Laikos

 

    -    Aktar dwar l-Appostli minn Benedittu XVI

BENEDITTU XVI

UDJENZA ĠENERALI

 

Pjazza San Pietru

L-Erbgħa 3 ta’ Mejju 2006

 

It-Tradizzjoni Appostolika

 

Għeżież ħuti,

 

F’dawn il-Katekeżijiet nixtiequ nifhmu xi ftit min hija l-Knisja. L-aħħar darba mmeditajna fuq it-tema tat-Tradizzjoni appostolika. Rajna li din mhix xi ġabra ta’ oġġetti, ta’ kliem, bħal kaxxa ta’ affarijiet mejta; it-Tradizzjoni hija x-xmara tal-ħajja ġdida li ġejja mill-bidu, minn Kristu sa għandna, u ddaħħalna fl-istorja ta’ Alla mal-bnedmin. Din it-tema tat-Tradizzjoni hi hekk importanti li llum ukoll nixtieq nieqaf fuqha: fil-fatt hi ta’ importanza kbira għall-ħajja tal-Knisja. Il-Konċilju Vatikan II dwar dan saħaq li t-Tradizzjoni hi appostolika qabelxejn fl-għeruq tagħha: “Alla, b’tjieba l-aktar kbira, iddispona biex dak kollu li huwa kien irrivela għas-salvazzjoni tal-ġnus kollha jibqa’ dejjem sħiħ u jitwassal minn nisel għal nisel. Għalhekk Kristu l-Mulej, li fih tintemm ir-rivelazzjoni kollha tal-kbir Alla (ara 2 Kor 1:30; 3:14-46), ordna lill-Appostli li jipprietkaw lil kulħadd l-Evanġelju bħala l-għajn ta’ kull verità li ssalva u ta’ kull regola morali” (Kostituzzjoni dommatika Dei Verbum, 7). Il-Konċilju jkompli jinnota kif dan l-impenn ġie mwettaq fedelment mill-Appostli, li “bix-xandir tal-fomm, bl-eżempju u bl-istituzzjonijiet huma għaddew kemm dak li kienu rċevew minn fomm Kristu, mill-ħajja li għaddew miegħu u minn dak li kien għamel, kemm dak li kienu tgħallmu mill-ispirazzjoni tal-Ispirtu s-Santu” (ibid.). Mal-Appostli, iżid il-Konċilju, ikkollaboraw ukoll “in-nies ta’ madwarhom li, bl-ispirazzjoni tal-istess Spirtu s-Santu, xandru bil-kitba l-aħbar tas-salvazzjoni” (ibid.).

 

Kapijiet ta’ Iżrael eskatoloġiku, huma wkoll tnax daqskemm kienu t-tribujiet tal-poplu l-magħżul, l-Appostli jkomplu l-“ġmigħ” li beda l-Mulej, u dan jagħmluh qabelxejn billi jgħaddu fedelment id-don li rċivew, l-Aħbar it-tajba tas-Saltna li waslet għand il-bnedmin f’Ġesù Kristu. L-għadd tagħhom jesprimi mhux biss il-kontinwità mal-għerq imqaddes, Iżrael tat-tnax-il tribù, imma anki d-destinazzjoni universali tal-ministeru tagħhom, ħabbara ta’ salvazzjoni sal-ibgħad trufijiet tal-art. Dan wieħed jifhmu mill-valur simboliku li għandhom in-numri fid-dinja Semitika: it-tnax jiġi mill-multiplikazzjoni tat-tlieta, numru perfett, u l-erbgħa, numru li jibgħatna fl-erba’ direzzjonijiet prinċipali, u allura fid-dinja kollha.

 

Il-komunità, imwielda mill-aħbar tal-Vanġelu, tagħraf li hi mibgħuta mill-kelma ta’ dawk li kienu minn tal-ewwel li għamlu esperjenza tal-Mulej u ġew mibgħuta minnu. Hi taf li tista’ sserraħ fuq it-treġija tat-Tnax, kif ukoll fuq dik ta’ dawk li ftit ftit huma jxierku magħhom bħala suċċessuri tal-ministeru tal-Kelma u fil-qadi tal-komunjoni. B’konsegwenza ta’ dan, il-komunità tħossha impenjata biex tgħaddi lil oħrajn l-“aħbar it-tajba” tal-preżenza tal-Mulej u tal-Misteru tal-Għid tiegħu llum, grazzi għall-ħidma tal-Ispirtu. Dan narawh ċar f’xi siltiet mill-ittri Pawlini: “Jien għallimtkom dak li tgħallimt jien” (1 Kor 15:3). U dan hu importanti. Nafu li San Pawl, oriġinarjament imsejjaħ minn Kristu b’vokazzjoni personali, huwa veru Appostlu, imma anki għalih tgħodd fundamentalment il-fedeltà għal dak li rċieva. Hu ma riedx “jivvinta” Kristjaneżmu ġdid, biex ngħidu hekk, “Pawlin”. Għalhekk jisħaq: “Jien għallimtkom dak li tgħallimt jien”. Hu għadda dak id-don tal-bidu li ġej mill-Mulej u hija l-verità li ssalva. Imbagħad, lejn tmiem ħajtu, jikteb lil Timotju: “Ħares bl-għajnuna tal-Ispirtu s-Santu li jgħammar fina t-teżor sabiħ li kien fdat f’idejk” (2 Tim 1:14). Turih b’qawwa wkoll din ix-xhieda antika tal-fidi Nisranija, miktuba minn Tertulljanu lejn is-sena 200: “(L-Appostli) l-ewwel stqarru l-fidi f’Ġesù Kristu u waqqfu Knejjes fil-Lhudija u minnufih wara, imxerrda mad-dinja, ħabbru l-istess tagħlim u l-istess fidi lill-ġnus u hekk waqqfu Knejjes f’kull belt. Minn dawn imbagħad il-Knejjes l-oħra issellfu t-tradizzjoni tal-fidi tagħhom u ż-żerriegħa tat-tagħlim, u kontinwament jisilfuhom biex jistgħu jkunu tabilħaqq Knejjes. B’dan il-mod anki huma meqjusin appostoliċi bħala nisel tal-Knejjes tal-Appostli” (De præscriptione hæreticorum, 20: PL 2,32).

 

Il-Konċlju Vatikan II jikkummenta: “Dak imbagħad li għaddew l-Appostli jiġbor fih kulma jservi għall-ħajja qaddisa tal-Poplu ta’ Alla u għat-tkattir tal-fidi. Hekk il-Knisja, fit-tagħlim, il-ħajja u l-kult tagħha, iżżomm dejjem ħaj dak kollu li hija hi u dak kollu li hija temmen u tgħaddih lill-ġenerazzjonijiet kollha” (Kostituzzjoni Dei Verbum, 8). Il-Knisja tgħaddi dak kollu li hi u li temmen, tgħaddih fil-kult, fil-ħajja, fit-tagħlim. Għalhekk it-Tradizzjoni hija l-Vanġelu ħaj, imħabbar kif inhu mill-Appostli, fuq il-pedament tal-milja tal-esperjenza unika u irripetibbli tagħhom: bil-ħidma tagħhom il-fidi tiġi mgħoddija lill-oħrajn, sa żmienna, sal-aħħar tad-dinja. Għalhekk, it-Tradizzjoni hija l-istorja tal-Ispirtu li jaħdem fl-istorja tal-Knisja permezz tal-Appostli u tas-suċċessuri tagħhom, f’kontinwità fidila mal-esperjenza tal-bidu. Hu dak li jippreċiża l-Papa San Klement ta’ Ruma lejn tmiem l-ewwel seklu: “L-Appostli”, jikteb, “xandrulna l-Vanġelu għax mibgħutin minn Sidna Ġesù Kristu, u Ġesù Kristu ġie mibgħut għandna minn Alla. Mela Kristu ġej minn Alla, l-Appostli minn Kristu: it-tnejn li huma ġejjin b’ordni mir-rieda ta’ Alla… L-Appostli tagħna saru jafu minn Sidna Ġesù Kristu li kien se jqum tilwim dwar il-funzjoni episkopali. Għalhekk, billi raw perfettament minn qabel dak li kien ġej, għażlu lil uħud u ordnawhom, biex wara mewthom irġiel oħra approvati jieħdu f’idejhom il-ħidma tagħhom” (Ad Corinthios, 42.44: PG 1,292.296).

 

Din il-katina ta’ qadi tkompli sal-lum, se tissokta sal-aħħar tad-dinja. Fil-fatt, il-mandat li ta Ġesù lill-Appostli ġie mgħoddi minnhom lis-suċċessuri tagħhom. Lil hemm mill-esperjenza tal-kuntatt personali ma’ Kristu, esperjenza unika u irripetibbli, l-Appostli għaddew lis-suċċessuri tagħhom il-mandat solenni biex imorru fid-dinja kif irċivewh mill-Imgħallem. Appostlu ġejja eżattament mit-terminu Grieg apostéllein”, li jfisser tibgħat. Il-mandat appostoliku – kif jurina t-test ta’ Mt 28:19s – jimplika ħidma pastorali (“agħmlu dixxipli mill-ġnus kollha…”), liturġika (“għammduhom…”) u profetika (“għallmuhom iħarsu dak li ordnajtilkom jien”), żgurata mill-qrubija tal-Mulej sat-temma taż-żmien (“u ara, jiena magħkom dejjem, sal-aħħar taż-żmien”). U hekk, f’dinja differenti minn tal-Appostli, aħna wkoll għandna esperjenza vera u personali tal-preżenza ta’ Kristu Rxoxt. Għalhekk, permezz tal-ministeru appostoliku huwa Kristu nnifsu li jilħaq lil min hu msejjaħ għall-fidi. Id-distanza tas-sekli hi megħluba u l-Irxoxt joffri lilu nnifsu ħaj u jaħdem għalina, fl-illum tal-Knisja u tad-dinja. Dan huwa l-ferħ kbir tagħna. Fix-xmara ħajja tat-Tradizzjoni Kristu mhuwiex imbiegħed elfejn sena, imma hu tassew preżenti fostna u jagħtina l-Verità, jagħtina d-dawl li jgħajjixna u bih insibu triqitna lejn il-futur.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard