tal-Knisja tal-bidu fl-għana tad-dinamiżmu intern tagħha u tal-espressjonijiet viżibbli tagħha: id-don tal-komunjoni hu mħares u mseddaq b’mod partikulari mill-ministeru appostoliku, li min-naħa tiegħu huwa don għall-komunità kollha.

 

Għalhekk l-Appostli u s-suċċessuri tagħhom huma l-ħarriesa u x-xhieda awtorevoli tad-depożitu tal-verità mgħoddi lill-Knisja, kif huma wkoll il-ministri tal-karità: żewġ aspetti li jmorru flimkien. Huma għandhom dejjem jaħsbu fuq kif dan is-servizz doppju ma jistax jinqasam, għax fir-realtà huwa wieħed: verità u karità, irrivelati u mogħtija mill-Mulej Ġesù. Dan tagħhom, f’dan is-sens, hu qabelxejn servizz ta’ mħabba: il-karità li huma għandhom jgħixu u jippromovu ma tistax tifridha mill-verità li huma jħarsu u jgħaddu lil oħrajn. Il-verità u l-imħabba huma żewġt uċuħ tal-istess don, li ġej minn Alla u li grazzi għall-ministeru appostoliku huwa mħares fil-Knisja u jasal għandna sal-preżent tagħna! Anki permezz tas-servizz tal-Appostli u tas-suċċessuri tagħhom l-imħabba ta’ Alla Trinità tilħaqna biex twasslilna l-verità li teħlisna (ara Ġw 8:32)! Dan kollu li naraw fil-Knisja li kienet għadha titwieled iħeġġiġna nitolbu għas-Suċċessuri tal-Appostli, għall-Isqfijiet kollha u għas-Suċċessuri ta’ Pietru, biex ikunu tabilħaqq ħarriesa tal-verità u tal-karità flimkien; biex ikunu, f’dan is-sens, tabilħaqq appostli ta’ Kristu, biex id-dawl tiegħu, id-dawl tal-verità u tal-karità, ma jintefa qatt fil-Knisja u fid-dinja.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard