Laikos

 

Mill-Papa Ġwanni Pawlu I ...


ĠWANNI PAWLU I

UDJENZA ĠENERALI

L-Erbgħa 27 ta’ Settembru 1978

 

4. Il-Karità (l-Imħabba)

« Alla tiegħi, inħobb b’qalbi kollha fuq kull ħaġ’oħra Lilek, tjubija nfinita u ferħ etern tagħna, u għall-imħabba tiegħek inħobb lill-proxxmu  tiegħi bħali nnifsi u naħfer l-offiżi li rċivejt. O Mulej, agħmel li nħobbok dejjem iżjed ». Din hija talba magħrufa interzjata b’sentenzi bibbliċi. Għallmithieli ommi. Nirreċitaha ħafna drabi kuljum ukoll issa u nfittex li nispjegaha, kelma b’kelma, bħal ma jagħmel katekist ta’ parroċċa. Ninsabu fit-« tielet lampa ta’ qdusija » tal-Papa Ġwanni: il-karità. Inħobb. Fl-iskola tal-filosofija il-professur kien jgħidli: Tafu il-kampnar ta’ San Mark? Iva. Dan ifisser li hu daħal b’xi mod fil-menti tiegħek: fiżikament baqà fejn kien, imma fl-intimu tiegħek huwa pprintja kważi ritratt tiegħu ntellettwali. Inti, però, tħobbu l-kampnar ta’ San Mark? Dan ifisser li dak ir-ritratt, minn ġewwa, jimbuttak u jinklinak, kważi jwasslek, iġegħlek tmur bil-qalb lejn il-kampnar li hemm barra. Insomma: li tħobb ifisser li tivvjaġġa, li tiġri bil-qalb lejn l-oġġett maħbub. L-Imitazzjoni ta’ Kristu jgħid: min iħobb « currit, volat, laetatur », jiġri, itir u jgawdi (1). Tħobb lil Alla huwa mela vjaġġ bil-qalb lejn Alla. Vjaġġ tassew sabiħ. Tfajjel, kont nitgħaxxaq bil-vjaġġi deskritti minn Ġulju Verne (« Ventimila leghe sotto i mari », « Dalla terra alla luna », « Il giro del mondo in ottanta giorni », ecc.). Imma l-vjaġġi tal-imħabba lejn Alla huma ferm iktar nteressanti. Dawn naqrawhom fil-ħajjiet tal-qaddisin. San Vinċenz ta’ Paoli, li tiegħu niċċelebraw il-festa llum, per eżempju, huwa ġgant tal-karità: ħabb lil Alla bħal ma wieħed ma jħobbx missier u omm, kien huwa nnifsu missier għall-ħabsin, il-morda, l-iltiema u l-foqra. San Pietru Claver, waqt li kkonsagra lilu nnifsu kollu kemm hu lil Alla, kien jiffirma: Pietru, ilsir tas-suwed għal dejjem. Il-vjaġġ iġib miegħu wkoll xi sagrifiċċji, imma dawn m’għandhomx iżommuna. Ġesù jinsab fuq is-salib: inti trid tbusu? Ma tistax tagħmel inqas milli tbaxxi fuq is-salib u tħalli lilek innifsek titnigges minn xi xewka tal-kuruna, li hemm fuq ir-ras tal-Mulej (2). Ma tistax taqtà l-figura tat-twajjeb San Pietru, li kien bravu biex jgħajjat « Viva Ġesù » fuq il-muntanja Tabor, fejn kien hemm il-ferħ, imma li linqas jindenja ruħu li jħalli lilu nnifsu jidher ma’ ġemb Ġesù fuq l-għolja tal-Kalvarju, fejn kien hemm ir-riskju tan-niket (3). L-imħabba lejn Alla hija wkoll vjaġġ misterjuż: jiena ma nitlaqx jiġifieri, jekk Alla ma jiħux l-ewwel inizjattiva. « Ħadd – qal Ġesù – ma jistà jiġi għandi, kemm-il darba ma jiġbdux  il-Missier » (4). Kien jistaqsi Santu Wistin: imma, allura, il-libertà umana? Alla, però, li ried u bena din il-libertà, jaf Hu kif jirrispettaha, minkejja li jwassal il-qlub għall-punt mixtieq minnu: « parum est voluntate, etiam voluptate traheris »; Alla mhux biss jattirak bl-mod li bih tixtieq inti stess, imma saħansitra b’mod li inti stess tieħu gost li tkun attirat (5). Bil-qalb kollha. Hawnhekk nisħaq fuq l-aġġettiv «kollha ». It-totalitariżmu, fil-politika huwa ħaġa kerha. Hemm miktub: « Int tħobb lill-Mulej tiegħek b’qalbek kollha, b’ruħek kollha u bil-qawwiet kollha tiegħek. Dawn il-preċetti li llum qed intik, ikunu stampati b’mod fiss fil-qalb; int ittennihom lil uliedek, titkellem dwarhom meta tkunu bilqiegħda f’darek, meta tkun miexi għal għonq it-triq, meta tirtira biex tistrieħ u meta tqum. Norbothomlok ma jdejk bħala sinjal, ikunulek bħal pendlu bejn għajnejk u tiktibhom fuq il-kolonni ta’ darek u fuq bibienek » (6). Dik il- « kollha » mtennija u sottomessa għall-prattika b’tali nsistenza hija tassew il-bandiera tal-massimaliżmu nisrani. U dan huwa ġust: huwa ferm kbir Alla, huwa jimmerita ferm mingħandna biex nistgħu nixħtulu, bħallikieku lil Lażżru fqajjar, sempliċement il-frak ta’ ħinna u ta’qalbna. Huwa hu tjubija nfinita u se jkun il-ferħ etern tagħna: il-flus, il-pjaċiri, il-fortuni ta’ din id-dinja, fil-konfront tiegħu, huma biss frak ta’ tjubija u mumenti tassew qosra ta’ tgawdija. Mhuwiex għaqli li nagħtu tant minna nfusna lil dawn il-ħwejjeġ u ftit li xejn minna nfusna lil Ġesù. Fuq kull ħaġa. Issa wieħed jiġi għal konfront dirett bejn Alla u l-bniedem, bejn Alla u d-dinja. Ma jkunx ġust li wieħed jgħid: « Jew Alla jew il-bniedem ». Hemm bżonn li jħobb lil « sija lil Alla u sija lill-bniedem »; dan tal-aħħar, però, qatt iktar minn Alla jew kontra Alla jew daqs Alla. Fi kliem ieħor: l-imħabba ta’ Alla hija prevalenti, imma mhux esklussiva. Il-Bibbja tiddikjara lil Ġakobb qaddis (7) u maħbub minn Alla (8), Turih impenjat f’sebà snin ta’ xogħol biex jirbaħ lil Rakele bħala martu; «u dehrulu ftit jiem, dawk is-snin, hekk kienet kbira mħabbtu għaliha  » (9). Franġisku ta’ Sales Jagħmel daqsxejn ta’ kumment dwar dan il-kliem: « Ġakobb – jikteb – iħobb lil Rakele b’qawwietu kollha, u b’qawwietu kollha jħobb lil Alla; imma b’daqshekk ma jħobbx lil Rakele bħal Alla linqas lil Alla bħal Rakele. Iħobb lil Alla bħala Alla tiegħu fuq il-ħwejjeġ kollha u iktar minnu nnifsu; iħobb lil Rakele bħala martu fuq in-nisa l-oħra kollha u bħalu nnifsu. Iħobb lil Alla b’imħabba assolutament u sovranament suprema, u lil Rakele b’imħabba maritali suprema; l-imħabba tal-ewwel mhix kuntrarja għall-oħra għaliex dik lejn Rakele ma tiksirx il-vantaġġi supremi tal-imħabba ta’ Alla » (10). U għall-imħabba tiegħek inħobb lill-proxxmu tiegħi. Hawn ninsabu quddiem żewġ imħabbiet li huma « aħwa tewmin »u  inseparabbli. Xi nies faċli tħobbhom; oħrajn, huwa diffiċli; ma jiġbduniex, offendewna u għamlulna ħsara; nasal li nħobbhom biss jekk inħobb lil Alla bis-serjetà, nasal l-nħobbhom, minħabba li huma wlied Alla u għaliex dan hekk jitlob minni. Ġesù iffissa wkoll kif għandi nħobb lill-proxxmu: jiġifieri mhux biss bis-sentimenti, imma  bil-fatti. Dan huwa l-mod, qal: Nistaqsikom: Kelli l-ġuħ fil-persuna tal-iżgħar fost ħuti, tajtuni niekol? Żortuni  meta kont marid? (11)

Il- Katekiżmu jittraduċi dan il-kliem u ieħor tal-Bibbja fil-lista doppja tas-sebà opri tal-ħniena korporali u s-sebgħa spiritwali. Il-lista mhix kompluta u hemm bżonn li naġġornawha. Fost l-imġewħa, per eżempju, illum, ma nitkellmux biss dwar dan jew dak l-individwu: Hemm popli sħaħ  .

Ilkoll niftakru l-kliem kbir tal-Papa Pawlu VI: « Il-popli tal-ġuħ illum jddomandaw b’mod drammatiku lill-popli tar-rikkezza. Il-Knisja taqbeż quddiem din l-għajta ta’ qsim il-qalb u ssejjaħ lil kull wieħed biex inwieġeb b’imħabba lill-ħuh propju » (12). Hawnhekk mal-karità tiżdied il-ġustizzja, għaliex – jerġa jgħid Pawlu VI - « il-propjetà privata ma tikkostitwixxix  għal kulħadd dritt inkondizzjonat u assolut. Ħadd mhu awtorizzat biex jirriserva għall-użu esklussiv tiegħu dak li jegħleb dak li jinħtieġ, meta l-oħrajn jonqoshom dak li hu meħtieġ » (13). Bħala konsegwenza « kull tellieqa bla nifs għall-armamenti ssir skandlu intollerabbli » (14).

Fid-dawl ta’ dawn l-espressjonijiet qawwija naraw kemm – individwi u popli -għadna ‘l bogħod milli nħobbu lil xulxin « bħalna nfusna », li huwa l-amar ta’ Ġesù.

Amar ieħor: naħfru l-offiżi li nirċievu. Lil din il-maħfra donnu li kważi l-Mulej jagħtiha preċedenza fuq il-kult:  « Jekk mela tippreżenta l-offerta tiegħek fuq l-altar u hemm tiftakar li ħuk għandu xi ħaġa kontra tiegħek, ħalli hemm ir-rigal tiegħek quddiem l-altar u mur l-ewwel irranġa ma ħuk u mbagħad ergà lura biex toffri r-rigal tiegħek »(15).

L-aħħar kliem tat-talba huma: Mulej agħmel li nħobbok dejjem iżjed. Ukoll hawn hemm ubbidjenza għal amar ta’ Alla, li poġġa fi qlubna l-għatx tal-progress. Mill-għerejjex, mill-għerien u mill-ewwel abitazzjonijiet sempliċi għaddejna għad-djar, għall-palazzi għall-iskajskejpers; mill-vjaġġi bil-mixi, mid-dahar tal-bagħal u tal-ġemel, għall-karrozzi, għall-ferroviji, għall-ajruplani.  U nixtiequ nipprogredixxu iktar b’mezzi dejjem iktar rapidi, sabiex nilħqu destinazzjonijiet dejjem iktar ‘il bogħod. Imma l-imħabba ta’ Alla – kif rajna -  hija wkoll vjaġġ. Alla jridu dejjem iktar qawwi u perfett. Huwa qal lil dawk kollha tiegħu:  « Intom id-dawl tad-dinja, il-melħ tal-art » (16); « kunu perfetti bħal ma hu perfett Missierkom ċelesti » (17). Dan ifisser: ħobbu lil Alla mhux ftit, imma ħafna; tiqfux fil-punt li wasaltu, imma bil-għajnuna tiegħu, komplu avanzaw fl-imħabba.

 

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Emanuel Zarb


(1) L'imitazione di Cristo, 1.III, c. V, n. 4.

(2) Cfr. S. FRANCESCO DI SALES, OEuvres, éd. Annecy, t. XXI, p. 153.

(3) Cfr. Ibid., t. XV, p. 140.

(4) Io. 6, 44.

(5) S. AUGUSTINI In Io. Evang. tract., 26, 4.

(6) Deut. 6, 5-9.

(7) Dan. 3, 35.

(8) Mal. 1, 2; Rom. 9, 13.

(9) Gen. 29, 20.

(10) S. FRANCESCO DE SALES, OEuvres, éd. Annecy, t. V, p. 175.

(11) Cfr. Matth. 25, 34 ss.

(12) Populorum Progressio, 3.

(13) Ibid. 22.

(14) Ibid. 53.

(15) Matth. 5, 23-24.

(16) Matth. 5, 8.

(17) Ibid. 5, 48.